European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1760

5.7.2024

DIRETTIVA (UE) 2024/1760 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Ġunju 2024

dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u l-Artikolu 50(2), il-punt (g), u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Kif iddikjarat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”). Jenħtieġ li dawk il-valuri ewlenin, li ispiraw il-ħolqien tal-Unjoni stess, kif ukoll l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u d-dritt internazzjonali, jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. Tali azzjoni tinkludi t-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-promozzjoni tal-valuri ewlenin Ewropej huma fost il-prijoritajiet tal-Unjoni, kif stipulati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn l-objettivi jeħtieġu l-involviment mhux biss tal-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll ta’ atturi privati, b’mod partikolari l-kumpaniji.

(3)

Fil-komunikazzjoni tagħha tal-14 ta’ Jannar 2020 dwar Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Kummissjoni impenjat ruħha li ttejjeb l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa sabiex tikseb tranżizzjoni ġusta lejn is-sostenibbiltà, filwaqt li tiżgura li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Din id-Direttiva se tikkontribwixxi wkoll għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jippromwovi d-drittijiet li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Hija tifforma parti mill-politiki u l-istrateġiji tal-Unjoni relatati mal-promozzjoni tax-xogħol deċenti madwar id-dinja, inkluż fil-ktajjen tal-valur globali, kif imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Frar 2022 dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja.

(4)

L-imġiba tal-kumpaniji fis-setturi kollha tal-ekonomija hija kruċjali għas-suċċess fir-rigward tal-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni billi l-kumpaniji tal-Unjoni, speċjalment dawk kbar, jiddependu fuq il-ktajjen tal-valur globali. Huwa wkoll fl-interess tal-kumpaniji li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, b’mod partikolari minħabba t-tħassib dejjem jikber tal-konsumaturi u tal-investituri dwar dawn is-suġġetti. Diġà jeżistu diversi inizjattivi li jrawmu intrapriżi li jappoġġaw trasformazzjoni orjentata lejn il-valuri kemm fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livell nazzjonali.

(5)

L-istandards internazzjonali eżistenti dwar imġiba responsabbli fin-negozju jispeċifikaw li l-kumpaniji jenħtieġ li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jistipulaw kif jenħtieġ li dawn jindirizzaw il-ħarsien tal-ambjent fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-valur tagħhom. Il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (il-Prinċipji Gwida tan-NU) jirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-kumpaniji li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem billi jidentifikaw, jipprevjenu u jtaffu l-impatti negattivi tal-operazzjonijiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u billi jkunu responsabbli għal kif jindirizzaw dawk l-impatti. Il-Prinċipji Gwida tan-NU jiddikjaraw li n-negozji jenħtieġ li jevitaw li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u jenħtieġ li jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem li jkunu kkawżaw, li jkunu ikkontribwew għalihom jew li jkunu marbuta magħhom fl-operazzjonijiet tagħhom stess, f’dawk tas-sussidjarji tagħhom u permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti tagħhom.

(6)

Il-kunċett ta’ diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem ġie speċifikat u żviluppat aktar fil-Linji Gwida għall-Intrapriżi Multinazzjonali (Linji Gwida għall-MNE) tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) li estendew l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta għal suġġetti ambjentali u ta’ governanza. Il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju (Gwida għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju) u l-gwida settorjali huma oqfsa rikonoxxuti internazzjonalment li jistipulaw passi prattiċi ta’ diliġenza dovuta sabiex jgħinu lill-kumpaniji jidentifikaw, jipprevjenu u jimmitigaw l-impatti reali u potenzjali fl-operazzjonijiet, fil-ktajjen tal-provvista u fir-relazzjonijiet kummerċjali l-oħra tagħhom u jkunu responsabbli għall-mod kif jindirizzaw tali impatti. Il-kunċett ta’ diliġenza dovuta huwa inkorporat ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Tripartitika dwar il-Prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali.

(7)

In-negozji kollha għandhom ir-responsabbiltà li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, li huma universali, indiviżibbli, interdipendenti u interrelatati.

(8)

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, adottati mill-Istati Membri kollha tan-NU fl-2015, jinkludu l-objettivi għall-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli. L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li twettaq l-għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Is-settur privat jikkontribwixxi għal dawk l-għanijiet.

(9)

Il-ktajjen tal-valur globali, u b’mod partikolari l-ktajjen tal-valur kritiċi tal-materja prima, huma affettwati minn effetti detrimentali ta’ perikli naturali jew magħmula mill-bniedem. Il-frekwenza u l-impatt tax-xokkijiet li jinvolvu riskji għal ktajjen tal-valur kritiċi x’aktarx li jiżdiedu fil-futur. Is-settur privat jista’ jkollu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli, filwaqt li jevita l-ħolqien ta’ żbilanċi fis-suq intern. Dan jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-kumpaniji fir-rigward ta’ xenarji negattivi relatati mal-ktajjen tal-valur tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-esternalitajiet kif ukoll ir-riskji soċjali, ambjentali u ta’ governanza.

(10)

Il-ftehimiet internazzjonali skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, li l-Unjoni u l-Istati Membri huma partijiet għalihom, bħall-Ftehim ta’ Pariġi skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 (il-“Ftehim ta’ Pariġi”) (3) u l-Patt Klimatiku ta’ Glasgow reċenti, jistipulaw perkorsi preċiżi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u t-tisħin globali jinżamm għal 1,5 C grad jew anqas. Minbarra li huma mistennija azzjonijiet speċifiċi mill-Partijiet firmatarji kollha, ir-rwol tas-settur privat, b’mod partikolari l-istrateġiji ta’ investiment tiegħu, huwa meqjus ċentrali wkoll biex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(11)

Bis-saħħa tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Unjoni impenjat ruħha ukoll legalment li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u li tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-anqas 55 % sal-2030. Dawn iż-żewġ impenji jeħtieġu bidla fil-mod li bih il-kumpaniji jipproduċu u jakkwistaw. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna” (Pjan dwar il-Mira Klimatika għall-2030) jimmudella diversi gradi ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet meħtieġa minn setturi ekonomiċi differenti, għalkemm kollha jeħtieġ li jaraw tnaqqis konsiderevoli fix-xenarji kollha biex l-Unjoni tilħaq l-objettivi klimatiċi tagħha. Dak il-pjan jissottolinja wkoll li “bidliet fir-regoli u l-prattiki tal-governanza korporattiva, inkluż dwar il-finanzi sostenibbli, se jwasslu biex is-sidien tal-kumpaniji u l-maniġers jagħtu prijorità lill-objettivi tas-sostenibbiltà fl-azzjonijiet u fl-istrateġiji tagħhom”. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tistipula li jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-Unjoni jingħaqdu biex jgħinu lill-Unjoni tikseb tranżizzjoni ġusta u ta’ suċċess lejn futur sostenibbli. Hija tistipula wkoll li jenħtieġ li s-sostenibbiltà tiġi inkorporata aktar fil-qafas ta’ governanza korporattiva. Il-qafas għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u l-klima, stipulat fid-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għandu l-għan li jaċċelera t-tranżizzjoni ekoloġika għal ekonomija ċirkolari newtrali għall-klima, sostenibbli, mhux tossika, effiċjenti fir-riżorsi, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli, reżiljenti u kompetittiva b’mod ġust, ekwu u inklużiv, u li jipproteġi, jirrestawra u jtejjeb l-istat tal-ambjent billi, fost oħrajn, iwaqqaf u jreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità.

(12)

Skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2021 dwar It-tfassil ta’ Ewropa reżiljenti għall-klima li tippreżenta l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Adattament għat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li deċiżjonijiet ġodda ta’ investiment u politika jkunu infurmati dwar il-klima u validi għall-futur, inkluż għal negozji akbar li jiġġestixxu l-ktajjen tal-valur. Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun konsistenti ma’ dik l-istrateġija. Bl-istess mod, jenħtieġ li jkun hemm konsistenza mad-Direttiva (UE) 2024/1619 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),li tistipula rekwiżiti ċari għar-regoli ta’ governanza tal-banek inkluż l-għarfien dwar ir-riskji ambjentali, soċjali u dawk ta’ governanza fil-livell tal-bord tad-diretturi.

(13)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2020 dwar Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (Strateġija għall-Bijodiversità), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 2020 dwar Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (Strateġija mill-Għalqa sal-Platt) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità (Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Mejju 2021 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Mejju 2021 dwar l-Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa, l-approċċ tal-Kummissjoni msemmi bħala l-Industrija 5.0, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 2021 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2021 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali: Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva jelenkaw inizjattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli fost l-elementi tagħhom. Jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta skont din id-Direttiva jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija li jinħoloq ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi u jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri tan-nies, tal-annimali u tal-ekosistemi minn riskji relatati mal-ambjent u impatti negattivi.

(14)

Din id-Direttiva hija konsistenti mal-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024. Dak il-pjan ta’ azzjoni jiddefinixxi bħala prijorità t-tisħiħ tal-impenn tal-Unjoni li tippromwovi b’mod attiv l-implimentazzjoni globali tal-Prinċipji Gwida tan-NU u linji gwida internazzjonali rilevanti oħra bħal-Linji Gwida għall-MNE, inkluż billi tavvanza l-istandards rilevanti ta’ diliġenza dovuta.

(15)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar diliġenza dovuta korporattiva u obbligu ta’ rendikont korporattiv, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli fil-livell tal-Unjoni għal obbligi komprensivi ta’ diliġenza dovuta korporattiva, b’konsegwenzi li jinkludu r-responsabbiltà ċivili għal dawk il-kumpaniji li jikkawżaw, jew jikkawżaw b’mod konġunt, ħsara billi jonqsu milli jwettqu diliġenza dovuta. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Diċembru 2020 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u x-Xogħol Deċenti fil-Ktajjen tal-Provvista Globali stiednu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas legali tal-Unjoni dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, inkluż obbligi ta’ diliġenza dovuta korporattiva transsettorjali tul il-ktajjen tal-provvista globali. Il-Parlament Ewropew jitlob ukoll li jiġu ċċarati d-dmirijiet tad-diretturi fir-rapport fuq inizjattiva proprja tiegħu adottat fit-2 ta’ Diċembru 2020 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom dwar il-Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2022 tal-21 ta’ Diċembru 2021, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jwettqu ekonomija għas-servizz tan-nies, u li jtejbu l-qafas regolatorju dwar il-governanza korporattiva sostenibbli.

(16)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-kumpaniji attivi fis-suq intern jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tal-ekonomiji u s-soċjetajiet permezz tal-identifikazzjoni, u fejn meħtieġ, il-prijoritizzazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni, il-waqfien, il-minimizzazzjoni u r-rimedju tal-impatti negattivi reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali marbuta mal-operazzjonijiet proprji tal-kumpaniji, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji, filwaqt li jiġi żgurat li dawk milquta minn nuqqas ta’ rispett ta’ dan id-dmir ikollhom aċċess għall-ġustizzja u rimedji legali. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-Istati Membri li jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jħarsu l-ambjent skont id-dritt internazzjonali.

(17)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali, il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima skont atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni ieħor li jkollu l-istess objettivi u li jipprevedi obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv tal-Unjoni l-ieħor jipprevalu f’dak li jirrigwarda l-kunflitt u jenħtieġ li japplikaw għal dawk l-obbligi speċifiċi. Eżempji ta’ tali obbligi fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni jinkludu obbligi stipulati fir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jew ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(18)

Din id-Direttiva ma tapplikax għal istituzzjonijiet tal-pensjonijiet li joperaw sistemi tas-sigurtà soċjali skont id-dritt tal-Unjoni. Fejn Stat Membru jkun għażel li ma japplikax id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) fl-intier tagħha jew parti minnha għal xi istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva, din id-Direttiva ma tapplikax għal dawk l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali.

(19)

Jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu passi xierqa biex jistabbilixxu u jwettqu miżuri ta’ diliġenza dovuta, fir-rigward tal-operazzjonijiet proprji tagħhom, dawk tas-sussidjarji tagħhom, kif ukoll dawk tas-sħab kummerċjali diretti u indiretti tagħhom tul il-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom f’konformità ma’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-kumpaniji jiggarantixxu, fiċ-ċirkostanzi kollha, li l-impatti negattivi qatt ma jseħħu jew li se jitwaqqfu. Pereżempju, fir-rigward tas-sħab kummerċjali, fejn l-impatt negattiv jirriżulta minn intervent tal-Istat, il-kumpanija tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tasal għal tali riżultati. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi ewlenin f’din id-Direttiva jkunu obbligazzjoni tal-mezzi. Jenħtieġ li l-kumpanija tieħu miżuri xierqa li jkunu kapaċi jiksbu l-objettivi ta’ diliġenza dovuta billi jindirizzaw b’mod effettiv l-impatti negattivi, b’mod proporzjonat għall-grad ta’ severità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv. Jenħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku, in-natura u l-firxa tal-impatt negattiv u l-fatturi ta’ riskju rilevanti, inkluż, fil-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni ta’ impatti negattivi, l-ispeċifiċitajiet tal-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanija u l-katina ta’ attivitajiet tagħha, is-settur jew iż-żona ġeografika li fiha joperaw is-sħab kummerċjali tagħha, is-setgħa tal-kumpanija li tinfluwenza s-sħab kummerċjali diretti u indiretti tagħha, u jekk il-kumpanija tistax iżżid is-setgħa ta’ influwenza tagħha.

(20)

Il-proċess ta’ diliġenza dovuta stipulat f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkopri s-sitt passi definiti mill-Gwida għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, li jinkludu miżuri ta’ diliġenza dovuta għall-kumpaniji sabiex jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent. Dak il-proċess jinkludi l-passi li ġejjin: (1) l-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni; (2) l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; (3) il-prevenzjoni, il-waqfien jew il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali; (4) il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri; (5) il-komunikazzjoni u (6) il-provvista ta’ rimedju.

(21)

Sabiex id-diliġenza dovuta ssir aktar effettiva u jitnaqqas il-piż fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li dawn ikunu intitolati li jikkondividu r-riżorsi u l-informazzjoni fi ħdan il-gruppi ta’ kumpaniji rispettivi tagħhom u ma’ entitajiet legali oħra. Jenħtieġ li l-kumpaniji omm li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jitħallew jissodisfaw xi wħud mill-obbligi ta’ diliġenza dovuta anke f’isem is-sussidjarji tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jekk dak jiżgura konformità effettiva. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-fatt li s-sussidjarji huma soġġetti għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtorità superviżorja u għar-responsabbiltà ċivili tagħhom skont din id-Direttiva. Meta l-kumpanija omm tissodisfa l-obbligi fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’isem sussidjarja, jenħtieġ li s-sussidjarja tikkonforma ma’ dawk l-obbligi skont il-pjan ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-kumpanija omm adattat kif xieraq għall-mudell u l-istrateġija tan-negozju tagħha. Jekk is-sussidjarja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, peress li s-sussidjarja mhijiex obbligata twettaq id-diliġenza dovuta, jenħtieġ li l-kumpanija omm tkopri l-operazzjonijiet tas-sussidjarja bħala parti mill-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħha. Jekk is-sussidjarji jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, iżda l-kumpanija omm ma taqax taħtu, jenħtieġ li xorta waħda jitħallew jikkondividu r-riżorsi u l-informazzjoni fi ħdan il-grupp ta’ kumpaniji. Madankollu, jenħtieġ li s-sussidjarji jkunu responsabbli biex jissodisfaw l-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva.

(22)

Jenħtieġ li l-issodisfar ta’ xi wħud mill-obbligi ta’ diliġenza dovuta fil-livell ta’ grupp ikun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tas-sussidjarji skont din id-Direttiva fir-rigward tal-vittmi tad-dannu. Jekk il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà ċivili jiġu ssodisfati, is-sussidjarja tista’ tinżamm responsabbli għad-dannu li jkun seħħ, irrispettivament minn jekk l-obbligi ta’ diliġenza dovuta jkunux twettqu mis-sussidjarja jew mill-kumpanija omm f’isem is-sussidjarja.

(23)

Jenħtieġ li s-sħab kummerċjali ma jkunux obbligati jiddivulgaw lil kumpanija li tkun qed tikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva informazzjoni li tkun sigriet kummerċjali kif definit fid-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), mingħajr preġudizzju għad-divulgazzjoni tal-identità ta’ sħab kummerċjali diretti u indiretti, jew informazzjoni essenzjali meħtieġa biex jiġu identifikati l-impatti negattivi reali jew potenzjali, fejn meħtieġ u b’mod debitament ġustifikat għall-konformità tal-kumpanija mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta. Jenħtieġ li dan ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li s-sħab kummerċjali jipproteġu s-sigrieti kummerċjali tagħhom permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/943. Jenħtieġ li s-sħab kummerċjali ma jkunu qatt obbligati jiddivulgaw informazzjoni klassifikata jew informazzjoni oħra li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tikkawża riskju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ stat.

(24)

Jistgħu jseħħu impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-ambjent fl-operazzjonijiet proprji tal-kumpaniji u fl-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, b’mod partikolari fil-livell tal-akkwist tal-materja prima u tal-manifattura. Sabiex id-diliġenza dovuta jkollha impatt sinifikanti, jenħtieġ li tkopri l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-ambjent iġġenerati matul il-biċċa l-kbira taċ-ċiklu tal-ħajja tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni, it-trasport u l-ħżin ta’ prodott jew tal-forniment ta’ servizzi, fil-livell tal-operazzjonijiet proprji tal-kumpaniji, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom.

(25)

Jenħtieġ li l-katina ta’ attivitajiet tkopri attivitajiet tas-sħab kummerċjali upstream ta’ kumpanija relatati mal-produzzjoni ta’ oġġetti jew il-forniment ta’ servizzi mill-kumpanija, inkluż id-disinn, l-estrazzjoni, l-akkwist, il-manifattura, it-trasport, il-ħżin u l-provvista ta’ materja prima, prodotti jew partijiet tal-prodotti u l-iżvilupp tal-prodott jew tas-servizz, u l-attivitajiet tas-sħab kummerċjali downstream ta’ kumpanija relatati mad-distribuzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-prodott, fejn is-sħab kummerċjali jwettqu dawk l-attivitajiet għall-kumpanija jew f’isem il-kumpanija. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tkoprix ir-rimi tal-prodott. Barra minn hekk, skont din id-Direttiva jenħtieġ li l-katina ta’ attivitajiet ma tinkludix id-distribuzzjoni, it-trasport, il-ħżin u r-rimi ta’ prodott li huwa soġġett għall-kontroll tal-esportazzjoni minn Stat Membru, jiġifieri l-kontroll tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jew il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra skont kontrolli nazzjonali tal-esportazzjoni, wara li l-esportazzjoni tal-prodott tkun awtorizzata. Din id-Direttiva hija kkomplementata minn atti leġiżlattivi oħrajn li jindirizzaw ukoll l-impatti negattivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-ħarsien tal-ambjent. B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) 2021/821 jistabbilixxi reġim għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju, li jkopri fost l-oħrajn software u teknoloġiji li jistgħu jintużaw għal finijiet ta’ ċibersorveljanza Taħt dan ir-reġim, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw b’mod partikolari r-riskju li tali oġġetti jintużaw b’rabta mar-repressjoni interna jew it-twettiq ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jipprojbixxi jew jirregola, skont il-każ, l-esportazzjoni ta’ oġġetti bħal sustanzi kimiċi li jintużaw jew li jistgħu jintużaw għall-fini tal-piena kapitali jew għall-fini ta’ tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Apparti dan, diversi inizjattivi leġiżlattivi oħra għandhom l-għan li jimmitigaw l-impatti ambjentali tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom, inkluż billi jistabbilixxu rekwiżiti tal-ekodisinn ibbażati fuq l-aspetti tas-sostenibbiltà u taċ-ċirkolarità tal-prodotti. Jenħtieġ li l-konformità ma’ din id-Direttiva tiffaċilita l-konformità mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi ta’ dawn l-atti leġiżlattivi l-oħra, u mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet applikabbli implimentati taħtha. Jenħtieġ li l-esportaturi jqisu r-riżultati tas-sejbiet tad-diliġenza dovuta tagħhom skont din id-Direttiva fil-konformità tagħhom ma’ dawk l-atti leġiżlattivi l-oħra. It-terminu “katina ta’ attivitajiet” kif definit f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għat-termini “katina tal-valur” jew “katina ta’ provvista” kif definiti f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni jew fis-sens ta’ tali leġiżlazzjoni.

(26)

Jenħtieġ li d-definizzjoni tat-terminu “katina ta’ attivitajiet” ma tinkludix l-attivitajiet tas-sħab kummerċjali downstream ta’ kumpanija relatati mas-servizzi tal-kumpanija. Għal impriżi finanzjarji regolati, jenħtieġ li d-definizzjoni tat-terminu “katina ta’ attivitajiet” ma tinkludix sħab kummerċjali downstream li jirċievu s-servizzi u l-prodotti tagħhom. Għalhekk, fir-rigward tal-impriżi finanzjarji regolati, jenħtieġ li l-parti upstream biss, u mhux dik downstream, tal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom tkun koperta minn din id-Direttiva.

(27)

Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kumpaniji ffurmati f’konformità mad-dritt ta’ Stat Membru jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta meta jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, inkluż il-fatturat u, f’ċerti każijiet, il-limiti ta’ impjegati. Filwaqt li dawk il-kundizzjonijiet huma espressi fir-rigward ta’ snin finanzjarji uniċi, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss jekk il-kumpanija tkun issodisfathom għal kull waħda mill-aħħar sentejn finanzjarji konsekuttivi u jenħtieġ li ma tibqax tapplika meta ma jibqgħux jiġu ssodisfati għal kull waħda mill-aħħar sentejn finanzjarji rilevanti. Dan huwa minnu wkoll għall-kumpaniji ffurmati f’konformità mad-dritt ta’ pajjiż terz li jenħtieġ li jissodisfaw il-kriterju rilevanti tal-fatturat tal-Unjoni għal kull waħda mill-aħħar sentejn finanzjarji. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, u filwaqt li titqies l-applikazzjoni gradwali ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kriterji tal-kamp ta’ applikazzjoni jiġu ssodisfati għal sentejn finanzjarji konsekuttivi kemm minn kumpaniji tal-Unjoni kif ukoll minn dawk ta’ pajjiżi terzi qabel id-dati ta’ applikazzjoni rilevanti stabbiliti skont ir-regoli dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva. Fir-rigward tal-limiti ta’ impjegati, jenħtieġ li l-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenziji, u l-ħaddiema stazzjonati skont l-Artikolu 1(3), il-punt (c), tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jiġu inklużi fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati fil-kumpanija utenti. Il-ħaddiema stazzjonati skont l-Artikolu 1(3), il-punti (a) u (b), tad-Direttiva 96/71/KE jenħtieġ li jiġu inklużi biss fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati tal-kumpanija mittenti. Jenħtieġ li ħaddiema oħra f’forom ta’ impjieg mhux standard jiġu inklużi wkoll fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati sakemm jissodisfaw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Jenħtieġ li l-ħaddiema staġjonali jiġu inklużi fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati proporzjonalment għall-għadd ta’ xhur li huma impjegati għalihom. Jenħtieġ li l-kalkolu tal-livelli limitu previsti f’din id-Direttiva jinkludi l-għadd ta’ impjegati u l-fatturat tal-fergħat ta’ kumpanija, li huma postijiet tan-negozju, għajr l-uffiċċju prinċipali li huma legalment dipendenti fuqu, u għalhekk meqjusa bħala parti mill-kumpanija, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali. Jenħtieġ li dan japplika wkoll għall-grupp ta’ kumpaniji f’każ li l-livelli limitu jiġu kkalkulati fuq bażi konsolidata. Fejn ma jkunx speċifikat mod ieħor, jenħtieġ li l-livelli limitu li jridu jiġu ssodisfati sabiex kumpanija tkun koperta minn din id-Direttiva jinftiehmu bħala livelli limitu kkalkulati fuq bażi individwali.

(28)

Il-kumpaniji stabbiliti fl-Unjoni b’medja ta’ aktar minn 1 000 impjegat u fatturat nett dinji li jaqbeż il-EUR 450 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva. Il-kumpaniji li jkunu daħlu fi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzjar fl-Unjoni bi skambju għal royalties ma’ kumpaniji terzi indipendenti, fejn dawk il-ftehimiet jiżguraw identità komuni, kunċett ta’ negozju komuni u l-applikazzjoni ta’ metodi kummerċjali uniformi, u fejn dawk ir-royalties jammontaw għal aktar minn EUR 22 500 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, u dment li l-kumpanija kellha fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 80 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, jenħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jikkonformaw mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva. L-istess japplika għall-kumpaniji omm apikali ta’ gruppi ta’ kumpaniji li flimkien jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet. Fir-rigward ta’ tali kumpaniji omm apikali, jenħtieġ li l-obbligi ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati mill-kumpanija omm apikali jew, f’każ li din tal-aħħar ikollha bħala l-attività ewlenija tagħha ż-żamma ta’ ishma f’sussidjarji operazzjonali u ma tinvolvix ruħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali, operazzjonali jew finanzjarji li jaffettwaw il-grupp jew waħda jew aktar mis-sussidjarji tagħha, jenħtieġ li minflok minn dik il-kumpanija omm apikali l-obbligi jiġu ssodisfati minn sussidjarja operazzjonali waħda stabbilita fl-Unjoni, skont il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Direttiva.

(29)

Sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi ta’ din id-Direttiva li jindirizzaw impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji u tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji, jenħtieġ li jiġu koperti wkoll kumpaniji ta’ pajjiżi terzi b’operazzjonijiet sinifikanti fl-Unjoni. B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġġeneraw fatturat nett ta’ mill-inqas EUR 450 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja. Jenħtieġ li l-kumpaniji li jkunu daħlu fi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzjar fl-Unjoni bi skambju għal royalties ma’ kumpaniji terzi indipendenti, fejn dawk il-ftehimiet jiżguraw identità komuni, kunċett ta’ negozju komuni u l-applikazzjoni ta’ metodi kummerċjali uniformi, u fejn dawn ir-royalties jammontaw għal aktar minn EUR 22 500 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja, u dment li l-kumpanija kellha fatturat nett ta’ aktar minn EUR 80 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja jkunu meħtieġa jissodisfaw ukoll l-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva. L-istess japplika għall-kumpaniji omm apikali ta’ gruppi ta’ kumpaniji li flimkien jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet. Fir-rigward ta’ tali kumpaniji omm apikali, jenħtieġ li l-obbligi ta’ din id-Direttiva jiġu ssodisfati mill-kumpanija omm apikali jew, f’każ li din tal-aħħar ikollha bħala l-attività ewlenija tagħha ż-żamma ta’ ishma f’sussidjarji operazzjonali u ma tinvolvix ruħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali, operazzjonali jew finanzjarji li jaffettwaw il-grupp jew waħda jew aktar mis-sussidjarji tagħha, jenħtieġ li minflok mill-kumpanija omm apikali l-obbligi jiġu ssodisfati minn sussidjarja operazzjonali waħda stabbilita fl-Unjoni, skont il-kundizzjonijiet previsti f’din id-Direttiva.

(30)

Għall-fini tad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li jintgħażel il-kriterju tal-fatturat deskritt peress li joħloq konnessjoni territorjali bejn il-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi u t-territorju tal-Unjoni. Il-fatturat huwa indikatur tal-effetti li l-attivitajiet ta’ dawk il-kumpaniji jista’ jkollhom fuq is-suq intern. F’konformità mad-dritt internazzjonali, tali effetti jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi. Sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-fatturat rilevanti tal-kumpaniji kkonċernati, jenħtieġ li jintużaw il-metodi għall-kalkolu tal-fatturat nett għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi kif stabbiliti fid-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma jiġix applikat livell limitu għall-impjegati sabiex jiġi ddeterminat liema kumpaniji ta’ pajjiżi terzi jaqgħu taħt din id-Direttiva, peress li l-kunċett ta’ “impjegati” adottat għall-finijiet ta’ din id-Direttiva huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni u ma setax jiġi traspost faċilment barra mill-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ metodoloġija ċara u konsistenti, inkluż fl-oqfsa kontabilistiċi, sabiex jiġu ddeterminati l-impjegati ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, tali limitu tal-impjegati għalhekk joħloq inċertezza legali u jkun diffiċli li jiġi applikat għall-awtoritajiet superviżorji. Jenħtieġ li d-definizzjoni tat-terminu “fatturat” tkun ibbażata fuq id-Direttiva 2013/34/UE li diġà stabbiliet il-metodi għall-kalkolu tal-fatturat nett għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, peress li d-definizzjonijiet tal-fatturat u tad-dħul huma simili fl-oqfsa internazzjonali tal-kontabbiltà. Bil-għan li jiġi żgurat li l-awtorità superviżorja tkun taf liema kumpaniji ta’ pajjiżi terzi jiġġeneraw il-fatturat fl-Unjoni meħtieġ sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li din id-Direttiva tirrikjedi li r-rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija ta’ pajjiż terz jew il-kumpanija nnifisha jinformaw lil awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija ta’ pajjiż terz ikun domiċiljat jew stabbilit u, fejn ikun differenti, awtorità superviżorja fl-Istat Membru li fih il-kumpanija ġġenerat il-biċċa l-kbira mill-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja li l-kumpanija hija kumpanija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jekk ikun meħtieġ biex jiġi determinat f’liema Stat Membru l-kumpanija ta’ pajjiż terz iġġenerat il-biċċa l-kbira tal-fatturat nett tagħha fl-Unjoni, l-Istat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru dwar il-fatturat nett tal-kumpanija ta’ pajjiż terz iġġenerat fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi sistema biex tiżgura tali skambju ta’ informazzjoni.

(31)

Huwa essenzjali li jiġi stabbilit qafas tal-Unjoni għal approċċ responsabbli u sostenibbli għall-ktajjen tal-valur globali, minħabba l-importanza tal-kumpaniji bħala pilastru fil-bini ta’ soċjetà u ekonomija sostenibbli. Il-ħolqien ta’ liġi vinkolanti f’diversi Stati Membri wassal għall-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiġi pprovduta ċertezza legali għan-negozji li joperaw fis-suq intern. Madankollu, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jintroduċu dispożizzjonijiet aktar stretti tad-dritt nazzjonali li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli għajr l-Artikolu 8(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11(1), inkluż fejn tali dispożizzjonijiet jistgħu indirettament jgħollu l-livell ta’ protezzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11(1), bħad-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, dwar id-definizzjonijiet, dwar il-miżuri xierqa għar-rimedju tal-impatti negattivi reali, dwar it-twettiq ta’ komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati u dwar ir-responsabbiltà ċivili; jew mill-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li huma aktar speċifiċi f’termini tal-objettiv tagħhom jew tal-qasam kopert, bħal dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jirregolaw impatti negattivi speċifiċi jew setturi speċifiċi ta’ attività, sabiex jinkiseb livell differenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-impjiegi u soċjali, tal-ambjent jew tal-klima.

(32)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tkopri b’mod komprensiv id-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-ħames prinċipji fundamentali u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol kif definiti fid-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fuq ix-xogħol tal-1998. Sabiex jinkiseb kontribut sinifikattiv għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, jenħtieġ li titwettaq id-diliġenza dovuta skont din id-Direttiva fir-rigward tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li jirriżultaw mill-abbuż ta’ wieħed mid-drittijiet minquxa fl-istrumenti internazzjonali kif elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 1, tal-Anness ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li t-terminu “abbuż” jiġi interpretat f’konformità mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. Sabiex tiġi żgurata kopertura komprensiva tad-drittijiet tal-bniedem, jenħtieġ li abbuż ta’ dritt tal-bniedem li mhuwiex elenkat speċifikament fil-Parti I, it-Taqsima 1, tal-Anness ta’ din id-Direttiva li jista’ jiġi abbużat minn kumpanija jew entità ġuridika, u li jfixkel direttament interess legali protett fl-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva jifforma wkoll parti mill-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem koperti minn din id-Direttiva, dment li l-kumpanija kkonċernata tkun setgħet prevediet b’mod raġonevoli r-riskju ta’ tali abbuż ta’ dritt tal-bniedem, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ speċifiku, inkluż in-natura u l-firxa tal-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanija u l-katina ta’ attivitajiet, is-settur ekonomiku u l-kuntest ġeografiku u operazzjonali tagħha. Jenħtieġ li d-diliġenza dovuta tkompli tinkludi l-impatti ambjentali negattivi li jirriżultaw mill-ksur ta’ waħda mill-projbizzjonijiet u l-obbligi elenkati fil-Parti II tal-Anness ta’ din id-Direttiva, kif ukoll l-impatti negattivi li jirriżultaw mill-ksur ta’ waħda mill-projbizzjonijiet elenkati fil-Parti I, il-punti 15 u 16, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti elenkati fl-Anness. Jenħtieġ li dawk il-projbizzjonijiet u l-obbligi jiġu interpretati u applikati f’konformità mad-dritt internazzjonali u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi ambjentali tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 191 tat-TFUE. Dawk il-projbizzjonijiet jinkludu l-projbizzjoni li tiġi kkawżata kwalunkwe degradazzjoni ambjentali li tista’ titkejjel, bħal tibdil dannuż tal-ħamrija, tniġġis tal-ilma jew tal-arja, emissjonijiet dannużi, konsum eċċessiv tal-ilma, degradazzjoni tal-art, jew kwalunkwe impatt ieħor fuq ir-riżorsi naturali, bħad-deforestazzjoni, li tfixkel b’mod sostanzjali l-bażijiet naturali għall-preservazzjoni u l-produzzjoni tal-ikel, jew li tiċħad lil persuna l-aċċess għal ilma tax-xorb sikur u nadif, jew li tagħmilha diffiċli għal persuna biex taċċessa faċilitajiet sanitarji jew teqridhom, jew li tagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza, lill-użu normali tal-art jew lill-beni akkwistati legalment ta’ persuna, jew li taffettwa b’mod sostanzjalment negattiv is-servizzi tal-ekosistema li permezz tagħhom ekosistema tikkontribwixxi direttament jew indirettament għall-benesseri tal-bniedem. Sabiex jiġi vvalutat jekk id-dannu lis-servizzi tal-ekosistema huwiex sostanzjali, jenħtieġ li l-elementi li ġejjin jitqiesu fejn rilevanti: il-kundizzjoni bażi tal-ambjent affettwat, jekk id-dannu jdumx fit-tul, fit-terminu medju jew fit-terminu qasir, it-tixrid tad-dannu, u r-riversibbiltà tad-dannu. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta skont din id-Direttiva jikkontribwixxu għall-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u jtejbu l-istat tal-ambjent, b’mod partikolari l-arja, l-ilma u l-ħamrija, inkluż biex jiġu protetti aħjar id-drittijiet tal-bniedem. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati sabiex temenda l-Anness ta’ din id-Direttiva għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), inkluż billi żżid ir-referenza, ladarba tiġi ratifikata mill-Istati Membri kollha, għall-Konvenzjoni tal-ILO dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali, 1981 (Nru 155), u l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq ix-Xogħol, 2006 (Nru 187), li jiffurmaw parti mill-istrumenti fundamentali tal-ILO.

(33)

Skont iċ-ċirkostanzi, il-kumpaniji jista’ jkollhom bżonn jikkunsidraw standards addizzjonali. Pereżempju, filwaqt li jitqiesu kuntesti speċifiċi jew fatturi intersezzjonali, inkluż fost l-oħrajn, il-ġeneru, l-età, ir-razza, l-etniċità, il-klassi, il-kasta, l-edukazzjoni, l-istatus tal-migrazzjoni, id-diżabbiltà, kif ukoll l-istatus soċjali u ekonomiku, bħala parti minn approċċ għad-diliġenza dovuta reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru u ta’ kultura, jenħtieġ li l-kumpaniji jagħtu attenzjoni speċjali lil kwalunkwe impatt negattiv partikolari fuq individwi li jistgħu jkunu f’riskju akbar minħabba l-marġinalizzazzjoni, il-vulnerabbiltà jew ċirkostanzi oħra, individwalment jew bħala membri ta’ ċerti raggruppamenti jew komunitajiet, inkluż il-popli indiġeni, kif protetti skont id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, inkluż fir-rigward ta’ kunsens liberu, minn qabel u infurmat (FPIC). Meta jagħmlu dan, il-kumpaniji jista’ jkollhom bżonn iqisu, fejn rilevanti, strumenti internazzjonali bħall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà.

(34)

Jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu responsabbli wkoll għall-użu tal-influwenza tagħhom biex jikkontribwixxu għal standard tal-għajxien adegwat fil-ktajjen ta’ attivitajiet. Huwa mifhum li dan jinkludi paga li tiggarantixxi l-għajxien għall-impjegati u introjtu li jiggarantixxi l-għajxien għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għall-sidien żgħar, li jaqilgħu b’kumpens għax-xogħol u għall-produzzjoni tagħhom.

(35)

Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-approċċ “Saħħa Waħda” kif rikonoxxut mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, approċċ integrat u li jgħaqqad, li għandu l-għan li jibbilanċja u jottimizza b’mod sostenibbli s-saħħa tan-nies, tal-annimali u tal-ekosistemi. L-approċċ “Saħħa Waħda” jirrikonoxxi li s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali domestiċi u selvaġġi, tal-pjanti, u tal-ambjent usa’, inkluż l-ekosistemi, huma interkonnessi mill-qrib u interdipendenti. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li d-diliġenza dovuta ambjentali jenħtieġ li tinkludi l-evitar tad-degradazzjoni ambjentali li tirriżulta f’effetti negattivi fuq is-saħħa bħal epidemiji, u jenħtieġ li tirrispetta d-dritt għal ambjent nadif, tajjeb għas-saħħa u sostenibbli.

(36)

L-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali jistgħu jkunu marbuta ma’ fatturi bħall-korruzzjoni u t-tixħim jew sostnuti minnhom. Għalhekk jista’ jkun meħtieġ li l-kumpaniji jqisu dawk il-fatturi meta jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, b’mod li jkun konsistenti mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni.

(37)

Meta jkunu qed jivvalutaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, il-kumpaniji għandhom gwida għad-dispożizzjoni tagħhom li turi kif l-attivitajiet tagħhom jista’ jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u liema mġiba korporattiva hija pprojbita f’konformità mad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment. Tali gwida hija inkluża pereżempju fil-Qafas ta’ Rapportar tal-Prinċipji Gwida tan-NU, u fil-Gwida Interpretattiva “The corporate responsibility to respect human rights” (Ir-responsabbiltà korporattiva għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem).

(38)

Sabiex iwettqu diliġenza dovuta xierqa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji, jenħtieġ li l-kumpaniji koperti minn din id-Direttiva jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom, jidentifikaw u jivvalutaw, fejn meħtieġ jipprijoritizzaw, jipprevjenu u jimmitigaw kif ukoll itemmu l-impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali u jimminimizzaw il-firxa tagħhom, jipprovdu rimedju fir-rigward tal-impatti negattivi reali, iwettqu komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati, jistabbilixxu u jżommu mekkaniżmu ta’ notifika u proċedura tal-ilmenti, jimmonitorjaw l-effettività tal-miżuri meħuda f’konformità mar-rekwiżiti li huma previsti f’din id-Direttiva u jikkomunikaw pubblikament dwar id-diliġenza dovuta tagħhom. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza għall-kumpaniji, jenħtieġ li b’mod partikolari l-passi meħuda għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali u għat-tmiem, jew meta dan ma jkunx possibbli, għall-minimizzazzjoni tal-firxa tal-impatti negattivi reali, jiġu distinti b’mod ċar f’din id-Direttiva.

(39)

Sabiex jiġi żgurat li d-diliġenza dovuta tifforma parti mill-politiki u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji, u f’konformità mal-qafas internazzjonali rilevanti, jenħtieġ li l-kumpaniji jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki rilevanti u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom u fil-livelli ta’ operat rilevanti kollha, u jkollhom fis-seħħ politika ta’ diliġenza dovuta. Jenħtieġ li l-politika ta’ diliġenza dovuta tiġi żviluppata f’konsultazzjoni minn qabel mal-impjegati tal-kumpanija u mar-rappreżentanti tagħhom u jenħtieġ li jkun fiha deskrizzjoni tal-approċċ tal-kumpanija, inkluż fit-tul, għad-diliġenza dovuta, kodiċi ta’ kondotta li jiddeskrivi r-regoli u l-prinċipji li jridu jiġu segwiti fil-kumpanija u s-sussidjarji tagħha kollha, u, fejn rilevanti, is-sħab kummerċjali diretti jew indiretti tal-kumpanija u deskrizzjoni tal-proċessi fis-seħħ sabiex id-diliġenza dovuta tiġi integrata fil-politiki rilevanti u sabiex id-diliġenza dovuta titwettaq, inkluż il-miżuri meħuda sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta u sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha għas-sħab kummerċjali. Jenħtieġ li l-politika ta’ diliġenza dovuta tiżgura diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskji. Jenħtieġ li l-kodiċi ta’ kondotta japplika fil-funzjonijiet u l-operazzjonijiet korporattivi rilevanti kollha, inkluż id-deċiżjonijiet dwar l-akkwist, l-impjiegi u x-xiri. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-impjegati jinftiehmu bħala li jinkludu ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, u ħaddiema oħra f’impjieg mhux standard dment li jissodisfaw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem stabbilit mill-QĠUE.

(40)

Sabiex jikkonformaw mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta, il-kumpaniji jeħtieġ li jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, it-tmiem, il-minimizzazzjoni u r-rimedju tal-impatti negattivi, u t-twettiq ta’ komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati matul il-proċess kollu tad-diliġenza dovuta. It-terminu “miżuri xierqa” jenħtieġ li jinftiehem bħala li jfisser miżuri li jkunu kapaċi jilħqu l-objettivi tad-diliġenza dovuta, billi jindirizzaw b’mod effettiv l-impatti negattivi b’mod proporzjonat mal-grad ta’ severità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv, u raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inkluż in-natura u l-firxa tal-impatt negattiv u l-fatturi ta’ riskju rilevanti. Jekk l-informazzjoni meħtieġa, inkluż informazzjoni li titqies bħala sigriet kummerċjali, ma tkunx tista’ tinkiseb b’mod raġonevoli minħabba ostakli fattwali jew legali, pereżempju minħabba li sieħeb kummerċjali jirrifjuta li jipprovdi informazzjoni u ma jkun hemm l-ebda bażi legali biex dan jiġi infurzat, tali ċirkostanzi ma jistgħux jinżammu kontra l-kumpanija, iżda jenħtieġ li din tkun tista’ tispjega għaliex tali informazzjoni ma setgħetx tinkiseb u jenħtieġ li tieħu l-passi meħtieġa u raġonevoli biex tiksibha malajr kemm jista’ jkun.

(41)

Skont l-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva, jenħtieġ li kumpanija tidentifika u tivvaluta l-impatti negattivi reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali. Sabiex ikunu jistgħu jsiru identifikazzjoni komprensiva u valutazzjoni tal-impatti negattivi, jenħtieġ li tali identifikazzjoni u valutazzjoni jkunu bbażati fuq informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, inkluż id-data diżaggregata rilevanti li tista’ tinkiseb b’mod raġonevoli minn kumpanija. Il-kumpaniji jenħtieġ li jagħmlu użu minn metodi u riżorsi xierqa, inkluż rapporti pubbliċi. Pereżempju, fir-rigward tal-impatti negattivi ambjentali, jenħtieġ li l-kumpanija tikseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-linja bażi f’siti jew f’faċilitajiet ta’ riskju ogħla fil-katina ta’ attivitajiet tagħha. Bħala parti mill-obbligu ta’ identifikazzjoni tal-impatti negattivi, jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jimmappjaw l-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta jkunu relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, sabiex jidentifikaw oqsma ġenerali fejn l-impatti negattivi huma l-aktar probabbli li jseħħu u li jkunu l-aktar severi. Abbażi tar-riżultati ta’ tali mmappjar, iwettqu valutazzjoni fil-fond tal-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, fl-oqsma fejn ġew identifikati li huma l-aktar probabbli li jseħħu u li jkunu l-aktar severi. Meta tidentifika u tivvaluta l-impatti negattivi, jenħtieġ li l-kumpanija tqis, abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali, il-fatturi ta’ riskju rilevanti possibbli, inkluż fatturi ta’ riskju fil-livell tal-kumpanija, bħal jekk is-sieħeb kummerċjali jkunx kumpanija koperta minn din id-Direttiva; fatturi ta’ riskju tal-operazzjonijiet tan-negozju; fatturi ta’ riskju ġeografiċi u kuntestwali, bħal-livell tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tat-tip ta’ impatti negattivi; fatturi ta’ riskju tal-prodott u tas-servizz; u fatturi ta’ riskju settorjali. Meta jidentifikaw u jivvalutaw l-impatti negattivi, jenħtieġ li l-kumpaniji jidentifikaw u jivvalutaw ukoll l-impatt tal-mudell u tal-istrateġiji kummerċjali ta’ sieħeb kummerċjali, inkluż il-prattiki tan-negozjar, tal-akkwist u tal-ipprezzar. Bl-għan li jiġi limitat il-piż fuq kumpaniji iżgħar maħluq minn talbiet għal informazzjoni, meta l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-impatti negattivi tkun tista’ tinkiseb mis-sħab kummerċjali f’livelli differenti tal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li l-kumpaniji joqogħdu lura fir-rigward tas-sħab kummerċjali li ma jippreżentawx riskji ta’ impatti negattivi u jippreferu, meta jkun raġonevoli, jagħmlu kuntatt direttament għal informazzjoni aktar dettaljata mas-sħab kummerċjali fil-livelli fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom fejn, abbażi tal-immappjar, l-impatti negattivi reali jew potenzjali huma l-aktar probabbli li jseħħu. L-identifikazzjoni tal-impatti negattivi jenħtieġ li tinkludi l-valutazzjoni tal-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali b’mod dinamiku u f’intervalli regolari: mingħajr dewmien żejjed wara li sseħħ bidla sinifikanti, iżda mill-anqas kull 12-il xahar, tul il-ħajja ta’ attività jew relazzjoni, u kull meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jistgħu jinħolqu riskji ġodda. Jenħtieġ li bidla sinifikanti tinftiehem bħala bidla fl-istatus quo tal-operazzjonijiet tal-kumpanija stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji jew tas-sħab kummerċjali tagħha, l-ambjent legali jew tan-negozju jew kwalunkwe bidla sostanzjali oħra fis-sitwazzjoni tal-kumpanija jew fil-kuntest li fih topera. Eżempji ta’ bidla sinifikanti jistgħu jkunu l-każijiet meta l-kumpanija tibda topera f’settur ekonomiku ġdid jew f’żona ġeografika ġdida, tibda tipproduċi prodotti ġodda jew tbiddel il-mod tal-produzzjoni tal-prodotti eżistenti bl-użu ta’ teknoloġija b’impatti negattivi potenzjalment ogħla, jew tbiddel l-istruttura korporattiva tagħha permezz ta’ ristrutturar jew permezz ta’ fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet. Raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li hemm riskji ġodda jistgħu jinħolqu b’modi differenti, inkluż l-apprendiment dwar l-impatt negattiv minn informazzjoni disponibbli pubblikament, permezz tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati, jew permezz ta’ notifiki. Jekk, minkejja li jkunu ħadu l-miżuri xierqa biex jidentifikaw l-impatti negattivi, il-kumpaniji ma jkollhomx l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li jkunu jistgħu jispjegaw għalfejn dik l-informazzjoni ma setgħetx tinkiseb u jenħtieġ li jieħdu l-passi meħtieġa u raġonevoli biex jiksbuha malajr kemm jista’ jkun.

(42)

F’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni ta’ riskju għoli, kif definiti f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/821, huwa aktar probabbli li jseħħu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u li jkunu severi. Jenħtieġ li l-kumpaniji jqisu dan meta jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom biex jiżguraw li l-kodiċijiet ta’ kondotta u l-proċessi fis-seħħ għat-twettiq tad-diliġenza dovuta jiġu adattati għal żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta’ riskju għoli, b’mod li jkun konsistenti mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif stabbilit fil-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949 u fil-protokolli addizzjonali tagħhom. Jenħtieġ li l-kumpaniji jqisu li tali sitwazzjonijiet jikkostitwixxu fatturi ta’ riskju ġeografiċi u kuntestwali partikolari meta jwettqu valutazzjonijiet fil-fond bħala parti mill-proċess ta’ identifikazzjoni u ta’ valutazzjoni, meta jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu, jimmitigaw, itemmu u jimminimizzaw l-impatti negattivi identifikati, u meta jikkomunikaw mal-partijiet ikkonċernati. Għal dan l-għan, il-kumpaniji jistgħu jiddependu fuq il-gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-fatturi ta’ riskju assoċjati ma’ żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta’ riskju għoli, li jenħtieġ li tqis il-gwida tal-Programm ta’ Żvilupp tan-NU dwar “Heightened Human Rights Due Diligence for Business in Conflict-Affected Contexts. A Guide” (Diliġenza Dovuta Msaħħa tad-Drittijiet tal-Bniedem għan-Negozju f’Kuntesti Affettwati mill-Kunflitti. Gwida).

(43)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza professjonali applikabbli għall-avukati jew għal professjonisti ċċertifikati oħra li huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fi proċedimenti ġudizzjarji, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak nazzjonali.

(44)

Meta kumpanija ma tkunx tista’ tipprevjeni, timmitiga jew ittemm l-impatti negattivi reali u potenzjali kollha identifikati, jew timminimizza l-firxa tagħhom, fl-istess ħin bis-sħiħ, jenħtieġ li tipprijoritizza l-impatti negattivi abbażi tas-severità u tal-probabbiltà tagħhom. Is-severità ta’ impatt negattiv jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi tal-iskala, l-ambitu u l-karattru irrimedjabbli tal-impatt negattiv, filwaqt li titqies il-gravità tal-impatt, inkluż l-għadd ta’ individwi li huma jew li se jiġu affettwati, jew il-firxa tal-ambjent li huwa jew li jista’ jiġi danneġġat jew affettwat b’mod ieħor, l-irriversibbiltà tiegħu u kwalunkwe limitu fuq il-kapaċità ta’ restawr tal-individwi affettwati jew tal-ambjent għal sitwazzjoni ekwivalenti għas-sitwazzjoni tagħhom qabel l-impatt f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Ladarba jiġu indirizzati l-impatti negattivi l-aktar severi u probabbli f’ħin raġonevoli, jenħtieġ li l-kumpanija tindirizza l-impatti negattivi anqas severi u anqas probabbli. Min-naħa l-oħra, l-influwenza attwali jew potenzjali tal-kumpanija fuq is-sħab kummerċjali tagħha, il-livell ta’ involviment tal-kumpanija fl-impatt negattiv, il-prossimità għas-sussidjarja jew is-sieħeb kummerċjali, jew ir-responsabbiltà potenzjali tagħha jenħtieġ li ma jkunux meqjusa fatturi rilevanti fil-prijoritizzazzjoni tal-impatti negattivi.

(45)

Skont l-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva, jekk kumpanija tidentifika impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem jew ambjentali, jenħtieġ li tieħu miżuri xierqa sabiex tipprevenihom jew timmitigahom b’mod adegwat. Sabiex jiġu pprovduti ċarezza u ċertezza legali lill-kumpaniji, jenħtieġ li din id-Direttiva tistipula l-azzjonijiet li jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu mistennija jieħdu għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali, meta jkun rilevanti skont iċ-ċirkostanzi. Meta jiġu vvalutati l-miżuri xierqa għall-prevenzjoni jew għall-mitigazzjoni adegwata tal-impatti negattivi, jenħtieġ li jitqies kif xieraq l-hekk imsejjaħ “livell ta’ involviment tal-kumpanija f’impatt negattiv” f’konformità mal-oqfsa internazzjonali u l-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jkun qed jikkawża jew jikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv. Jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu jew jimmitigaw l-impatti negattivi li jikkawżaw waħedhom (l-hekk imsejjaħ “li jikkawżaw” l-impatt negattiv kif imsemmi fil-qafas internazzjonali) jew b’mod konġunt mas-sussidjarji jew mas-sħab kummerċjali tagħhom (l-hekk imsejħa “jikkontribwixxu” għall-impatt negattiv kif imsemmi fil-qafas internazzjonali). Dan japplika irrispettivament minn jekk partijiet terzi barra mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija humiex qed jikkawżaw ukoll l-impatt negattiv. L-ikkawżar b’mod konġunt tal-impatt negattiv mhuwiex limitat għal implikazzjoni ugwali tal-kumpanija u tas-sussidjarja jew tas-sieħeb kummerċjali tagħha fl-impatt negattiv, iżda jenħtieġ li jkopri l-każijiet kollha tal-atti jew tal-ommissjonijiet tal-kumpanija li jikkawżaw l-impatt negattiv flimkien mal-atti jew mal-ommissjonijiet tas-sussidjarji jew tas-sħab kummerċjali, inkluż meta l-kumpanija tiffaċilita jew tinċentiva b’mod sostanzjali sieħeb kummerċjali biex jikkawża impatt negattiv, jiġifieri, bl-esklużjoni ta’ kontributi minuri jew trivjali. Meta l-kumpaniji ma jkunux qed jikkawżaw l-impatti negattivi li jseħħu fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom huma stess jew b’mod konġunt ma’ entitajiet ġuridiċi oħrajn, iżda l-impatt negattiv ikun ikkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji (l-hekk imsejħa “marbuta direttament” mal-impatt negattiv kif imsemmi fil-qafas internazzjonali), jenħtieġ li dawn xorta waħda jkollhom l-għan li jużaw l-influwenza tagħhom biex jipprevjenu jew jimmitigaw l-impatt negattiv ikkawżat mis-sħab kummerċjali tagħhom jew biex iżidu l-influwenza tagħhom biex jagħmlu dan. L-użu biss tal-kunċett li “jikkawżaw” l-impatt negattiv minflok it-termini msemmija hawn fuq użati fl-oqfsa internazzjonali jevita l-konfużjoni ma’ termini legali eżistenti fis-sistemi legali nazzjonali filwaqt li jkopri l-istess relazzjonijiet kawżali deskritti f’dawn l-oqfsa. F’dan il-kuntest, f’konformità mal-oqfsa internazzjonali, jenħtieġ li l-influwenza tal-kumpanija fuq sieħeb kummerċjali tinkludi, minn naħa, il-kapaċità tagħha li tipperswadi lis-sieħeb kummerċjali sabiex jipprevjeni impatti negattivi, (pereżempju permezz ta’ saħħa fis-suq, ir-rekwiżiti ta’ qabel il-kwalifika jew l-irbit tal-inċentivi kummerċjali mad-drittijiet tal-bniedem u l-prestazzjoni ambjentali), u, min-naħa l-oħra, il-grad ta’ influwenza jew ingranaġġ li l-kumpanija tista’ teżerċita b’mod raġonevoli, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni mas-sieħeb kummerċjali inkwistjoni jew l-involviment ma’ kumpanija oħra li tkun is-sieħeb kummerċjali dirett tas-sieħeb kummerċjali assoċjat mal-impatt negattiv.

(46)

Sabiex jikkonformaw mal-obbligu ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni previst f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, meta jkun rilevanti. Meta jkun meħtieġ minħabba l-kumplessità tal-miżuri ta’ prevenzjoni, jenħtieġ li il-kumpaniji jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni. Jenħtieġ li l-kumpaniji jfittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta u, kif meħtieġ, il-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, inkluż billi jintalbu assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mis-sħab tiegħu sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji. Jenħtieġ li l-assigurazzjonijiet kuntrattwali jitfasslu biex jiżguraw li r-responsabbiltajiet jitqassmu b’mod xieraq bejn il-kumpanija u s-sħab kummerċjali. Jenħtieġ li l-assigurazzjonijiet kuntrattwali jkunu akkumpanjati minn miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità. Madankollu, jenħtieġ li l-kumpanija tkun obbligata biss li tfittex l-assigurazzjonijiet kuntrattwali, peress li l-kisba tagħhom tista’ tiddependi miċ-ċirkostanzi. Sabiex tiġi żgurata prevenzjoni komprensiva tal-impatti negattivi potenzjali, jenħtieġ li l-kumpaniji jagħmlu wkoll investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, aġġustamenti jew titjib li għandhom l-għan li jipprevjenu impatti negattivi, u jikkollaboraw ma’ kumpaniji oħrajn, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Meta rilevanti, jenħtieġ li l-kumpaniji jadattaw il-pjanijiet tan-negozju, l-istrateġiji u l-operazzjonijiet ġenerali, inkluż il-prattiki tax-xiri, u jiżviluppaw u jużaw politiki dwar ix-xiri li jikkontribwixxu għall-pagi li jiggarantixxu l-għajxien u l-introjtu għall-fornituri tagħhom, u li ma jinkoraġġux impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent. Sabiex iwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom b’mod effettiv u effiċjenti, jenħtieġ li l-kumpaniji jagħmlu wkoll il-modifiki meħtieġa tal-prattiki tad-disinn u tad-distribuzzjoni tagħhom, jew itejbuhom, sabiex jindirizzaw l-impatti negattivi li jirriżultaw kemm fil-parti upstream kif ukoll fil-parti downstream tal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, qabel u wara li jkun sar il-prodott. L-adozzjoni u l-adattament ta’ tali prattiki, kif meħtieġ, jistgħu jkunu partikolarment rilevanti għall-kumpanija, sabiex jiġi evitat li jkun hemm impatt negattiv mill-ewwel. Tali miżuri jistgħu jkunu rilevanti wkoll sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi li huma kkawżati b’mod konġunt mill-kumpanija u mis-sħab kummerċjali tagħha, pereżempju minħabba l-iskadenzi jew l-ispeċifikazzjonijiet imposti fuqhom mill-kumpanija. Barra minn hekk, permezz ta’ kondiviżjoni aħjar tal-valur tul il-katina tal-attivitajiet, il-prattiki tax-xiri jew tad-distribuzzjoni responsabbli jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, li spiss iseħħ f’pajjiżi jew territorji b’livelli għoljin ta’ faqar. Jenħtieġ li l-kumpaniji jipprovdu wkoll appoġġ immirat u proporzjonat għal intrapriża żgħira u ta’ daqs medju (SME) li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, fejn meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni preventiva tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament. Jenħtieġ li l-kunċett tal-“ipperikolar tal-vijabbiltà ta’ SME” jiġi interpretat bħala li possibbilment jikkawża falliment tal-SME jew li jqiegħed lill-SME f’sitwazzjoni fejn il-falliment ikun imminenti.

(47)

L-indirizzar ta’ prattiki ta’ xiri dannużi u pressjonijiet fuq il-produtturi fir-rigward tal-prezzijiet, b’mod partikolari operaturi iżgħar, huwa speċjalment importanti fir-rigward tal-bejgħ ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel. Sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi tal-poter fis-settur agrikolu u jiġu żgurati prezzijiet ġusti fil-ħoloq kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa, jenħtieġ li l-proċessuri kbar tal-ikel u l-bejjiegħa bl-imnut jadattaw il-prattiki tax-xiri tagħhom, u jiżviluppaw u jużaw politiki tax-xiri li jikkontribwixxu għal pagi u introjti li jiggarantixxu l-għajxien għall-fornituri tagħhom. Billi tapplika biss għall-imġiba fin-negozju tal-akbar operaturi, jiġifieri, dawk b’fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 450 000 000, din id-Direttiva jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju għall-produtturi agrikoli b’anqas saħħa ta’ negozjar. Barra minn hekk, minħabba li l-kumpaniji ffurmati f’konformità mad-dritt ta’ pajjiż terz huma ugwalment soġġetti għal din id-Direttiva, dan jipproteġi lill-produtturi agrikoli fl-Unjoni kontra kompetizzjoni inġusta u kontra prattiki dannużi minn operaturi stabbiliti mhux biss fl-Unjoni iżda wkoll barra minnha.

(48)

Sabiex tiġi riflessa l-firxa sħiħa ta’ opzjonijiet għall-kumpanija f’każijiet fejn l-impatti negattivi potenzjali ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati mill-miżuri ta’ prevenzjoni jew mitigazzjoni deskritti, jenħtieġ li din id-Direttiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-kumpanija tfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali mis-sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni preventiva, u twettaq miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità tas-sieħeb kummerċjali indirett mal-assigurazzjonijiet kuntrattwali.

(49)

Huwa possibbli li l-prevenzjoni tal-impatti negattivi potenzjali tkun teħtieġ kollaborazzjoni ma’ kumpanija oħra, pereżempju, fil-livell ta’ sieħeb kummerċjali indirett ma’ kumpanija, li għandha relazzjoni kuntrattwali diretta mas-sieħeb kummerċjali indirett inkwistjoni. F’xi każijiet, kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra tista’ tkun l-uniku mod realistiku sabiex jiġu prevenuti impatti negattivi potenzjali saħansitra meta dawn jiġu kkawżati minn sħab kummerċjali diretti jekk l-influwenza tal-kumpanija ma tkunx biżżejjed. Jenħtieġ li l-kumpanija tikkollabora mal-entità li tista’ tipprevjeni jew tnaqqas bl-aktar mod effettiv l-impatti negattivi potenzjali waħedha jew b’mod konġunt mal-kumpanija, jew ma’ entitajiet ġuridiċi oħrajn, filwaqt li tirrispetta d-dritt applikabbli, b’mod partikolari d-dritt tal-kompetizzjoni.

(50)

Sabiex jiżguraw li l-miżuri xierqa għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali jkunu effettivi, jenħtieġ li l-kumpaniji jipprijoritizzaw l-involviment mas-sħab kummerċjali fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, minflok ma jitterminaw ir-relazzjoni kummerċjali, bħala l-aħħar rimedju wara li jippruvaw mingħajr suċċess li jipprevjenu u jnaqqsu impatti negattivi potenzjali. Madankollu, jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva, għal każijiet fejn l-impatti negattivi potenzjali ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati b’tali miżuri xierqa, tirreferi għall-obbligu għall-kumpaniji, bħala l-aħħar rimedju, li jżommu lura milli jidħlu f’relazzjonijiet ġodda jew milli jestendu relazzjonijiet eżistenti mas-sieħeb inkwistjoni u, meta jkun hemm prospett raġonevoli ta’ bidla, billi jużaw jew iżidu l-ingranaġġ tal-kumpanija permezz tas-sospensjoni temporanja tar-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, jadottaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni preventiva msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed inkluż skeda ta’ żmien speċifika u xierqa għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fiha, li matulha l-kumpanija tista’ tfittex ukoll sħab kummerċjali alternattivi. Il-fatturi li jiddeterminaw l-adegwatezza tal-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tali azzjonijiet jistgħu jinkludu s-severità tal-impatt negattiv, il-ħtieġa li jiġu identifikati u jittieħdu passi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv addizzjonali, inkluż l-impatti fuq l-SMEs jew is-sidien żgħar. Jenħtieġ li l-kumpaniji jissospendu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mas-sieħeb kummerċjali, u b’hekk jiżdied l-ingranaġġ tagħhom u jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-impatt jiġi indirizzat. Meta ma jkun hemm l-ebda aspettattiva raġonevoli li dawn l-isforzi jirnexxu, pereżempju, f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol furzat impost mill-istat, jew meta l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni preventiva msaħħaħ tonqos milli tipprevjeni jew timmitiga l-impatt negattiv, jenħtieġ li l-kumpanija tkun meħtieġa tittermina r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati jekk l-impatt negattiv potenzjali jkun sever. Sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissodisfaw dak l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għażla li jtemmu r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom. Meta tiddeċiedi li tittermina jew tissospendi relazzjoni kummerċjali, jenħtieġ li l-kumpanija tivvaluta jekk l-impatti negattivi ta’ dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jiġi prevenut jew minimizzat b’mod adegwat. Meta l-kumpaniji jissospendu temporanjament jew jitterminaw ir-relazzjoni kummerċjali, jenħtieġ li jieħdu passi biex jipprevjenu, jimmitigaw jew itemmu l-impatti tas-sospensjoni jew tat-terminazzjoni, jipprovdu avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali u jżommu dik id-deċiżjoni taħt rieżami. Huwa possibbli li l-prevenzjoni tal-impatti negattivi fil-livell tar-relazzjonijiet kummerċjali indiretti tirrikjedi kollaborazzjoni ma’ entità oħra. F’xi każijiet, kollaborazzjoni ma’ kumpanija oħra tista’ tkun l-uniku mod realistiku sabiex jiġu prevenuti impatti negattivi reali fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali indiretti, b’mod partikolari meta s-sieħeb kummerċjali indirett ma jkunx lest jidħol f’kuntratt mal-kumpanija.

(51)

Għalkemm l-impriżi finanzjarji regolati huma soġġetti biss għal obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-parti upstream tal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi finanzjarji kif ukoll il-Linji Gwida għall-MNE jipprovdu indikazzjonijiet tat-tipi ta’ miżuri xierqa u effettivi li l-impriżi finanzjarji jeħtiġilhom jieħdu fil-proċessi ta’ diliġenza dovuta. Kif inhu enfasizzat ukoll fil-Linji Gwida għall-MNE, l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi finanzjarji jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti. L-impriżi finanzjarji regolati huma mistennija jqisu l-impatti negattivi u jużaw l-hekk imsejjaħ “ingranaġġ” tagħhom biex jinfluwenzaw lill-kumpaniji. L-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti jista’ jkun mod kif jiġi eżerċitat l-ingranaġġ.

(52)

Fir-rigward tas-sħab kummerċjali diretti u indiretti, l-inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati jistgħu jgħinu sabiex jinħoloq ingranaġġ addizzjonali biex jiġu identifikati, mitigati u prevenuti l-impatti negattivi. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li l-kumpaniji jipparteċipaw f’inizjattivi bħal dawn sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi stipulati fl-Artikoli 7 sa 16 ta’ din id-Direttiva sal-punt li tali inizjattivi jkunu xierqa sabiex jappoġġaw it-twettiq ta’ dawk l-obbligi. It-tifsira tat-terminu “inizjattivi” hija waħda wiesgħa u tinkludi taħlita ta’ proċeduri, għodod u mekkaniżmi volontarji ta’ diliġenza dovuta, żviluppati u ssorveljati minn gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija, organizzazzjonijiet interessati, inkluż organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jew gruppi jew kombinazzjonijiet tagħhom, li l-kumpaniji jistgħu jipparteċipaw fihom sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta. Il-kumpaniji jistgħu, wara li jkunu vvalutaw l-adegwatezza tagħhom, jagħmlu użu minn jew jingħaqdu ma’ analiżi tar-riskju rilevanti mwettqa mill-industrija jew minn inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew minn membri ta’ dawk l-inizjattivi u jistgħu jieħdu jew jingħaqdu ma’ miżuri xierqa effettivi permezz ta’ tali inizjattivi. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li l-kumpaniji jimmonitorjaw l-effettività ta’ tali miżuri u jkomplu jieħdu miżuri xierqa fejn meħtieġ biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi tagħhom. Sabiex tiġi żgurata informazzjoni sħiħa dwar tali inizjattivi, jenħtieġ li din id-Direttiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni dwar tali inizjattivi u r-riżultati tagħhom. Jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, toħroġ gwida li tistipula kriterji tal-idoneità u metodoloġija biex il-kumpaniji jivvalutaw l-idoneità tal-inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Il-kumpaniji jistgħu jużaw ukoll verifika minn parti terza indipendenti dwar il-kumpaniji u mill-kumpaniji fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tad-diliġenza dovuta sa fejn tali verifika tkun xierqa biex tappoġġa t-twettiq tal-obbligi rilevanti. Il-verifika minn parti terza indipendenti tista’ titwettaq minn kumpaniji oħra jew minn inizjattiva tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Jenħtieġ li l-verifikaturi terzi indipendenti jaġixxu b’oġġettività u indipendenza sħiħa mill-kumpanija, ikunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, u jenħtieġ li jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-indipendenza tagħhom. Skont in-natura tal-impatt negattiv, jenħtieġ li jkollhom esperjenza u kompetenza fi kwistjonijiet ambjentali jew tad-drittijiet tal-bniedem u jenħtieġ li jkunu responsabbli għall-kwalità u l-affidabbiltà tal-verifika. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, jenħtieġ li toħroġ gwida li tistipula l-kriterji tal-idoneità u metodoloġija biex il-kumpaniji jivvalutaw l-idoneità tal-verifikaturi terzi, u gwida għall-monitoraġġ tal-akkuratezza, l-effettività u l-integrità tal-verifika minn parti terza. Din il-gwida hija essenzjali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tal-awditi ineffettivi. Jenħtieġ li l-kumpaniji li jipparteċipaw f’inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew li jużaw verifika minn parti terza jew klawżoli kuntrattwali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tad-diliġenza dovuta tagħhom xorta waħda jkunu jistgħu jiġu penalizzati jew jinstabu responsabbli għall-ksur ta’ din id-Direttiva u għad-dannu mġarrab mill-vittmi b’riżultat ta’ dan.

(53)

Skont l-obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva, jekk kumpanija tidentifika impatti negattivi reali fuq id-drittijiet tal-bniedem jew ambjentali, jenħtieġ li tieħu miżuri xierqa sabiex dawk jintemmu. Jista’ jkun mistenni li kumpanija tkun tista’ ttemm l-impatti negattivi reali fl-operazzjonijiet tagħha stess u f’dawk tas-sussidjarji tagħha. Madankollu, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, meta l-impatti negattivi ma jkunux jistgħu jintemmu, jenħtieġ li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa ta’ tali impatti. Jenħtieġ li l-minimizzazzjoni tal-firxa tal-impatti negattivi tirrikjedi riżultat li jkun l-eqreb possibbli sabiex l-impatt negattiv jintemm. Għalhekk, jenħtieġ li perjodikament il-kumpanija tivvaluta mill-ġdid iċ-ċirkostanzi li żammewha milli ttemm l-impatt negattiv, u jekk l-impatt negattiv jistax jintemm. Sabiex jiġu pprovduti ċarezza u ċertezza legali lill-kumpaniji, jenħtieġ li din id-Direttiva tispeċifika liema azzjonijiet jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jieħdu sabiex itemmu l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali u jimminimizzaw il-firxa tagħhom, meta jkun rilevanti skont iċ-ċirkostanzi. Meta jiġu vvalutati l-miżuri xierqa biex jintemmu l-impatti negattivi jew biex tiġi mminimizzata l-firxa tagħhom, jenħtieġ li jitqies kif xieraq l-hekk imsejjaħ “livell ta’ involviment tal-kumpanija f’impatt negattiv” f’konformità mal-oqfsa internazzjonali u l-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jkun qed jikkawża jew jikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv. Jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex itemmu l-impatti negattivi li jikkawżaw waħedhom (l-hekk imsejjaħ “li jikkawżaw” l-impatt negattiv kif imsemmi fil-qafas internazzjonali) jew b’mod konġunt mas-sussidjarji jew mas-sħab kummerċjali tagħhom (l-hekk imsejħa “jikkontribwixxu” għall-impatt negattiv kif imsemmi fil-qafas internazzjonali) jew biex jimminimizzaw il-firxa tagħhom. Dan japplika irrispettivament minn jekk partijiet terzi barra mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija humiex qed jikkawżaw ukoll l-impatt negattiv.L-ikkawżar b’mod konġunt tal-impatt negattiv mhuwiex limitat għal implikazzjoni ugwali tal-kumpanija u tas-sussidjarja jew tas-sieħeb kummerċjali tagħha fl-impatt negattiv, iżda jenħtieġ li jkopri l-każijiet kollha tal-atti jew tal-ommissjonijiet tal-kumpanija li jikkawżaw l-impatt negattiv flimkien mal-atti jew mal-ommissjonijiet tas-sussidjarji jew tas-sħab kummerċjali, inkluż meta l-kumpanija tiffaċilita jew tinċentiva b’mod sostanzjali sieħeb kummerċjali biex jikkawża impatt negattiv, jiġifieri, bl-esklużjoni ta’ kontributi minuri jew trivjali. Meta l-kumpaniji ma jkunux qed jikkawżaw l-impatti negattivi li jseħħu fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom huma stess jew b’mod konġunt ma’ entitajiet ġuridiċi oħrajn, iżda l-impatt negattiv ikun ikkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji (l-hekk imsejħa “marbuta direttament” mal-impatt negattiv kif imsemmi fil-qafas internazzjonali), jenħtieġ li dawn xorta waħda jkollhom l-għan li jużaw l-influwenza tagħhom biex itemmu l-impatt negattiv ikkawżat mis-sussidjarji jew mis-sħab kummerċjali tagħhom jew jimminimizzaw il-firxa tagħhom jew biex iżidu l-influwenza tagħhom biex jagħmlu dan. L-użu biss tal-kunċett li “jikkawżaw” l-impatt negattiv minflok it-termini msemmija hawn fuq użati fl-oqfsa internazzjonali jevita l-konfużjoni ma’ termini legali eżistenti fis-sistemi legali nazzjonali filwaqt li jkopri l-istess relazzjonijiet kawżali kif deskritti f’dawk l-oqfsa. F’dan il-kuntest, f’konformità mal-oqfsa internazzjonali, jenħtieġ li l-influwenza tal-kumpanija fuq sieħeb kummerċjali tinkludi, minn naħa, il-kapaċità tagħha li tipperswadi lis-sieħeb kummerċjali sabiex itemm l-impatti negattivi jew jimminimizza l-firxa tagħhom (pereżempju permezz ta’ saħħa fis-suq, ir-rekwiżiti ta’ qabel il-kwalifika jew l-irbit tal-inċentivi kummerċjali mad-drittijiet tal-bniedem u l-prestazzjoni ambjentali) u, min-naħa l-oħra, il-grad ta’ influwenza jew ingranaġġ li l-kumpanija tista’ teżerċita b’mod raġonevoli, pereżempju, permezz ta’ kooperazzjoni mas-sieħeb kummerċjali inkwistjoni jew l-involviment ma’ kumpanija oħra li tkun is-sieħeb kummerċjali dirett tas-sieħeb kummerċjali assoċjat mal-impatt negattiv.

(54)

Sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jtemmu l-impatti negattivi reali jew li jimminimizzaw il-firxa tagħhom previst f’din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, meta jkun rilevanti. Meta jkun neċessarju minħabba l-fatt li l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm minnufih, jenħtieġ li l-kumpaniji jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva. Jenħtieġ li l-kumpaniji jfittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta u, kif meħtieġ, il-pjan ta’ azzjoni korrettiva, inkluż billi jintalbu assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mis-sħab tiegħu sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji. Jenħtieġ li l-assigurazzjonijiet kuntrattwali jitfasslu biex jiżguraw li r-responsabbiltajiet jitqassmu b’mod xieraq bejn il-kumpanija u s-sħab kummerċjali. Jenħtieġ li l-assigurazzjonijiet kuntrattwali jkunu akkumpanjati minn miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità. Madankollu, jenħtieġ li l-kumpanija tkun obbligata biss li tfittex l-assigurazzjonijiet kuntrattwali, peress li l-kisba tagħhom tista’ tiddependi miċ-ċirkostanzi. Jenħtieġ li l-kumpaniji jagħmlu wkoll investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, aġġustamenti jew titjib bl-għan li jwaqqfu l-impatti negattivi jew jimminimizzaw il-firxa tagħhom, u jikkollaboraw ma’ kumpaniji oħra, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Meta rilevanti, jenħtieġ li l-kumpaniji jadattaw il-pjanijiet tan-negozju, l-istrateġiji u l-operazzjonijiet ġenerali, inkluż il-prattiki tax-xiri, u jiżviluppaw u jużaw politiki dwar ix-xiri li jikkontribwixxu għall-pagi li jiggarantixxu l-għajxien u l-introjtu għall-fornituri tagħhom, u li ma jinkoraġġux impatti negattivi reali fuq id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent. Sabiex iwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom b’mod effettiv u effiċjenti, jenħtieġ li l-kumpaniji jagħmlu wkoll il-modifiki meħtieġa tal-prattiki tad-disinn u tad-distribuzzjoni tagħhom, jew itejbuhom, sabiex jindirizzaw l-impatti negattivi li jirriżultaw kemm fil-parti upstream kif ukoll fil-parti downstream tal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, qabel u wara li jkun sar il-prodott. L-adozzjoni u l-adattament ta’ tali prattiki, kif meħtieġ, jistgħu jkunu partikolarment rilevanti għall-kumpanija sabiex jiġi evitat li jkun hemm impatt negattiv sa mill-bidu nett. Tali miżuri jistgħu jkunu rilevanti wkoll sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi li huma kkawżati b’mod konġunt mill-kumpanija u mis-sħab kummerċjali tagħha, pereżempju minħabba l-iskadenzi jew l-ispeċifikazzjonijiet imposti fuqhom mill-kumpanija. Barra minn hekk, permezz ta’ kondiviżjoni aħjar tal-valur tul il-katina tal-attivitajiet, il-prattiki tax-xiri jew tad-distribuzzjoni responsabbli jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, li spiss iseħħ f’pajjiżi jew territorji b’livelli għoljin ta’ faqar. Jenħtieġ li l-kumpaniji jipprovdu wkoll appoġġ immirat u proporzjonat għal SME li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, fejn meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni korrettiva tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament. Jenħtieġ li l-kunċett tal-“ipperikolar tal-vijabbiltà ta’ SME” jiġi interpretat bħala li possibbilment jikkawża falliment tal-SME jew li jqiegħed lill-SME f’sitwazzjoni fejn il-falliment ikun imminenti.

(55)

Sabiex tiġi riflessa l-firxa sħiħa ta’ opzjonijiet għall-kumpanija f’każijiet fejn l-impatti negattivi reali ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati mill-miżuri deskritti, jenħtieġ li din id-Direttiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-kumpanija tfittex li tikseb assigurazzjonijiet kuntrattwali mas-sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva, u twettaq miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità tas-sieħeb kummerċjali indirett mal-assigurazzjonijiet kuntrattwali.

(56)

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME li tkun sieħeb kummerċjali indirett, jenħtieġ li l-kumpaniji jivvalutaw jekk jenħtieġx li l-assigurazzjonijiet kuntrattwali jkunu akkumpanjati minn miżuri xierqa għall-SMEs. Meta l-SME titlob li tħallas parti mill-kost, jew bi ftehim mal-kumpanija, jenħtieġ li l-SME tkun tista’ taqsam ir-riżultati tal-verifika ma’ kumpaniji oħra.

(57)

Sabiex jiżguraw il-miżuri xierqa biex jintemmu jew jiġu minimizzati l-impatti negattivi reali jkunu effettivi, jenħtieġ li l-kumpaniji jipprijoritizzaw il-komunikazzjoni mas-sħab kummerċjali fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, minflok ma jitterminaw ir-relazzjoni kummerċjali, bħala l-aħħar rimedju wara li jkunu ppruvaw mingħajr suċċess li jtemmu l-impatti negattivi reali jew li jimminimizzaw il-firxa tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li din id-Direttiva, għal każijiet fejn l-impatti negattivi reali ma jkunux jistgħu jintemmu jew il-firxa tagħhom ma tistax tiġi minimizzata b’mod adegwat permezz ta’ tali miżuri xierqa, tirreferi wkoll għall-obbligu li l-kumpaniji, bħala l-aħħar rimedju, iżommu lura milli jidħlu f’relazzjonijiet ġodda jew milli jestendu relazzjonijiet eżistenti mas-sieħeb inkwistjoni u, meta jkun hemm prospett raġonevoli ta’ bidla, billi jużaw jew iżidu l-ingranaġġ tal-kumpanija permezz tas-sospensjoni temporanja tar-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, jadottaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed inkluż skeda ta’ żmien speċifika u xierqa għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fiha, li matulha l-kumpanija tista’ tfittex ukoll sħab kummerċjali alternattivi. Il-fatturi li jiddeterminaw l-adegwatezza tal-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet jistgħu jinkludu s-severità tal-impatt negattiv, il-ħtieġa li jiġu identifikati u jittieħdu passi biex jintemm kwalunkwe impatt negattiv addizzjonali jew tiġi minimizzata l-firxa tiegħu, kif ukoll l-impatti fuq l-SMEs jew is-sidien żgħar. Jenħtieġ li l-kumpaniji jissospendu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom mas-sieħeb kummerċjali, u b’hekk jiżdied l-ingranaġġ tagħhom u jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-impatt jiġi indirizzat. Meta ma jkun hemm l-ebda aspettattiva raġonevoli li dawk l-isforzi jirnexxu, pereżempju, f’sitwazzjonijiet ta’ xogħol furzat impost mill-istat, jew meta l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva msaħħaħ tonqos milli ttemm l-impatt negattiv jew timminimizza l-firxa tiegħu, jenħtieġ li l-kumpanija tkun meħtieġa tittermina r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati jekk l-impatt negattiv reali jkun sever. Sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissodisfaw dak l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għażla li jtemmu r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom. Meta tiddeċiedi li tittermina jew tissospendi relazzjoni kummerċjali, jenħtieġ li l-kumpanija tivvaluta jekk l-impatti negattivi ta’ dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jintemm jew li l-firxa tiegħu ma setgħetx tiġi minimizzata b’mod adegwat. Meta l-kumpaniji jissospendu temporanjament jew jitterminaw ir-relazzjoni kummerċjali, jenħtieġ li jieħdu passi biex jipprevjenu, jimmitigaw jew itemmu l-impatti tas-sospensjoni jew tat-terminazzjoni, jipprovdu avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali u jżommu dik id-deċiżjoni taħt rieżami. Huwa possibbli li t-tmiem tal-impatti negattivi fil-livell tar-relazzjonijiet kummerċjali indiretti jirrikjedi kollaborazzjoni ma’ entità oħra. F’xi każijiet, kollaborazzjoni ma’ kumpanija oħra tista’ tkun l-uniku mod realistiku sabiex jintemmu impatti negattivi reali fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali indiretti, b’mod partikolari meta s-sieħeb kummerċjali indirett ma jkunx lest jidħol f’kuntratt mal-kumpanija.

(58)

Meta kumpanija tkun ikkawżat jew ikkawżat b’mod konġunt impatt negattiv reali, jenħtieġ li l-kumpanija tipprovdi rimedju. It-terminu “rimedju” jfisser ir-restituzzjoni tal-persuna jew il-persuni, il-komunitajiet jew l-ambjent affettwati lejn sitwazzjoni ekwivalenti jew qrib kemm jista’ jkun tas-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku l-impatt negattiv reali ma seħħx, proporzjonat għall-implikazzjoni tal-kumpanija fl-impatt negattiv, inkluż permezz ta’ kumpens finanzjarju jew mhux finanzjarju pprovdut mill-kumpanija lill-persuna jew lill-persuni affettwati mill-impatt negattiv reali u, fejn applikabbli, ir-rimborż tal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi għal kwalunkwe miżura ta’ rimedju meħtieġa. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet ikkonċernati affettwati minn impatt negattiv ma jkunux meħtieġa jfittxu rimedju qabel ma jippreżentaw talbiet fil-qorti. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta l-kumpanija tonqos milli tipprovdi rimedju f’każ li tkun ikkawżat jew ikkawżat b’mod konġunt l-impatt negattiv reali, l-awtorità superviżorja kompetenti jkollha s-setgħa, fuq inizjattiva proprja jew bħala riżultat ta’ tħassib sostanzjat ikkomunikat lilha f’konformità ma’ din id-Direttiva, li tordna lill-kumpanija tipprovdi rimedju xieraq. Dan huwa mingħajr preġudizzju f’tali sitwazzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għat-tfittxija tar-responsabbiltà ċivili quddiem qorti nazzjonali. Meta l-impatt negattiv reali jiġi kkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, il-kumpanija tista’ tipprovdi rimedju volontarju. Il-kumpanija tista’ tuża wkoll il-kapaċità tagħha li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jikkawża jew jikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv sabiex jippermetti r-rimedju.

(59)

Jenħtieġ li l-kumpaniji jipprovdu l-possibbiltà li l-persuni u l-organizzazzjonijiet jissottomettu lmenti direttament lilhom f’każ ta’ tħassib leġittimu dwar impatti negattivi reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali. Jenħtieġ li l-persuni u l-organizzazzjonijiet li jistgħu jissottomettu tali ilmenti jinkludu persuni li huma affettwati jew li għandhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li jistgħu jkunu affettwati u r-rappreżentanti leġittimi ta’ tali persuni f’isimhom, bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; trade unions u rappreżentanti oħrajn tal-ħaddiema li jirrappreżentaw individwi li jaħdmu fil-katina ta’ attivitajiet ikkonċernata; u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi u b’esperjenza fl-oqsma relatati mal-impatt ambjentali negattiv li huwa s-suġġett tal-ilment. Jenħtieġ li l-kumpaniji jistabbilixxu proċedura ġusta, disponibbli pubblikament, aċċessibbli, prevedibbli u trasparenti sabiex jittrattaw dawk l-ilmenti u jinfurmaw lill-ħaddiema, lit-trade unions u lir-rappreżentanti ta’ ħaddiema oħra rilevanti, dwar tali proċeduri. Jenħtieġ li l-kumpaniji jistabbilixxu wkoll mekkaniżmu aċċessibbli għas-sottomissjoni ta’ notifiki minn persuni u organizzazzjonijiet meta jkollhom informazzjoni jew tħassib dwar impatti negattivi reali jew potenzjali. Sabiex jitnaqqas il-piż fuq il-kumpaniji, jenħtieġ li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fi proċeduri kollaborattivi u mekkaniżmi ta’ notifika tal-ilmenti, bħal dawk stabbiliti b’mod konġunt mill-kumpaniji pereżempju, minn grupp ta’ kumpaniji, permezz ta’ assoċjazzjonijiet tal-industrija, inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew ftehimiet qafas globali. Jenħtieġ li s-sottomissjoni ta’ notifika jew ta’ lment ma tkunx prerekwiżit jew ma tipprekludix lill-persuna li tissottomettihom milli jkollha aċċess għall-proċedura tat-tħassib sostanzjat jew għal mekkaniżmi ġudizzjarji jew mhux ġudizzjarji oħrajn, bħall-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-OECD meta jeżistu. Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura tal-ilmenti u l-mekkaniżmu ta’ notifika skont din id-Direttiva jkunu tali li jevitaw li dak l-aċċess għar-rappreżentanti ta’ kumpanija jwassal għal solleċitazzjoni mhux raġonevoli. F’konformità mal-istandards internazzjonali, jenħtieġ li l-persuni li jissottomettu lmenti, meta ma jissottomettuhomx b’mod anonimu, ikunu intitolati li jitolbu segwitu f’waqtu u xieraq mill-kumpanija u li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kumpanija f’livell xieraq sabiex jiddiskutu l-impatti negattivi severi reali jew potenzjali li jkunu s-suġġett tal-ilment u r-rimedju potenzjali, li jiġu pprovduti bir-raġunament dwar għaliex ilment ikun tqies fondat jew infondat u, meta jkun tqies fondat, li jiġu pprovduti informazzjoni dwar il-passi u l-azzjonijiet meħuda jew li jridu jittieħdu mill-kumpanija. Jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu wkoll il-miżuri raġonevolment disponibbli biex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni billi jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna jew tal-organizzazzjoni li tissottometti l-ilment jew in-notifika, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li t-termini “ġust, disponibbli pubblikament, aċċessibbli, prevedibbli u trasparenti” jinftiehmu f’konformità mal-prinċipju 31 tal-Prinċipji Gwida tan-NU li jirrikjedu li l-proċeduri jkunu leġittimi, aċċessibbli, prevedibbli, ekwi, trasparenti, kompatibbli mad-drittijiet u sors ta’ apprendiment kontinwu, kif imsemmi wkoll fil-Kumment Ġenerali Nru 16 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Jenħtieġ ukoll li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom jiġu protetti kif xieraq, u kwalunkwe sforz ta’ rimedju mhux ġudizzjarju jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-inkoraġġiment tan-negozjar kollettiv u r-rikonoxximent tat-trade unions, u jenħtieġ li bl-ebda mod ma jdgħajjef ir-rwol ta’ trade unions jew ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema leġittimi fl-indirizzar tat-tilwim relatat max-xogħol. Jenħtieġ li l-kumpaniji jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-mekkaniżmi ta’ notifika u l-proċeduri ta’ lment għall-partijiet ikkonċernati, filwaqt li jqisu debitament l-ostakli rilevanti.

(60)

Minħabba lista usa’ ta’ persuni jew organizzazzjonijiet li huma intitolati li jressqu lment u kamp ta’ applikazzjoni usa’ tas-suġġett tal-ilmenti, il-proċedura tal-ilmenti skont din id-Direttiva jenħtieġ li tinftiehem legalment bħala mekkaniżmu li huwa separat mill-proċedura ta’ rapportar intern stabbilita mill-kumpaniji f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Jekk il-ksur dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dik id-Direttiva jista’ jitqies bħala impatt negattiv u l-persuna li tirrapporta tkun impjegata tal-kumpanija li tkun affettwata direttament mill-impatt negattiv, allura l-persuna tkun tista’ tuża ż-żewġ proċeduri: il-mekkaniżmu tal-ilmenti f’konformità ma’ din id-Direttiva jew proċedura ta’ rapportar intern stipulata f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937. Madankollu, jekk waħda mill-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma tiġix issodisfata, imbagħad il-persuna jenħtieġ li tkun tista’ tipproċedi biss permezz ta’ waħda mill-proċeduri.

(61)

Jenħtieġ li l-kumpaniji jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tagħhom. Jenħtieġ li jwettqu valutazzjonijiet perjodiċi tal-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, biex jivvalutaw l-implimentazzjoni u jimmonitorjaw l-adegwatezza u l-effettività tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, it-tmiem u l-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi. Tali valutazzjonijiet jenħtieġ li jivverifikaw li l-impatti negattivi jiġu identifikati kif xieraq, li jiġu implimentati miżuri ta’ diliġenza dovuta u li fil-fatt ikunu ġew evitati jew mitmuma l-impatti negattivi. Sabiex jiġi żgurat li tali valutazzjonijiet ikunu aġġornati, jenħtieġ li dawn jitwettqu mingħajr dewmien żejjed wara li tkun seħħet bidla sinifikanti, iżda mill-anqas kull 12-il xahar u sadanittant jiġu riveduti jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li setgħu rriżultaw riskji ġodda ta’ impatt negattiv. Jenħtieġ li bidla sinifikanti tinftiehem bħala bidla fl-istatus quo tal-operazzjonijiet tal-kumpanija stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji jew tas-sħab kummerċjali tagħha, l-ambjent legali jew tan-negozju jew kwalunkwe bidla sostanzjali oħra mis-sitwazzjoni tal-kumpanija jew il-kuntest li fih topera. Eżempji ta’ bidla sinifikanti jistgħu jkunu każijiet meta l-kumpanija tibda topera f’settur ekonomiku ġdid jew f’żona ġeografika ġdida, tibda tipproduċi prodotti ġodda jew tbiddel il-mod tal-produzzjoni tal-prodotti eżistenti bl-użu ta’ teknoloġija b’impatt negattiv potenzjalment ogħla, jew tbiddel l-istruttura korporattiva tagħha permezz ta’ ristrutturar jew permezz ta’ fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet. Jistgħu jinħolqu raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li hemm riskji ġodda b’modi differenti, inkluż l-apprendiment dwar l-impatt negattiv minn informazzjoni disponibbli pubblikament, permezz tal-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, jew permezz ta’ notifiki. Jenħtieġ li l-kumpaniji jżommu dokumentazzjoni li turi l-konformità tagħhom ma’ dan ir-rekwiżit għal mill-anqas ħames snin. Jenħtieġ li tali dokumentazzjoni tinkludi mill-anqas, meta rilevanti, l-impatti identifikati u l-valutazzjonijiet fil-fond skont l-Artikolu 8, il-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u/jew ta’ azzjoni korrettiva skont l-Artikoli 10(2), il-punt (a), u 11(3), il-punt (b), id-dispożizzjonijiet kuntrattwali miksuba jew il-kuntratti konklużi skont l-Artikoli 10(2), il-punt (b), l-Artikolu 10(4) u 11(3)(c), l-Artikolu 11(5), il-verifiki skont l-Artikoli 10(5) u 11(6), il-miżuri ta’ rimedju, il-valutazzjonijiet perjodiċi bħala parti mill-obbligu ta’ monitoraġġ tal-kumpanija, kif ukoll in-notifiki u l-ilmenti. Jenħtieġ li l-impriżi finanzjarji jwettqu valutazzjoni perjodika biss tal-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u dawk tas-sħab kummerċjali upstream tagħhom.

(62)

Kif inhu l-każ fl-istandards internazzjonali eżistenti stabbiliti mill-Prinċipji Gwida tan-NU u l-qafas tal-OECD, dan jifforma parti mir-rekwiżit ta’ diliġenza dovuta sabiex tiġi kkomunikata informazzjoni rilevanti esternament dwar il-politiki, il-proċessi u l-attivitajiet ta’ diliġenza dovuta mwettqa sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-impatti negattivi reali jew potenzjali, inklużi s-sejbiet u l-eżiti ta’ dawk l-attivitajiet. Id-Direttiva 2013/34/UE tistabbilixxi l-obbligi tar-rapportar rilevanti għall-kumpaniji koperti minn din id-Direttiva. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) jistabbilixxi obbligi ta’ rapportar ulterjuri dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji, għall-impriżi finanzjarji. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar, jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva ma tintroduċi l-ebda obbligu ta’ rapportar ġdid minbarra dawk skont id-Direttiva 2013/34/UE għall-kumpaniji koperti mid-Direttiva 2013/34/UE kif ukoll l-istandards ta’ rapportar li jenħtieġ li jiġu żviluppati skontha. Sabiex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jikkomunikaw bħala parti mid-diliġenza dovuta skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kumpaniji jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom dikjarazzjoni annwali b’mill-anqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, iżda mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha titfassal id-dikjarazzjoni, sakemm il-kumpanija ma tkunx soġġetta għar-rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà previsti fid-Direttiva 2013/34/UE. F’każijiet meta kumpanija ma tkunx meħtieġa tirrapporta skont l-Artikolu 19a jew 29a tad-Direttiva 2013/34/UE, id-dikjarazzjoni jenħtieġ li tiġi ppubblikata sad-data tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali. Jenħtieġ li d-dikjarazzjoni annwali tiġi ppreżentata lill-korp ta’ ġbir iddeżinjat bl-għan li ssir aċċessibbli fuq il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18). Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni fuq l-ESAP, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Sabiex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, jenħtieġ li jiġi emendat l-Anness tar-Regolament (UE) 2023/2859 bl-introduzzjoni tar-referenza għal din id-Direttiva.

(63)

Ir-rekwiżit fuq il-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u li fl-istess ħin huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar skont l-Artikoli 19a, 29a u 40a tad-Direttiva 2013/34/UE li jirrapportaw dwar il-proċess ta’ diliġenza dovuta tagħhom kif stipulat fl-Artikoli 19a, 29a u 40a tad-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li jinftiehem bħala rekwiżit għall-kumpaniji biex jiddeskrivu kif iwettqu d-diliġenza dovuta kif previst f’din id-Direttiva.

(64)

Mhuwiex l-objettiv ta’ din id-Direttiva li l-kumpaniji jintalbu jiddivulgaw pubblikament il-kapital intellettwali, il-proprjetà intellettwali, l-għarfien espert jew ir-riżultati tal-innovazzjoni li jikkwalifikaw bħala sigrieti kummerċjali, kif definit fid-Direttiva (UE) 2016/943. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti ta’ rapportar previsti f’din id-Direttiva jkunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943. Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika wkoll mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19).

(65)

Sabiex iwettqu diliġenza dovuta sinifikanti fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jikkomunikaw b’mod effettiv mal-partijiet ikkonċernati, tul il-proċess tat-twettiq tal-azzjonijiet ta’ diliġenza dovuta. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943, jenħtieġ li l-komunikazzjoni effettiva tkopri l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti u komprensiva lill-partijiet ikkonċernati kkonsultati, kif ukoll konsultazzjoni kontinwa li tippermetti interazzjoni u djalogu ġenwini fil-livell xieraq, bħal-livell tal-proġett jew tas-sit, u b’perjodiċità xierqa. Jenħtieġ li l-komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati kkonsultati tqis debitament l-ostakli għall-komunikazzjoni, tiżgura li l-partijiet ikkonċernati jkunu ħielsa minn ritaljazzjoni u retribuzzjoni, inkluż billi jinżammu l-kunfidenzjalità u l-anonimità, u jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati vulnerabbli, u lill-vulnerabbiltajiet li jikkoinċidu u l-fatturi intersezzjonali, inkluż billi jitqiesu raggruppamenti jew komunitajiet potenzjalment affettwati, pereżempju dawk protetti skont id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni u dawk koperti fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem.Hemm sitwazzjonijiet li fihom ma tkunx possibbli komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati kkonsultati, jew fejn l-involviment ma’ perspettivi esperti addizzjonali jkun utli biex il-kumpanija tkun tista’ tikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-kumpaniji jikkonsultaw ukoll esperti, bħal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent sabiex jiksbu għarfien kredibbli dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali. Jenħtieġ li l-konsultazzjoni tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom titwettaq f’konformità mad-dritt rilevanti tal-Unjoni, u meta applikabbli, mad-dritt nazzjonali u mal-ftehimiet kollettivi u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet applikabbli tagħhom għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni, u b’mod partikolari dawk koperti mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-impjiegi u tad-drittijiet soċjali, inklużi d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE (20) u d-Direttivi 2002/14/KE (21) u 2009/38/KE (22) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-impjegati jinftiehmu bħala li jinkludu ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija, u ħaddiema oħra f’impjieg mhux standard dment li jissodisfaw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem stabbilit mill-QĠUE. Meta jwettqu konsultazzjonijiet, jenħtieġ li jkun possibbli għall-kumpaniji li jiddependu fuq inizjattivi tal-industrija sal-punt li dawn ikunu xierqa biex jappoġġaw il-komunikazzjoni effettiva. L-użu ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati mhuwiex fih innifsu biżżejjed biex ikun issodisfat l-obbligu li jiġu kkonsultati l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.

(66)

Sabiex il-kumpaniji jingħataw għodod biex jgħinuhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tagħhom permezz tal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, tipprovdi gwida dwar il-mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali, li jistgħu jintużaw b’mod volontarju mill-kumpaniji bħala għodda biex tgħin fit-twettiq tal-obbligi tagħhom fl-Artikoli 10 u 11. Jenħtieġ li l-gwida jkollha l-għan li tiffaċilita allokazzjoni ċara tal-kompiti bejn il-partijiet kontraenti u l-kooperazzjoni kontinwa, b’mod li jiġi evitat it-trasferiment tal-obbligi previsti f’din id-Direttiva lil sieħeb kummerċjali u li l-kuntratt isir awtomatikament bla effett f’każ ta’ ksur. Jenħtieġ li l-gwida tirrifletti l-prinċipju li s-sempliċi użu ta’ assigurazzjonijiet kuntrattwali ma jistax, waħdu, jissodisfa l-istandards tad-diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva.

(67)

Sabiex tipprovdi appoġġ u għodod prattiċi lill-kumpaniji jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif jenħtieġ li l-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta b’mod prattiku, u biex jiġu appoġġati l-partijiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bl-użu ta’ linji gwida u standards internazzjonali rilevanti bħala referenza, u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, u meta jkun xieraq ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi oħra li jkollhom għarfien espert fid-diliġenza dovuta, toħroġ linji gwida, inklużi linji gwida ġenerali u linji gwida għal setturi speċifiċi jew għal impatti negattivi speċifiċi u l-interazzjoni bejn din id-Direttiva u atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni li jsegwu l-istess objettivi u li jipprevedu obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi.

(68)

L-għodod u t-teknoloġiji diġitali, bħal dawk użati għat-traċċar, is-sorveljanza jew ir-rintraċċar ta’ materja prima, oġġetti u prodotti tul il-ktajjen tal-valur, pereżempju, satelliti, droni, radars, jew soluzzjonijiet ibbażati fuq pjattaforma, jistgħu jappoġġaw u jnaqqsu l-kost tal-ġbir tad-data għall-ġestjoni tal-katina tal-valur, inkluż l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatti negattivi, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tagħhom, u l-monitoraġġ tal-effettività tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta. Sabiex il-kumpaniji jiġu megħjuna jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta tul il-katina tal-valur tagħhom, jenħtieġ li jitħeġġeġ u jiġi promoss l-użu ta’ tali għodod u teknoloġiji. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida b’informazzjoni utli u referenzi għal riżorsi xierqa. Meta jużaw għodod u teknoloġiji diġitali, jenħtieġ li l-kumpaniji jqisu u jindirizzaw b’mod xieraq ir-riskji possibbli assoċjati magħhom, u jistabbilixxu mekkaniżmi biex jivverifikaw l-adegwatezza tal-informazzjoni miksuba.

(69)

Għalkemm l-SMEs mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, dawn jistgħu jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet tagħha bħala kuntratturi jew sottokuntratturi għall-kumpaniji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni. Madankollu, l-għan huwa li jitnaqqas il-piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-SMEs, li ħafna minnhom diġà qed ibatu fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u sanitarja globali. Sabiex jappoġġaw lill-SMEs, jenħtieġ li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jistabbilixxu u joperaw, individwalment jew b’mod konġunt, siti web, portali jew pjattaformi apposta li jkunu faċli biex jintużaw mill-utent biex jipprovdu informazzjoni u appoġġ għall-kumpaniji, u l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw ukoll finanzjarjament lill-SMEs u jgħinuhom isaħħu l-kapaċitajiet. Tali appoġġ jista’ jsir aċċessibbli wkoll u, meta jkun meħtieġ, jiġi adattat u estiż għall-operaturi ekonomiċi upstream f’pajjiżi terzi. Il-kumpaniji li s-sħab kummerċjali tagħhom ikunu SMEs huma mħeġġa wkoll jappoġġawhom sabiex jikkonformaw mal-miżuri ta’ diliġenza dovuta u jużaw rekwiżiti ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u proporzjonati fir-rigward tal-SMEs.

(70)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi helpdesk uniku dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva. Jenħtieġ li dak il-helpdesk uniku jkun jista’ jikkollabora mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti f’kull Stat Membru u jitlob informazzjoni mingħandhom, inklużi helpdesks nazzjonali fejn jeżistu, pereżempju biex jassistu fl-adattament tal-informazzjoni u tal-gwida għall-kuntesti nazzjonali u fit-tixrid tagħha, mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni tal-funzjonijiet u tas-setgħat fost l-awtoritajiet fis-sistemi nazzjonali. Jenħtieġ li l-helpdesk uniku u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti jikkollaboraw ukoll ma’ xulxin biex jiżguraw il-kooperazzjoni transfruntiera.

(71)

Sabiex tikkomplementa l-appoġġ tal-Istati Membri lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs, fl-implimentazzjoni tagħhom tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta, il-Kummissjoni tista’ tibni fuq għodod, proġetti u azzjonijiet oħra eżistenti tal-Unjoni li jgħinu fl-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi. Tista’ tistabbilixxi miżuri ġodda ta’ appoġġ li jipprovdu għajnuna lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs dwar ir-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta, inkluż osservatorju għat-trasparenza tal-katina ta’ attivitajiet u l-faċilitazzjoni ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

(72)

Il-Kummissjoni tista’ tikkomplementa l-miżuri ta’ appoġġ tal-Istati Membri li jkunu mibnija fuq azzjoni eżistenti tal-Unjoni biex tappoġġa lill-operaturi ekonomiċi upstream isaħħu l-kapaċità biex b’mod effettiv jipprevjenu u jnaqqsu l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali tal-operazzjonijiet u tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċifika lill-isfidi ffaċċjati minn sidien żgħar. Fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħhom, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma mħeġġa jużaw l-istrumenti tal-viċinat, tal-iżvilupp u tal-kooperazzjoni internazzjonali tagħhom, inklużi l-ftehimiet kummerċjali, sabiex jappoġġaw lill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi u lill-operaturi ekonomiċi upstream f’pajjiżi terzi biex jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali tal-operazzjonijiet u tar-relazzjonijiet kummerċjali upstream tagħhom. Dan jista’ jinkludi ħidma mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, mas-settur privat lokali u mal-partijiet ikkonċernati dwar l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali.

(73)

Din id-Direttiva hija għodda leġiżlattiva importanti biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni korporattiva lejn ekonomija sostenibbli, inkluż biex jitnaqqsu l-ħsarat u l-kostijiet eżistenzjali tat-tibdil fil-klima, biex jiġi żgurat l-allinjament mal-objettiv ta’ “emissjonijiet żero netti fuq livell globali” sal-2050, biex tiġi evitata kwalunkwe asserzjoni qarrieqa rigward tali allinjament u biex jitwaqqfu l-greenwashing, id-diżinformazzjoni u l-espansjoni tal-fjuwils fossili madwar id-dinja sabiex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi internazzjonali u Ewropej. Sabiex jiġi żgurat li din id-Direttiva tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jenħtieġ li l-kumpaniji jadottaw u jimplimentaw pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jkollu l-għan li jiżgura, permezz tal-aħjar sforzi, li l-mudell kummerċjali u l-istrateġija tal-kumpanija jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, inklużi l-miri intermedji u tan-newtralità klimatika tiegħu għall-2050. Jenħtieġ li l-pjan jindirizza, meta rilevanti, l-iskopertura tal-kumpanija għal attivitajiet relatati mal-faħam, maż-żejt u mal-gass. Jenħtieġ li tali rekwiżiti jinftiehmu bħala obbligazzjoni tal-mezzi u mhux tar-riżultati. Peress li hija obbligazzjoni tal-mezzi, jenħtieġ li l-progress li jagħmlu l-kumpaniji, u l-kumplessità u n-natura li qed tevolvi tat-tranżizzjoni klimatika jitqiesu kif xieraq. Filwaqt li jenħtieġ li l-kumpaniji jistinkaw biex jilħqu l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jinsabu fil-pjanijiet tagħhom, ċirkostanzi speċifiċi jistgħu jwasslu biex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jilħqu dawn il-miri, meta dan ma jibqax raġonevoli. Jenħtieġ li l-pjan jinkludi miri marbuta biż-żmien relatati mat-tibdil fil-klima għall-2030 u fi stadji ta’ ħames snin sal-2050 abbażi ta’ evidenza xjentifika konklużiva u meta xieraq, miri assoluti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-gassijiet serra għall-kampijiet ta’ applikazzjoni 1, 2 u 3. Jenħtieġ li l-pjan jiżviluppa azzjonijiet ta’ implimentazzjoni biex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-kumpanija u jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika konklużiva, jiġifieri evidenza b’validazzjoni xjentifika indipendenti li tkun konsistenti mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC kif definit mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jkunu meħtieġa li mill-anqas jissorveljaw l-adozzjoni u t-tfassil tal-pjan u l-aġġornamenti tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva. Peress li jenħtieġ li l-kontenut tal-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jkun konformi mar-rekwiżiti ta’ rapportar skont id-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà, jenħtieġ li l-kumpaniji li jirrapportaw tali pjan skont id-Direttiva 2013/34/UE jitqiesu li kkonformaw mal-obbligu speċifiku li jadottaw pjan skont din id-Direttiva. Filwaqt li l-obbligu tal-adozzjoni se jitqies li ntlaħaq, il-kumpaniji xorta jenħtieġ li jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jimplimentaw dak il-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u li jaġġornawh kull 12-il xahar biex jivvalutaw il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-miri tiegħu.

(74)

Sabiex tkun tista’ ssir is-sorveljanza effettiva ta’ din id-Direttiva u, meta jkun meħtieġ, l-infurzar tagħha fir-rigward ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, jenħtieġ li dawk il-kumpaniji jiddeżinjaw rappreżentant awtorizzat b’mandat suffiċjenti fl-Unjoni u jipprovdu informazzjoni relatata mar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentant awtorizzat li jiffunzjona wkoll bħala punt ta’ kuntatt, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti ta’ din id-Direttiva. Jekk il-kumpanija ta’ pajjiż terz ma tiddeżinjax ir-rappreżentant awtorizzat, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha li fihom topera l-kumpanija jkunu kompetenti biex jinfurzaw it-twettiq ta’ dan l-obbligu, speċjalment biex jiddeżinjaw persuna fiżika jew ġuridika f’wieħed mill-Istati Membri fejn topera, f’konformità mal-qafas ta’ infurzar stabbilit fid-dritt nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri li jibdew tali infurzar jinfurmaw lill-awtoritajiet superviżorji ta’ Stati Membri oħra permezz ta’ Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji sabiex Stati Membri oħrajn ma jinfurzawhomx.

(75)

Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-kumpaniji u jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeżinjaw awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar. Jenħtieġ li dawn l-awtoritajiet superviżorji jkunu ta’ natura pubblika, indipendenti mill-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew minn interessi oħra tas-suq, u ħielsa minn kunflitti ta’ interess u minn influwenza esterna, kemm diretta jew indiretta. Sabiex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, jenħtieġ li dawn l-awtoritajiet superviżorji la jfittxu u lanqas ma jieħdu struzzjonijiet mingħand ħaddieħor. F’konformità mad-dritt nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kull awtorità superviżorja tingħata r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħha. Jenħtieġ li jkunu intitolati jwettqu investigazzjonijiet, fuq inizjattiva proprja jew abbażi ta’ tħassib sostanzjat li jitqajjem skont din id-Direttiva. Dawk l-investigazzjonijiet jistgħu jinkludu, meta xieraq, spezzjonijiet fuq il-post u s-smigħ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Meta jkunu jeżistu awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni settorjali, l-Istati Membri jistgħu jidentifikawhom bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jippubblikaw u jagħmlu disponibbli fuq sit web rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-passat tagħhom, inkluż il-ksur l-aktar serju identifikat. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu aċċessibbli biex jirċievu tħassib sostanzjat, mingħajr ħlas jew bi ħlas limitat biex ikopru l-kostijiet amministrattivi biss, u jiżguraw li informazzjoni prattika tkun disponibbli għall-pubbliku dwar kif jiġi eżerċitat dan id-dritt.

(76)

Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu penali dissważivi, proporzjonati u effettivi għall-ksur ta’ dawk il-miżuri. Sabiex tali reġim ta’ penali jkun effettiv, jenħtieġ li l-penali li jridu jiġu imposti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jinkludu penali pekunjarji u dikjarazzjoni pubblika li tindika l-kumpanija responsabbli u n-natura tal-ksur jekk il-kumpanija tonqos milli tikkonforma ma’ deċiżjoni li timponi penali pekunjarja fil-perjodu ta’ żmien applikabbli. Dak ir-reġim ta’ penali huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħa li wieħed jirtira u jipprojbixxi l-introduzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-esportazzjoni ta’ prodotti skont atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni li jipprevedu obbligi ta’ diliġenza dovuta aktar estensivi jew aktar speċifiċi, bħar-Regolament (UE) 2023/1115. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-penali pekunjarja tkun proporzjonata mal-fatturat nett dinji tal-kumpanija meta tiġi imposta. Madankollu, jenħtieġ li dak ma jobbligax lill-Istati Membri li f’kull każ jibbażaw il-penali pekunjarja biss fuq il-fatturat nett tal-kumpanija. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu, f’konformità mad-dritt nazzjonali jekk jenħtieġx li l-penali jiġu imposti direttament mill-awtoritajiet superviżorji, f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Sabiex tiġi żgurata sorveljanza pubblika tal-applikazzjoni tar-regoli stipulati f’din id-Direttiva, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji li jimponu penali fuq kumpaniji minħabba nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva jiġu ppubblikati, jintbagħtu lin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji u jibqgħu disponibbli għall-pubbliku għal mill-anqas tliet snin. Jenħtieġ li d-deċiżjoni ppubblikata ma jkun fiha l-ebda data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). Il-pubblikazzjoni ta’ isem il-kumpanija jenħtieġ li tkun permessa anki jekk ikun fiha l-isem ta’ persuna fiżika.

(77)

Sabiex jiġi prevenut tnaqqis artifiċjali ta’ multi amministrattivi potenzjali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li, meta jimponu penali pekunjarja fuq kumpanija li tappartjeni għal grupp, tali penali jiġu kkalkulati b’kont meħud tal-fatturat konsolidat ikkalkulat fil-livell tal-kumpanija omm apikali.

(78)

Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom. Għal dak il-għan jenħtieġ li jiġi stabbilit Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji mill-Kummissjoni u jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u jipprovdu assistenza reċiproka.

(79)

Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi ta’ impatti negattivi jkollhom aċċess effettiv għall-ġustizzja u għal kumpens, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà ċivili tal-kumpaniji għal dannu kkawżat lil persuna fiżika jew ġuridika, bil-kundizzjoni li l-kumpanija tkun naqset intenzjonalment jew b’negliġenza milli tipprevjeni jew tnaqqas l-impatti negattivi potenzjali jew li ttemm l-impatti reali jew li timminimizza l-firxa tagħhom u, bħala riżultat ta’ tali nuqqas, ikun ġie kkawżat dannu lill-persuna fiżika jew ġuridika. Jenħtieġ li dannu kkawżat lill-interessi legali protetti ta’ persuna jinftiehem f’konformità mad-dritt nazzjonali, pereżempju mewt, ħsara fiżika jew psikoloġika, ċaħda tal-libertà personali, telf tad-dinjità tal-bniedem, jew dannu lill-proprjetà ta’ persuna. Il-kundizzjoni li d-dannu jrid jiġi kkawżat lil persuna bħala riżultat tan-nuqqas tal-kumpanija li tikkonforma mal-obbligu li tindirizza l-impatt negattiv, meta d-dritt, il-projbizzjoni jew l-obbligu elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva, li l-abbuż jew il-ksur tagħhom ikun qed jirriżulta fl-impatt negattiv li kien jenħtieġ li jiġi indirizzat, ikollha l-għan li tipproteġi lill-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jiġi kkawżat id-dannu, jenħtieġ li tinftiehem li tfisser li dannu derivattiv (ikkawżat indirettament lil persuni oħra li mhumiex il-vittmi ta’ impatti negattivi u li mhumiex protetti mid-drittijiet, il-projbizzjonijiet jew l-obbligi elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva) mhuwiex kopert. Pereżempju, jekk impjegat ta’ kumpanija jkun ġarrab dannu minħabba l-ksur min-naħa tal-kumpanija tal-istandards tas-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, jenħtieġ li sid il-kera ta’ tali impjegat ma jitħalliex iressaq pretensjoni kontra l-kumpanija għal telf ekonomiku kkawżat minħabba l-fatt li l-impjegat ma jkunx jista’ jħallas il-kera. Il-kawżalità fis-sens tar-responsabbiltà ċivili mhijiex regolata minn din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni li jenħtieġ li l-kumpaniji ma jinżammux responsabbli skont din id-Direttiva jekk id-dannu jiġi kkawżat biss mis-sħab kummerċjali fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji (l-hekk imsejħa “marbuta direttament ma’” kif imsemmi fil-qafas internazzjonali). Jenħtieġ li l-vittmi jkollhom id-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu kkawżat f’konformità mad-dritt nazzjonali u f’konformità ma’ tali prinċipju komuni. Jenħtieġ li d-deterrenza permezz ta’ danni (danni punittivi) jew kwalunkwe forma oħra ta’ kumpens żejjed tkun ipprojbita.

(80)

Billi jenħtieġ li l-impatti negattivi jingħataw prijorità skont is-severità u l-probabbiltà tagħhom u jiġu indirizzati gradwalment, jekk ma jkunx possibbli li jiġu indirizzati fl-istess ħin u għalkollox l-impatti negattivi kollha li tkun identifikat, jenħtieġ li kumpanija ma tinżamm responsabbli għal ebda dannu li jirriżulta minn xi impatt negattiv anqas sinifikanti li kien għadu ma ġiex indirizzat. Madankollu, jenħtieġ li l-korrettezza tal-prijoritizzazzjoni tal-kumpanija tal-impatti negattivi tiġi vvalutata meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà tal-kumpanija ġewx issodisfati bħala parti mill-valutazzjoni ta’ jekk il-kumpanija kisritx l-obbligu tagħha li tindirizza b’mod adegwat l-impatti negattivi li tkun identifikat.

(81)

Ir-reġim tar-responsabbiltà ma jirregolax min jenħtieġ li jipprova l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà fiċ-ċirkostanzi tal-każ, jew skont liema kundizzjonijiet jistgħu jinbdew il-proċediment ċivili, għalhekk dawk il-kwistjonijiet jitħallew għad-dritt nazzjonali.

(82)

Sabiex jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv, kif minqux fl-Artikolu 2(3) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, fl-Artikolu 8 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni Aarhus), din id-Direttiva tindirizza ċerti ostakli prattiċi u proċedurali għall-ġustizzja għall-vittmi ta’ impatti negattivi, inklużi diffikultajiet fl-aċċess għall-evidenza, id-durata limitata tal-perjodi ta’ preskrizzjoni, in-nuqqas ta’ mekkaniżmi adegwati għal azzjonijiet rappreżentattivi, u l-kostijiet projbittivi tal-proċedimenti ta’ responsabbiltà ċivili.

(83)

Meta rikorrent jippreżenta ġustifikazzjoni motivata li jkun fiha fatti u evidenza raġonevolment disponibbli suffiċjenti biex jappoġġaw il-plawżibbiltà tat-talba tiegħu għad-danni u jindika li hemm evidenza addizzjonali f’idejn il-kumpanija, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-qrati jkunu jistgħu jordnaw li tali evidenza tiġi divulgata mill-kumpanija f’konformità mad-dritt proċedurali nazzjonali, filwaqt li jillimitaw tali divulgazzjoni għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jikkunsidraw il-punt sa fejn it-talba jew id-difiża tkun appoġġata mill-fatti u mill-evidenza disponibbli li jiġġustifikaw it-talba għad-divulgazzjoni; l-iskop u l-kost tad-divulgazzjoni kif ukoll l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, inkluża l-prevenzjoni ta’ tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x’aktarx ma tkunx ta’ rilevanza għall-partijiet fil-proċedura. Meta tali evidenza jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali, jenħtieġ li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni tagħha biss meta jqisu li tkun rilevanti għall-azzjoni għad-danni, u jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri effettivi biex jipproteġu tali informazzjoni.

(84)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu l-kundizzjonijiet raġonevoli li taħthom kwalunkwe parti li allegatament iġġarrab id-danni tkun tista’ tawtorizza trade union, organizzazzjoni mhux governattiva tad-drittijiet tal-bniedem jew ambjentali jew organizzazzjoni mhux governattiva oħra, u, f’konformità mad-dritt nazzjonali, istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, ibbażati fi kwalunkwe Stat Membru, biex iressqu azzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili biex jinfurzaw id-drittijiet tal-vittmi, meta tali entitajiet jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dritt nazzjonali, pereżempju, meta jżommu preżenza permanenti tagħhom stess u, f’konformità mal-istatuti tagħhom, ma jkunux involuti kummerċjalment u mhux biss temporanjament fit-twettiq tad-drittijiet protetti skont din id-Direttiva jew id-drittijiet korrispondenti fid-dritt nazzjonali. Dak jista’ jinkiseb permezz ta’ dispożizzjonijiet ta’ proċedura ċivili nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni biex il-vittma tiġi rrappreżentata fil-kuntest ta’ intervent minn parti terza, abbażi tal-kunsens espliċitu tal-parti li allegatament iġġarrab id-danni, u jenħtieġ li ma jiġix interpretat bħala li jirrikjedi li l-Istati Membri jestendu d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħhom dwar azzjonijiet rappreżentattivi kif definit fid-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24).

(85)

Jenħtieġ li l-perjodi ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ talbiet għal responsabbiltà ċivili għad-danni jkunu ta’ mill-anqas ħames snin u, fi kwalunkwe każ, mhux iqsar mill-perjodu ta’ preskrizzjoni stabbilit skont ir-reġimi nazzjonali ġenerali tar-responsabbiltà ċivili. Ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, id-durata, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni jenħtieġ li ma jfixklux bla bżonn it-tressiq ta’ azzjonijiet għal danni u, fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li ma jkunux aktar restrittivi mir-regoli dwar ir-reġimi nazzjonali ġenerali tar-responsabbiltà ċivili.

(86)

Barra minn hekk, sabiex jiġu żgurati rimedji legali, jenħtieġ li r-rikorrenti jkunu jistgħu jfittxu miżuri ta’ inġunzjoni fil-forma ta’ miżura definittiva jew proviżorja biex iwaqqfu l-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva billi jwettqu azzjoni jew iwaqqfu mġiba.

(87)

Fir-rigward tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, jenħtieġ li r-responsabbiltà ċivili ta’ kumpanija għad-danni li jirriżultaw minħabba n-nuqqas tagħha li twettaq diliġenza dovuta adegwata tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tas-sussidjarji tagħha jew għar-responsabbiltà ċivili rispettiva tas-sħab kummerċjali diretti u indiretti fil-katina ta’ attivitajiet tagħha. Meta l-kumpanija tkun ikkawżat id-dannu b’mod konġunt mas-sussidjarja jew mas-sieħeb kummerċjali tagħha, jenħtieġ li tkun responsabbli in solidum ma’ dik is-sussidjarja jew dak is-sieħeb kummerċjali. Dan jenħtieġ li jkun f’konformità mad-dritt nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà in solidum, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-responsabbiltà in solidum, u dwar id-drittijiet ta’ rikors għall-kumpens sħiħ imħallas minn parti waħda responsabbli in solidum.

(88)

Jenħtieġ li r-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili relatati mal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew mal-impatti ambjentali negattivi li jipprevedu responsabbiltà f’sitwazzjonijiet mhux koperti minn din id-Direttiva jew li jipprevedu responsabbiltà aktar stretta minnha. Jenħtieġ li reġim ta’ responsabbiltà aktar strett jinftiehem ukoll bħala reġim ta’ responsabbiltà ċivili li jipprevedi responsabbiltà anke f’każijiet meta l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà skont din id-Direttiva ma tirriżultax fir-responsabbiltà tal-kumpanija.

(89)

Fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn impatti ambjentali negattivi, il-persuni li jġarrbu dannu jistgħu jitolbu kumpens skont din id-Direttiva anke meta tali talbiet jikkoinċidu ma’ pretensjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(90)

Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi ta’ ħsara għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ambjent ikunu jistgħu jressqu azzjoni għad-danni u jitolbu kumpens għal dannu kkawżat meta l-kumpanija tkun naqset intenzjonalment jew b’negliġenza milli tikkonforma mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta li jirriżultaw minn din id-Direttiva, jenħtieġ li din id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu r-reġim ta’ responsabbiltà ċivili previst f’din id-Direttiva jkunu ta’ applikazzjoni obbligatorja prevalenti f’każijiet meta d-dritt applikabbli għal tali talbiet ma jkunx id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, kif jista’ pereżempju jkun il-każ f’konformità mar-regoli tad-dritt internazzjonali privat meta d-dannu jseħħ f’pajjiż terz. Dan ifisser li jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw ukoll li r-rekwiżiti fir-rigward ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jistgħu jressqu t-talba, l-istatut tal-limitazzjonijiet u tad-divulgazzjoni tal-evidenza jkunu ta’ applikazzjoni obbligatorja prevalenti. Meta jittrasponu r-reġim ta’ responsabbiltà ċivili previst f’din id-Direttiva u jagħżlu l-metodi biex jiksbu tali riżultati, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jqisu wkoll ir-regoli nazzjonali relatati kollha sa fejn ikunu meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi u kruċjali għas-salvagwardja tal-interessi pubbliċi tal-Istati Membri, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tagħhom.

(91)

Jenħtieġ li r-reġim ta’ responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25). Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jimponu obbligi ulterjuri u aktar stretti fuq il-kumpaniji jew milli jieħdu miżuri ulterjuri li jkollhom l-istess objettivi tad-Direttiva 2004/35/KE.

(92)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva, jew l-implimentazzjoni volontarja tagħhom, tikkwalifika bħala aspett jew element ambjentali u/jew soċjali li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE (26), 2014/24/UE (27) u 2014/25/UE (28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iqisu bħala parti mill-kriterji għall-aġġudikazzjoni għall-kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjoni jew jistabbilixxu fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ tali kuntratti. L-awtoritajiet kontraenti u l-entitajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jkunu meħtieġa mill-Istati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist, inkluż fi proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ konċessjoni, meta applikabbli, kwalunkwe operatur ekonomiku, meta jistgħu juru bi kwalunkwe mezz xieraq ksur tal-obbligi applikabbli fl-oqsma tal-liġi ambjentali, soċjali u tax-xogħol, inklużi dawk li jirriżultaw minn ċerti ftehimiet internazzjonali ratifikati mill-Istati Membri kollha u elenkati f’dawk id-Direttivi, jew li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ mġiba professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża. Biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tiġi appoġġata l-implimentazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra jekk huwiex rilevanti li taġġorna kwalunkwe direttiva minn dawk, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti u tal-miżuri li l-Istati Membri jridu jadottaw biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi ta’ sostenibbiltà u ta’ diliġenza dovuta matul il-proċessi tal-akkwist u ta’ konċessjoni.

(93)

Persuni li jaħdmu għal kumpaniji soġġetti għal obbligi ta’ diliġenza dovuta previsti f’din id-Direttiva jew li jkunu f’kuntatt ma’ tali kumpaniji fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-esponiment ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva. B’hekk jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u għall-iskoraġġiment ta’ tali ksur u għat-tisħiħ tal-infurzar ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tapplika għar-rapportar tal-ksur kollu tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur.

(94)

Biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali, l-applikabbiltà, skont din id-Direttiva, tad-Direttiva (UE) 2019/1937 għar-rapportar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponi din id-Direttiva u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur, jenħtieġ li tiġi riflessa fid-Direttiva (UE) 2019/1937. Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tad-Direttiva (UE) 2019/1937 jiġi emendat skont dan. Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw li dik l-emenda tkun riflessa fil-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom adottati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2019/1937.

(95)

Sabiex tiġi speċifikata l-informazzjoni li l-kumpaniji li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà korporattiva skont id-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li jkunu qed jikkomunikaw dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ regoli addizzjonali dwar il-kontenut u l-kriterji ta’ tali rapportar, filwaqt li tiġi speċifikata informazzjoni dwar id-deskrizzjoni tad-diliġenza dovuta, l-impatti reali u potenzjali u l-azzjonijiet meħuda fuqhom. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (29). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(96)

Jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi applikata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mad-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif minquxa fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva jrid isir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, inklużi r-rekwiżiti tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-ħżin.

(97)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30) u ta l-opinjoni fis-17 ta’ Marzu 2022.

(98)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta perjodikament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-effettività tagħha fl-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-impatti negattivi. Jenħtieġ li l-ewwel rapport ikopri, fost l-oħrajn, l-impatti ta’ din id-Direttiva fuq l-SMEs, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’termini tal-kumpaniji koperti, jekk id-definizzjoni tat-terminu “katina ta’ attivitajiet” teħtieġx li tiġi riveduta, jekk l-Anness ta’ din id-Direttiva jeħtieġx li jiġi mmodifikat u l-lista ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti msemmija f’din id-Direttiva jenħtieġx tiġi emendata, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali, jekk ir-regoli dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u s-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji relatati ma’ dawk ir-regoli jeħtiġux li jiġu riveduti, l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ infurzar stabbiliti fil-livell nazzjonali, tal-penali u tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, u jekk humiex meħtieġa bidliet fil-livell ta’ armonizzazzjoni ta’ din id-Direttiva biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern. Mal-ewwel opportunità wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, iżda mhux aktar tard minn sentejn wara dik id-data, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta wkoll rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà adattati għall-impriżi finanzjarji regolati fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi finanzjarji u attivitajiet ta’ investiment, u l-opzjonijiet għal tali rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta kif ukoll l-impatti tagħhom, f’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jitqiesu atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni li japplikaw għall-impriżi finanzjarji regolati. Dak ir-rapport jenħtieġ li jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

(99)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-isfruttament aħjar tal-potenzjal tas-suq uniku biex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-prevenzjoni u tal-mitigazzjoni tal-impatti negattivi reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, b’mod partikolari, il-fatt li l-problemi u l-kawżi ta’ dawk il-problemi indirizzati minn din id-Direttiva huma ta’ dimensjoni tranżnazzjonali, peress li ħafna kumpaniji qed joperaw madwar l-Unjoni kollha jew globalment u l-ktajjen tal-valur tagħhom jestendu għal Stati Membri oħra u għal pajjiżi terzi, u l-fatt li l-miżuri tal-Istati Membri individwali jirriskjaw li jkunu ineffettivi u li jwasslu għal frammentazzjoni tas-suq intern, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar:

(a)

l-obbligi għall-kumpaniji rigward l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali, reali u potenzjali, fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom, u l-operazzjonijiet mwettqa mis-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet ta’ dawk il-kumpaniji;

(b)

ir-responsabbiltà għal ksur tal-obbligi kif imsemmija fil-punt (a); u

(c)

l-obbligu għall-kumpaniji li jadottaw u jqiegħdu fis-seħħ pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jkollu l-għan li jiżgura, permezz tal-aqwa sforzi, il-kompatibbiltà tal-mudell kummerċjali u l-istrateġija tal-kumpanija mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni għat-tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali, jew tal-ħarsien tal-ambjent jew tal-protezzjoni tal-klima previsti mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri jew mill-ftehimiet kollettivi applikabbli fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol u dawk soċjali, u tal-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima skont atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni. Jekk dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni li jkollu l-istess objettivi u li jipprevedi obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi, id-dispożizzjoni ta’ dak l-att leġiżlattiv l-ieħor tal-Unjoni għandu jipprevali sal-punt tal-kunflitt u għandu japplika fir-rigward ta’ dawk l-obbligi speċifiċi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kumpaniji ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kumpanija kellha medja ta’ aktar minn 1 000 impjegat u kellha fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 450 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali;

(b)

il-kumpanija ma laħqitx il-livelli limitu kif imsemmija fil-punt (a) iżda hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li laħaq dawk il-livelli limitu fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali konsolidati;

(c)

il-kumpanija daħlet fi grupp jew hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp, li daħal fi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzjar fl-Unjoni bi skambju għal royalties ma’ kumpaniji terzi indipendenti, meta dawk il-ftehimiet jiżguraw identità komuni, kunċett ta’ negozju komuni u l-applikazzjoni ta’ metodi kummerċjali uniformi, u meta dawk ir-royalties ammontaw għal aktar minn EUR 22 500 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, u dment li l-kumpanija kellha jew hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li kellu fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 80 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja li għaliha ġew adottati jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-kumpaniji ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kumpanija ġġenerat fatturat nett ta’ aktar minn EUR 450 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja;

(b)

il-kumpanija ma laħqitx il-livell limitu kif imsemmi fil-punt (a) iżda hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp li fuq bażi konsolidata laħaq dak il-livell limitu fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja;

(c)

il-kumpanija daħlet fi grupp jew hija l-kumpanija omm apikali ta’ grupp, li daħal fi ftehimiet ta’ franchising jew ta’ liċenzjar fl-Unjoni bi skambju għal royalties ma’ kumpaniji terzi indipendenti, meta dawk il-ftehimiet jiżguraw identità komuni, kunċett ta’ negozju komuni u l-applikazzjoni ta’ metodi kummerċjali uniformi, u meta dawk ir-royalties ammontaw għal aktar minn EUR 22 500 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja; u dment li l-kumpanija tkun iġġenerat, jew tkun il-kumpanija omm apikali ta’ grupp li ġġenera, fatturat nett ta’ aktar minn EUR 80 000 000 fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja.

3.   Meta l-kumpanija omm apikali jkollha bħala l-attività ewlenija tagħha ż-żamma ta’ ishma f’sussidjarji operazzjonali u ma tinvolvix ruħha fit-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali, operazzjonali jew finanzjarji li jaffettwaw il-grupp jew waħda mis-sussidjarji jew aktar tagħha, hija tista’ tiġi eżentata milli twettaq l-obbligi skont din id-Direttiva. Dik l-eżenzjoni hija soġġetta għall-kundizzjoni li waħda mis-sussidjarji tal-kumpanija omm apikali stabbilita fl-Unjoni tiġi ddeżinjata biex tissodisfa l-obbligi stipulati fl-Artikoli 6 sa 16 u fl-Artikolu 22 f’isem il-kumpanija omm apikali, inklużi l-obbligi tal-kumpanija omm apikali fir-rigward tal-attivitajiet tas-sussidjarji tagħha. F’tali każ, is-sussidjarja ddeżinjata tingħata l-mezzi u l-awtorità legali kollha meħtieġa biex tissodisfa dawk l-obbligi b’mod effettiv, b’mod partikolari biex tiżgura li s-sussidjarja ddeżinjata tikseb mingħand il-kumpaniji tal-grupp l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti biex tissodisfa l-obbligi tal-kumpanija omm apikali skont din id-Direttiva.

Il-kumpanija omm apikali għandha tapplika għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għand l-awtorità superviżorja kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 24, biex tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu humiex issodisfati. Meta l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati l-awtorità għandha tagħti l-eżenzjoni. Meta applikabbli, tali awtorità għandha tinforma kif xieraq lill-awtorità superviżorja kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita s-sussidjarja deżinjata bl-applikazzjoni u mbagħad bid-deċiżjoni tagħha.

Il-kumpanija omm apikali għandha tibqa’ responsabbli b’mod konġunt mas-sussidjarja deżinjata għal nuqqas min-naħa ta’ din tal-aħħar li tikkonforma mal-obbligi tagħha f’konformità mal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-għadd ta’ impjegati part-time għandu jiġi kkalkolat fuq bażi ekwivalenti għal full-time. Il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija u ħaddiema oħra f’forom ta’ impjieg mhux standard, dment li jissodisfaw il-kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati bl-istess mod daqslikieku kienu ħaddiema impjegati direttament għall-istess perjodu ta’ żmien mill-kumpanija.

5.   Meta kumpanija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2, din id-Direttiva għandha tapplika biss jekk dawk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati f’sentejn finanzjarji konsekuttivi. Din id-Direttiva ma għandhiex tibqa’ tapplika għal kumpanija msemmija fil-paragrafu 1 jew 2 meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 2 ma jibqgħux jiġu ssodisfati għal kull waħda mill-aħħar sentejn finanzjarji rilevanti.

6.   Fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandu jkun l-Istat Membru li fih il-kumpanija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

7.   Fir-rigward ta’ kumpanija kif imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandu jkun l-Istat Membru li fih dik il-kumpanija jkollha fergħa. Jekk kumpanija ma jkollha fergħa fl-ebda Stat Membru, jew ikollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, l-Istat Membru kompetenti biex jirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva għandu jkun dak li fih dik il-kumpanija tkun iġġenerat l-ogħla fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja.

8.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-AIFs, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31) jew għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kumpanija” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

persuna ġuridika kkostitwita bħala waħda mill-forom ġuridiċi elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2013/34/UE;

(ii)

persuna ġuridika kostitwita f’konformità mad-dritt ta’ pajjiż terz f’forma komparabbli ma’ dawk elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2013/34/UE;

(iii)

impriża finanzjarja regolata, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li tkun:

istituzzjoni ta’ kreditu, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (33);

ditta tal-investiment, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (1), tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);

maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM), kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2011/61/UE, inkluż maniġer ta’ fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECA), kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (35), maniġer ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (EuSEF), kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), u maniġer ta’ fondi ta’ investiment Ewropej fuq terminu twil (ELTIF), kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37);

kumpanija tal-maniġment, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), tad-Direttiva 2009/65/KE;

impriża tal-assigurazzjoni, kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (38);

impriża tar-riassigurazzjoni, kif definit fl-Artikolu 13, il-punt (4), tad-Direttiva 2009/138/KE;

istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 f’konformità mal-Artikolu 2 tagħha, dment li Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva fl-intier tagħha jew parzjalment għal dawk l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;

kontroparti ċentrali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39);

depożitorju ċentrali tat-titoli, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

strument ta’ għan speċjali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 211 tad-Direttiva 2009/138/KE;

entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41);

kumpanija holding finanzjarja, kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (20), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kumpanija holding tal-assigurazzjoni, kif definit fl-Artikolu 212(1), il-punt (f), tad-Direttiva 2009/138/KE, jew kumpanija holding finanzjarja mħallta, kif definit fl-Artikolu 212(1), il-punt (h), tad-Direttiva 2009/138/KE, li tkun parti minn grupp tal-assigurazzjoni li jkun soġġett għal superviżjoni fil-livell tal-grupp skont l-Artikolu 213 ta’ dik id-Direttiva u li ma jkunx eżentat mis-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 214(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;

istituzzjoni ta’ pagament, kif imsemmi fl-Artikolu 1(1), il-punt (d), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42);

istituzzjoni tal-flus elettroniċi, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43);

fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44);

fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi, kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (15), tar-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45), meta jwettaq servizz wieħed jew aktar tal-kriptoassi, kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (16), ta’ dak ir-Regolament;

(b)

“impatt ambjentali negattiv” tfisser impatt negattiv fuq l-ambjent li jirriżulta mill-ksur tal-projbizzjonijiet u tal-obbligi elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 1, il-punti 15 u 16, u fil-Parti II tal-Anness ta’ din id-Direttiva, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni nazzjonali marbuta mad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti elenkati fih;

(c)

“impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem” tfisser impatt fuq il-persuni li jirriżulta minn:

(i)

abbuż ta’ wieħed mid-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 1, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, billi dawk id-drittijiet tal-bniedem huma minquxa fl-istrumenti internazzjonali elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva;

(ii)

abbuż ta’ dritt tal-bniedem mhux elenkat fil-Parti I, it-Taqsima 1, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, iżda minqux fl-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva, dment li:

id-dritt tal-bniedem jista’ jiġi abbużat minn kumpanija jew entità ġuridika;

l-abbuż tad-dritt tal-bniedem ifixkel direttament interess legali protett fl-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem elenkati fil-Parti I, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva; u

il-kumpanija setgħet ipprevediet b’mod raġonevoli r-riskju li tali dritt tal-bniedem jista’ jiġi affettwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi n-natura u l-firxa tal-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanija u l-katina ta’ attivitajiet tagħha, il-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u l-kuntest ġeografiku u operazzjonali;

(d)

“impatt negattiv” tfisser impatt ambjentali negattiv jew impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem;

(e)

“sussidjarja” tfisser persuna ġuridika, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (10), tad-Direttiva 2013/34/UE, u persuna ġuridika li permezz tagħha tiġi eżerċitata l-attività ta’ impriża kontrollata, kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (f), tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46);

(f)

“sieħeb kummerċjali” tfisser entità:

(i)

li magħha l-kumpanija jkollha ftehim kummerċjali relatat mal-operazzjonijiet, mal-prodotti jew mas-servizzi tal-kumpanija jew li lilha l-kumpanija tipprovdi servizzi skont il-punt (g) (“sieħeb kummerċjali dirett”); jew

(ii)

li mhijiex sieħeb kummerċjali dirett iżda li twettaq operazzjonijiet kummerċjali relatati mal-operazzjonijiet, il-prodotti jew is-servizzi tal-kumpanija (“sieħeb kummerċjali indirett”);

(g)

“katina ta’ attivitajiet” tfisser:

(i)

l-attivitajiet tas-sħab kummerċjali upstream ta’ kumpanija relatati mal-produzzjoni ta’ oġġetti jew il-forniment ta’ servizzi minn dik il-kumpanija, inklużi d-disinn, l-estrazzjoni, it-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista, il-manifattura, it-trasport, il-ħżin u l-provvista ta’ materja prima, prodotti jew partijiet ta’ prodotti u l-iżvilupp tal-prodott jew tas-servizz; u

(ii)

l-attivitajiet tas-sħab kummerċjali downstream ta’ kumpanija relatati mad-distribuzzjoni, mat-trasport u mal-ħżin ta’ prodott ta’ dik il-kumpanija, meta s-sħab kummerċjali jwettqu dawk l-attivitajiet għall-kumpanija jew f’isem il-kumpanija, u li jeskludu d-distribuzzjoni, it-trasport u l-ħżin ta’ prodott li jkun soġġett għall-kontrolli tal-esportazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2021/821 jew għall-kontrolli tal-esportazzjoni relatati ma’ armi, munizzjon jew materjali tal-gwerra, ladarba tkun awtorizzata l-esportazzjoni tal-prodott;

(h)

“verifika indipendenti minn parti terza” tfisser verifika tal-konformità minn kumpanija, jew partijiet mill-katina ta’ attivitajiet tagħha, mar-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali li jirriżultaw minn din id-Direttiva minn espert li jkun oġġettiv, kompletament indipendenti mill-kumpanija, ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess u minn influwenza esterna, li jkollu esperjenza u kompetenza fi kwistjonijiet ambjentali jew tad-drittijiet tal-bniedem, skont in-natura tal-impatt negattiv, u li jkun responsabbli għall-kwalità u għall-affidabbiltà tal-verifika;

(i)

“SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li ma tkunx parti minn grupp kbir, peress li dawk it-termini huma definiti skont l-Artikolu 3(1), (2), (3) u (7) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(j)

“inizjattiva tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati” tfisser kombinazzjoni ta’ proċeduri, għodod u mekkaniżmi volontarji ta’ diliġenza dovuta, żviluppati u ssorveljati minn gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija, organizzazzjonijiet interessati, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jew raggruppamenti jew kombinazzjonijiet tagħhom, li l-kumpaniji jistgħu jipparteċipaw fihom sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta;

(k)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika residenti jew stabbilita fl-Unjoni li jkollha mandat minn kumpanija fis-sens tal-punt (a)(ii) li taġixxi f’isimha fir-rigward tal-konformità mal-obbligi ta’ dik il-kumpanija skont din id-Direttiva;

(l)

“impatt negattiv sever” tfisser impatt negattiv li jkun speċjalment sinifikanti minħabba n-natura tiegħu, bħal impatt li jinvolvi ħsara għall-ħajja, għas-saħħa jew għal-libertà tal-bniedem, jew minħabba l-iskala, l-ambitu jew in-natura irrimedjabbli tiegħu, b’kont meħud tal-gravità tiegħu, inkluż l-għadd ta’ individwi li jkunu jew li jistgħu jkunu affettwati, il-livell tad-dannu li jkun sar jew li seta’ sar lill-ambjent jew ta’ kif ġie affettwat mod ieħor, l-irriversibbiltà tiegħu u l-limiti fuq il-kapaċità li l-individwi affettwati jew l-ambjent jiġu restawrati għal sitwazzjoni ekwivalenti għas-sitwazzjoni tagħhom qabel l-impatt f’perjodu ta’ żmien raġonevoli;

(m)

“fatturat nett” tfisser:

(i)

il-“fatturat nett” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (5), tad-Direttiva 2013/34/UE; jew

(ii)

meta l-kumpanija tapplika standards internazzjonali tal-kontabilità adottati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (47) jew tkun kumpanija fis-sens tal-punt (a)(ii), id-dħul kif definit mill-qafas ta’ rapportar finanzjarju, jew fis-sens tiegħu, li abbażi tiegħu jitħejjew id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-kumpanija;

(n)

“partijiet ikkonċernati” tfisser l-impjegati tal-kumpanija, l-impjegati tas-sussidjarji tagħha, trade unions u rappreżentanti tal-ħaddiema, konsumaturi u individwi, raggruppamenti, komunitajiet jew entitajiet oħra li d-drittijiet jew l-interessi tagħhom huma jew jistgħu jiġu affettwati mill-prodotti, mis-servizzi u mill-operazzjonijiet tal-kumpanija, tas-sussidjarji tagħha u tas-sħab kummerċjali tagħha, inklużi l-impjegati tas-sħab kummerċjali tal-kumpanija u t-trade unions u r-rappreżentanti tal-ħaddiema tagħhom, l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li l-finijiet tagħhom jinkludu l-ħarsien tal-ambjent, u r-rappreżentanti leġittimi ta’ dawk l-individwi, ir-raggruppamenti, il-komunitajiet jew l-entitajiet;

(o)

“miżuri xierqa” tfisser miżuri li jkunu kapaċi jilħqu l-objettivi tad-diliġenza dovuta, billi jindirizzaw b’mod effettiv l-impatti negattivi b’mod proporzjonat mal-grad ta’ severità u mal-probabbiltà tal-impatt negattiv, u raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi n-natura u l-firxa tal-impatt negattiv u tal-fatturi ta’ riskju rilevanti;

(p)

“relazzjoni kummerċjali” tfisser ir-relazzjoni ta’ kumpanija ma’ sieħeb kummerċjali;

(q)

“kumpanija omm” tfisser kumpanija li tikkontrolla sussidjarja waħda jew aktar;

(r)

“kumpanija omm apikali” tfisser kumpanija omm li tikkontrolla, jew direttament inkella indirettament f’konformità mal-kriterji stipulati fl-Artikolu 22(1) sa (5) tad-Direttiva 2013/34/UE, sussidjarja waħda jew aktar u li ma tkunx ikkontrollata minn kumpanija oħra;

(s)

“grupp ta’ kumpaniji” jew “grupp” tfisser kumpanija omm u s-sussidjarji kollha tagħha;

(t)

“rimedju” tfisser li l-persuna jew il-persuni, il-komunitajiet jew l-ambjent affettwati jiġu restawrati għal sitwazzjoni ekwivalenti jew qrib kemm jista’ jkun għas-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku l-impatt negattiv reali ma seħħx, b’mod proporzjonat għall-implikazzjoni tal-kumpanija fl-impatt negattiv, inkluż kumpens finanzjarju jew mhux finanzjarju pprovdut mill-kumpanija lil persuna jew persuni affettwati mill-impatt negattiv reali u, meta applikabbli, ir-rimborż tal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet pubbliċi għal kwalunkwe miżura ta’ rimedju meħtieġa;

(u)

“fatturi ta’ riskju” tfisser fatti, sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi relatati mas-severità u mal-probabbiltà ta’ impatt negattiv, inkluż fil-livell tal-kumpanija, tal-operazzjonijiet kummerċjali, ġeografiċi u kuntestwali, fil-livell tal-prodott u tas-servizz, u fatti, sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi settorjali;

(v)

“severità ta’ impatt negattiv” tfisser l-iskala, l-ambitu jew in-natura irrimedjabbli tal-impatt negattiv, b’kont meħud tal-gravità ta’ impatt negattiv, inkluż l-għadd ta’ individwi li jkunu jew li jistgħu jkunu affettwati, il-livell tad-dannu li jkun sar jew li seta’ sar lill-ambjent jew ta’ kif ġie affettwat mod ieħor, l-irriversibbiltà tiegħu u l-limiti fuq il-kapaċità li l-individwi affettwati jew l-ambjent jiġu restawrati għal sitwazzjoni ekwivalenti għas-sitwazzjoni tagħhom qabel l-impatt f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 34 sabiex temenda l-Anness ta’ din id-Direttiva billi:

(a)

iżżid referenzi għall-artikoli ta’ strumenti internazzjonali ratifikati mill-Istati Membri kollha u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dritt, projbizzjoni jew obbligu speċifiċi relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-ambjent elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva;

(b)

timmodifika, meta xieraq, ir-referenzi għall-istrumenti internazzjonali msemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva, fid-dawl tal-modifika, tas-sostituzzjoni jew tal-abrogazzjoni ta’ tali strumenti;

(c)

f’konformità mal-iżviluppi fil-fora internazzjonali rilevanti li jikkonċernaw l-istrumenti elenkati fil-Parti 1, it-Taqsima 2, tal-Anness ta’ din id-Direttiva:

(i)

tissostitwixxi r-referenzi għall-istrumenti elenkati b’referenzi għal strumenti ġodda li jkopru l-istess suġġett u ratifikati mill-Istati Membri kollha; jew

(ii)

iżżid referenzi għal strumenti ġodda li jkopru l-istess suġġett bħall-istrumenti elenkati u ratifikati mill-Istati Membri kollha.

Artikolu 4

Livell ta’ armonizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2) u (3), l-Istati Membri ma għandhomx jintroduċu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet fil-qasam kopert minn din id-Direttiva li jistabbilixxu obbligi ta’ diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u obbligi ta’ diliġenza dovuta ambjentali li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(1) u (2), fl-Artikolu 10(1) u fl-Artikolu 11(1).

2.   Minkejja l-paragrafu 1, din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jintroduċu, fid-dritt nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet aktar stretti li jiddevjaw minn dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet għajr l-Artikolu 8(1) u (2), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11(1), jew dispożizzjonijiet li jkunu aktar speċifiċi f’termini tal-objettiv jew tal-qasam kopert, sabiex jinkiseb livell differenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-impjiegi u dawk soċjali, tal-ambjent jew tal-klima.

Artikolu 5

Diliġenza dovuta

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u diliġenza dovuta ambjentali bbażati fuq ir-riskji kif stabbilit fl-Artikoli 7 sa 16 (“diliġenza dovuta”) billi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 7;

(b)

jidentifikaw u jivvalutaw impatti negattivi reali jew potenzjali f’konformità mal-Artikolu 8 u, meta meħtieġ, jipprijoritizzaw l-impatti negattivi reali u potenzjali f’konformità mal-Artikolu 9;

(c)

jipprevjenu u jimmitigaw l-impatti negattivi potenzjali, u jtemmu l-impatti negattivi reali u jimminimizzaw il-firxa tagħhom f’konformità mal-Artikoli 10 u 11;

(d)

jipprovdu rimedju għal impatti negattivi reali f’konformità mal-Artikolu 12;

(e)

iwettqu komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 13;

(f)

jistabbilixxu u jżommu mekkaniżmu ta’ notifika u proċedura għall-ilmenti f’konformità mal-Artikolu 14;

(g)

jimmonitorjaw l-effettività tal-politika u tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tagħhom f’konformità mal-Artikolu 15;

(h)

jikkomunikaw pubblikament dwar id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 16.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tad-diliġenza dovuta, il-kumpaniji jkunu intitolati li jikkondividu r-riżorsi u l-informazzjoni mal-gruppi ta’ kumpaniji rispettivi tagħhom u ma’ entitajiet ġuridiċi oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sieħeb kummerċjali ma jkunx obbligat jiddivulga lil kumpanija li tkun qed tikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva informazzjoni li tkun sigriet kummerċjali, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2016/943, mingħajr preġudizzju għad-divulgazzjoni tal-identità ta’ sħab kummerċjali diretti u indiretti, jew informazzjoni essenzjali meħtieġa biex jiġu identifikati impatti negattivi reali jew potenzjali, meta meħtieġ u b’mod debitament ġustifikat għall-konformità tal-kumpanija mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li s-sħab kummerċjali jipproteġu s-sigrieti kummerċjali tagħhom permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2016/943. Is-sħab kummerċjali qatt ma għandhom ikunu obbligati jiddivulgaw informazzjoni klassifikata jew informazzjoni oħra li d-divulgazzjoni tagħha tista’ tikkawża riskju għall-interessi essenzjali tas-sigurtà ta’ stat.

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-kumpaniji jżommu dokumentazzjoni dwar l-azzjonijiet imwettaq biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta għall-fini li tintwera l-konformità, inkluż evidenza ta’ sostenn, għal mill-anqas ħames snin mill-mument meta tali dokumentazzjoni tkun ġiet prodotta jew miksuba.

Meta, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ żamma previst fl-ewwel subparagrafu, ikun hemm għaddejin proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi skont din id-Direttiva, il-perjodu ta’ żamma għandu jiġi estiż sal-konklużjoni tal-kwistjoni.

Artikolu 6

Appoġġ għad-diliġenza dovuta fil-livell ta’ grupp

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji omm li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi stipulati fl-Artikoli 7 sa 11 u fl-Artikolu 22 f’isem kumpaniji li jkunu sussidjarji ta’ dawk il-kumpaniji omm u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jekk dan jiżgura konformità effettiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal tali sussidjarji li jkunu soġġetti għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-awtorità superviżorja f’konformità mal-Artikolu 25 u għar-responsabbiltà ċivili tagħhom f’konformità mal-Artikolu 29.

2.   L-issodisfar tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta stipulati fl-Artikoli 7 sa 16 minn kumpanija omm f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sussidjarja u l-kumpanija omm jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni kollha meħtieġa u jikkooperaw biex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva;

(b)

is-sussidjarja tirrispetta l-politika ta’ diliġenza dovuta tal-kumpanija omm tagħha adattata kif xieraq biex tiżgura li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(1) jiġu ssodisfati fir-rigward tas-sussidjarja;

(c)

is-sussidjarja tintegra d-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju kollha tagħha f’konformità mal-Artikolu 7, filwaqt li tiddeskrivi b’mod ċar liema obbligi jridu jiġu ssodisfati mill-kumpanija omm, u, meta meħtieġ, lill-partijiet ikkonċernati rilevanti tinformahom dwar dan;

(d)

meta meħtieġ, is-sussidjarja tkompli tieħu miżuri xierqa f’konformità mal-Artikoli 10 u 11 u biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 12 u 13;

(e)

meta rilevanti, is-sussidjarja tfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett f’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), jew mal-Artikolu 11(3), il-punt (c), tfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali indirett f’konformità mal-Artikolu 10(4) jew mal-Artikolu 11(5) u tissospendi temporanjament jew tittermina r-relazzjoni kummerċjali f’konformità mal-Artikolu 10(6) jew mal-Artikolu 11(7).

3.   Meta l-kumpanija omm tissodisfa l-obbligu stipulat fl-Artikolu 22 f’isem is-sussidjarja f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, is-sussidjarja għandha tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 22 f’konformità mal-pjan ta’ tranżizzjoni tal-kumpanija omm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima adattat kif xieraq għall-mudell kummerċjali u l-istrateġija tagħha.

Artikolu 7

L-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju rilevanti kollha tagħhom u li jkollhom stabbilita politika ta’ diliġenza dovuta li tiżgura diliġenza dovuta bbażata fuq ir-riskji.

2.   Il-politika ta’ diliġenza dovuta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi żviluppata f’konsultazzjoni minn qabel mal-impjegati tal-kumpanija u mar-rappreżentanti tagħhom, u tinkludi dan kollu li ġej:

(a)

deskrizzjoni tal-approċċ tal-kumpanija, inkluż fuq terminu twil, għad-diliġenza dovuta;

(b)

kodiċi ta’ kondotta li jiddeskrivi r-regoli u l-prinċipji li jridu jiġu segwiti mill-kumpanija kollha kemm hi u mis-sussidjarji tagħha, u mis-sħab kummerċjali diretti jew indiretti tal-kumpanija f’konformità mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), mal-Artikolu 10(4), mal-Artikolu 11(3), il-punt (c), jew mal-Artikolu 11(5); u

(c)

deskrizzjoni tal-proċessi stabbilit biex tiġi integrata d-diliġenza dovuta fil-politiki rilevanti tal-kumpanija u biex tiġi implimentata d-diliġenza dovuta, inklużi l-miżuri meħuda biex tiġi vverifikata l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta msemmi fil-punt (b) u biex tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dak il-kodiċi għas-sħab kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jaġġornaw il-politiki ta’ diliġenza dovuta tagħhom mingħajr dewmien żejjed wara li sseħħ bidla sinifikanti, u jirrieżaminaw, u meta meħtieġ, jaġġornaw tali politiki mill-inqas kull 24 xahar.

Għall-finijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kumpaniji għandhom iqisu l-impatti negattivi diġà identifikati f’konformità mal-Artikolu 8, kif ukoll il-miżuri xierqa meħuda biex jindirizzaw tali impatti negattivi f’konformità mal-Artikoli 10 u 11 u l-eżitu tal-valutazzjonijiet imwettqa f’konformità mal-Artikolu 15.

Artikolu 8

Identifikazzjoni u valutazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jidentifikaw u jivvalutaw impatti negattivi reali u potenzjali li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tagħhom stess jew minn dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta jkunu relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Bħala parti mill-obbligu stipulat fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-fatturi ta’ riskju rilevanti, il-kumpaniji għandhom jieħdu miżuri xierqa biex:

(a)

jimmappjaw l-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta jkunu relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, sabiex jidentifikaw oqsma ġenerali fejn x’aktarx l-aktar li jseħħu l-impatti negattivi u fejn x’aktarx li jkunu l-aktar severi;

(b)

abbażi tar-riżultati tal-immappjar kif imsemmi fil-punt (a), iwettqu valutazzjoni fil-fond tal-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, fl-oqsma fejn l-impatti negattivi ġew identifikati li x’aktarx l-aktar li jseħħu u fejn x’aktarx li jkunu l-aktar severi.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni u tal-valutazzjoni tal-impatti negattivi msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’, meta jkun xieraq, informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, il-kumpaniji jkunu intitolati li jagħmlu użu minn riżorsi xierqa, inklużi rapporti indipendenti u informazzjoni miġbura permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika u tal-proċedura għall-ilmenti previsti fl-Artikolu 14.

4.   Meta l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni fil-fond skont il-paragrafu 2, il-punt (b), tkun tista’ tinkiseb mis-sħab kummerċjali f’livelli differenti tal-katina ta’ attivitajiet, il-kumpanija għandha tipprijoritizza li titlob tali informazzjoni, meta jkun raġonevoli, direttament mis-sħab kummerċjali fejn l-impatti negattivi x’aktarx l-aktar li jseħħu.

Artikolu 9

Prijoritizzazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali identifikati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta ma jkunux fattibbli l-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, it-tmiem jew il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi identifikati kollha fl-istess ħin u b’mod sħiħ, il-kumpaniji jagħtu prijorità lill-impatti negattivi identifikati skont l-Artikolu 8 sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10 jew 11.

2.   Il-prijoritizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq is-severità u l-probabbiltà tal-impatti negattivi.

3.   Ladarba l-impatti negattivi l-aktar severi u li x’aktarx l-aktar li jseħħu jiġu indirizzati f’konformità mal-Artikolu 10 jew 11 fi żmien raġonevoli, il-kumpanija għandha tindirizza impatti negattivi anqas severi u li x’aktarx jseħħu anqas.

Artikolu 10

Prevenzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu, jew meta l-prevenzjoni ma tkunx possibbli jew ma tkunx possibbli minnufih, jimmitigaw b’mod adegwat, l-impatti negattivi potenzjali li jkunu ġew identifikati, jew kellhom jiġu identifikati, skont l-Artikolu 8, f’konformità mal-Artikolu 9 u ma’ dan l-Artikolu.

Biex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu jittieħed kont debitu ta’:

(a)

jekk l-impatt negattiv potenzjali jistax jiġi kkawżat biss mill-kumpanija; jekk jistax jiġi kkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u sussidjarja jew sieħeb kummerċjali, permezz ta’ atti jew ommissjonijiet; jew jekk jistax jiġi kkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali ta’ kumpanija fil-katina ta’ attivitajiet;

(b)

jekk l-impatt negattiv potenzjali jistax iseħħ fl-operazzjonijiet ta’ sussidjarja, sieħeb kummerċjali dirett jew sieħeb kummerċjali indirett; u

(c)

il-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jista’ jikkawża jew jikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv potenzjali.

2.   Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, meta rilevanti:

(a)

meta jkun meħtieġ minħabba n-natura jew il-kumplessità tal-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni, jiżviluppaw u jimplimentaw, mingħajr dewmien żejjed pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib; il-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mal-inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati; il-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni għandu jiġi adattat għall-operazzjonijiet u għall-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji;

(b)

ifittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, inkluż billi jistabbilixxi assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mingħand is-sħab tiegħu, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija; meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 5;

(c)

jagħmlu l-investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, l-aġġustamenti jew it-titjib meħtieġa, pereżempju, fil-faċilitajiet, fil-produzzjoni jew fi proċessi u infrastrutturi operazzjonali oħra;

(d)

jagħmlu l-modifiki jew it-titjib meħtieġa fil-pjan kummerċjali, fl-istrateġiji u fl-operazzjonijiet ġenerali tal-kumpanija stess, inklużi prattiki ta’ xiri, disinn u prattiki ta’ distribuzzjoni;

(e)

jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat lil SME li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, meta meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, tal-għarfien u tal-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament;

(f)

f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħra, inkluż, meta rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li tipprevjeni jew timmitiga l-impatt negattiv, b’mod partikolari meta l-ebda miżura oħra ma tkun xierqa jew effettiva.

3.   Il-kumpaniji jistgħu jieħdu, meta rilevanti, miżuri xierqa flimkien mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 2, bħall-involviment ma’ sieħeb kummerċjali dwar l-aspettattivi tal-kumpanija fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-mitigazzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali, jew billi jipprovdu jew jippermettu l-aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, gwida, appoġġ amministrattiv u finanzjarju bħal self jew finanzjament, filwaqt li jqisu r-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tas-sieħeb kummerċjali.

4.   Fir-rigward tal-impatti negattivi potenzjali li ma setgħux jiġu prevenuti jew mitigati b’mod adegwat mill-miżuri xierqa elenkati fil-paragrafu 2, il-kumpanija tista’ tfittex li tikseb assigurazzjonijiet kuntrattwali mingħand sieħeb kummerċjali indirett, bl-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni. Meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 5;

5.   L-assigurazzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 2, il-punt (b), u fil-paragrafu 4, għandhom ikunu akkumpanjati mill-miżuri xierqa biex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal verifika minn parti terza indipendenti, inkluż permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-kumpanija għandha tivvaluta wkoll jekk l-assigurazzjonijiet kuntrattwali ta’ SME għandhomx ikunu akkumpanjati minn kwalunkwe miżura xierqa għall-SMEs imsemmija fil-paragrafu 2, il-punt (e). Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha ġġarrab il-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti. Meta l-SME titlob li tħallas tal-anqas parti mill-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti, jew bi ftehim mal-kumpanija, dik l-SME tista’ taqsam ir-riżultati ta’ tali verifika ma’ kumpaniji oħra.

6.   Fir-rigward tal-impatti negattivi potenzjali kif imsemmi fil-paragrafu 1 li ma setgħux jiġu prevenuti jew mitigati b’mod adegwat mill-miżuri stipulati fil-paragrafi 2, 4 u 5, il-kumpanija għandha, bħala l-aħħar rimedju, tkun meħtieġa żżomm lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda jew milli testendi r-relazzjonijiet eżistenti ma’ sieħeb kummerċjali li l-impatt inħoloq b’rabta miegħu jew fil-katina ta’ attivitajiet tiegħu, u għandha, meta l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom tagħtihom id-dritt li jagħmlu hekk, tieħu l-azzjonijiet li ġejjin, bħala l-aħħar rimedju:

(a)

tadotta u timplimenta pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed, billi tuża jew iżżid l-ingranaġġ tal-kumpanija permezz tas-sospensjoni temporanja tar-relazzjonijiet kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, dment li jkun hemm aspettattiva raġonevoli li dawk l-isforzi se jirnexxu; il-pjan ta’ azzjoni għandu jinkludi skeda ta’ żmien speċifika u xierqa għall-adozzjoni u għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fih, li matulha l-kumpanija tista’ tfittex ukoll sħab kummerċjali alternattivi;

(b)

jekk ma jkun hemm l-ebda aspettattiva raġonevoli li dawk l-isforzi jirnexxu, jew jekk l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni msaħħaħ tkun naqset milli tipprevjeni jew timmitiga l-impatt negattiv, tittermina r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati jekk l-impatt negattiv potenzjali jkun sever.

Qabel ma tissospendi temporanjament jew tittermina relazzjoni kummerċjali, il-kumpanija għandha tivvaluta jekk l-impatti negattivi meta tagħmel dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija li jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jiġi prevenut jew mitigat b’mod adegwat. Jekk dak ikun il-każ, il-kumpanija ma għandhiex tkun meħtieġa tissospendi jew tittermina r-relazzjoni kummerċjali, u għandha tkun f’pożizzjoni li tirrapporta lura lill-awtorità superviżorja kompetenti dwar ir-raġunijiet debitament ġustifikati għal tali deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu opzjoni biex tiġi sospiża temporanjament jew itterminata r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, ħlief għal kuntratti fejn il-partijiet jkunu obbligati bil-liġi li jidħlu fihom.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li tissospendi temporanjament jew tittermina r-relazzjoni kummerċjali, din għandha tieħu passi biex tipprevjeni, timmitiga jew ittemm l-impatti tas-sospensjoni jew tat-terminazzjoni, għandha tipprovdi avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali kkonċernat u għandha żżomm dik id-deċiżjoni taħt rieżami.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li ma tissospendix temporanjament jew li ma titterminax ir-relazzjoni kummerċjali skont dan l-Artikolu, din għandha timmonitorja l-impatt negattiv potenzjali u perjodikament tivvaluta d-deċiżjoni tagħha u jekk humiex disponibbli aktar miżuri xierqa.

Artikolu 11

Temm tal-impatti negattivi reali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex itemmu l-impatti negattivi reali li ġew, jew li kellhom jiġu, identifikati skont l-Artikolu 8, f’konformità mal-Artikolu 9 u ma’ dan l-Artikolu.

Biex jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu jittieħed kont debitu ta’:

(a)

jekk l-impatt negattiv reali huwiex ikkawżat biss mill-kumpanija; jekk huwiex ikkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u minn sussidjarja jew sieħeb kummerċjali, permezz ta’ atti jew ommissjonijiet; jew jekk huwiex ikkawżat biss minn sieħeb kummerċjali tal-kumpanija fil-katina ta’ attivitajiet;

(b)

jekk l-impatt negattiv reali seħħx fl-operazzjonijiet ta’ sussidjarja, sieħeb kummerċjali dirett jew sieħeb kummerċjali indirett; u

(c)

il-kapaċità tal-kumpanija li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li kkawża jew ikkawża b’mod konġunt l-impatt negattiv reali.

2.   Meta l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm immedjatament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa ta’ dak l-impatt.

3.   Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa li ġejjin, fejn rilevanti:

(a)

jinnewtralizzaw l-impatt negattiv jew jimminimizzaw il-firxa tiegħu; tali miżuri għandhom ikunu proporzjonati għas-severità tal-impatt negattiv u għall-implikazzjoni tal-kumpanija fl-impatt negattiv;

(b)

meta jkun meħtieġ minħabba l-fatt li l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm minnufih, mingħajr dewmien żejjed, jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-implimentazzjoni ta’ miżuri xierqa u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib; il-kumpaniji jistgħu jiżviluppaw il-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom f’kooperazzjoni mal-inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati; il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jkun adattat għall-operazzjonijiet u l-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji;

(c)

ifittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkun se jiżgura konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva, inkluż billi jistabbilixxi assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mingħand is-sħab tiegħu, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija; meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali bħal dawn, għandu japplika l-paragrafu 6;

(d)

jagħmlu l-investimenti finanzjarji jew mhux finanzjarji, l-aġġustamenti jew it-titjib meħtieġa, pereżempju tal-faċilitajiet, il-produzzjoni jew proċessi u infrastrutturi operazzjonali oħra;

(e)

jagħmlu l-modifiki jew it-titjib meħtieġ tal-pjan kummerċjali, l-istrateġiji u l-operazzjonijiet ġenerali tal-kumpanija stess, inkluż il-prattiki ta’ xiri, id-disinn u l-prattiki ta’ distribuzzjoni;

(f)

jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat lil SME li tkun sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, fejn meħtieġ fid-dawl tar-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tal-SME, inkluż billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, għat-taħriġ jew għat-titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni korrettiva tipperikola l-vijabbiltà tal-SME, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju mmirat u proporzjonat, bħal finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, jew assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament;

(g)

f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħrajn, inkluż, meta rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li ġġib fi tmiemu l-impatt negattiv jew timminimizza l-firxa tiegħu, b’mod partikolari meta l-ebda miżura oħra ma tkun xierqa jew effettiva;

(h)

jipprovdu rimedju f’konformità mal-Artikolu 12.

4.   Il-kumpaniji jistgħu jieħdu, meta rilevanti, miżuri xierqa flimkien mal-miżuri elenkati fil-paragrafu 3, bħall-involviment ma’ sieħeb kummerċjali dwar l-aspettattivi tal-kumpanija fir-rigward tat-temma tal-impatti negattivi reali jew tal-minimizzazzjoni tal-firxa tagħhom, jew billi jipprovdu jew jippermettu aċċess għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, gwida, appoġġ amministrattiv u finanzjarju bħal self jew finanzjament, filwaqt li jqisu r-riżorsi, l-għarfien u l-limitazzjonijiet tas-sieħeb kummerċjali.

5.   Fir-rigward tal-impatti negattivi reali li ma setgħux jintemmu jew li l-firxa tagħhom ma setgħetx tiġi minimizzata b’mod adegwat mill-miżuri xierqa elenkati fil-paragrafu 3, il-kumpanija tista’ tfittex li tikseb assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva. Meta jinkisbu tali assigurazzjonijiet kuntrattwali, għandu japplika l-paragrafu 6.

6.   L-assigurazzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (c), u fil-paragrafu 5, għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri xierqa biex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal verifika minn parti terza indipendenti, inkluż permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Il-kumpanija għandha tivvaluta wkoll jekk l-assigurazzjonijiet kuntrattwali ta’ SME għandhomx ikunu akkumpanjati minn kwalunkwe waħda mill-miżuri xierqa għall-SMEs imsemmija fil-paragrafu 3, il-punt (f). Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha ġġarrab il-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti. Meta l-SME titlob li tħallas mill-anqas parti mill-kost tal-verifika minn parti terza indipendenti, jew bi ftehim mal-kumpanija, l-SME tista’ taqsam ir-riżultati ta’ tali verifika ma’ kumpaniji oħra.

7.   Fir-rigward tal-impatti negattivi reali kif imsemmija fil-paragrafu 1 li ma setgħux jintemmu jew li l-firxa tagħhom ma setgħetx tiġi minimizzata mill-miżuri stipulati fil-paragrafi 3, 5 u 6, il-kumpanija, bħala l-aħħar rimedju, għandha tkun meħtieġa żżomm lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda jew milli testendi r-relazzjonijiet eżistenti ma’ sieħeb kummerċjali li l-impatt inħoloq b’rabta miegħu jew fil-katina ta’ attivitajiet li minnha jkun inħoloq l-impatt u għandha, meta l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom tagħtihom id-dritt li jagħmlu hekk, tieħu l-azzjonijiet li ġejjin, bħala l-aħħar rimedju:

(a)

tadotta u timplimenta pjan ta’ azzjoni korrettiva msaħħaħ għall-impatt negattiv speċifiku mingħajr dewmien żejjed, inkluż billi tuża jew iżżid l-ingranaġġ tal-kumpanija permezz tas-sospensjoni temporanja tar-relazzjonijiet kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, dment li jkun hemm aspettattiva raġonevoli li dawk l-isforzi jirnexxu; il-pjan ta’ azzjoni għandu jinkludi skeda ta’ żmien speċifika u xierqa għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fih, li matulha l-kumpanija tista’ tfittex ukoll sħab kummerċjali alternattivi;

(b)

jekk ma jkun hemm l-ebda aspettattiva raġonevoli li l-isforzi msemmija fil-punt (a) jirnexxu, jew jekk l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni korrettiva msaħħaħ tonqos milli ttemm jew timminimizza l-firxa tal-impatt negattiv, tittermina r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati jekk l-impatt negattiv reali jkun sever.

Qabel ma tissospendi temporanjament jew tittermina relazzjoni kummerċjali, il-kumpanija għandha tivvaluta jekk l-impatti negattivi ta’ dan jistgħux ikunu raġonevolment mistennija li jkunu manifestament aktar severi mill-impatt negattiv li ma setax jintemm jew li l-firxa tiegħu ma setgħetx tiġi minimizzata b’mod adegwat. Jekk dak ikun il-każ, il-kumpanija ma għandhiex tkun meħtieġa tissospendi jew tittermina r-relazzjoni kummerċjali, u għandha tkun f’pożizzjoni li tirrapporta lura lill-awtorità superviżorja kompetenti dwar ir-raġunijiet debitament ġustifikati għal tali deċiżjoni.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu opzjoni biex tiġi sospiża temporanjament jew itterminata r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, ħlief għal kuntratti li fihom il-partijiet huma obbligati bil-liġi li jidħlu fihom.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li tissospendi temporanjament jew tittermina r-relazzjoni kummerċjali, il-kumpanija għandha tieħu passi biex tipprevjeni, timmitiga, jew iġġib fi tmiemhom l-impatti tas-sospensjoni jew tat-terminazzjoni, tipprovdi avviż raġonevoli lis-sieħeb kummerċjali u żżomm dik id-deċiżjoni taħt rieżami.

Meta l-kumpanija tiddeċiedi li ma tissospendix temporanjament jew ma titterminax ir-relazzjoni kummerċjali skont dan l-Artikolu, il-kumpanija għandha timmonitorja l-impatt negattiv reali u perjodikament tivvaluta d-deċiżjoni tagħha u jekk humiex disponibbli aktar miżuri xierqa.

Artikolu 12

Rimedju għall-impatti negattivi reali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta kumpanija tkun ikkawżat jew ikkawżat b’mod konġunt impatt negattiv reali, il-kumpanija tipprovdi rimedju.

2.   Meta l-impatt negattiv reali jiġi kkawżat biss mis-sieħeb kummerċjali tal-kumpanija, il-kumpanija tista’ tipprovdi rimedju volontarju. Il-kumpanija tista’ tuża wkoll il-kapaċità tagħha li tinfluwenza lis-sieħeb kummerċjali li jikkawża l-impatt negattiv biex jipprovdi rimedju.

Artikolu 13

Komunikazzjoni sinifikattiva mal-partijiet ikkonċernati

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa biex issir komunikazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati, f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943, meta jikkonsultaw mal-partijiet ikkonċernati, il-kumpaniji għandhom, kif xieraq, jipprovdulhom informazzjoni rilevanti u komprensiva, sabiex iwettqu konsultazzjonijiet effettivi u trasparenti. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva (UE) 2016/943, il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għandhom jitħallew jagħmlu talba motivata għal informazzjoni addizzjonali rilevanti, li għandha tiġi pprovduta mill-kumpanija f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u f’format xieraq u li jinftiehem. Jekk il-kumpanija tirrifjuta talba għal informazzjoni addizzjonali, il-partijiet ikkonċernati kkonsultati għandhom ikunu intitolati għal ġustifikazzjoni bil-miktub għal dak ir-rifjut.

3.   Il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati għandha ssir fl-istadji li ġejjin tal-proċess ta’ diliġenza dovuta:

(a)

meta tinġabar l-informazzjoni meħtieġa dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali, sabiex jiġu identifikati, ivvalutati u pprijoritizzati l-impatti negattivi skont l-Artikoli 8 u 9;

(b)

meta jiġu żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva skont l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11(3), u meta jiġu żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva msaħħa skont l-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 11(7);

(c)

meta tittieħed deċiżjoni biex tiġi tterminata jew sospiża relazzjoni kummerċjali skont l-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 11(7);

(d)

meta jiġu adottati miżuri xierqa biex jiġu rrimedjati l-impatti negattivi skont l-Artikolu 12;

(e)

kif xieraq, meta jiġu żviluppati indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-monitoraġġ meħtieġ skont l-Artikolu 15.

4.   Meta ma jkunx raġonevolment possibbli li ssir komunikazzjoni effettiva mal-partijiet ikkonċernati sa fejn ikun meħtieġ biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva, il-kumpaniji għandhom jikkonsultaw ukoll ma’ esperti li jistgħu jipprovdu għarfien kredibbli dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali.

5.   Meta jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati, il-kumpaniji għandhom jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli għall-komunikazzjoni u għandhom jiżguraw li l-parteċipanti ma jkunux soġġetti għal ritaljazzjoni jew retribuzzjoni, inkluż billi jżommu l-kunfidenzjalità jew l-anonimità.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jitħallew jissodisfaw l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu permezz ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati, kif xieraq, dment li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu. L-użu ta’ inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati ma għandux ikun biżżejjed biex jissodisfa l-obbligu li jiġu kkonsultati l-impjegati tal-kumpanija stess u r-rappreżentanti tagħhom.

7.   Il-komunikazzjoni mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt rilevanti tal-Unjoni u dak nazzjonali fil-qasam tal-impjiegi u d-drittijiet soċjali kif ukoll għall-ftehimiet kollettivi applikabbli.

Artikolu 14

Mekkaniżmu ta’ notifika u proċedura tal-ilmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jippermettu lill-persuni u l-entitajiet elenkati fil-paragrafu 2 jippreżentawlhom ilmenti meta dawk il-persuni jew l-entitajiet ikollhom tħassib leġittimu dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-kumpaniji tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom jew l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmenti jistgħu jiġu ppreżentati minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma affettwati jew li għandhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li jistgħu jiġu affettwati minn impatt negattiv, u r-rappreżentanti leġittimi ta’ tali persuni f’isimhom, bħall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

(b)

trade unions u rappreżentanti oħrajn tal-ħaddiema li jirrappreżentaw persuni fiżiċi li jaħdmu fil-katina ta’ attivitajiet kkonċernata; u

(c)

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi u b’esperjenza f’oqsma relatati meta impatt ambjentali negattiv ikun is-suġġett tal-ilment.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu proċedura ġusta, disponibbli għall-pubbliku, aċċessibbli, prevedibbli u trasparenti għat-trattament tal-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1, inkluża proċedura li fiha kumpanija tqis li lment ikun infondat, u jinfurmaw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema u lit-trade unions rilevanti b’dik il-proċedura. Il-kumpaniji għandhom jieħdu miżuri raġonevolment disponibbli biex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni billi jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-identità tal-persuna jew tal-organizzazzjoni li tressaq l-ilment, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Meta jkun jeħtieġ li l-informazzjoni tiġi kondiviża, dan għandu jsir b’mod li ma jipperikolax is-sikurezza tal-ilmentatur, inkluż billi ma tiġix divulgata l-identità ta’ dak l-ilmentatur.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-ilment ikun fondat sew, l-impatt negattiv li jkun is-suġġett tal-ilment jitqies li jkun identifikat fis-sens tal-Artikolu 8 u l-kumpanija għandha tieħu miżuri xierqa f’konformità mal-Artikoli 10, 11 u 12.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmentaturi jkunu intitolati:

(a)

jitolbu segwitu xieraq dwar l-ilment mill-kumpanija li jkunu ppreżentawlha lment skont il-paragrafu 1;

(b)

jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kumpanija f’livell xieraq biex jiġu diskussi l-impatti negattivi severi reali jew potenzjali jkunu s-suġġett tal-ilment, u r-rimedju potenzjali f’konformità mal-Artikolu 12;

(c)

li jiġu pprovduti mill-kumpanija bir-raġunijiet għaliex ilment ġie kkunsidrat fondat jew infondat u, meta jiġi kkunsidrat fondat, li jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar il-passi u l-azzjonijiet meħuda jew li għandhom jittieħdu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu mekkaniżmu aċċessibbli għas-sottomissjoni ta’ notifiki minn persuni jew entitajiet meta jkollhom informazzjoni jew tħassib dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u l-operazzjonijiet tas-sħab kummerċjali tagħhom fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji.

Il-mekkaniżmu għandu jiżgura li n-notifiki jkunu jistgħu jsiru b’mod anonimu jew b’mod kunfidenzjali f’konformità mad-dritt nazzjonali. Il-kumpaniji għandhom jieħdu miżuri raġonevolment disponibbli biex jipprevjenu kwalunkwe forma ta’ ritaljazzjoni billi jiżguraw li l-identità tal-persuni jew tal-entitajiet li jressqu notifiki tibqa’ kunfidenzjali, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Il-kumpanija tista’ tinforma lill-persuni jew lill-entitajiet li jressqu notifiki dwar il-passi u l-azzjonijiet meħuda jew li għandhom jittieħdu, meta rilevanti.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jitħallew jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, u fil-paragrafu 5, permezz ta’ parteċipazzjoni fi proċeduri kollaborattivi u mekkaniżmi ta’ notifika għall-ilmenti, inkluż dawk stabbiliti b’mod konġunt mill-kumpaniji, permezz ta’ assoċjazzjonijiet tal-industrija, inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew ftehimiet qafas globali, dment li tali proċeduri u mekkaniżmi kollaborattivi jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan l-Artikolu.

7.   Is-sottomissjoni ta’ notifika jew ilment skont dan l-Artikolu ma għandhiex tkun prerekwiżit għal, jew tipprekludi lill-persuni li jressquhom minn, aċċess għall-proċeduri skont l-Artikoli 26 u 29 jew għal mekkaniżmi oħra mhux ġudizzjarji.

Artikolu 15

Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu valutazzjonijiet perjodiċi tal-operazzjonijiet u l-miżuri tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija, dawk tas-sħab kummerċjali tagħhom, biex jivvalutaw l-implimentazzjoni u biex jimmonitorjaw l-adegwatezza u l-effettività tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, it-tmiem u l-minimizzazzjoni tal-firxa tal-impatti negattivi. Tali valutazzjonijiet għandhom ikunu bbażati, meta jkun xieraq, fuq indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi u għandhom jitwettqu mingħajr dewmien żejjed wara li sseħħ bidla sinifikanti, iżda mill-inqas kull 12-il xahar u kull meta jkun hemm bażi raġonevoli biex wieħed jemmen li jkunu jistgħu jinħolqu riskji ġodda tal-okkorrenza ta’ dawk l-impatti negattivi. Meta jkun xieraq, il-politika tad-diliġenza dovuta, l-impatti negattivi identifikati u l-miżuri xierqa derivati għandhom jiġu aġġornati f’konformità mal-eżitu ta’ tali valutazzjonijiet u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-informazzjoni rilevanti mill-partijiet ikkonċernati.

Artikolu 16

Komunikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva billi jippubblikaw dikjarazzjoni annwali fuq is-sit web tagħhom. Dik id-dikjarazzjoni annwali għandha tiġi ppubblikata:

(a)

b’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni użata fl-Istat Membru tal-awtorità superviżorja deżinjata skont l-Artikolu 24 u, meta differenti, b’lingwa abitwali fl-isfera tan-negozju internazzjonali;

(b)

f’perjodu raġonevoli ta’ żmien, iżda mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-karta bilanċjali tas-sena finanzjarja li għaliha tkun tfasslet id-dikjarazzjoni, jew, għall-kumpaniji li jirrapportaw volontarjament f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, sad-data tal-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali.

Fil-każ ta’ kumpanija ffurmata f’konformità mad-dritt ta’ pajjiż terz, id-dikjarazzjoni għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 23(2) rigward ir-rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għal kumpaniji li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà f’konformità mal-Artikoli 19a, 29a jew 40a tad-Direttiva 2013/34/UE, inkluż dawk li huma eżentati f’konformità mal-Artikolu 19a(9) jew l-Artikolu 29a(8) ta’ dik id-Direttiva.

3.   Sal-31 ta’ Marzu 2027, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 34 sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-kontenut u l-kriterji għar-rapportar skont il-paragrafu 1, li jispeċifikaw, b’mod partikolari, informazzjoni dettaljata biżżejjed dwar id-deskrizzjoni tad-diliġenza dovuta, l-impatti negattivi reali u potenzjali identifikati, u l-miżuri xierqa meħuda fir-rigward ta’ dawk l-impatti. Fit-tħejjija ta’ dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu tal-istandards tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà adottati skont l-Artikoli 29b u 40b tad-Direttiva 2013/34/UE, u tallinjahom kif xieraq magħhom.

Meta tadotta l-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni fir-rekwiżiti ta’ rapportar għall-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 3(1), il-punt (a)(iii), li huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/2088, filwaqt li żżomm bis-sħiħ l-obbligi minimi stipulati f’din id-Direttiva.

Artikolu 17

Aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew

1.   Mill-1 ta’ Jannar 2029, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jippubblikaw id-dikjarazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-Direttiva, il-kumpaniji jissottomettu dik id-dikjarazzjoni fl-istess ħin lill-korp ta’ ġbir imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għall-fini li jagħmluha aċċessibbli fuq il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP), kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2023/2859.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tiġi sottomessa f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859, jew, meta meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, f’format li jinqara mill-magni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), ta’ dak ir-Regolament;

(b)

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i)

l-ismijiet kollha tal-kumpanija li magħha hija relatata l-informazzjoni;

(ii)

l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-kumpanija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii)

id-daqs tal-kumpanija skont il-kategorija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (d), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iv)

is-settur(i) industrijali tal-attivitajiet ekonomiċi tal-kumpanija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(v)

it-tip ta’ informazzjoni, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(vi)

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tinkludix data personali.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jiksbu identifikatur ta’ entità ġuridika.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2028, għall-finijiet li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw mill-inqas korp ta’ ġbir wieħed, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859, u jinnotifikaw lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq dwar dan.

4.   Għall-finijiet li jiġu żgurati l-ġbir u l-ġestjoni effiċjenti tal-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika:

(a)

kwalunkwe metadata oħra meħtieġa biex takkumpanja l-informazzjoni;

(b)

l-istrutturar tad-data fl-informazzjoni; u

(c)

għal liema informazzjoni huwa meħtieġ format li jinqara mill-magni u, f’tali każijiet, liema format li jinqara mill-magni għandu jintuża.

Artikolu 18

Mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali

Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji u tiffaċilita l-konformità tagħhom mal-Artikolu 10(2), il-punt (b), u l-Artikolu 11(3), il-punt (c), il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, għandha tadotta gwida dwar mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali volontarji, sas-26 ta’ Jannar 2027.

Artikolu 19

Linji gwida

1.   Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif jenħtieġ li l-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta b’mod prattiku, u biex tipprovdi appoġġ lill-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, u meta jkun xieraq ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi oħra li jkollhom għarfien espert fid-diliġenza dovuta, għandha toħroġ linji gwida, inklużi linji gwida ġenerali u linji gwida għal setturi speċifiċi jew linji gwida għal impatti negattivi speċifiċi.

2.   Il-linji gwida li jinħarġu skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

gwida u l-aħjar prattiki dwar kif titwettaq id-diliġenza dovuta f’konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 16, b’mod partikolari, il-proċess ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 8, il-prijoritizzazzjoni tal-impatti skont l-Artikolu 9, miżuri xierqa biex jiġu adattati l-prattiki tax-xiri skont l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 11(3), id-diżimpenn responsabbli skont l-Artikolu 10(6) u l-Artikolu 11(7), miżuri xierqa għar-rimedju skont l-Artikolu 12, u dwar kif jiġu identifikati l-partijiet ikkonċernati u ssir komunikazzjoni magħhom skont l-Artikolu 13, inkluż permezz tal-mekkaniżmu ta’ notifika u l-proċedura tal-ilmenti stabbiliti fl-Artikolu 14;

(b)

gwida prattika dwar il-pjan ta’ tranżizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 22;

(c)

gwida speċifika għas-settur;

(d)

gwida dwar il-valutazzjoni fil-livell tal-kumpanija, l-operazzjonijiet kummerċjali, ġeografiċi u kuntestwali, il-prodotti u s-servizzi, u l-fatturi ta’ riskju settorjali, inkluż dawk assoċjati ma’ żoni affettwati minn kunflitti u żoni ta’ riskju għoli;

(e)

referenzi għal data u sorsi ta’ informazzjoni disponibbli għall-konformità mal-obbligi previsti f’din id-Direttiva, u għal għodod u teknoloġiji diġitali li jistgħu jiffaċilitaw u jappoġġaw il-konformità;

(f)

informazzjoni dwar kif għandhom jiġu kondiviżi r-riżorsi u l-informazzjoni fost il-kumpaniji u entitajiet ġuridiċi oħra għall-fini ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, b’mod li jkun konformi mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali skont l-Artikolu 5(3) u l-protezzjoni minn ritaljazzjoni u retribuzzjoni potenzjali kif previst fl-Artikolu 13(5);

(g)

informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tagħhom dwar kif jikkomunikaw matul il-proċess ta’ diliġenza dovuta.

3.   Il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 2, il-punti (a), (d), u (e), għandhom ikunu disponibbli sas-26 ta’ Jannar 2027. Il-linji gwida fil-paragrafu 2, il-punti (b), (f), u (g), għandhom ikunu disponibbli sas-26 ta’ Lulju 2027.

4.   Il-linji gwida msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina perjodikament il-linji gwida u tadattahom meta xieraq.

Artikolu 20

Miżuri ta’ akkumpanjament

1.   L-Istati Membri għandhom, sabiex jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-kumpaniji u lis-sħab kummerċjali tagħhom u lill-partijiet ikkonċernati, jistabbilixxu u joperaw siti web, pjattaformi jew portali ddedikati individwalment jew b’mod konġunt. F’dak ir-rigward, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-SMEs li huma preżenti fil-ktajjen ta’ attivitajiet tal-kumpaniji. Dawk is-siti web, il-pjattaformi jew il-portali għandhom, b’mod partikolari, jagħtu aċċess għal:

(a)

il-kontenut u l-kriterji għar-rapportar kif stabbiliti mill-Kummissjoni fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 16(3);

(b)

il-gwida tal-Kummissjoni dwar mudelli ta’ klawżoli kuntrattwali volontarji kif previsti fl-Artikolu 18 l-linji gwida li toħroġ skont l-Artikolu 19;

(c)

il-helpdesk uniku previst fl-Artikolu 21; u

(d)

informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti tagħhom dwar kif jikkomunikaw matul il-proċess ta’ diliġenza dovuta.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw finanzjarjament lill-SMEs. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ lill-partijiet ikkonċernati bl-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tikkomplementa l-miżuri ta’ appoġġ tal-Istati Membri, abbażi ta’ azzjoni eżistenti tal-Unjoni biex tiġi appoġġata d-diliġenza dovuta fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi, u tista’ tfassal miżuri ġodda, inkluż l-iffaċilitar ta’ inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex jgħinu lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25, 26 u 29, il-kumpaniji jistgħu jipparteċipaw f’inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 7 sa 16 sal-punt li tali inizjattivi kunu xierqa biex jappoġġaw it-twettiq ta’ dawk l-obbligi. B’mod partikolari, il-kumpaniji jistgħu, wara li jkunu vvalutaw l-adegwatezza tagħhom, jagħmlu użu minn jew jingħaqdu ma’ analiżi tar-riskju rilevanti mwettqa minn inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati jew minn membri ta’ dawk l-inizjattivi u jistgħu jieħdu jew jingħaqdu ma’ miżuri xierqa effettivi permezz ta’ tali inizjattivi. Meta jagħmlu dan, il-kumpaniji għandhom jimmonitorjaw l-effettività ta’ tali miżuri u jkomplu jieħdu miżuri xierqa meta meħtieġ biex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi tagħhom.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni dwar tali inizjattivi u l-eżitu tagħhom. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha toħroġ gwida li tistipula kriterji tal-idoneità u metodoloġija għall-kumpaniji għall-valutazzjoni tal-idoneità tal-inizjattivi tal-industrija u ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 25, 26 u 29, il-kumpaniji jistgħu jużaw verifika minn parti terza indipendenti dwar u mill-kumpaniji fil-ktajjen ta’ attivitajiet tagħhom biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tad-diliġenza dovuta sa fejn tali verifika tkun xierqa biex tappoġġa t-twettiq tal-obbligi rilevanti. Verifika minn parti terza indipendenti tista’ titwettaq minn kumpaniji oħra jew minn inizjattiva tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Il-verifikaturi terzi indipendenti għandhom jaġixxu b’oġġettività u indipendenza sħiħa mill-kumpanija, ikunu ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, kemm jekk diretta kif ukoll indiretta, u għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li ma tkunx kompatibbli mal-indipendenza tagħhom. Skont in-natura tal-impatt negattiv, għandu jkollhom esperjenza u kompetenza fi kwistjonijiet ambjentali jew tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom ikunu responsabbli għall-kwalità u l-affidabbiltà tal-verifika li jwettqu.

Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha toħroġ gwida li tistipula l-kriterji tal-idoneità u metodoloġija għall-kumpaniji biex jivvalutaw l-idoneità tal-verifikaturi terzi, u gwida għall-monitoraġġ tal-akkuratezza, l-effettività u l-integrità tal-verifika minn parti terza.

Artikolu 21

Helpdesk uniku

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi helpdesk uniku li permezz tiegħu l-kumpaniji jistgħu jfittxu informazzjoni, gwida u appoġġ fir-rigward tal-issodisfar tal-obbligi tagħhom previsti f’din id-Direttiva.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali rilevanti f’kull Stat Membru għandhom jikkollaboraw mal-helpdesk uniku sabiex jassistu fit-tfassil tal-informazzjoni u l-gwida għall-kuntesti nazzjonali u fit-tixrid tagħhom ta’ dik l-informazzjoni u dik il-gwida.

Artikolu 22

Ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a), (b) u (c), u fl-Artikolu 2(2), il-punti (a), (b) u (c), jadottaw u jimplimentaw pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima li jkollu l-għan li jiżgura, permezz tal-aħjar sforzi, li l-mudell kummerċjali u l-istrateġija tal-kumpanija jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 oC f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi u l-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119, inkluż il-miri intermedji u tan-newtralità klimatika tiegħu għall-2050, u meta rilevanti, l-esponiment tal-kumpanija għal attivitajiet relatati mal-faħam, iż-żejt u l-gass.

It-tfassil tal-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun fih:

(a)

miri marbuta biż-żmien relatati mat-tibdil fil-klima għall-2030 u fi stadji ta’ ħames snin sal-2050 abbażi ta’ evidenza xjentifika konklużiva u, meta xieraq, miri assoluti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-gassijiet serra għall-kamp ta’ applikazzjoni 1, il-kamp ta’ applikazzjoni 2 u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-kamp ta’ applikazzjoni 3 għal kull kategorija sinifikanti;

(b)

deskrizzjoni tal-ixpruni tad-dekarbonizzazzjoni identifikati u l-azzjonijiet ewlenin ippjanati biex jintlaħqu l-miri msemmija fil-punt (a), inkluż, meta xieraq, bidliet fil-portafoll tal-prodotti u tas-servizzi tal-kumpanija u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda;

(c)

spjegazzjoni u kwantifikazzjoni tal-investimenti u l-finanzjament li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; u

(d)

deskrizzjoni tar-rwol tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u superviżorji fir-rigward tal-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

2.   Il-kumpaniji li jirrapportaw pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima f’konformità mal-Artikolu 19a, 29a jew 40a, skont il-każ, tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom jitqiesu li kkonformaw mal-obbligu li jadottaw pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-kumpaniji li huma inklużi fil-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima tal-impriża omm tagħhom irrapportat f’konformità mal-Artikolu 29a jew 40a, skont il-każ, tad-Direttiva 2013/34/UE, għandhom jitqiesu li kkonformaw mal-obbligu li jadottaw pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima msemmi fil-paragrafu 1 jiġi aġġornat kull 12-il xahar u jkun fih deskrizzjoni tal-progress li l-kumpanija tkun għamlet fil-kisba tal-miri msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, il-punt (a).

Artikolu 23

Rappreżentant awtorizzat

1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) li topera fi Stat Membru tiddeżinja bħala r-rappreżentant awtorizzat tagħha persuna fiżika jew ġuridika li tkun stabbilita jew domiċiljata f’wieħed mill-Istati Membri fejn topera. Id-deżinjazzjoni għandha tkun valida meta tiġi kkonfermata bħala aċċettata mir-rappreżentant awtorizzat.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rappreżentant awtorizzat jew il-kumpanija jinnotifikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant awtorizzat lil awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat ikun domiċiljat jew stabbilit u, meta jkun differenti, l-awtorità superviżorja kompetenti, kif speċifikat fl-Artikolu 24(3). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentant awtorizzat ikun obbligat jipprovdi, fuq talba, kopja tad-deżinjazzjoni b’lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru lil kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li r-rappreżentant awtorizzat jew il-kumpanija jinformaw lil awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat ikun domiċiljat jew stabbilit u, meta jkun differenti, lill-awtorità superviżorja kompetenti kif speċifikat fl-Artikolu 24(3), li l-kumpanija hija kumpanija kif imsemmi fl-Artikolu 2(2).

4.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kull kumpanija tagħti s-setgħa lir-rappreżentant awtorizzat tagħha li jirċievi komunikazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet superviżorji dwar il-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u l-infurzar tagħhom. Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa lir-rappreżentant awtorizzat tagħhom biex jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji.

5.   Meta kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) tonqos milli tikkonforma mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri kollha li fihom topera dik il-kumpanija għandhom ikunu kompetenti biex jinfurzaw it-twettiq ta’ tali obbligi f’konformità mad-dritt nazzjonali tagħhom. Stat Membru li jkun beħsiebu jinforza l-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu għandu jinnotifika lill-awtoritajiet superviżorji permezz tan-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji stabbilit fl-ambitu tal-Artikolu 28 sabiex ma jiġux infurzati minn Stati Membri oħra.

Artikolu 24

Awtoritajiet superviżorji

1.   Kull Stat Membru għandu jiddeżinja awtorità superviżorja waħda jew aktar biex tissorvelja l-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont l-Artikoli 7 sa 16 u l-Artikolu 22.

2.   Fir-rigward ta’ kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(1), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li l-kumpanija jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fih.

3.   Fir-rigward ta’ kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li l-kumpanija jkollha fergħa fih. Jekk il-kumpanija ma jkollha fergħa fl-ebda Stat Membru, jew ikollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru li fih il-kumpanija ġġenerat il-biċċa l-kbira tal-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja qabel id-data indikata fl-Artikolu 37 jew id-data ta’ meta l-kumpanija tissodisfa għall-ewwel darba l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2), skont liema tiġi l-aħħar.

Kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) tista’, abbażi ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi li twassal biex tiġġenera l-biċċa l-kbira tal-fatturat tagħha fl-Unjoni fi Stat Membru differenti, tagħmel talba debitament motivata biex tinbidel l-awtorità superviżorja li tkun kompetenti biex tirregola kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva fir-rigward ta’ dik il-kumpanija.

4.   Meta kumpanija omm tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva f’isem is-sussidjarji tagħha f’konformità mal-Artikolu 6, l-awtorità superviżorja kompetenti tal-kumpanija omm għandha tikkoopera mal-awtorità superviżorja kompetenti tas-sussidjarja, li se tibqa’ kompetenti biex tiżgura li s-sussidjarja tkun soġġetta għall-eżerċizzju tas-setgħat f’konformità mal-Artikolu 25. F’dan ir-rigward, in-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji stabbilit skont l-Artikolu 28 għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-għoti tal-assistenza reċiproka meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 28.

5.   Meta Stat Membru jiddeżinja aktar minn awtorità superviżorja waħda, huwa għandu jiżgura li l-kompetenzi rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet superviżorji jkunu definiti b’mod ċar u li jikkooperaw mill-qrib u b’mod effettiv ma’ xulxin.

6.   L-Istati Membri jistgħu jiddeżinjaw l-awtoritajiet għas-superviżjoni tal-impriżi finanzjarji regolati wkoll bħala awtoritajiet superviżorji għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

7.   Sas-26 ta’ Lulju 2026, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet superviżorji deżinjati skont dan l-Artikolu, kif ukoll bil-kompetenzi rispettivi tagħhom meta jkun hemm diversi awtoritajiet superviżorji deżinjati. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla dwar dan.

8.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż fuq is-sit web tagħha, lista tal-awtoritajiet superviżorji, u, meta Stat Membru jkollu diversi awtoritajiet superviżorji, il-kompetenzi rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet fir-rigward ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment il-lista abbażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri.

9.   L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji u jiżguraw li huma, u l-persuni kollha li jaħdmu għalihom jew li ħadmu għalihom, u l-awdituri, l-esperti u kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isimhom, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u bir-rispett dovut għall-obbligi tas-segretezza professjonali. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkunu legalment u funzjonalment indipendenti, ħielsa minn influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, inkluż mill-kumpaniji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew minn interessi oħra tas-suq, li l-persunal tagħhom u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni jkunu ħielsa minn kunflitti ta’ interess, soġġetti għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, u jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom.

10.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jippubblikaw u jagħmlu aċċessibbli online rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont din id-Direttiva.

Artikolu 25

Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom setgħat u riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom skont din id-Direttiva, inkluż is-setgħa li jirrikjedu lill-kumpaniji jipprovdu informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet relatati mal-konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 7 sa 16. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-awtoritajiet superviżorji jissorveljaw l-adozzjoni u t-tfassil tal-pjan ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima f’konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 22(1).

2.   Awtorità superviżorja tista’ tibda investigazzjoni fuq inizjattiva proprja jew b’riżultat ta’ tħassib sostanzjat ikkomunikat lilha skont l-Artikolu 26, meta tqis li jkollha biżżejjed informazzjoni li tindika ksur possibbli minn kumpanija tal-obbligi previsti fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.

3.   L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih titwettaq l-ispezzjoni u wara li jkun ingħata avviż minn qabel lill-kumpanija, ħlief meta avviż minn qabel ifixkel l-effettività tal-ispezzjoni. Meta, bħala parti mill-investigazzjoni tagħha, awtorità superviżorja tkun tixtieq twettaq spezzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għajr tagħha stess, hija għandha titlob l-assistenza tal-awtorità superviżorja f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 28(3).

4.   Jekk, b’riżultat tal-azzjonijiet meħuda skont il-paragrafi 1 u 2, awtorità superviżorja tidentifika nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, hija għandha tagħti lill-kumpanija kkonċernata perjodu ta’ żmien xieraq sabiex tieħu azzjoni ta’ rimedju, jekk tali azzjoni tkun possibbli.

It-teħid ta’ azzjoni ta’ rimedju ma għandux jipprekludi l-impożizzjoni ta’ penali jew l-iskattar ta’ responsabbiltà ċivili, f’konformità mal-Artikoli 27 u 29, rispettivament.

5.   Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom mill-inqas is-setgħa li:

(a)

jordnaw lill-kumpanija biex:

(i)

twaqqaf il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva billi titwettaq azzjoni jew titwaqqaf imġiba;

(ii)

tibqa’ lura minn kwalunkwe ripetizzjoni tal-imġiba rilevanti; u

(iii)

meta xieraq, tipprovdi rimedju proporzjonat għall-ksur u dak meħtieġ biex dan il-ksur jintemm;

(b)

jimponu penali f’konformità mal-Artikolu 27; u

(c)

jadottaw miżuri interim fil-każ ta’ riskju imminenti ta’ ħsara severa u irreparabbli.

6.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jeżerċitaw is-setgħat imsemmija f’dan l-Artikolu f’konformità mad-dritt nazzjonali:

(a)

direttament;

(b)

f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra; jew

(c)

bl-applikazzjoni għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li għandhom jiżguraw li r-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-penali imposti direttament mill-awtoritajiet superviżorji.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti minn awtorità superviżorja dwarhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jżommu rekords tal-investigazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u jindikaw, b’mod partikolari, in-natura u r-riżultat tagħhom, kif ukoll rekords ta’ kwalunkwe azzjoni ta’ infurzar meħuda skont il-paragrafu 5.

9.   Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji rigward il-konformità ta’ kumpanija mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tal-kumpanija skont l-Artikolu 29.

Artikolu 26

Tħassib sostanzjat

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu intitolati li jippreżentaw tħassib sostanzjat, permezz ta’ kanali aċċessibbli faċilment, lil kwalunkwe awtorità superviżorja meta jkollhom raġunijiet biex jemmnu, abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi, li kumpanija qed tonqos milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-persuni li jippreżentaw tħassib sostanzjat jitolbu hekk, l-awtorità superviżorja tieħu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni xierqa tal-identità ta’ dik il-persuna u l-informazzjoni personali tagħha, li, jekk tiġi divulgata, tkun ta’ ħsara għal dik il-persuna.

3.   Meta tħassib sostanzjat jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità superviżorja oħra, l-awtorità li tirċievi t-tħassib sostanzjat għandha tibagħtu lil dik l-awtorità.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw it-tħassib sostanzjat f’perjodu ta’ żmien xieraq u, meta jkun xieraq, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 25.

5.   L-awtorità superviżorja għandha, mill-aktar fis possibbli u f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, tinforma lill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 bir-riżultat tal-valutazzjoni tat-tħassib sostanzjat tagħhom u għandha tipprovdi r-raġunament għal dak ir-riżultat. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lill-persuni li jippreżentaw tali tħassib sostanzjat li għandhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, interess leġittimu fil-kwistjoni, bid-deċiżjoni tagħha li taċċetta jew tirrifjuta kwalunkwe talba għal azzjoni, kif ukoll b’deskrizzjoni tal-passi u l-miżuri ulterjuri, u informazzjoni prattika dwar l-aċċess għal proċeduri ta’ rieżami amministrattiv u ġudizzjarju.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jippreżentaw tħassib sostanzjat f’konformità ma’ dan l-Artikolu u li jkollhom, f’konformità mad-dritt nazzjonali, interess leġittimu fil-kwistjoni, ikollhom aċċess għal qorti jew għal korp pubbliku indipendenti u imparzjali ieħor kompetenti biex jirrieżamina l-legalità proċedurali u sostantiva tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità superviżorja.

Artikolu 27

Penali

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali, inklużi penali pekunjarji, applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti penali u, jekk tali penali jiġu imposti, fid-determinazzjoni tan-natura u tal-livell xieraq tagħhom, għandu jittieħed kont debitu ta’:

(a)

in-natura, il-gravità u d-durata tal-ksur, u s-severità tal-impatti li jirriżultaw minn dak il-ksur;

(b)

kwalunkwe investiment li jkun sar u kwalunkwe appoġġ immirat ipprovdut skont l-Artikoli 10 u 11;

(c)

kwalunkwe kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra biex jiġu indirizzati l-impatti kkonċernati;

(d)

meta rilevanti, il-punt sa fejn id-deċiżjonijiet ta’ prijoritizzazzjoni ttieħdu f’konformità mal-Artikolu 9;

(e)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kumpanija tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva kkonstatat b’deċiżjoni finali;

(f)

il-punt sa fejn il-kumpanija wettqet kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju fir-rigward tas-suġġett ikkonċernat;

(g)

il-benefiċċji finanzjarji miksuba jew it-telf evitat mill-kumpanija minħabba l-ksur;

(h)

kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti ieħor applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ ikkonċernat.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu tal-inqas il-penali li ġejjin:

(a)

penali pekunjarji;

(b)

jekk kumpanija tonqos milli tikkonforma ma’ deċiżjoni li timponi penali pekunjarja fil-limitu ta’ żmien applikabbli, dikjarazzjoni pubblika li tindika l-kumpanija responsabbli għall-ksur u n-natura tal-ksur.

4.   Meta jiġu imposti penali pekunjarji, dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-fatturat nett dinji tal-kumpanija. Il-limitu massimu ta’ penali pekunjarji ma għandux ikun inqas minn 5 % tal-fatturat nett dinji tal-kumpanija fis-sena finanzjarja ta’ qabel dik tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-multa.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (b), u fl-Artikolu 2(2), il-punt (b), il-penali pekunjarji jiġu kkalkulati filwaqt li jitqies il-fatturat konsolidat irrapportat mill-kumpanija omm apikali.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet superviżorji li tikkonċerna penali relatati mal-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, tiġi ppubblikata, tibqa’ disponibbli għall-pubbliku għal mill-inqas ħames snin u tintbagħat lin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji stabbilit skont l-Artikolu 28. Id-deċiżjoni ppubblikata ma għandu jkun fiha l-ebda data personali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 28

Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji. In-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji u l-koordinazzjoni u l-allinjament ta’ prattiki regolatorji, investigattivi, ta’ sanzjonar u superviżorji tal-awtoritajiet superviżorji u, kif xieraq, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejniethom.

Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-aġenziji tal-Unjoni b’għarfien espert rilevanti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva biex jissieħbu fin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw man-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji sabiex jidentifikaw il-kumpaniji fil-ġuriżdizzjoni tagħhom, b’mod partikolari billi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi vvalutat jekk kumpanija ta’ pajjiż terz tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema sigura għall-iskambju ta’ informazzjoni rigward il-fatturat nett iġġenerat fl-Unjoni minn kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2), li ma jkollha fergħa fl-ebda Stat Membru jew li jkollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, li permezz tagħha l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw b’mod regolari l-informazzjoni li jkollhom rigward il-fatturat nett iġġenerat minn tali kumpaniji. Il-Kummissjoni għandha tanalizza dik l-informazzjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u tinnotifika lill-Istat Membru meta l-kumpanija tkun iġġenerat il-biċċa l-kbira tal-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja, li l-kumpanija hija kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) u li l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru hija kompetenti f’konformità mal-Artikolu 24(3).

3.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni u l-assistenza reċiproka rilevanti fit-twettiq ta’ dmirijiethom u għandhom jistabbilixxu miżuri għall-kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi kollaborazzjoni bil-għan li jiġu eżerċitati s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 25, inkluż fir-rigward ta’ spezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni.

4.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha meħtieġa sabiex iwieġbu għal talba għall-assistenza minn awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li jirċievu t-talba. Meta jkun meħtieġ minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ, il-perjodu jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ xahrejn abbażi ta’ ġustifikazzjoni xierqa. Tali passi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta’ investigazzjoni.

5.   It-talbiet għall-assistenza għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-iskop tat-talba u r-raġunijiet għaliha. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jużaw biss l-informazzjoni li jirċievu permezz ta’ talba għall-assistenza għall-fini li tkun intalbet għalih.

6.   L-awtorità superviżorja rikjesta għandha tinforma lill-awtorità superviżorja rikjedenti bir-riżultati jew, skont il-każ, bil-progress rigward il-miżuri li jridu jittieħdu biex twieġeb it-talba għall-assistenza.

7.   L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx jitolbu tariffi lil xulxin għal azzjonijiet u miżuri meħuda b’segwitu ta’ talba għall-assistenza.

Madankollu, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli sabiex jikkumpensaw lil xulxin għal nefqa speċifika li tirriżulta mill-għoti ta’ assistenza f’każijiet eċċezzjonali.

8.   L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 24(3) għandha tinforma lin-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji b’dak il-fatt u bi kwalunkwe talba biex tinbidel l-awtorità superviżorja kompetenti.

9.   Meta jkun hemm dubji dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenza, l-informazzjoni li dik l-attribuzzjoni tkun ibbażata fuqha tiġi kondiviża man-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji, li jista’ jikkoordina l-isforzi biex tinstab soluzzjoni.

10.   In-Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji għandu jippubblika:

(a)

id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet superviżorji li jkun fihom penali, kif imsemmi fl-Artikolu 27(5); u

(b)

lista indikattiva ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal din id-Direttiva.

Artikolu 29

Responsabbiltà ċivili tal-kumpaniji u d-dritt għal kumpens sħiħ

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kumpanija tista’ tinżamm responsabbli għal dannu kkawżat lil persuna fiżika jew ġuridika, dment li:

(a)

il-kumpanija tkun naqset intenzjonalment jew b’negliġenza milli tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11, meta d-dritt, il-projbizzjoni jew l-obbligu elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva jkollhom l-għan li jipproteġu lill-persuna fiżika jew ġuridika; u

(b)

bħala riżultat tan-nuqqas imsemmi fil-punt (a), ġie kkawżat dannu lill-interessi legali tal-persuna fiżika jew ġuridika li huma protetti skont id-dritt nazzjonali.

Kumpanija ma tistax tinżamm responsabbli jekk id-dannu kien ikkawżat biss mis-sħab kummerċjali tagħha fil-katina ta’ attivitajiet tagħha.

2.   Meta kumpanija tinżamm responsabbli f’konformità mal-paragrafu 1, persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha d-dritt għal kumpens sħiħ għad-dannu, f’konformità mad-dritt nazzjonali. Kumpens sħiħ fl-ambitu ta’ din id-Direttiva ma għandux iwassal għal kumpens żejjed, sew jekk permezz ta’ danni punittivi, multipli jew ta’ tip ieħor.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

ir-regoli nazzjonali dwar il-bidu, id-durata, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni ma jfixklux bla bżonn it-tressiq ta’ azzjonijiet għal danni u, fi kwalunkwe każ, ma jkunux iktar restrittivi mir-regoli dwar ir-reġimi nazzjonali ġenerali tar-responsabbiltà ċivili;

il-perjodu ta’ preskrizzjoni għat-tressiq ta’ azzjonijiet għal danni skont din id-Direttiva għandu jkun ta’ mill-inqas ħames snin u, fi kwalunkwe każ, mhux inqas mill-perjodu ta’ preskrizzjoni stabbilit skont ir-reġimi nazzjonali ġenerali tar-responsabbiltà ċivili;

il-perjodi ta’ preskrizzjoni ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma jkun waqaf il-ksur u r-rikorrent ikun jaf, jew jista’ jkun raġonevolment mistenni li jkun jaf:

(i)

bl-imġiba u bil-fatt li din tikkostitwixxi ksur;

(ii)

bil-fatt li l-ksur ikkawża dannu lilhom; u

(iii)

bl-identità tal-kontraventur;

(b)

il-kost tal-proċedimenti ma jkunx għali b’mod projbittiv għar-rikorrenti biex ifittxu ġustizzja;

(c)

li r-rikorrenti jistgħu jfittxu miżuri ta’ inġunzjoni, inkluż permezz ta’ proċeduri sommarji; tali miżuri ta’ inġunzjoni għandhom ikunu fil-forma ta’ miżura definittiva jew proviżorja biex jitwaqqaf il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont din id-Direttiva billi jwettqu azzjoni jew iwaqqfu mġiba;

(d)

li huma previsti kundizzjonijiet raġonevoli li taħthom kwalunkwe parti li allegatament iġġarrab id-danni tista’ tawtorizza lil trade union, organizzazzjoni mhux governattiva tad-drittijiet tal-bniedem jew ambjentali jew organizzazzjoni mhux governattiva oħra, u, f’konformità mad-dritt nazzjonali, lil istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, ibbażati fi Stat Membru, biex iressqu azzjonijiet biex jinfurzaw id-drittijiet tal-parti li allegatament iġġarrab id-danni, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta’ proċedura ċivili;

trade union jew organizzazzjoni mhux governattiva tista’ tiġi awtorizzata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt jekk tikkonforma mar-rekwiżiti kif stabbiliti fid-dritt nazzjonali; dawk ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu ż-żamma ta’ preżenza permanenti tagħha stess u, f’konformità mal-istatuti tagħha, li ma tinvolvix ruħha kummerċjalment u mhux biss temporanjament fit-twettiq tad-drittijiet protetti skont din id-Direttiva jew id-drittijiet korrispondenti fid-dritt nazzjonali;

(e)

meta titressaq talba, u rikorrent jippreżenta ġustifikazzjoni motivata li jkun fiha fatti u biżżejjed evidenza raġonevolment disponibbli biex tiġi appoġġata l-plawżibbiltà tat-talba tiegħu għad-danni u jindika li l-kumpanija għandha evidenza addizzjonali fil-kontroll tagħha, il-qrati jkunu jistgħu jordnaw li tali evidenza tiġi divulgata mill-kumpanija f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali;

il-qrati nazzjonali għandhom jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza mitluba għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata talba potenzjali jew talba għad-danni u l-preservazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata tali talba għad-danni; meta jiddeterminaw jekk ordni għad-divulgazzjoni jew għall-preservazzjoni ta’ evidenza tkunx proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-punt sa fejn it-talba jew id-difiża tkun appoġġata mill-fatti u l-evidenza disponibbli li jiġġustifikaw it-talba għad-divulgazzjoni tal-evidenza; l-ambitu u l-kost tad-divulgazzjoni kif ukoll l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha, inkluża kwalunkwe parti terza kkonċernata, inkluż biex jiġi evitat tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x’aktarx ma tkunx ta’ rilevanza għall-partijiet fil-proċedura; jekk l-evidenza li qed tintalab id-divulgazzjoni tagħha fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna xi parti terza, u x’arranġamenti hemm fis-seħħ għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni kunfidenzjali;

l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkollhom is-setgħa li jordnaw id-divulgazzjoni ta’ evidenza li jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali meta jikkunsidrawha rilevanti għall-azzjoni għad-danni; l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jordnaw id-divulgazzjoni ta’ tali informazzjoni, il-qrati nazzjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom miżuri effettivi għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni.

4.   Il-kumpaniji li pparteċipaw f’inizjattivi tal-industrija jew ta’ diversi partijiet ikkonċernati, jew li użaw verifika minn parti terza indipendenti jew klawżoli kuntrattwali biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom xorta jistgħu madankollu jinżammu responsabbli f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

5.   Ir-responsabbiltà ċivili ta’ kumpanija għad-danni li jinħolqu skont din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tas-sussidjarji tagħha jew ta’ kwalunkwe sieħeb kummerċjali dirett u indirett fil-katina ta’ attivitajiet tal-kumpanija.

Meta d-dannu jkun ġie kkawżat b’mod konġunt mill-kumpanija u s-sussidjarja, jew is-sieħeb kummerċjali dirett jew indirett tagħha, huma għandhom ikunu responsabbli in solidum, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet tar-responsabbiltà in solidum u d-drittijiet ta’ rikors.

6.   Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva ma għandhomx jillimitaw ir-responsabbiltà tal-kumpaniji skont is-sistema legali tal-Unjoni jew dik nazzjonali u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew tal-impatti ambjentali negattivi li jipprevedu responsabbiltà f’sitwazzjonijiet mhux koperti minn din id-Direttiva jew li jipprevedu responsabbiltà aktar stretta minnha.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu dan l-Artikolu jiġu applikati b’mod obbligatorju u prevalenti f’każijiet meta d-dritt applikabbli għal pretensjonijiet għal dak il-għan ma jkunx id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru.

Artikolu 30

Rapportar ta’ ksur u protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tapplika għar-rapportar ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw tali ksur.

Artikolu 31

Appoġġ pubbliku, akkwist pubbliku u konċessjonijiet pubbliċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, jew l-implimentazzjoni volontarja tagħhom, tikkwalifika bħala aspett ambjentali jew soċjali li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’konformità mad-Direttivi 2014/23/UE, 2014/24/UE u 2014/25/UE, iqisu bħala parti mill-kriterji għall-aġġudikazzjoni għal kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjoni, u bħala kundizzjoni ambjentali jew soċjali li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, f’konformità ma’ dawk id-Direttivi, jistabbilixxu fir-rigward tal-prestazzjoni tal-kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjoni.

Artikolu 32

Emenda tad-Direttiva (UE) 2019/1937

Fid-Direttiva (UE) 2019/1937, il-punt E.2 tal-Parti I tal-Anness, jiżdied il-punt li ġej:

“(vii)

id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).”.

Artikolu 33

Emenda tar-Regolament (UE) 2023/2859

Fir-Regolament (UE) 2023/2859, il-parti B tal-Anness, jiżdied il-punt li ġej:

“17.

id-Direttiva (UE) 2024/1760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2024 dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u r-Regolament (UE) 2023/2859 (ĠU L, 2024/1760, 5.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj).”.

Artikolu 34

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mill-25 ta’ Lulju 2024.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 16 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(2) jew l-Artikolu 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 35

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 36

Rieżami u rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti addizzjonali ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà mfassla għal impriżi finanzjarji regolati fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi finanzjarji u attivitajiet ta’ investiment, u l-opzjonijiet għal tali rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta kif ukoll l-impatti tagħhom, f’konformità mal-objettivi ta’ din id-Direttiva.

Ir-rapport għandu jqis atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni li japplikaw għall-impriżi finanzjarji regolati. Għandu jiġi ppubblikat mal-ewwel opportunità wara l-25 ta’ Lulju 2024, iżda mhux aktar tard mis-26 ta’ Lulju 2026. Għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

2.   Sas-26 ta’ Lulju 2030 u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-effettività tagħha fl-ilħuq tal-objettivi tagħha, b’mod partikolari fl-indirizzar tal-impatti negattivi. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva. L-ewwel rapport għandu, fost l-oħrajn, jivvaluta il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impatti ta’ din id-Direttiva fuq l-SMEs, flimkien ma’ valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri u l-għodod differenti għall-appoġġ ipprovduti lill-SMEs mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

(b)

il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fir-rigward tal-kumpaniji koperti, jekk din tiżgurax l-effettività ta’ din id-Direttiva fid-dawl tal-objettivi tagħha, kundizzjonijiet ekwi bejn l-entitajiet koperti u li l-kumpaniji ma jistgħux jevitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż:

jekk l-Artikolu 3(1), il-punt (a), jeħtieġx jiġi rivedut sabiex l-entitajiet kostitwiti bħala forom legali differenti minn dawk elenkati fl-Anness I jew l-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE ikunu koperti minn din id-Direttiva;

jekk il-mudelli tan-negozju jew il-forom ta’ kooperazzjoni ekonomika ma’ kumpaniji terzi għajr dawk koperti mill-Artikolu 2 jeħtieġx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

jekk il-livelli limitu rigward l-għadd ta’ impjegati u l-fatturat nett stabbiliti fl-Artikolu 2 jeħtieġx jiġu riveduti u jekk jeħtieġx jiġi introdott approċċ speċifiku għas-settur f’setturi b’riskju għoli;

jekk il-kriterju tal-fatturat nett iġġenerat fl-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 2(2) jeħtieġx jiġi rivedut;

(c)

jekk id-definizzjoni tat-terminu “katina ta’ attivitajiet” jeħtieġx tiġi riveduta;

(d)

jekk l-Anness ta’ din id-Direttiva jeħtieġx jiġi modifikat, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali, u jekk jenħtieġx li jiġi estiż biex ikopri impatti negattivi addizzjonali, b’mod partikolari impatti negattivi fuq il-governanza tajba;

(e)

jekk ir-regoli dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima previsti f’din id-Direttiva, speċjalment fir-rigward tat-tfassil tal-pjanijiet ta’ tranżizzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adozzjoni tagħhom u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet mill-kumpaniji, kif ukoll is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji relatati ma’ dawk ir-regoli, jeħtieġx jiġu riveduti;

(f)

l-effettività tal-mekkaniżmi ta’ infurzar stabbiliti fil-livell nazzjonali, tal-penali u tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili;

(g)

jekk humiex meħtieġa bidliet fil-livell ta’ armonizzazzjoni previsti f’din id-Direttiva biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern, inkluż il-konverġenza u d-diverġenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 37

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-26 ta’ Lulju 2026, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri:

(a)

mis-26 ta’ Lulju 2027 fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) u (b), li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru u li kellhom medja ta’ aktar minn 5 000 impjegat u ġġeneraw fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 1 500 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja ta’ qabel is-26 ta’ Lulju 2027 li għalihom kienu ġew jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, bl-eċċezzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara;

(b)

mis-26 ta’ Lulju 2028 fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) u (b), li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru u li kellhom medja ta’ aktar minn 3 000 impjegat u ġġeneraw fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 900 000 000 fl-aħħar sena finanzjarja ta’ qabel is-26 ta’ Lulju 2028 li għalihom kienu ġew jew kellhom jiġu adottati dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, bl-eċċezzjoni tal-miżuri neċessarji għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2029 jew wara;

(c)

mis-26 ta’ Lulju 2027 fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) u (b), li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u li ġġeneraw fatturat nett ta’ aktar minn EUR 1 500 000 000 fl-Unjoni, fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja ta’ qabel is-26 ta’ Lulju 2027, bl-eċċezzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2028 jew wara;

(d)

mis-26 ta’ Lulju 2028 fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2), il-punti (a) u (b), li huma ffurmati f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u li ġġeneraw fatturat nett ta’ aktar minn EUR 900 000 000 fl-Unjoni, fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja ta’ qabel is-26 ta’ Lulju 2028, bl-eċċezzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2029 jew wara;

(e)

mis-26 ta’ Lulju 2029 fir-rigward tal-kumpaniji l-oħrajn kollha msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punti (a) u (b), u l-Artikolu 2(2), il-punti (a) u (b), u l-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (c), u l-Artikolu 2(2), il-punt (c), bl-eċċezzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 16, li l-Istati Membri għandhom japplikaw għal dawk il-kumpaniji għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2029 jew wara.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tad-dritt nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 39

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C 443, 22.11.2022, p. 81.

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Mejju 2024.

(3)   ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (ĠU L 114, 12.4.2022, p. 22).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2024/1619 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Mejju 2024, li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward tas-setgħat superviżorji, tas-sanzjonijiet, tal-fergħat ta’ pajjiżi terzi, u tar-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital) (ĠU L, 2024/1619, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1619/oj).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE (ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010, (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 206).

(10)  Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta’ ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1).

(14)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(16)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

(18)  Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għall-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, għas-swieq kapitali u għas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023).

(19)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tissupplimenta l-Istatut għal kumpanija Ewropea rigward l-involviment tal-ħaddiema (ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22).

(21)  Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea – Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).

(22)  Id-Direttiva 2009/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-intrapriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-intrapriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni tal-impjegati (ĠU L 122, 16.5.2009, p. 28).

(23)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(24)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(25)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(26)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(27)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(28)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(29)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(30)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(31)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1);

(32)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(33)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(34)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(35)  Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).

(36)  Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).

(37)  Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

(38)  Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(39)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(40)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

(41)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

(42)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

(43)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(44)  Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).

(45)  Ir-Regolament (UE) 2023/1114 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2023 dwar is-swieq fil-kriptoassi, u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u d-Direttivi 2013/36/UE u (UE) 2019/1937 (ĠU L 150, 9.6.2023, p. 40).

(46)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).

(47)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(48)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS

Parti I

1.   DRITTIJIET U PROJBIZZJONIJIET INKLUŻI FI STRUMENTI INTERNAZZJONALI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

1.

Id-dritt għall-ħajja, interpretat skont l-Artikolu 6(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. L-abbuż ta’ dak id-dritt jinkludi, iżda mhuwiex ristrett għal, gwardji tas-sigurtà privati jew pubbliċi li jipproteġu r-riżorsi, il-faċilitajiet jew il-persunal tal-kumpanija li jikkawżaw il-mewt ta’ persuna minħabba nuqqas ta’ struzzjoni jew kontroll mill-kumpanija;

2.

Il-projbizzjoni tat-tortura, it-trattament krudili, inuman jew degradanti, interpretata skont l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi. Din tinkludi, iżda mhijiex ristretta għal, gwardji tas-sigurtà privati jew pubbliċi li jipproteġu r-riżorsi, il-faċilitajiet jew il-persunal tal-kumpanija li jissoġġettaw persuna għal tortura jew trattament krudili, inuman jew degradanti minħabba nuqqas ta’ struzzjoni jew kontroll mill-kumpanija;

3.

Id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, interpretat skont l-Artikolu 9(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

4.

Il-projbizzjoni ta’ interferenza arbitrarja jew illegali fil-privatezza, il-familja, id-dar jew il-korrispondenza ta’ persuna u attakki illegali fuq l-unur jew ir-reputazzjoni tagħha, interpretat skont l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

5.

Il-projbizzjoni ta’ interferenza mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, interpretata skont l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

6.

Id-dritt li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inkluż paga ġusta u paga adegwata li tiggarantixxi l-għajxien għall-ħaddiema impjegati u introjtu adegwat għall-għajxien għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u għal sidien żgħar, li jaqilgħu lura mix-xogħol u l-produzzjoni tagħhom, għajxien deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa u limitazzjoni raġonevoli tas-sigħat tax-xogħol, interpretat skont l-Artikoli 7 u 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

7.

Il-projbizzjoni li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal akkomodazzjoni adegwata, jekk il-ħaddiema jkunu joqogħdu f’akkomodazzjoni pprovduta mill-kumpanija, u li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal ikel, ħwejjeġ u ilma u sanitazzjoni adegwati fuq il-post tax-xogħol, interpretata skont l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

8.

Id-dritt tat-tfal għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq interpretat skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt għall-edukazzjoni interpretat skont l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt għal standard ta’ għajxien adegwat, interpretat skont l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt tat-tfal li jkunu protetti mill-isfruttament ekonomiku u milli jwettqu kwalunkwe xogħol li x’aktarx ikun perikoluż jew li jinterferixxi mal-edukazzjoni tat-tfal, jew li jkun ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali jew soċjali tat-tfal, interpretat skont l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; id-dritt tat-tfal li jkunu protetti minn kull forma ta’ sfruttament sesswali u abbuż sesswali u li jkunu protetti milli jiġu maħtufa, mibjugħa jew spostati illegalment lejn post differenti fil-pajjiż tagħhom jew barra mill-pajjiż għall-fini ta’ sfruttament, interpretat skont l-Artikoli 34 u 35 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

9.

Il-projbizzjoni tal-impjegar ta’ tfal taħt l-età tat-tmiem tal-iskola obbligatorja u, fi kwalunkwe każ, ta’ taħt il-15-il sena, ħlief meta l-liġi tal-post tal-impjieg tipprevedi hekk skont l-Artikolu 2(4) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138), interpretata skont l-Artikoli 4 sa 8 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);

10.

Il-projbizzjoni tal-agħar forom ta’ tħaddim tat-tfal (persuni taħt it-18-il sena), interpretata skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182). Dan jinkludi:

(a)

il-forom kollha ta’ skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, bħall-bejgħ u t-traffikar tat-tfal, il-jasar tad-dejn u s-servitù, kif ukoll ix-xogħol furzat jew obbligatorju, inkluż ir-reklutaġġ furzat jew obbligatorju tat-tfal għall-użu f’kunflitti armati;

(b)

l-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għall-prostituzzjoni, għall-produzzjoni ta’ pornografija jew għal spettakli pornografiċi;

(c)

l-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għal attivitajiet illeċiti, b’mod partikolari għall-produzzjoni jew it-traffikar ta’ drogi;

(d)

xogħol li, min-natura tiegħu jew miċ-ċirkostanzi li jitwettaq fihom, x’aktarx li jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza jew lill-morali tat-tfal;

11.

Il-projbizzjoni ta’ xogħol furzat jew obbligatorju, jiġifieri x-xogħol jew is-servizz kollu li kwalunkwe persuna tiġi mġiegħla tagħmel taħt theddida ta’ kwalunkwe penali u li għalih il-persuna msemmija ma tkunx offriet lilha nnifisha b’mod volontarju, pereżempju bħala riżultat tal-jasar tad-dejn jew tat-traffikar ta’ bnedmin, interpretata skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29). Xogħol furzat jew obbligatorju ma għandux ifisser kwalunkwe xogħol jew servizz li jikkonforma mal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) jew mal-Artikolu 8(3), il-punti (b) u (c) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

12.

Il-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ skjavitù u ta’ kummerċ tal-iskjavi, inkluż prattiki simili għall-iskjavitù, servitù jew forom oħra ta’ dominazzjoni jew oppressjoni fuq il-post tax-xogħol, bħal sfruttament u umiljazzjoni ekonomiċi jew sesswali estremi, jew traffikar ta’ bnedmin, interpretata skont l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

13.

Id-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda, id-drittijiet ta’ organizzazzjoni u tan-negozjar kollettiv, interpretat skont l-Artikoli 21 u 22 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87), u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98). Dawk id-drittijiet jinkludu dawn li ġejjin:

(a)

il-ħaddiema huma liberi li jiffurmaw trade unions jew li jingħaqdu magħhom;

(b)

il-formazzjoni ta’ trade union u li wieħed jingħaqad jew jissieħeb ma’ trade union ma għandhomx jintużaw bħala raġuni għal diskriminazzjoni jew ritaljazzjoni inġustifikata;

(c)

it-trade unions huma liberi li joperaw skont il-kostituzzjonijiet u r-regoli tagħhom, mingħajr indħil mill-awtoritajiet; u

(d)

id-dritt tal-istrajkjar u d-dritt ta’ negozjar kollettiv;

14.

Il-projbizzjoni ta’ trattament inugwali fl-impjieg, sakemm dan ma jkunx ġustifikat mir-rekwiżiti tal-impjieg, interpretata skont l-Artikoli 2 u 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100), l-Artikoli 1 u 2 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111), u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali. B’mod partikolari, dan jinkludi:

(a)

il-ħlas ta’ rimunerazzjoni inugwali għal xogħol ta’ valur ugwali;

(b)

id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ estrazzjoni nazzjonali jew oriġini soċjali, razza, kulur, sess, reliġjon, opinjoni politika;

15.

Il-projbizzjoni mill-ikkawżar ta’ kwalunkwe degradazzjoni ambjentali li tista’ titkejjel, bħal tibdil dannuż tal-ħamrija, tniġġis tal-ilma jew tal-arja, emissjonijiet dannużi, konsum eċċessiv tal-ilma, degradazzjoni tal-art, jew impatt ieħor fuq ir-riżorsi naturali, bħad-deforestazzjoni, li:

(a)

tfixkel b’mod sostanzjali l-bażijiet naturali għall-preservazzjoni u l-produzzjoni tal-ikel;

(b)

iċċaħħad lil persuna milli jkollha aċċess għal ilma tax-xorb sikur u nadif;

(c)

tagħmilha diffiċli għal persuna biex taċċessa faċilitajiet sanitarji jew jeqridhom;

(d)

tagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza, lill-użu normali tal-art jew lill-beni akkwistati legalment ta’ persuna;

(e)

taffettwa b’mod negattiv b’mod sostanzjali s-servizzi tal-ekosistema li permezz tagħhom ekosistema tikkontribwixxi direttament jew indirettament għall-benesseri tal-bniedem;

interpretata skont l-Artikolu 6(1) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikoli 11 u 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

16.

Id-dritt ta’ individwi, gruppi u komunitajiet għal artijiet u riżorsi u d-dritt li ma jiġux imċaħħda minn mezzi ta’ sussistenza, li jinvolvi l-projbizzjoni ta’ evakwazzjoni jew teħid ta’ art, foresti u ilmijiet b’mod illegali meta jiġu akkwistati, żviluppati jew inkella jintużaw art, foresti u ilmijiet, inkluż permezz tad-deforestazzjoni, li l-użu tagħhom jiżgura l-għajxien ta’ persuna interpretata skont l-Artikoli 1 u 27 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikoli 1, 2 u 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali.

2.   STRUMENTI DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U L-LIBERTAJIET FUNDAMENTALI

Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Il-konvenzjonijiet ewlenin/fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol:

Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87);

Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98);

Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) u l-Protokoll tal-2014 tagħha;

Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105);

Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);

Il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182);

Il-Konvenzjoni dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100);

Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111).

Parti II

PROJBIZZJONIJIET U OBBLIGI INKLUŻI FI STRUMENTI AMBJENTALI

1.

L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq id-diversità bijoloġika, interpretat skont l-Artikolu 10, il-punt (b), tal-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti, inkluż l-obbligi tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar l-iżvilupp, it-trattament, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u r-rilaxx ta’ organiżmi modifikati ħajjin u tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tat-12 ta’ Ottubru 2014.

2.

Il-projbizzjoni tal-importazzjoni, l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni jew l-introduzzjoni bil-baħar ta’ kwalunkwe eżemplar inkluż fl-Appendiċi I sa III tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tat-3 ta’ Marzu 1973 mingħajr permess, interpretata skont l-Artikoli III, IV u V tal-Konvenzjoni;

3.

Il-projbizzjoni tal-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju elenkati fl-Anness A, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, tal-10 ta’ Ottubru 2013 (il-Konvenzjoni ta’ Minamata), interpretata skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni;

4.

Il-projbizzjoni tal-użu tal-merkurju jew tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fl-Anness B, il-Parti I, tal-Konvenzjoni ta’ Minamata wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali speċifikata fil-Konvenzjoni għall-proċessi individwali, interpretata skont l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni;

5.

Il-projbizzjoni tat-trattament illegali tal-iskart tal-merkurju, interpretata skont l-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni ta’ Minamata u l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

6.

Il-projbizzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi elenkati fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Konvenzjoni dwar il-POPs), tat-22 ta’ Mejju 2001, interpretata skont l-Artikolu 3(1), il-punt (a), il-punt (i), tal-Konvenzjoni u r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

7.

Il-projbizzjoni tat-trattament, il-ġbir, il-ħżin u r-rimi illegali tal-iskart, interpretata skont l-Artikolu 6(1), il-punt (d), il-punti (i) u (ii), tal-Konvenzjoni dwar il-POPs u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2019/1021;

8.

Il-projbizzjoni tal-importazzjoni jew l-esportazzjonita’ sustanza kimika elenkata fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-Quddiem għal ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (UNEP/FAO), tal-10 ta’ Settembru 1998, interpretata skont l-Artikolu 10(1), l-Artikolu 11(1), il-punt (b), u l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni u indikazzjoni mill-Parti importatriċi jew esportatriċi fil-Konvenzjoni skont il-Proċedura għall-Kunsens Infurmat bil-quddiem (PIC);

9.

Il-projbizzjoni tal-produzzjoni, il-konsum, l-importazzjoni u l-esportazzjoni illegali tas-sustanzi kontrollati elenkati fl-Annessi A, B, C u E tal-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għall-Ħarsien tas-Saff tal-Ożonu, interpretata skont l-Artikolu 4B tal-Protokoll ta’ Montreal u d-dispożizzjonijiet dwar il-liċenzjar skont il-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

10.

Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż jew skart ieħor, interpretata skont l-Artikolu 1(1) u (2) tal-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment barra l-konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu, tat-22 ta’ Marzu 1989, (il-Konvenzjoni ta’ Basel) u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3):

(a)

lil parti għall-Konvenzjoni li pprojbiet l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż u skart ieħor, interpretata skont l-Artikolu 4(1), il-punt (b), tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(b)

lil stat ta’ importazzjoni li ma jagħtix il-kunsens bil-miktub għall-importazzjoni speċifika, f’każ li dak l-istat ta’ importazzjoni ma jkunx ipprojbixxa l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż, interpretata skont l-Artikolu 4(1), il-punt (c), tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(c)

lil non-parti għall-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(d)

lil stat ta’ importazzjoni jekk tali skart perikoluż jew skart ieħor ma jiġix ġestit b’mod ambjentalment korrett f’dak l-istat jew xi mkien ieħor, interpretata skont l-Artikolu 4(8), l-ewwel sentenza, tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

11.

Il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż mill-pajjiżi elenkati fl-Anness VII tal-Konvenzjoni ta’ Basel lejn pajjiżi mhux elenkati fl-Anness VII għall-operazzjonijiet elenkati fl-Anness IV tal-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4 A tal-Konvenzjoni ta’ Basel u l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006;

12.

Il-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ skart perikoluż u skart ieħor mingħand non-Parti li ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Basel, interpretata skont l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basel;

13.

L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq il-proprjetajiet delineati bħala wirt naturali kif definit fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali tas-16 ta’ Novembru 1972 (il-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji), interpretat skont l-Artikolu 5, il-punt (d), tal-Konvenzjoni dwar il-Patrimonju Dinji u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

14.

L-obbligu li jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq l-artijiet mistagħdra kif definit fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali speċjalment bħala l-Ħabitat għall-Għasafar tal-Ilma tat-2 ta’ Frar 1971 (il-Konvenzjoni ta’ Ramsar), interpretat skont l-Artikolu 4(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ramsar u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti;

15.

L-obbligu li jiġi prevenut it-tniġġis mill-vapuri, interpretat skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri tat-2 ta’ Novembru 1973, kif emendata mill-Protokoll tal-1978 (MARPOL 73/78). Dan jinkludi:

(a)

il-projbizzjoni tal-iskariku fil-baħar ta’:

(i)

żejt jew taħlitiet ta’ żejt kif definiti fir-Regolament 1 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 9 sa 11 tal-Anness I tal-MARPOL 73/78;

(ii)

sustanzi likwidi noċivi kif definiti fir-Regolament 1(6) tal-Anness II tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 5 u 6 tal-Anness II tal-MARPOL 73/78; u

(iii)

dranaġġ kif definit fir-Regolament 1(3) tal-Anness IV tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 8 u 9 tal-Anness IV tal-MARPOL 73/78;

(b)

il-projbizzjoni ta’ tniġġis illegali minn sustanzi perikolużi trasportati bil-baħar f’forma ppakkjata kif definiti fir-Regolament 1 tal-Anness III tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 1 sa 7 tal-Anness III tal-MARPOL 73/78; u

(c)

il-projbizzjoni ta’ tniġġis illegali minn żibel minn bastimenti kif definit fir-Regolament 1 tal-Anness V tal-MARPOL 73/78, interpretata skont ir-Regolamenti 3 sa 6 tal-Anness V tal-MARPOL 73/78;

16.

L-obbligu tal-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent tal-baħar permezz tar-rimi, interpretat skont l-Artikolu 210 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 (UNCLOS) u l-liġi applikabbli fil-ġuriżdizzjoni rilevanti.

(1)  Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1760/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)