|
19.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 18/1 |
FTEHIM
tat-30 ta' Diċembru 2022
bejn Hrvatska narodna banka u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-klejm ikkreditat lil Hrvatska narodna banka mill-Bank Ċentrali Ewropew skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew
(2023/C 18/01)
DAN IL-FTEHIM HU MAGĦMUL FIT-30 TA’ DIĊEMBRU 2022 BEJN:
|
(1) |
Hrvatska narodna banka, u |
|
(2) |
il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (minn hawn ’il quddiem il-“Partijiet”) |
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2023/xxx) (1), l-ammont aggregat ekwivalenti għall-euro tal-assi ta’ riżervi barranin li Hrvatska narodna banka huwa meħtieġ jittrasferixxi lill-BĊE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023 skont l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) huwa ta’ EUR 639 849 638,12. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51), b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023 il-BĊE għandu jikkredita lil Hrvatska narodna banka bi klejm ddenominata f’euro ekwivalenti għall-ammont totali f’euro tal-kontribuzzjoni ta’ Hrvatska narodna banka ta’ assi ta’ riżervi barranin, suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-BĊE u Hrvatska narodna banka jaqblu illi jistabbilixxu l-klejm ta’ Hrvatska narodna banka għal EUR 327 152 181,93 sabiex jiżguraw illi l-proporzjon bejn l-ammont f’euro tal-klejm ta’ Hrvatska narodna banka u l-ammont totali f’euro tal-klejms ikkreditati lill-banek ċentrali nazzjonali l-oħra ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi l-oħra”) ikun ugwali għall-proporzjon bejn l-ippeżar ta’ Hrvatska narodna banka fl-iskema tal-kapital tal-BĊE u l-ippeżar totali tal-BĊNi l-oħra f’din l-iskema. |
|
(3) |
Id-differenza bejn l-ammonti msemmija fil-premessi 1 u 2 tirriżulta minn: (a) l-applikazzjoni lill-valur ta’ assi ta’ riżervi barranin diġà ttrasferiti minn Hrvatska narodna banka skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-SEBĊ tar-“rati tal-kambju kurrenti” msemmija fl-Artikolu 48.1 tal-Istatut tas-SEBĊ; u (b) l-effett fuq il-klejms miżmumin mill-BĊNi oħra, skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ, tal-aġġustamenti tal-iskema kapitali tal-BĊE fl-1 ta’ Jannar 2004 (2), l-1 ta’ Jannar 2009 (3), l-1 ta’ Jannar 2014 (4), l-1 ta’ Jannar 2019 (5), u l-1 ta’ Frar 2020 (6) skont l-Artikolu 29.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-espansjonijiet tal-iskema kapitali tal-BĊE fl-1 ta’ Mejju 2004 (7), fl-1 ta’ Jannar 2007 (8) u fl-1 ta’ Lulju 2013 (9) skont l-Artikolu 48.3 tal-Istatut tas-SEBĊ. |
|
(4) |
Minħabba d-differenza fuq imsemmija, il-BĊE u Hrvatska narodna banka jaqblu illi l-klejm ta’ Hrvatska narodna banka tista’ titnaqqas billi tiġi kkumpensata bl-ammont li Hrvatska narodna banka għandu jikkontribwixxi għar-riservi u l-provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51), f’każ li l-klejm ta’ Hrvatska narodna banka hija akbar mill-ammont ta’ EUR 327 152 181,93. |
|
(5) |
Il-BĊE u l-Hrvatska narodna banka għandhom jaqblu dwar modalitajet oħrajn sabiex tiġi kkreditata l-klejm ta’ Hrvatska narodna banka billi jiġi kkunsidrat illi, skont iċ-ċaqlieq fir-rati tal-kambju, jista’ jkun meħtieġ illi tiżdied aktar milli titnaqqas il-klejm għall-ammont imsemmi fil-premessa 2. |
|
(6) |
Il-Kunsill Governattiv approva d-dħul tal-BĊE f’dan il-Ftehim, li jikkonċerna deċiżjoni li għandha tittieħed taħt l-Artikolu 30 tal-Istatut tas-SEBĊ, skont l-Artikolu 10.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-proċedura speċifikata fih, |
QABLU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Proċedura għall-ikkreditar tal-klejm ta’ Hrvatska narodna banka
1. Jekk l-ammont tal-klejm li l-BĊE għandu jikkredita lil Hrvatska narodna banka skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135) (BĊE/2022/51) minn hawn ’il quddiem il-“klejm”) huwa akbar minn EUR 327 152 181,93 f’xi waħda mid-dati ta’ saldu li fiha l-BĊE jirċievi assi ta’ riżervi barranin mingħand Hrvatska narodna banka skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51), l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jitnaqqas b’effett minn dik id-data għal EUR 327 152 181,93. Dan it-tnaqqis għandu jsir billi l-klejm tiġi paċuta kontra l-ammont li Hrvatska narodna banka għandu jikkontribwixxi għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023 skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51). L-ammont paċut għandu jiġi ttrattat bħala kontribuzzjoni bil-quddiem għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51), li għandha titqies li saret fid-data li fiha isseħħ it-tpaċija.
2. Jekk l-ammont mitlub bħala kontribuzzjoni minn Hrvatska narodna banka għar-riżervi u l-provvedimenti tal-BĊE skont l-Artikolu 48.2 tal-Istatut tas-SEBĊ u l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51) huwa inqas mid-differenza bejn l-ammont tal-klejm ta’ Hrvatska narodna banka u EUR 327 152 181,93, l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jitnaqqas għal EUR 327 152 181,93: (a) billi ssir tpaċija skont il-paragrafu 1; u (b) billi l-BĊE jħallas lil Hrvatska narodna banka ammont f’euro ekwivalenti għall-ammont nieqes li jifdal wara dik it-tpaċija. Kull ammont li għandu jitħallas mill-BĊE skont dan il-paragrafu għandu jkun dovut fl-1 ta’ Jannar 2023. Il-BĊE għandu, eventwalment, jagħti struzzjonijiet għat-trasferiment ta’ dak l-ammont, u ta’ imgħax akkumulat nett fuq dan, permezz tal-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer (TARGET2) tissalda f’euro fi flus tal-bank ċentrali. L-imgħax akkumulat għandu jinħadem fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq għadd ta’ 360 jum b’rata ekwivalenti għar-rata ta’ imgħax marġinali użata mill-Eurosistema fl-operazzjoni ewlenija ta’ rifinanzjament l-aktar riċenti tagħha.
3. Jekk l-ammont tal-klejm ta’ Hrvatska narodna banka huwa ta’ anqas minn EUR 327 152 181,93 fid-data finali li fiha l-BĊE jirċievi assi ta’ riservi barranin mingħand Hrvatska narodna banka skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51), l-ammont tal-klejm għandu mbagħad jiżdied f’dik id-data għal EUR 327 152 181,93 u Hrvatska narodna banka għandu jħallas lill-BĊE ammont f’euro li huwa ekwivalenti għad-differenza. Kull ammont li għandu jitħallas minn Hrvatska narodna banka skont dan il-paragrafu għandu jkun dovut mill-1 ta’ Jannar 2023, u għandu jitħallas fid-data finali meta l-BĊE jirċievi assi ta’ riżervi barranin minn Hrvatska narodna banka skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2023/135 (BĊE/2022/51).
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet finali
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.
2. Magħmul fit-30 ta’ Diċembru 2022 f’żewġ kopji oriġinali kollha bil-lingwa Ingliża u ffirmati mir-rappreżentanti debitament awtorizzati tal-Partijiet. Kull parti għal dan il-Ftehim għandha tirċievi kopja ċċertifikata tiegħu.
Għal Hrvatska narodna banka
Boris VUJČIĆ
Gvernatur
Għall-Bank Ċentrali Ewropew
Christine LAGARDE
President
(1) Deċiżjoni (UE) 2023/135 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-30 ta' Diċembru 2022 dwar il-ħlas tal-kapital, it-trasferiment ta' assi ta' riżervi barranin u kontribuzzjonjiet minn Hrvatska narodna banka lir-riżervi u l-provvedimenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/51) (ĠU L 17, 19.1.2023, p. 94).
(2) Deċiżjoni BĊE/2003/17 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2003 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 9, 15.1.2004, p. 27).
(3) Deċiżjoni BĊE/2008/23 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2008 dwar l-ishma ta’ persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 21, 24.1.2009, p. 66).
(4) Deċiżjoni BĊE/2013/28 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Awwissu 2013 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 16, 21.1.2014, p. 53).
(5) Deċiżjoni (UE) 2019/43 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni BĊE/2013/28 (BĊE/2018/27) (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 178).
(6) Deċiżjoni (UE) 2020/137 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Jannar 2020 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew u li tirrevoka d-Deċiżjoni (UE) 2019/43 (BĊE/2020/3) (ĠU L 27I, 1.2.2020, p. 4).
(7) Deċiżjoni BĊE/2004/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ April 2004 dwar l-ishma perċentwali tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema tas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 205, 9.6.2004, p. 5).
(8) Deċiżjoni BĊE/2006/21 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-ishma ta’ persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 24, 31.1.2007, p. 1).
(9) Deċiżjoni BĊE/2013/17 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Ġunju 2013 dwar l-ishma ta’ persentaġġ tal-banek ċentrali nazzjonali fl-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 187, 6.7.2013, p. 15).