27.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/108


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2060

tas-26 ta’ Settembru 2023

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-elenkar tal-Istati tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd li jaqbdu prodotti tas-sajd li jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq bħala oġġetti bl-imnut

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2023/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2023 dwar regoli speċifiċi relatati mad-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ ċerti kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut, pjanti għat-tħawwil, patata taż-żrigħ, makkinarju u ċertu vetturi mħaddma għal skopijiet agrikoli jew ta’ forestrija, kif ukoll movimenti mhux kummerċjali ta’ ċerti annimali tad-dar lejn l-Irlanda ta’ Fuq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), il-punt (b), tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2023/1231 jistabbilixxi regoli speċifiċi relatati ma’, fost l-oħrajn, id-dħul fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit ta’ kunsinni ta’ ċerti oġġetti bl-imnut għall-introduzzjoni fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq għall-konsumatur finali.

(2)

B’mod partikolari, l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2023/1231 jistabbilixxi regoli speċifiċi għal kunsinni ta’ oġġetti bl-imnut mill-bqija tad-dinja. L-Artikolu 9(2), il-punt (b), ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-prodotti tas-sajd li jinqabdu minn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz għajr ir-Renju Unit (“l-Istat tal-bandiera”) u li jiġu importati f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit bħala oġġetti bl-imnut, u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, biss jekk l-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat huwa elenkat f’att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-Artikolu 9(4) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231 jipprevedi li l-prodotti tas-sajd li jinqabdu minn bastiment tal-Istat tal-bandiera u li jiġu importati f’partijiet tar-Renju Unit għajr l-Irlanda ta’ Fuq, jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit bħala oġġetti bl-imnut, u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, biss jekk ir-Renju Unit jipprovdi evidenza bil-miktub li l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, il-kontrolli uffiċjali u r-rekwiżiti ta’ verifika japplikaw skont id-dritt nazzjonali tiegħu, b’hekk jiġi żgurat li l-prodotti tas-sajd miksuba minn sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (“sajd IUU”) kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (2) u fl-atti tal-Unjoni adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 ma jiġux importati fir-Renju Unit, u li dawk il-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, il-kontrolli uffiċjali u r-rekwiżiti ta’ verifika jiġu implimentati b’mod effettiv mir-Renju Unit (“l-evidenza bil-miktub”).

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni li tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU, u l-Artikolu 12(1) tiegħu jipprojbixxi l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ prodotti tas-sajd miksuba minn sajd IUU. Barra minn hekk, l-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi regoli għan-notifika lill-Kummissjoni minn Stati tal-bandiera ta’ pajjiżi terzi għall-fini tal-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati tal-qabda vvalidati minn dawn l-Istati tal-bandiera biex jiġi żgurat, fost l-oħrajn, li l-kunsinni ta’ prodotti tas-sajd li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ dik il-projbizzjoni.

(5)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE (3) tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

(6)

L-Artikolu 9(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/1231 jipprevedi li meta l-Kummissjoni tkun irċeviet l-evidenza bil-miktub, din tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jelenka l-Istati tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jaqbdu prodotti tas-sajd li jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq bħala oġġetti bl-imnut minn partijiet oħra tar-Renju Unit, u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq.

(7)

Permezz ta’ ittra bid-data tal-4 ta’ Settembru 2023, ir-Renju Unit jipprovdi l-evidenza bil-miktub li l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, il-kontrolli uffiċjali u r-rekwiżiti ta’ verifika japplikaw skont id-dritt nazzjonali tar-Renju Unit u li l-kundizzjonijiet tal-importazzjoni, il-kontrolli uffiċjali u r-rekwiżiti ta’ verifika huma implimentati b’mod effettiv mir-Renju Unit.

(8)

Peress li r-Renju Unit ipprovda l-evidenza bil-miktub meħtieġa mill-Artikolu 9(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2023/1231, jixraq li tiġi stabbilita l-lista tal-Istati tal-bandiera tal-bastimenti tas-sajd li jaqbdu prodotti tas-sajd li jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq bħala oġġetti bl-imnut, wara li jkunu ġew importati f’partijiet oħra tar-Renju Unit. Jenħtieġ li dik il-lista tqis ir-rekwiżit ta’ notifika stabbilit fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, u l-lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/170/UE.

(9)

Fl-interess taċ-ċertezza legali u biex jiġi evitat tfixkil bla bżonn fil-kummerċ, jenħtieġ li dan ir-Regolament isir effettiv b’urġenza.

(10)

L-obbligu li l-oġġetti bl-imnut jiġu mmarkati f’konformità mal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2023/1231 japplika mill-1 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Ottubru 2023 biex jiġu żgurati l-konsistenza u ċ-ċertezza legali u jiġi evitat tfixkil bla bżonn fil-kummerċ.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi għajr ir-Renju Unit li huma Stati tal-bandiera ta’ bastimenti tas-sajd li jaqbdu prodotti tas-sajd li jistgħu jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn partijiet oħra tar-Renju Unit u jiġu introdotti fis-suq fl-Irlanda ta’ Fuq bħala oġġetti bl-imnut f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2023/1231, wara li jkunu ġew importati f’partijiet oħra tar-Renju Unit (“il-lista tal-Istati tal-bandiera”).

Artikolu 2

Lista tal-Istati tal-bandiera

Il-lista tal-Istati tal-bandiera hija stabbilita fl-Anness.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 165, 29.6.2023, p. 103.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/170/UE tal-24 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU skont ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU L 91, 27.3.2014, p. 43).


ANNESS

L-ALBANIJA

L-ALĠERIJA

L-ANGOLA

ANTIGUA U BARBUDA

L-ARĠENTINA

L-AWSTRALJA

IL-BAHAMAS

IL-BANGLADESH

IL-BELIZE

IL-BENIN

IL-BRAŻIL

IL-KANADA

CABO VERDE

IĊ-ĊILÌ

IĊ-ĊINA

IL-KOLOMBJA

IL-COSTA RICA

IL-KOSTA TAL-AVORJU

KUBA

CURAÇAO

L-EKWADOR

L-EĠITTU

EL SALVADOR

L-ERITREA

IL-GŻEJJER FALKLAND

IL-GŻEJJER FAEROE

FIĠI

IL-POLINEŻJA FRANĊIŻA

IT-TERRITORJI FRANĊIŻI TAN-NOFSINHAR U TAL-ANTARTIKA

IL-GABON

IL-GHANA

GREENLAND

GRENADA

IL-GWATEMALA

IL-GUINEA

IL-GUYANA

L-IŻLANDA

L-INDJA

L-INDONEŻJA

IL-ĠAMAJKA

IL-ĠAPPUN

IL-KENJA

KIRIBATI

MADAGASCAR

IL-MALAŻJA

IL-MALDIVI

IL-MAURITANIA

MAURITIUS

IL-MESSIKU

IL-MONTENEGRO

IL-MAROKK

IL-MOZAMBIQUE

IL-MYANMAR/BURMA

IN-NAMIBJA

NEW CALEDONIA

NEW ZEALAND

IN-NIKARAGWA

IN-NIĠERJA

IN-NORVEĠJA

L-OMAN

IL-PAKISTAN

IL-PANAMA

PAPUA NEW GUINEA

IL-PERÙ

IL-FILIPPINI

IR-RUSSJA

SAINT HELENA

SAINT PIERRE U MIQUELON

IS-SENEGAL

IS-SEYCHELLES

IL-GŻEJJER SOLOMON

L-AFRIKA T’ISFEL

IL-KOREA T’ISFEL

IS-SRI LANKA

IS-SURINAME

IT-TAJWAN

IT-TANZANIJA

IT-TAJLANDJA

IL-GAMBJA

TRISTAN DA CUNHA

IT-TUNEŻIJA

IT-TURKIJA

L-UKRAJNA

L-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA

L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

L-URUGWAJ

IL-VENEZWELA

IL-VJETNAM

WALLIS U FUTUNA

IL-JEMEN