27.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 238/94


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2057

tas-26 ta’ Settembru 2023

li jemenda l-Annessi VII u VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 rigward l-approvazzjoni jew l-irtirar tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard ta’ ċerti Stati Membri jew żoni tagħhom, rigward ċertu mard elenkat u l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal ċertu mard elenkat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 31(3) u 36(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli speċifiċi għall-mard elenkat f’konformità mal-Artikolu 5(1) tiegħu u jistabbilixxi kif iridu jiġu applikati dawk ir-regoli għall-kategoriji differenti tal-mard elenkat. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jipprevedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punt (b) tiegħu, u għal programmi ta’ eradikazzjoni fakultattivi għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punt (c) tiegħu, u għall-approvazzjoni ta’ dawn il-programmi mill-Kummissjoni. Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tapprova jew tirtira l-istatus ta’ ħelsien mill-mard ta’ Stati Membri jew żoni jew kompartimenti tagħhom fir-rigward ta’ ċertu mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1), il-punti (b) u (c) tiegħu.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 u jistabbilixxi l-kriterji għall-għoti, għaż-żamma, għas-sospensjoni u għall-irtirar tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-Istati Membri jew għaż-żoni jew għall-kompartimenti tagħhom, u jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni tal-programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi għall-Istati Membri jew għaż-żoni jew għall-kompartimenti tagħhom.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 (3) jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-mard tal-annimali elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/429, fir-rigward tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom, u l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat. B’mod partikolari, fl-Annessi tiegħu jelenka l-Istati Membri jew iż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom li għandhom l-istatus ta’ ħelsien mill-mard u jelenka wkoll il-programmi ta’ eradikazzjoni eżistenti obbligatorji jew fakultattivi approvati. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tinbidel ta’ ċertu mard toħloq il-ħtieġa li jiġu emendati ċerti Annessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 biex jiġu elenkati Stati Membri ġodda ħielsa mill-mard jew żoni tagħhom u biex jiġu approvati ċerti programmi ta’ eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi ppreżentati lill-Kummissjoni.

(4)

Għall-BVD, il-Ġermanja ppreżentat lill-Kummissjoni informazzjoni li turi li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-BVD stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/689 huma ssodisfati fit-territorju kollu fl-istat tal-Bavarja, fil-biċċa l-kbira tat-territorju fl-istat tas-Sassonja t’Isfel ħlief ir-reġjuni ta’ Cuxhaven, Göttingen, Northeim, Oldenburg u Stade, u fil-biċċa l-kbira tat-territorju fl-istat tat-Tramuntana ta’ Nordrhein-Westfalen ħlief ir-reġjuni ta’ Borken, Gütersloh, Höxter, Kleve u Paderborn, u fil-biċċa l-kbira tat-territorju fl-istat ta’ Schleswig-Holstein ħlief ir-reġjun ta’ Rendsburg-Eckernförde. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, intwera li dawk l-applikazzjonijiet kienu jikkonformaw mal-kriterji stipulati fil-Parti II, il-Kapitolu 4, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-għoti tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-BVD. Għalhekk, jenħtieġ li dawk iż-żoni jiġu elenkati fil-Parti I tal-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620, li għandhom status ta’ ħelsien mill-mard għall-BVD.

(5)

Fir-rigward tal-infezzjoni bil-BTV, il-Lussemburgu ppreżenta informazzjoni lill-Kummissjoni li turi li l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-infezzjoni bil-BTV huma ssodisfati għat-territorju kollu tal-Lussemburgu. Wara l-valutazzjoni mill-Kummissjoni, intwera li dik l-applikazzjoni kienet tikkonforma mal-kriterji stipulati fil-Parti II, il-Kapitolu 4, tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689 għall-għoti tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard għall-BTV. Għalhekk, jenħtieġ li l-Lussemburgu jiġi elenkat bħala ħieles mill-infezzjoni bil-BTV fil-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi VII u VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 jiġu emendati skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi VII u VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 211).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/620 tal-15 ta’ April 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-approvazzjoni tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard u tal-istatus ta’ mingħajr tilqim ta’ ċerti Stati Membri jew taż-żoni jew il-kompartimenti tagħhom fir-rigward ta’ ċertu mard elenkat, u rigward l-approvazzjoni ta’ programmi ta’ eradikazzjoni għal dak il-mard elenkat (ĠU L 131, 16.4.2021, p. 78).


ANNESS

L-Annessi VII u VIII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/620 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness VII huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti I, l-entrata għall-Ġermanja hija sostitwita b’dan li ġej:

Stat Membru

Territorju

“Il-Ġermanja

Bundesland Baden-Württemberg

Bundesland Bayern

Bundesland Brandenburg

Bundesland Bremen

Bundesland Hamburg

Bundesland Hessen

Bundesland Mecklenburg-Vorpommern

Bundesland Niedersachsen, ħlief Landkreis Cuxhaven, Göttingen, Northeim, Oldenburg, Stade

Bundesland Nordrhein-Westfalen, ħlief Kreis Borken, Gütersloh, Höxter, Kleve, Paderborn

Bundesland Schleswig-Holstein, ħlief Kreis Rendsburg-Eckernförde

Bundesland Rheinland-Pfalz

Bundesland Saarland

Bundesland Sachsen

Bundesland Sachsen-Anhalt

Bundesland Thüringen”

(b)

fil-Parti II, l-entrata għall-Ġermanja hija sostitwita b’dan li ġej:

Stat Membru

Territorju

Id-data tal-approvazzjoni inizjali msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689

“Il-Ġermanja

Bundesland Berlin

Bundesland Niedersachsen:

Landkreis Cuxhaven, Göttingen, Northeim, Oldenburg, Stade

Bundesland Nordrhein-Westfalen:

Kreis Borken, Gütersloh, Höxter, Kleve, Paderborn

Bundesland Schleswig-Holstein:

Kreis Rendsburg-Eckernförde

Il-21 ta’ Frar 2022”

(2)

fl-Anness VIII, fil-Parti I, l-entrata li ġejja għal-Lussemburgu tiddaħħal wara l-entrati għal-Litwanja u l-Ungerija:

Stat Membru

Territorju

“Il-Lussemburgu

It-territorju kollu”