15.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1769

tat-12 ta’ Settembru 2023

li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tas-sistemi u tal-kostitwenti tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 43(1) u 62(15), il-punt (c) tiegħu,

Billi:

(1)

Filwaqt li jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 1 u 4 tar-Regolament (UE) 2018/1139, u b’mod partikolari n-natura u r-riskju tal-attività kkonċernata, l-organizzazzjonijiet li huma involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS) u tal-kostitwenti tal-ATM/ANS, jenħtieġ li jkunu meħtieġa jkollhom ċertifikat.

(2)

Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni uniformi tar-rekwiżiti essenzjali msemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2018/1139, u l-konformità magħhom, għall-forniment tal-ATM/ANS, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi regoli u proċeduri għall-ħruġ, għaż-żamma, għall-emendar, għal-limitazzjoni, għas-sospensjoni jew għar-revoka taċ-ċertifikati għall-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tas-sistemi tal-ATM/ANS u tal-kostitwenti tal-ATM/ANS, kif ukoll il-privileġġi u r-responsabbiltajiet tad-detenturi taċ-ċertifikati.

(3)

Il-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tal-ATM/ANS stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1768 (2) tiddependi min-natura u r-riskju tas-servizz tal-ATM/ANS, jew dwar il-funzjonalità tat-tagħmir tal-ATM/ANS partikolari u hija bbażata fuq il-metodoloġiji u l-aħjar prattiki eżistenti. Dak ir-Regolament jistabbilixxi tliet tipi differenti ta’ valutazzjoni tal-konformità, b’mod partikolari: ċertifikazzjoni mill-Aġenzija ta’ ċertu tagħmir tal-ATM/ANS; dikjarazzjoni minn organizzazzjoni approvata involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS; u dikjarazzjoni ta’ konformità mill-fornitur tal-ATM/ANS jew minn organizzazzjoni approvata involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS.

(4)

Iċ-ċiklu tal-ħajja tipiku tat-tagħmir tal-ATM/ANS jikkonsisti f’diversi fażijiet: id-disinn, il-produzzjoni, l-installazzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni, u d-dekummissjonar. Il-fornitur tal-ATM/ANS normalment ikun responsabbli għal xi wħud minn dawk il-fażijiet, filwaqt li għal fażijiet oħra jkunu responsabbli l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti komuni għall-approvazzjoni u għas-sorveljanza ta’ organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni ta’ ċertu tagħmir tal-ATM/ANS użat fil-forniment tal-ATM/ANS, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-punt 3.1 tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(5)

L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) hija responsabbli għall-kompiti kollha tal-awtorità kompetenti relatati maċ-ċertifikati u mad-dikjarazzjonijiet għas-sistemi tal-ATM/ANS u għall-kostitwenti tal-ATM/ANS (“tagħmir tal-ATM/ANS”), inklużi s-sorveljanza u l-infurzar. Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju u, fost l-oħrajn, biex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-piżijiet amministrattivi, kif ukoll biex tiġi promossa l-effettività fil-proċessi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ sorveljanza, dawk il-funzjonijiet ta’ sorveljanza u infurzar jenħtieġ li jiġu eżerċitati mill-Aġenzija. Għall-finijiet ta’ ċertifikazzjoni jew rieżami tad-dikjarazzjonijiet tat-tagħmir tal-ATM/ANS, huwa meħtieġ li l-Aġenzija tissorvelja wkoll il-proċessi stabbiliti mill-organizzazzjonijiet tad-disinn u tal-produzzjoni, inkluż, meta meħtieġ, iċ-ċertifikazzjoni ta’ dawk l-organizzazzjonijiet. Għalhekk, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun responsabbli għall-approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS u fl-istess ħin għall-attestazzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS.

(6)

Il-kompetenza tal-Aġenzija li tiċċertifika l-organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni jenħtieġ li tippermetti wkoll approċċ mhux diskriminatorju u armonizzat fil-konfront tal-organizzazzjonijiet kollha tad-disinn jew tal-produzzjoni li japplikaw għal ċertifikat skont dan ir-Regolament. It-tagħmir tal-ATM/ANS imqiegħed fis-suq tal-Unjoni jista’ jintuża fl-Istati Membri kollha u għal kull tip ta’ servizz, irrispettivament minn jekk jintużax minn fornituri tal-ATM/ANS attivi fi Stat Membru wieħed jew aktar. Ma huwiex possibbli li l-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn u fil-produzzjoni jiġu kkategorizzati abbażi tal-katalgu futur tagħhom ta’ tagħmir li għandu jintuża fil-livell lokali jew tal-Unjoni. L-istess prinċipju għandu jiġi osservat meta l-Aġenzija tkun qed talloka kompiti ta’ ċertifikazzjoni u sorveljanza.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 29(2), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/696 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali (EUSAPA) ġiet fdata bil-kompitu tal-ġestjoni tal-isfruttament tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS), kif previst fl-Artikolu 44 ta’ dak ir-Regolament. Fost azzjonijiet oħra, l-isfruttament tal-EGNOS ikopri l-appoġġ għall-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni u standardizzazzjoni. L-EUSPA ma twettaqx waħedha l-kompiti kollha relatati mal-isfruttament ta’ EGNOS u minflok tibbaża fuq l-għarfien espert ta’ entitajiet oħra, b’mod partikolari l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), dwar attivitajiet relatati mal-evoluzzjoni tas-sistema, id-disinn u l-iżvilupp tal-partijiet mis-segment tal-art. Għalhekk, l-EUSPA jenħtieġ li titqies bħala ekwivalenti għal organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

(8)

Skont ir-rwoli u r-responsabbiltajiet definiti fir-Regolament (UE) 2021/696 għall-EUSPA u għall-ESA, ma hemmx entità unika waħda responsabbli għad-disinn tas-sistema EGNOS u tat-tagħmir tagħha u għalhekk ma hemmx Organizzazzjoni tad-Disinn u tal-Produzzjoni unika li tista’ tiġi approvata mill-EASA.

(9)

Għaldaqstant, l-ispeċifiċitajiet tal-istabbiliment għad-disinn tas-sistema EGNOS jirrikjedu mezzi speċifiċi biex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1139, filwaqt li jitqies li EGNOS huwa servizz multimodali, li jenħtieġ li jikkonforma wkoll mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti għal setturi oħra.

(10)

Iż-żewġ aġenziji jenħtieġ li jikkooperaw biex jiżguraw il-konformità tas-sistema EGNOS mal-istandards rilevanti tal-ICAO sabiex l-arranġamenti rispettivi jiżguraw livell ta’ sikurezza u interoperabbiltà ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti għad-disinn u għall-produzzjoni f’dan ir-Regolament. Il-kooperazzjoni se tinkludi wkoll il-konsultazzjoni tal-EUSPA fl-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet dettaljati.

(11)

Dan ir-Regolament qies kif xieraq il-kontenut tal-Pjan Regolatorju tal-ATM u l-kapaċitajiet teknoloġiċi li jinsabu fih.

(12)

L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ppreżentathom lill-Kummissjoni bl-Opinjoni Nru 01/2023 f’konformità mal-Artikolu 75(2)(b) u (c), u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(13)

Sabiex tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi u mill-għarfien espert eżistenti, l-Aġenzija tista’ tfittex appoġġ amministrattiv meta twettaq il-kompiti tagħha ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar skont dan ir-Regolament mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dan l-appoġġ amministrattiv jenħtieġ li ma jikkostitwixxi l-ebda delega ta’ setgħat jew responsabbiltajiet tal-kompiti.

(14)

Sabiex l-organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS jiġu inklużi fl-ambitu tal-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 jenħtieġ li jiġi emendat.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 127(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1139.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni ta’ sistemi tal-ATM/ANS u ta’ kostitwenti tal-ATM/ANS soġġetti għal ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768 jew għal dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Tagħmir tal-ATM/ANS” tfisser kostitwenti tal-ATM/ANS kif definiti mill-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139 u sistemi tal-ATM/ANS kif definiti mill-Artikolu 3(7) ta’ dak ir-Regolament, minbarra kostitwenti fl-ajru li huma soġġetti għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 (4);

(2)

“direttiva dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS” tfisser dokument maħruġ mill-Aġenzija li jordna l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-fornituri tal-ATM/ANS fuq tagħmir tal-ATM/ANS biex jindirizzaw kundizzjoni mhux sikura u/jew mhux sigura li tkun ġiet identifikata u jirrestawraw il-prestazzjoni u l-interoperabbiltà ta’ dak it-tagħmir tal-ATM/ANS meta l-evidenza turi li s-sikurezza, is-sigurtà, il-prestazzjoni jew l-interoperabbiltà ta’ dak it-tagħmir partikolari jistgħu nkella jiġu kompromessi;

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-awtorità kompetenti

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-approvazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS u għas-sorveljanza u għall-infurzar fir-rigward ta’ dawk l-organizzazzjonijiet, għandha tkun l-Aġenzija.

2.   L-Aġenzija għandha tissodisfa r-rekwiżiti dettaljati stabbiliti fl-Anness I (Parti-DPO.AR) meta twettaq ċertifikazzjoni, investigazzjonijiet, spezzjonijiet, awditi u attivitajiet oħra ta’ monitoraġġ meħtieġa biex tiġi żgurata s-sorveljanza effettiva tal-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS soġġett għal dan ir-Regolament. L-Aġenzija tista’ tfittex appoġġ amministrattiv mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għat-twettiq tal-kompiti tagħha relatati maċ-ċertifikazzjoni, mas-sorveljanza u mal-infurzar meta twettaq il-funzjonijiet tagħha skont dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Organizzazzjonijiet involuti fid-disinn, jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS

1.   Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS soġġett għal ċertifikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768 jew dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament għandha turi l-kapaċità tagħha bħala organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni għal tagħmir tal-ATM/ANS f’konformità mal-Anness II (Parti-DPO.OR).

2.   L-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS tas-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS) għandhom jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament billi juru l-konformità tagħhom mar-Regolament (UE) 2021/696 u mal-istandards ta’ ġestjoni, ta’ disinn u ta’ kwalità applikabbli għall-EGNOS skont dak ir-Regolament. Tali organizzazzjonijiet ma għandhomx ikunu meħtieġa li jiġu approvati mill-Aġenzija.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali għandha tiżgura fir-rwol tagħha ta’ organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni li l-organizzazzjonijiet l-oħrajn involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-EGNOS isegwu proċessi tad-disinn u tal-produzzjoni li jirriżultaw fil-livell ta’ sikurezza u interoperabbiltà ekwivalenti għall-Anness II (Parti-DPO.OR).

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/203 (5)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), jiżdied il-punt (j) li ġej:

“(j)

l-organizzazzjonijiet approvati involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni ta’ sistemi tal-ATM/ANS u kostitwenti tal-ATM/ANS soġġetti għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1769 (*1).

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1769 tat-12 ta’ Settembru 2023 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tas-sistemi u tal-kostitwenti tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 (ĠU L 228, XX.9.2023, p. 19).” "

(2)

fl-Artikolu 6(1), jiżdied il-punt (h) li ġej:

“(h)

fir-rigward tal-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-punt (j), l-awtorità kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1769.”.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1768 tal-14 ta’ Lulju 2023 li jistabbilixxi regoli dettaljati għaċ-ċertifikazzjoni u għad-dikjarazzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-kostitwenti tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 69).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012 tat-3 ta’ Awwissu 2012 li jistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni għaċ-ċertifikazzjoni tal-airworthiness u ambjentali ta’ inġenji tal-ajru u ta’ prodotti, partijiet u tagħmir relatati, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta’ organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni (ĠU L 224, 21.8.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/203 tas-27 ta’ Ottubru 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni għall-organizzazzjonijiet koperti mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, (UE) Nru 965/2012, (UE) Nru 1178/2011, (UE) 2015/340, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 u (UE) 2021/664, u għall-awtoritajiet kompetenti koperti mir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, (UE) Nru 1321/2014, (UE) Nru 965/2012, (UE) Nru 1178/2011, (UE) 2015/340 u (UE) Nru 139/2014, mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 u (UE) 2021/664 u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011, (UE) Nru 748/2012, (UE) Nru 965/2012, (UE) Nru 139/2014, (UE) Nru 1321/2014, (UE) 2015/340, u r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 u (UE) 2021/664 (ĠU L 31, 2.2.2023, p. 1).


ANNESS I

REKWIŻITI GĦALL-AĠENZIJA

(Parti-DPO.AR)

SUBPARTI A   REKWIŻITI ĠENERALI (DPO.AR.A)

DPO.AR.A.001   Ambitu

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti għas-sistemi ta’ amministrazzjoni u ta’ ġestjoni tal-Aġenzija għall-kompiti ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar tal-organizzazzjonijiet tad-disinn jew tal-produzzjoni meta l-Aġenzija teżerċita l-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha.

DPO.AR.A.010   Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza, sigurtà u interoperabbiltà

(a)

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred b’mod xieraq informazzjoni dwar is-sikurezza, is-sigurtà u l-interoperabbiltà.

(b)

Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punt (a), l-Aġenzija għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe problema identifikata ta’ sikurezza, sigurtà jew interoperabbiltà, inkluż il-ħruġ ta’ direttivi dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS f’konformità mal-punt ATM/ANS.EQMT.AR.A.030 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768.

(c)

Il-miżuri meħuda skont il-punt (b) għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-organizzazzjoni kkonċernata, li hija obbligata tikkonforma magħhom, f’konformità mal-punt DPO.OR.A.035. L-awtoritajiet kompetenti tal-fornituri tal-ATM/ANS ikkonċernati għandhom jiġu nnotifikati wkoll.

DPO.AR.A.015   Reazzjoni immedjata għal inċident jew vulnerabbiltà tas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni

(a)

L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred b’mod xieraq l-informazzjoni relatata mal-inċidenti u mal-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà tal-informazzjoni b’impatt potenzjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni li jiġu rrapportati mill-organizzazzjonijiet. Dan għandu jsir b’koordinazzjoni ma’ kwalunkwe awtorità rilevanti oħra responsabbli għas-sigurtà tal-informazzjoni jew għaċ-ċibersigurtà fl-Istat Membru biex jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kompatibbiltà tal-iskemi ta’ rapportar.

(b)

Malli tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-punt (a), l-Aġenzija għandha tieħu miżuri adegwati biex tindirizza l-impatt potenzjali tal-inċident jew tal-vulnerabbiltà tas-sigurtà tal-informazzjoni fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni.

(c)

Il-miżuri meħuda f’konformità mal-punt (b) għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li għandhom ikunu konformi magħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. L-Aġenzija għandha tinnotifika wkoll dawk il-miżuri lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati.

SUBPARTI B   ĠESTJONI (DPO.AR.B)

DPO.AR.B.001   Sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tmantni sistema ta’ ġestjoni, li tinkludi, tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

politiki u proċeduri dokumentati biex tiddeskrivi l-organizzazzjoni, il-mezzi u l-metodi tagħha sabiex tistabbilixxi konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħhom, kif ikun meħtieġ, għall-eżerċizzju tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni, sorveljanza u infurzar tagħha; il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati u jservu bħala d-dokumenti ta’ ħidma bażiċi fl-Aġenzija għall-kompiti relatati kollha;

(2)

għadd suffiċjenti ta’ persunal biex jaqdi l-kompiti tiegħu u jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu skont dan ir-Regolament; għandu jkun hemm stabbilita sistema biex tkun tista’ tiġi ppjanata d-disponibbiltà tal-persunal, sabiex tiġi żgurata t-tlestija xierqa tal-kompiti kollha relatati;

(3)

persunal kwalifikat biex iwettaq il-kompiti allokati lilu u jkollu l-għarfien u l-esperjenza meħtieġa, kif ukoll it-taħriġ inizjali u rikorrenti li jkun irċieva biex jiżgura l-kompetenza kontinwa tiegħu;

(4)

faċilitajiet u uffiċċji adegwati biex jitwettqu l-kompiti allokati;

(5)

funzjoni biex jiġu mmonitorjati l-konformità tas-sistema ta’ ġestjoni mar-rekwiżiti rilevanti u l-adegwatezza tal-proċeduri, inkluż l-istabbiliment ta’ proċess ta’ awditjar intern u proċess ta’ ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza; il-funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità għandha tinkludi sistema biex jiġi pprovdut feedback dwar is-sejbiet tal-awditjar lill-maniġment superjuri tal-Aġenzija biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi kif ikun meħtieġ;

(6)

persuna jew grupp ta’ persuni li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli fil-konfront tal-maniġment superjuri tal-Aġenzija għall-funzjoni tal-monitoraġġ tal-konformità.

(b)

L-Aġenzija għandha taħtar, għal kull qasam ta’ attività, inkluż fis-sistema ta’ ġestjoni, persuna jew persuni li jkollhom ir-responsabbiltà ġenerali għall-ġestjoni tal-kompitu/kompiti rilevanti.

(c)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni tagħha fi skambju reċiproku tal-informazzjoni kollha meħtieġa ma’ kwalunkwe awtorità kompetenti oħra msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (2) u tipprovdilha assistenza jew titlob assistenza mingħandha, inkluż kwalunkwe informazzjoni li tirriżulta minn rapportar obbligatorju u volontarju tal-okkorrenzi kif meħtieġ mill-punt DPO.OR.A.045;

(d)

Is-sistema ta’ ġestjoni stabbilita u miżmuma mill-Aġenzija għandha tkun konformi mal-Anness I (Parti-IS.AR) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 biex tiżgura l-ġestjoni xierqa tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni li jaf ikollhom impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni.

DPO.AR.B.010   Bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni

(a)

L-Aġenzija għandu jkollha stabbilita sistema biex tidentifika dawk il-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità li għandha biex twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Dik is-sistema għandha tippermetti lill-Aġenzija tieħu azzjoni, kif ikun xieraq, biex tara li s-sistema ta’ ġestjoni tibqa’ adegwata u effettiva.

(b)

L-Aġenzija għandha taġġorna s-sistema ta’ ġestjoni tagħha biex tirrifletti kwalunkwe bidla fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, b’mod f’waqtu, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tas-sistema ta’ ġestjoni tagħha.

DPO.AR.B.015   Żamma ta’ rekords

(a)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ żamma tar-rekords li tipprevedi l-ħażna adegwata, l-aċċessibbiltà u t-traċċabbiltà affidabbli:

(1)

il-politiki u l-proċeduri dokumentati tas-sistema ta’ ġestjoni;

(2)

it-taħriġ, il-kwalifikazzjonijiet, u l-awtorizzazzjoni tal-persunal kif meħtieġ mill-punt DPO.AR.B.001(a)(3);

(3)

l-allokazzjoni tal-kompiti, li jkopru l-elementi meħtieġa mill-punt ATM/ANS.EQMT.AR.A.020 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768, kif ukoll id-dettalji tal-kompiti allokati;

(4)

il-proċess ta’ approvazzjoni fir-rigward tal-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni, u fir-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ konformità tad-disinn għal tagħmir tal-ATM/ANS u fis-sorveljanza kontinwa, inkluż:

(i)

applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ approvazzjonijiet;

(ii)

approvazzjonijiet maħruġa lill-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, inkluż il-privileġġi assoċjati u kwalunkwe bidla fihom;

(iii)

iċ-ċertifikati tat-tagħmir tal-ATM/ANS maħruġa, inkluż kwalunkwe bidla li tkun għamlet fihom;

(iv)

id-dikjarazzjonijiet validi kollha tal-konformità tad-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS li tkun irreġistrat;

(v)

il-programm ta’ sorveljanza kontinwa tal-Aġenzija, inkluż ir-rekords kollha tal-valutazzjonijiet, tal-awditjar u tal-ispezzjonijiet;

(vi)

kopja tal-programm ta’ sorveljanza li jelenka d-dati meta jmisshom isiru l-awditi u meta saru;

(vii)

kopji tal-korrispondenza formali kollha;

(viii)

ir-rakkomandazzjonijiet għall-ħruġ jew għall-kontinwazzjoni ta’ ċertifikat jew għall-kontinwazzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni, id-dettalji tas-sejbiet u tal-azzjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet biex jagħlquhom, inkluż id-data tal-għeluq ta’ kull punt, l-azzjonijiet ta’ infurzar u l-osservazzjonijiet;

(ix)

kwalunkwe rapport ta’ valutazzjoni, awditu jew spezzjoni;

(x)

kopji tal-manwali, tal-proċeduri u tal-proċessi kollha tal-organizzazzjoni jew il-manwali u l-emendi għalihom;

(xi)

kopji ta’ kwalunkwe dokument ieħor approvat mill-Aġenzija;

(5)

in-notifika u l-evalwazzjoni tal-mezzi alternattivi ta’ konformità proposti mill-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS u l-valutazzjoni ta’ dawn il-mezzi alternattivi ta’ konformità;

(6)

informazzjoni dwar is-sikurezza, direttivi dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS, u miżuri ta’ segwitu;

(7)

l-użu ta’ dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà skont l-Artikolu 76(4) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(b)

L-Aġenzija għandha żżomm lista taċ-ċertifikati kollha li tkun ħarġet u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni li tkun irreġistrat.

(c)

Ir-rekords kollha msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jinħażnu b’mod li jiżgura l-protezzjoni kontra ħsara, tibdil u serq u jinżammu għal perjodu minimu ta’ 5 snin wara li l-approvazzjonijiet u ċ-ċertifikati ma jibqgħux validi jew wara li d-dikjarazzjonijiet jiġu rtirati, soġġett għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

SUBPARTI C   ĊERTIFIKAZZJONI, SORVELJANZA, U INFURZAR (DPO.AR.C)

DPO.AR.C.001   Ħruġ ta’ approvazzjonijiet lill-organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS

(a)

Malli tirċievi applikazzjoni għall-ħruġ ta’ approvazzjoni lill-organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, l-Aġenzija għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi II u III tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768 u fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

(b)

L-Aġenzija tista’ titlob kwalunkwe awditu, spezzjoni jew valutazzjoni li ssib li tkun meħtieġa qabel ma toħroġ l-approvazzjoni bl-informazzjoni rilevanti kollha stabbilita fl-Appendiċi 1 ta’ dan l-Anness.

(c)

L-approvazzjoni għandha tinħareġ għal durata mhux limitata. Il-privileġġi fir-rigward tal-attivitajiet li l-organizzazzjoni tkun approvata li twettaq għandhom jiġu speċifikati fil-kundizzjonijiet mehmuża mal-approvazzjoni.

(1)

Fir-rigward ta’ organizzazzjoni involuta fid-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS, il-kundizzjonijiet għandhom jispeċifikaw it-tip ta’ xogħol ta’ disinn u l-kategoriji tat-tagħmir tal-ATM/ANS li għalihom l-organizzazzjoni jkollha approvazzjoni, u l-privileġġi li l-organizzazzjoni tkun approvata teżerċita.

(2)

Fir-rigward ta’ organizzazzjoni involuta fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, il-kundizzjonijiet għandhom jispeċifikaw l-ambitu tax-xogħol u t-tagħmir tal-ATM/ANS jew il-kategoriji tat-tagħmir, jew it-tnejn, li għalihom id-detentur taċ-ċertifikat huwa intitolat li jeżerċita l-privileġġi.

(d)

L-approvazzjoni ma għandhiex tinħareġ meta s-sejba tal-livell 1 imsemmija fid-DPO.AR.C.015 tibqa’ miftuħa. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, is-sejba/sejbiet għajr tal-livell 1 għandha/għandhom tiġi/jiġu vvalutata/ivvalutati u mmitigata/immitigati kif meħtieġ mill-organizzazzjoni u qabel il-ħruġ tal-approvazzjoni, l-Aġenzija għandha tapprova pjan ta’ azzjoni korrettiva għall-għeluq tas-sejba/sejbiet.

(e)

Kull bidla fl-approvazzjoni u fil-kundizzjonijiet tagħha għandha tiġi approvata mill-Aġenzija.

DPO.AR.C.005   Programm ta’ sorveljanza

(a)

L-Aġenzija għandha tistabbilixxi programm ta’ superviżjoni u taġġornah kull sena filwaqt li tqis l-għamla speċifika tal-organizzazzjonijiet li tissorvelja, il-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ ċertifikazzjoni jew superviżjoni fil-passat u għandha tibbażah fuq il-valutazzjoni tar-riskji assoċjati. Il-programm ta’ sorveljanza għandu jinkludi awditi, li għandhom:

(1)

ikopru l-oqsma kollha ta’ tħassib potenzjali, b’enfasi fuq dawk l-oqsma fejn ikunu ġew identifikati xi problemi fil-passat;

(2)

ikopru l-organizzazzjonijiet, iċ-ċertifikati u d-dikjarazzjonijiet kollha taħt is-sorveljanza tal-Aġenzija;

(3)

ikopru l-mezzi implimentati mill-organizzazzjonijiet biex jiżguraw il-kompetenza tal-persunal tagħhom;

(4)

jiżguraw li l-awditi jitwettqu b’mod proporzjonat mal-livell tar-riskju ppreżentat mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni;

(5)

jiżguraw li għall-organizzazzjonijiet taħt is-superviżjoni tagħha, jiġi applikat ċiklu ta’ ppjanar tas-superviżjoni li ma jaqbiżx l-24 xahar.

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jitqassar jekk ikun hemm evidenza li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-organizzazzjoni tkun naqset.

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar għas-superviżjoni jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ 36 xahar, jekk l-Aġenzija tkun stabbiliet li, matul l-24 xahar ta’ qabel:

(i)

l-organizzazzjoni tkun uriet fuq bażi kontinwa l-konformità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tat-tibdil skont il-punt DPO.OR.B.005;

(ii)

ma tkun inħarġet l-ebda sejba tal-livell 1, imsemmija f’DPO.AR.C.015;

(iii)

l-azzjonijiet korrettivi kollha msemmija f’DPO.AR.C.015 ġew implimentati fil-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija kif definit fil-punt DPO.AR.C.015.

Jekk, minbarra l-punti (i), (ii) u (iii), l-organizzazzjoni tkun stabbiliet sistema effettiva ta’ rapportar kontinwu lill-Aġenzija fir-rigward tal-konformità regolatorja tagħha, li tkun ġiet approvata, iċ-ċiklu ta’ ppjanar tas-sorveljanza jista’ jiġi estiż għal massimu ta’ 48 xahar;

(6)

jiżguraw is-segwitu tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi msemmija f’DPO.AR.C.015;

(7)

ikunu soġġetti għal konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet ikkonċernati u wara n-notifika tiegħu;

(8)

jindikaw l-intervalli ppjanati tal-ispezzjonijiet tas-siti differenti, jekk meħtieġ.

(b)

L-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li timmodifika l-objettivi u l-ambitu tal-awditi ppjanati minn qabel, inklużi rieżamijiet dokumentarji u awditi addizzjonali, kull meta jkun hemm bżonn.

(c)

L-Aġenzija għandha tiddeċiedi liema arranġamenti, elementi, postijiet fiżiċi u attivitajiet għandhom jiġu awditjati fi żmien speċifikat.

(d)

L-osservazzjonijiet u s-sejbiet tal-awditi maħruġa f’konformità mal-punt DPO.AR.C.015 għandhom jiġu ddokumentati.

(e)

Is-sejbiet għandhom ikunu appoġġati minn evidenza, u jkunu identifikati skont ir-rekwiżiti applikabbli u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom li jkunu l-bażi li fuqhom twettaq l-awditu.

(f)

Rapport tal-awditjar, li jinkludi d-dettalji tas-sejbiet u l-osservazzjonijiet, għandu jitħejja u jiġi kkomunikat lill-organizzazzjoni kkonċernata.

DPO.AR.C.010   Bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni

(a)

Għall-bidliet ġestiti u nnotifikati lill-Aġenzija f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-punt IS.I.OR.255(a) tal-Anness II (Parti-IS.I.OR) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203, l-Aġenzija għandha tinkludi r-rieżami ta’ dawn il-bidliet fil-programm ta’sorveljanza kontinwa tagħha f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-punt DPO.AR.C.005 ta’ dan l-Anness. Jekk jinstab kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, l-Aġenzija għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni b’dan, titlob aktar bidliet u taġixxi f’konformità mal-punt DPO.AR.C.015 ta’ dan l-Anness.

(b)

Għall-bidliet l-oħra li jirrikjedu applikazzjoni għall-approvazzjoni f’konformità mal-punt IS.I.OR.255(b) tal-Anness II (Parti-IS.I.OR) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203:

(1)

malli tirċievi l-applikazzjoni għall-bidla, l-Aġenzija għandha tivverifika l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti applikabbli qabel ma toħroġ l-approvazzjoni;

(2)

l-Aġenzija għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom l-organizzazzjoni tista’ topera matul l-implimentazzjoni tal-bidla;

(3)

jekk tkun issodisfata li l-organizzazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli, l-Aġenzija għandha tapprova l-bidla.

DPO.AR.C.015   Sejbiet, azzjonijiet korrettivi u miżuri ta’ infurzar

(a)

Meta matul l-investigazzjoni jew is-sorveljanza jew bi kwalunkwe mezz ieħor, l-Aġenzija tidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament ta’ proċedura jew manwal meħtieġ minn dan ir-Regolament, jew ta’ ċertifikat jew dikjarazzjoni maħruġa f’konformità ma’ dan ir-Regolament, hija għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/1139, tippreżenta sejba.

(b)

L-Aġenzija għandu jkollha sistema stabbilita biex:

(1)

tanalizza s-sejbiet għas-sinifikat tas-sikurezza u l-interoperabbiltà tagħhom;

(2)

tidentifika miżuri ta’ infurzar xierqa, inkluż is-sospensjoni jew ir-revoka ta’ approvazzjonijiet u ċertifikati;

(3)

toħroġ direttivi abbażi tar-riskju maħluq min-nuqqas ta’ konformità tal-organizzazzjoni.

(c)

L-Aġenzija għandha tippreżenta sejba tal-livell 1 meta tidentifika kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sinifikanti mal-bażi ta’ ċertifikazzjoni tal-ATM/ANS skont il-punt ATM/ANS.EQMT.AR.B.001 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768 li jista’ jwassal għal nuqqas ta’ konformità mhux ikkontrollat u għal kundizzjoni potenzjali mhux mixtieqa.

Sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu, iżda ma humiex limitati għal:

(1)

il-promulgazzjoni tal-proċeduri operazzjonali li jintroduċu riskju sinifikanti għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni;

(2)

il-kisba jew iż-żamma tal-validità tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni permezz tas-sottomissjoni ta’ evidenza dokumentarja ffalsifikata;

(3)

l-evidenza ta’ prattika ħażina jew ta’ użu qarrieqi tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni;

(4)

in-nuqqas ta’ maniġer akkontabbli.

(d)

L-Aġenzija għandha tippreżenta sejba tal-livell 2 meta jiġi identifikat nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(ii)

mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tar-Regolament (UE) 2018/1139;

(iii)

mal-proċeduri u mal-manwali meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/1139; jew

(iv)

mal-approvazzjoni maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139,

li mhijiex ikklassifikata bħala sejba tal-livell 1.

(e)

Meta tiġi ppreżentata sejba, l-Aġenzija għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, tikkomunika s-sejba bil-miktub lill-organizzazzjoni kkonċernata u titlobha tieħu azzjoni korrettiva biex tindirizza n-nuqqas/nuqqasijiet ta’ konformità identifikat(i).

(1)

Fil-każ ta’ sejbiet tal-livell 1, l-Aġenzija għandha minnufih tieħu miżuri ta’ infurzar xierqa u tista’, jekk ikun xieraq, tillimita, tissospendi jew tirrevoka l-approvazzjoni kollha jew parti minnha sakemm l-organizzazzjoni tkun ħadet azzjoni korrettiva b’suċċess.

(2)

Fil-każ ta’ sejbiet tal-livell 2, l-Aġenzija għandha:

(i)

tagħti lill-organizzazzjoni perjodu ta’ implimentazzjoni għal azzjoni korrettiva, bħala parti minn pjan ta’ azzjoni, xieraq għan-natura tas-sejba;

(ii)

tivvaluta l-azzjoni korrettiva u l-pjan ta’ implimentazzjoni proposti mill-organizzazzjoni, u jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li dawn ikunu biżżejjed biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità jew aktar minn wieħed, hija għandha taċċettahom.

(3)

Fil-każ tas-sejbiet tal-livell 2, meta l-organizzazzjoni tonqos milli tissottometti pjan ta’ azzjoni korrettiva li huwa aċċettabbli għall-Aġenzija fid-dawl tas-sejba, jew meta l-organizzazzjoni tonqos milli twettaq l-azzjoni korrettiva sal-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija, is-sejba tista’ tiżdied għal sejba tal-livell 1, u għandha tittieħed azzjoni f’konformità mal-punt (e)(1).

(f)

Għal dawk il-każijiet fejn ma jkunux meħtieġa sejbiet tal-livell 1 u tal-livell 2, l-Aġenzija tista’ toħroġ osservazzjonijiet.

(g)

L-Aġenzija għandha:

(1)

tissospendi ċertifikat jekk tqis li hemm raġunijiet raġonevoli li tali azzjoni hija meħtieġa biex tiġi pprevenuta theddida kredibbli għas-sikurezza, għas-sigurtà, għall-prestazzjoni jew għall-interoperabbiltà tat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(2)

toħroġ direttiva dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS skont il-kundizzjonijiet tal-punt ATM/ANS.EQMT.AR.A.030 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768;

(3)

tissospendi, tirrevoka jew tillimita ċertifikat jekk tali azzjoni tkun meħtieġa f’konformità mal-punt (c);

(4)

tieħu azzjoni immedjata u xierqa li tkun meħtieġa biex jiġu limitati jew ipprojbiti l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika jekk tqis li hemm raġunijiet raġonevoli li din l-azzjoni hija meħtieġa sabiex tiġi pprevenuta theddida kredibbli għat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(5)

tirreġistra dikjarazzjoni tal-konformità tad-disinn biss wara li s-sejbiet kollha mill-investigazzjoni ta’ sorveljanza inizjali jkunu ġew solvuti;

(6)

tneħħi b’mod temporanju jew permanenti r-reġistrazzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-konformità tad-disinn jekk tqis li hemm raġunijiet raġonevoli li tali azzjoni hija meħtieġa biex tiġi pprevenuta theddida kredibbli għas-sikurezza, għas-sigurtà, għall-prestazzjoni jew għall-interoperabbiltà tat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(7)

tieħu kwalunkwe miżura ta’ infurzar ulterjuri li tkun meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali tal-Anness VIII u, jekk applikabbli, tal-Anness VII tar-Regolament (UE) 2018/1139 u ma’ dan l-Anness, jiġi rettifikat u, meta meħtieġ, timmitiga l-konsegwenzi tiegħu.

(h)

Malli tieħu miżura ta’ infurzar f’konformità mal-punt (g), l-Aġenzija għandha tinnotifikahom lid-destinatarju, tiddikjara r-raġunijiet għaliha, u tinforma lid-destinatarju bid-dritt tiegħu għal appell.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħra tan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).


APPENDIĊI 1

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-APPROVAZZJONI TA’ ORGANIZZAZZJONI INVOLUTA FID-DISINN JEW FIL-PRODUZZJONI TAT-TAGĦMIR TAL-ATM/ANS

L-approvazzjoni għandha tispeċifika:

(a)

l-Aġenzija bħala l-awtorità kompetenti li toħroġ l-approvazzjoni;

(b)

l-isem u l-indirizz postali tal-applikant;

(c)

l-ambitu tax-xogħol tal-applikant;

(d)

il-post fejn għandhom jitwettqu l-attivitajiet;

(e)

il-privileġġi assoċjati li għalihom ikun ġie approvat l-applikant;

(f)

dikjarazzjoni tal-konformità u l-osservanza tal-applikant mar-rekwiżiti applikabbli;

(g)

id-data tal-ħruġ u l-validità tal-approvazzjoni;

(h)

il-kundizzjonijiet jew il-limitazzjonijiet addizzjonali marbuta magħha.


ANNESS II

REKWIŻITI GĦALL-ORGANIZZAZZJONIJIET INVOLUTI FID-DISINN JEW FIL-PRODUZZJONI TAT-TAGĦMIR TAL-ATM/ANS

(Parti-DPO.OR)

SUBPARTI A   REKWIŻITI ĠENERALI (DPO.OR.A)

DPO.OR.A.001   Ambitu

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ applikant għal approvazzjoni ta’ organizzazzjoni għad-disinn jew għall-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, u d-detentur tagħha.

DPO.OR.A.005   Eliġibbiltà

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun uriet, jew li tkun se turi, il-kapaċità tagħha li tiddisinja jew tipproduċi tagħmir tal-ATM/ANS f’konformità mal-punt DPO.OR.A.010, tista’ tapplika għal approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Anness.

DPO.OR.A.010   Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni u għat-turija tal-kapaċità

(a)

Applikazzjoni għal approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni għandha ssir f’forma u b’manjiera stabbiliti mill-Aġenzija.

(b)

Sabiex tikseb approvazzjoni, l-organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament meta dawk ir-rekwiżiti jkunu applikabbli għad-disinn jew għall-produzzjoni tas-sistemi tal-ATM/ANS u tal-kostitwenti tal-ATM/ANS li l-organizzazzjoni twettaq jew li beħsiebha twettaq.

DPO.OR.A.015   Espożizzjoni tal-organizzazzjoni

(a)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tistabbilixxi u żżomm espożizzjoni tal-organizzazzjoni, li tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

(1)

dikjarazzjoni ffirmata mill-maniġer akkontabbli li fiha jikkonferma li f’kull ħin se jkun hemm konformità mal-espożizzjoni tal-organizzazzjoni u ma’ kwalunkwe manwal assoċjat li jiddefinixxi l-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti;

(2)

it-titlu/titli u l-isem/ismijiet tal-maniġer(s) ewlieni/ewlenin kif imsemmi fil-punt DPO.OR.B.020;

(3)

id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-maniġer(s), inklużi l-materji li fuqhom dawn jistgħu jittrattaw direttament mal-Aġenzija f’isem l-organizzazzjoni;

(4)

ċart organizzazzjonali li turi l-linji ta’ responsabbiltà u akkontabilità tal-maniġers fl-organizzazzjoni kollha, inkluż ir-rendikont dirett tal-maniġer responsabbli;

(5)

deskrizzjoni ġenerali tar-riżorsi umani tal-organizzazzjoni;

(6)

deskrizzjoni ġenerali tal-faċilitajiet li hemm f’kull post speċifikat fl-approvazzjoni tal-organizzazzjoni;

(7)

deskrizzjoni ġenerali tal-ambitu tax-xogħol tal-organizzazzjoni rilevanti għat-termini tal-approvazzjoni;

(8)

il-proċedura/proċeduri għall-verifika u għat-turija li d-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS, jew il-bidliet fih, jikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet u mar-rekwiżiti dettaljati applikabbli kif stabbiliti mir-Regolament Delegat (UE) 2023/1768 u ma għandu l-ebda karatteristika mhux sikura, kif applikabbli;

(9)

il-proċedura għat-tħejjija għaż-żamma tad-data u tar-rekords tekniċi, għal kull mudell ta’ kull biċċa tagħmir tal-ATM/ANS li għalih ikun inħareġ ċertifikat jew dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768, kif applikabbli;

(10)

il-proċedura/proċeduri għan-notifika ta’ bidliet organizzattivi lill-Aġenzija;

(11)

il-proċedura ta’ emenda għall-espożizzjoni tal-organizzazzjoni;

(12)

deskrizzjoni, diretta jew b’kontroreferenza, tas-sistema ta’ ġestjoni u l-proċedura/proċeduri tal-organizzazzjoni;

(13)

deskrizzjoni, diretta jew b’kontroreferenza, tal-ġestjoni tal-kuntratturi u l-proċedura/proċeduri ta’ superviżjoni msemmija fil-punt DPO.OR.B.015 ta’ dan l-Anness.

(b)

L-espożizzjoni tal-organizzazzjoni għandha tiġi emendata kif meħtieġ biex tibqa’ deskrizzjoni aġġornata tal-organizzazzjoni, u kopja tagħha, inklużi l-emendi tagħha, għandha tiġi pprovduta lill-Aġenzija.

(c)

Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-bidla imsemmija fil-punt DPO.OR.B.005 ta’ dan l-Anness għandha tkun ibbażata fuq is-sottomissjoni tal-bidliet proposti għall-espożizzjoni tal-organizzazzjoni.

DPO.OR.A.025   Durata, validità kontinwa u privileġġi tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni

(a)

L-approvazzjoni ta’ organizzazzjoni għandha tibqa’ valida għal perjodu ta’ żmien mhux limitat dment li:

(1)

l-organizzazzjoni tibqa’ konformi mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu;

(2)

l-approvazzjoni ma tkunx ġiet ċeduta mill-organizzazzjoni jew ġiet sospiża jew revokata mill-Aġenzija.

(b)

Mar-revoka jew maċ-ċediment tal-approvazzjoni, jekk tinħareġ f’format stampat, din għandha tiġi rritornata lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

(c)

Id-detentur tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni għandu jkollu d-dritt, fl-ambitu tat-termini tal-approvazzjoni tiegħu u skont il-proċeduri rilevanti tas-sistema ta’ ġestjoni tad-disinn:

(1)

li jikklassifika l-bidliet f’tagħmir tal-ATM/ANS bħala “maġġuri” jew “minuri”;

(2)

li japprova bidliet minuri fiċ-ċertifikat(i) tat-tagħmir tal-ATM/ANS u/jew fid-dikjarazzjoni(jiet) maħruġa skont ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1768;

(3)

li japprova ċerti bidliet maġġuri fiċ-ċertifikat tat-tagħmir tal-ATM/ANS maħruġ skont ir-Regolament Delegat (UE) 2023/1768;

(4)

li joħroġ dikjarazzjonijiet tal-konformità tad-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768; jew

(5)

li joħroġ dikjarazzjonijiet ta’ konformità tat-tagħmir tal-ATM/ANS skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768.

DPO.OR.A.030   Faċilitazzjoni u kooperazzjoni

(a)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiffaċilita l-ispezzjonijiet u l-awditi mwettqa mill-Aġenzija jew minn entità kwalifikata li taġixxi f’isimha, u għandha tikkoopera kif meħtieġ għall-eżerċizzju effiċjenti u effettiv tas-setgħat tal-Aġenzija.

(b)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tikkoopera u tappoġġa lill-fornituri tal-ATM/ANS li jużaw it-tagħmir tal-ATM/ANS tagħha fil-proċess ta’ turija tal-konformità tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

DPO.OR.A.035   Sejbiet u azzjonijiet korrettivi

Wara li tirċievi n-notifika tas-sejbiet mill-Aġenzija, l-organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha:

(a)

tidentifika l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta’ konformità;

(b)

tiddefinixxi pjan ta’ azzjoni korrettiva;

(c)

turi l-implimentazzjoni tal-azzjoni korrettiva għas-sodisfazzjon tal-Aġenzija fil-perjodu ta’ żmien propost u approvat mill-Aġenzija, kif iddefinit fil-punt (e)(2) tal-punt DPO.AR.C.015.

DPO.OR.A.040   Reazzjoni immedjata għal problema ta’ sikurezza, sigurtà u interoperabbiltà

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha timplimenta kwalunkwe miżura ta’ sikurezza u sigurtà, inklużi direttivi dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS, meħuda mill-Aġenzija f’konformità mal-punti DPO.AR.A.010 u DPO.AR.A.015.

DPO.OR.A.045   Ħsarat, malfunzjonijiet u difetti

(a)

Id-detentur ta’ approvazzjoni maħruġa f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu:

(1)

jistabbilixxi u jżomm sistema għall-ġbir, għall-investigazzjoni u għall-analiżi ta’ rapporti u informazzjoni dwar ħsarat, malfunzjonijiet, difetti jew okkorrenzi oħra li kkawżaw jew li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq il-konformità kontinwa tat-tagħmir tal-ATM/ANS mar-rekwiżiti applikabbli;

(2)

jinforma lill-utenti magħrufa kollha tat-tagħmir tal-ATM/ANS ikkonċernat u, fuq talba, lil kwalunkwe persuna maħtura skont regolamenti assoċjati oħra, dwar is-sistema stabbilita f’konformità mal-punt (1) u dwar kif għandhom jiġu pprovduti tali rapporti u informazzjoni dwar il-ħsarat, il-malfunzjonijiet, id-difetti jew okkorrenzi oħra.

(b)

Għall-organizzazzjonijiet li għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru, is-sistema stabbilita f’konformità mal-punt (a)(1) għandha tinkludi dispożizzjonijiet għar-rapportar tal-okkorrenzi u għas-segwitu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) Nru 376/2014 u (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħhom.

(c)

Id-detentur tal-approvazzjoni għandu jirrapporta lill-Aġenzija kwalunkwe ħsara, malfunzjoni, difett jew okkorrenza oħra li jkun jaf dwarha, u li tkun irriżultat jew li tista’ tirriżulta f’kundizzjoni perikoluża, mhux sikura, jew ta’ prestazzjoni insuffiċjenti.

(d)

Għad-detenturi tal-approvazzjoni li ma għandhomx il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru, ir-rapporti għandhom isiru f’forma u manjiera stabbiliti mill-Aġenzija, malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ għandhom jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li l-persuna jew l-organizzazzjoni tkun saret taf bl-okkorrenza partikolari, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li jipprevjenu dan.

(e)

Id-detentur tal-approvazzjoni għandu jinvestiga okkorrenza li tkun ġiet irrapportata skont il-punt (c), inklużi n-nuqqasijiet li jkunu wasslu għal dik l-okkorrenza, u jirrapporta lill-Aġenzija r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu u kwalunkwe azzjoni li jkun beħsiebu jieħu jew jipproponi li jieħu biex jirrimedja għal dawn in-nuqqasijiet.

DPO.OR.A.050   Trasferibbiltà tal-approvazzjoni

Approvazzjoni ta’ organizzazzjoni ma hijiex trasferibbli, ħlief bħala riżultat ta’ bidla fis-sjieda tal-organizzazzjoni.

SUBPARTI B   ĠESTJONI (DPO.OR.B)

DPO.OR.B.001   Sistema ta’ ġestjoni

(a)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha timplimenta u żżomm sistema ta’ ġestjoni li tinkludi dan li ġej:

(1)

linji ta’ responsabbiltà u akkontabilità fl-organizzazzjoni tiegħu definiti b’mod ċar, inkluż l-akkontabilità diretta min-naħa tal-maniġer responsabbli;

(2)

deskrizzjoni tal-filosofija kumplessiva u l-prinċipji tal-organizzazzjoni, li kollettivament jikkostitwixxu politika, iffirmata mill-maniġer akkontabbli;

(3)

il-mezzi biex tiġi vverifikata l-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fid-dawl tal-indikaturi tal-prestazzjoni u l-miri tal-prestazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni;

(4)

proċess biex jiġu identifikati l-bidliet fl-organizzazzjoni u l-kuntest li fih topera, li jistgħu jaffettwaw il-proċessi, il-proċeduri u l-prodotti stabbiliti u, meta meħtieġ, jibdlu s-sistema ta’ ġestjoni biex jakkomodaw dawk il-bidliet;

(5)

proċess biex jiġi identifikat l-ambitu tal-bidliet fit-tagħmir tal-ATM/ANS u r-riskju assoċjat;

(6)

proċess ta’ rieżami tas-sistema ta’ ġestjoni, jidentifika l-kawżi tal-prestazzjoni inferjuri tas-sistema ta’ ġestjoni, jistabbilixxi l-implikazzjonijiet ta’ tali prestazzjoni inferjuri, u jelimina jew jimmitiga tali kawżi;

(7)

proċess li jiżgura li l-persunal tal-organizzazzjoni jkun imħarreġ u kompetenti biex iwettaq dmirijietu b’mod sikur, effiċjenti, kontinwu u sostenibbli; f’dan il-kuntest, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi politiki għar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal tagħha;

(8)

mezz formali għal komunikazzjoni li jiżgura li l-persunal kollu tal-organizzazzjoni jkun jaf bis-sħiħ dwar is-sistema ta’ ġestjoni li tippermetti li tiġi kkomunikata informazzjoni kritika u li tagħmilha possibbli li jiġi spjegat għaliex jittieħdu azzjonijiet partikolari u għaliex jiġu introdotti jew jinbidlu l-proċeduri;

(9)

fir-rigward tal-attivitajiet ta’ disinn, proċeduri:

(i)

għad-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS, u għall-bidliet fid-disinn tiegħu;

(ii)

għall-assigurazzjoni li d-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS, jew il-bidliet fid-disinn tiegħu, jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet applikabbli, inkluża l-funzjoni ta’ verifika indipendenti tat-turija tal-konformità li abbażi tagħha l-organizzazzjoni tissottometti dikjarazzjonijiet ta’ konformità u dokumentazzjoni assoċjata lill-Aġenzija;

(iii)

għall-verifika tal-aċċettabbiltà tal-elementi tat-tagħmir tal-ATM/ANS iddisinjat, jew il-kompiti mwettqa, mill-organizzazzjonijiet kuntrattati msemmija fil-punt DPO.OR.B.015;

(iv)

għall-assigurazzjoni li l-persunal involut fid-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS ikun f’numru suffiċjenti u jkun imħarreġ u kompetenti, u jkun ġie awtorizzat iwettaq ir-responsabbiltajiet allokati lilu;

(v)

għall-koordinazzjoni mill-qrib u effiċjenti bejn id-dipartimenti u fihom;

(10)

fir-rigward tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, proċeduri għal:

(i)

għall-ħruġ u l-approvazzjoni ta’ dokumenti, jew il-bidliet fihom;

(ii)

għall-awditi ta’ valutazzjoni u l-kontroll tal-organizzazzjonijiet kuntrattati msemmija fil-punt DPO.OR.B.015;

(iii)

għall-verifika li l-materjali u t-tagħmir li jkunu qed jaslu, inkluż il-provvista ta’ oġġetti ġodda jew oġġetti użati mix-xerrejja tat-tagħmir tal-ATM/ANS, ikunu kif speċifikat fid-data tad-disinn applikabbli;

(iv)

għall-verifika li t-tagħmir tal-ATM/ANS jikkonforma mad-data tad-disinn applikabbli;

(v)

għall-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà;

(vi)

għall-proċessi tal-organizzazzjoni;

(vii)

għall-ispezzjoni u l-ittestjar;

(viii)

għall-kalibrazzjoni tal-għodod u tat-tagħmir tat-test;

(ix)

għall-kontroll ta’ oġġetti mhux konformi;

(x)

għall-koordinazzjoni mal-applikant għall-approvazzjoni tad-disinn, jew id-detentur tiegħu;

(xi)

għat-tlestija u ż-żamma tar-rekords tax-xogħol imwettaq;

(xii)

għall-ħruġ ta’ dokumenti tar-rilaxx;

(xiii)

għall-immaniġġar, il-ħżin u l-imballaġġ tat-tagħmir tal-ATM/ANS.

(b)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiddokumenta l-proċessi ewlenin kollha tas-sistema ta’ ġestjoni, inklużi l-proċess biex il-persunal isir jaf dwar ir-responsabbiltajiet tiegħu, u l-proċedura għall-emendar ta’ dawk il-proċessi.

(c)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tistabbilixxi funzjoni fis-sistema ta’ ġestjoni tagħha biex timmonitorja l-konformità tagħha mar-rekwiżiti applikabbli u l-adegwatezza tal-proċeduri stabbiliti. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema ta’ feedback tas-sejbiet lill-maniġer akkontabbli biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-azzjonijiet korrettivi kif ikun meħtieġ.

(d)

Is-sistema ta’ ġestjoni għandha tkun proporzjonata għad-daqs tal-organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li tqis il-perikli u r-riskji assoċjati li huma inerenti f’dawk l-attivitajiet.

(e)

Minbarra s-sistema ta’ ġestjoni msemmija fil-punt (a), l-organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/203 biex tiżgura l-ġestjoni xierqa tar-riskji għas-sigurtà tal-informazzjoni li jaf ikollhom impatt fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni.

DPO.OR.B.005   Ġestjoni tat-tibdil

(a)

Wara l-ħruġ tal-approvazzjoni tal-organizzazzjoni, kwalunkwe bidla fis-sistema ta’ ġestjoni li tkun sinifikanti għandha tiġi approvata mill-Aġenzija qabel ma tiġi implimentata sakemm tali bidla ma tiġix innotifikata u ġestita f’konformità ma’ proċedura approvata mill-Aġenzija. L-organizzazzjoni għandha tissottometti lill-Aġenzija applikazzjoni għall-approvazzjoni li turi konformità kontinwa mar-rekwiżiti applikabbli.

(b)

Kull bidla fit-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiġi nnotifikata lill-Aġenzija u approvata minnha qabel ma tiġi implimentata sakemm tali bidla ma tiġix ġestita f’konformità ma’ proċedura ta’ ġestjoni tat-tibdil approvata mill-Aġenzija. Din il-proċedura ta’ ġestjoni tat-tibdil għandha tiddefinixxi l-klassifikazzjoni tal-bidliet fit-tagħmir tal-ATM/ANS u tiddeskrivi kif tali bidliet se jiġu nnotifikati u ġestiti.

DPO.OR.B.010   Rekwiżiti tal-faċilità

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiżgura li l-faċilitajiet u t-tagħmir tagħha, inklużi l-faċilitajiet u t-tagħmir tal-ittestjar, ikunu adegwati u xierqa biex iwettqu u jimmaniġġaw il-kompiti u l-attivitajiet kollha tagħha f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

DPO.OR.B.015   Attivitajiet kuntrattati

(a)

L-attivitajiet kuntrattati jinkludu dawk l-attivitajiet kollha li jaqgħu fl-ambitu tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni, f’konformità mat-termini taċ-ċertifikat, li jitwettqu minn organizzazzjonijiet oħra li jew ikunu ċċertifikati huma stess biex iwettqu tali attivitajiet jew, jekk mhux iċċertifikati, ikunu jaħdmu taħt is-superviżjoni ta’ tali organizzazzjoni. Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiżgura li meta tikkuntratta kwalunkwe parti mill-attivitajiet tagħha lil organizzazzjonijiet esterni, jew meta tixtri kwalunkwe parti mill-attivitajiet tagħha mingħandha, l-attività kuntrattata jew mixtrija, kif applikabbli, tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli.

(b)

Meta organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS tikkuntratta kwalunkwe parti mill-attivitajiet tagħha lil organizzazzjoni li ma tkunx hija stess iċċertifikata f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex twettaq tali attivitajiet, hija għandha tiżgura li l-organizzazzjoni kkuntrattata taħdem taħt is-superviżjoni tagħha. Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiżgura li l-Aġenzija tingħata aċċess għall-organizzazzjoni kuntrattata biex tibqa’ tistabbilixxi l-konformità tagħha mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

DPO.OR.B.020   Rekwiżiti tal-persunal

(a)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha taħtar maniġer akkontabbli li jkollu l-awtorità li jiżgura li l-attivitajiet kollha jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati u eżegwiti f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament. Il-maniġer akkontabbli għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u għaż-żamma ta’ sistema effettiva ta’ ġestjoni.

(b)

Għandhom jiġu ddefiniti wkoll l-awtorità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni maħtura f’karigi, b’mod partikolari l-persunal amministrattiv responsabbli minn funzjonijiet relatati mas-sikurezza, mal-kwalità, mas-sigurtà, mal-finanzi u mar-riżorsi umani.

DPO.OR.B.025   Żamma ta’ rekords

(a)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tistabbilixxi sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti l-ħżin adegwat tar-rekords u t-traċċabbiltà affidabbli tal-attivitajiet kollha tagħha, li tkopri b’mod partikolari l-elementi kollha indikati fil-punt DPO.OR.B.001.

(b)

Il-format u l-perjodu ta’ żamma tar-rekords imsemmija fil-punt (a) għandhom ikunu speċifikati fil-proċeduri tas-sistema ta’ ġestjoni tal-organizzazzjoni.

(c)

Ir-rekords għandhom jinħażnu b’tali mod li jiżgura l-protezzjoni tagħhom mill-ħsara, mit-tbagħbis u mis-serq.

(d)

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha żżomm reġistru tat-tagħmir tal-ATM/ANS użat.

SUBPARTI C   REKWIŻITI TEKNIĊI (DPO.OR.C)

DPO.OR.C.001   Organizzazzjonijiet involuti fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS

(a)

Applikant għal approvazzjoni ta’ organizzazzjoni tad-disinn jew tal-produzzjoni għal tagħmir tal-ATM/ANS, u detentur tagħha, għandu jkun intitolat, kif applikabbli, għal kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

ikollu jew japplika biex jinħareġ ċertifikat għad-disinn tat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(2)

joħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn għat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(3)

joħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità għat-tagħmir tal-ATM/ANS, fuq talba ta’ fornitur tal-ATM/ANS.

(b)

Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ disinn, organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha:

(1)

toħroġ dikjarazzjoni ta’ konformità tad-disinn għat-tagħmir tal-ATM/ANS, kif applikabbli;

(2)

toħroġ data u informazzjoni, inklużi struzzjonijiet, taħt ir-responsabbiltà tagħha fl-ambitu tat-termini tal-approvazzjoni tagħha kif stabbiliti mill-Aġenzija;

(3)

tħejji u żżomm, għal kull mudell ta’ kull biċċa li għaliha tkun inħarġet dikjarazzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, fajl aġġornat ta’ data teknika u rekords kompluti.

(c)

Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ produzzjoni, organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha:

(1)

timmanifattura kull oġġett filwaqt li tiżgura li t-tagħmir tal-ATM/ANS komplut jikkonforma mad-data tad-disinn tiegħu u jkun sikur biex jiġi installat;

(2)

tħejji u żżomm, għal kull mudell ta’ kull biċċa li għaliha tkun inħarġet dikjarazzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, fajl aġġornat ta’ data teknika u rekords;

(3)

tipprepara, iżżomm u taġġorna l-kopji oriġinali tal-manwali kollha li huma meħtieġa mill-ispeċifikazzjonijiet tad-dikjarazzjoni applikabbli għat-tagħmir partikolari;

(4)

tagħmel disponibbli għall-utenti tat-tagħmir tal-ATM/ANS, u għall-Aġenzija fuq talba, dawk l-istruzzjonijiet biex ikompli jkun hemm l-adegwatezza meħtieġa għall-użu u għall-manutenzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS, u l-bidliet f’dawk l-istruzzjonijiet;

(5)

timmarka kull oġġett;

(6)

tkompli tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(d)

Minbarra l-punt (c), l-organizzazzjoni involuta fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tkun intitolata, fl-ambitu tat-termini tal-approvazzjoni tagħha, li tistabbilixxi li kull tagħmir tal-ATM/ANS komplut jikkonforma mad-data tad-disinn applikabbli u huwa f’kundizzjoni li jaħdem b’mod sikur qabel ma tinħareġ formola ta’ rilaxx tal-EASA li tiddikjara li t-tagħmir tal-ATM/ANS ikun ġie prodott f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament u mad-data tad-disinn applikabbli.

(e)

Il-formola ta’ rilaxx tal-EASA msemmija fil-punt (d) għal kull tagħmir tal-ATM/ANS immanifatturat għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(1)

deskrizzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(2)

in-numru tal-part tat-tagħmir tal-ATM/ANS;

(3)

in-numru tas-serje tat-tagħmir ATM/ANS;

(4)

dikjarazzjoni li t-tagħmir tal-ATM/ANS ġie mmanifatturat f’konformità mad-data tad-disinn applikabbli u huwa f’kundizzjoni li jaħdem mingħajr periklu;

(5)

referenza għaċ-ċertifikat jew għad-dikjarazzjoni tal-konformità tad-disinn.

DPO.OR.C.005   Koordinazzjoni

Organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha tiżgura:

(a)

il-koordinazzjoni sodisfaċenti, bl-arranġamenti xierqa, bejn l-attivitajiet tad-disinn u tal-produzzjoni, kif xieraq;

(b)

il-koordinazzjoni sodisfaċenti mal-fornituri tal-ATM/ANS u mal-impriża/impriżi tal-avjazzjoni rilevanti, u l-appoġġ xieraq għalihom, fir-rigward tal-adegwatezza kontinwa tat-tagħmir tal-ATM/ANS, kif applikabbli.

DPO.OR.C.010   Direttivi dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS

Meta l-Aġenzija toħroġ direttiva dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS, skont il-punt ATM/ANS.EQMT.CERT.065 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2023/1768, l-organizzazzjoni involuta fid-disinn jew fil-produzzjoni tat-tagħmir tal-ATM/ANS għandha:

(a)

tipproponi azzjoni korrettiva xierqa u tippreżentaha flimkien mad-dettalji lill-Aġenzija biex tiġi approvata;

(b)

wara l-approvazzjoni mill-Aġenzija tal-proposta msemmija fil-punt (a), tagħmel disponibbli għall-utenti jew għas-sidien magħrufa kollha tat-tagħmir tal-ATM/ANS id-data deskrittiva xierqa u l-istruzzjonijiet ta’ eżekuzzjoni u, fuq talba, lil kwalunkwe persuna li jeħtieġ li tikkonforma mad-Direttiva dwar it-tagħmir tal-ATM/ANS.