12.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1757

tal-11 ta’ Settembru 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi bensulfuron, klormekwat, klorotoluron, klomażon, daminożid, deltametrina, ewġenol, fludiossonil, flufenaset, flumetralin, fostijażat, ġeranjol, MCPA, MCPB, propakwiżafop, prosulfokarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, 5-nitrogwajakolat tas-sodju, o-nitrofenolat tas-sodju, p-nitrofenolat tas-sodju, fluworur tas-sulfuril, tebufenpirad, timol, u tritosulfuron

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17, l-ewwel paragrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 78(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (2) jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3). Is-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma elenkati fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, u s-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 bħala kandidati għas-sostituzzjoni huma elenkati fil-Parti E ta’ dak l-Anness.

(2)

Is-sustanzi attivi bensulfuron, klormekwat, klorotoluron, klomażon, daminożid, deltametrina, fludiossonil, flufenaset, fostijażat, MCPA, MCPB, propakwiżafop, prosulfokarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, 5--nitrogwajakolat tas-sodju, o-nitrofenolat tas-sodju, p-nitrofenolat tas-sodju, fluworur tas-sulfuril, tebufenpirad u tritosulfuron huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011. Is-sustanzi attivi ewġenol, ġeranjol u timol huma elenkati fil-Parti B u s-sustanza attiva flumetralin fil-Parti E ta’ dak l-Anness.

(3)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1480 (4) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi bensulfuron, klorotoluron, klomażon, daminożid, deltametrina, fludiossonil, flufenaset, fostijażat, MCPA, MCPB, prosulfokarb, 5-nitrogwajakolat tas-sodju, o-nitrofenolat tas-sodju, p-nitrofenolat tas-sodju, u tebufenpirad sal-31 ta’ Ottubru 2023, tas-sustanzi attivi klormekwat, propakwiżafop, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril u tritosulfuron sat-30 ta’ Novembru 2023 u tas-sustanza attiva flumetralin sal-11 ta’ Diċembru 2023.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/184 (5) estenda l-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva fluworur tas-sulfuril sal-31 ta’ Ottubru 2023.

(5)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ewġenol se tiskadi fit-30 ta’ Novembru 2023 f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2013 (6).

(6)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ġeranjol se tiskadi fit-30 ta’ Novembru 2023 f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 570/2013 (7).

(7)

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva timol se tiskadi fit-30 ta’ Novembru 2023 f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 568/2013 (8).

(8)

L-applikazzjonijiet u d-dossiers supplimentari għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ kull waħda minn dawk is-sustanzi attivi ġew ippreżentati f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (9). Dawn l-applikazzjonijiet kollha ġew iddikjarati ammissibbli mill-Istati Membri relaturi rispettivi.

(9)

Għas-sustanzi attivi klormekwat, ewġenol, flumetralin, fostijażat, ġeranjol, propakwiżafop, prosulfokarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, 5-nitrogwajakolat tas-sodju, o-nitrofenolat tas-sodju, p-nitrofenolat tas-sodju, fluworur tas-sulfuril, tebufenpirad u timol, il-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 għadha ma ġietx finalizzata mill-Istati Membri relaturi rispettivi.

(10)

Għas-sustanzi attivi bensulfuron, klorotoluron, deltametrina, MCPA u MCPB, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) teħtieġ aktar żmien biex tadotta konklużjoni u fejn xieraq torganizza konsultazzjoni mal-esperti. Barra minn hekk, huwa meħtieġ żmien addizzjonali biex il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni li tirriżulta dwar il-ġestjoni tar-riskju.

(11)

Fil-każ tas-sustanzi attivi klomażon, daminożid, fludiossonil, flufenaset and tritosulfuron, informazzjoni addizzjonali għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti fil-punt 3.6.5 u fil-punt 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, intalbet mill-Awtorità skont l-Artikolu 13(3a), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2012 u tressqet mill-applikanti fi żmien il-perjodu stabbilit mill-Awtorità. Madankollu, huwa meħtieġ aktar żmien biex l-Awtorità tevalwa l-informazzjoni li rċeviet u tadotta konklużjoni dwar jekk is-sustanzi attivi jistgħux ikunu mistennija li jissodisfaw il-kriterji ta’ approvazzjoni u biex il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni li tirriżulta dwar il-ġestjoni tar-riskju.

(12)

Peress li aktarx li l-ebda deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawn is-sustanzi attivi mhi se tkun tista’ tittieħed qabel l-iskadenza tal-perjodi tal-approvazzjoni rispettivi tagħhom fil-31 ta’ Ottubru 2023, fit-30 ta’ Novembru 2023 u fil-11 ta’ Diċembru 2023, u minħabba li r-raġunijiet għad-dewmien fil-proċeduri tat-tiġdid mhumiex fil-kontroll tal-applikanti rispettivi, jenħtieġ li l-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi jiġu estiżi sabiex ikunu jistgħu jitlestew il-valutazzjonijiet meħtieġa u sabiex jiġu finalizzati l-proċeduri regolatorji tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet rispettivi għat-tiġdid tal-approvazzjoni.

(13)

Billi l-valutazzjoni tar-riskju għadha ma ġietx finalizzata mill-Istati Membri relaturi, u minħabba ż-żmien meħtieġ biex jitlestew il-passi li fadal f’kull proċedura ta’ tiġdid, it-tul ta’ żmien tal-estensjoni għas-sustanzi attivi klormekwat, fostijażat, propakwiżafop, prosulfokarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, 5-nitrogwajakolat tas-sodju, o-nitrofenolat tas-sodju, p-nitrofenolat tas-sodju, fluworur tas-sulfuril u tebufenpirad jenħtieġ li jiġu stabbiliti għal disgħa u tletin xahar u għas-sustanzi attivi ewġenol, flumetralin, ġeranjol u timol jenħtieġ li jiġu stabbiliti għal disgħa u għoxrin xahar.

(14)

Billi l-Awtorità teħtieġ aktar żmien biex tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju għas-sustanzi attivi bensulfuron, klorotoluron, deltametrina, MCPA u MCPB li tirrikjedi, fejn xieraq, konsultazzjoni mal-esperti, it-tul ta’ żmien tal-estensjoni għal dawk is-sustanzi attivi jenħtieġ ikun ta’ tlieta u tletin xahar u nofs.

(15)

Billi l-Awtorità talbet informazzjoni addizzjonali għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti fil-punt 3.6.5 u fil-punt 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, it-tul ta’ żmien tal-estensjoni għas-sustanza attiva daminożid jenħtieġ jiġi stabbilit għal tnejn u għoxrin xahar u nofs, u billi jkun meħtieġ żmien addizzjonali għall-evalwazzjoni tagħha, it-tul ta’ żmien tal-estensjoni għas-sustanzi attivi klomażon, fludiossonil, flufenaset and tritosulfuron jenħtieġ li jiġi stabbilit għal dsatax-il xahar u nofs.

(16)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.

(17)

F’każ li l-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi li l-approvazzjoni ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament ma tiġġeddidx, il-Kummissjoni tiffissa d-data tal-iskadenza fl-istess data kif kienet qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, jew fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, dejjem jekk l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ma tiġġeddidx, skont liema data tiġi l-aħħar. Rigward il-każijiet meta l-Kummissjoni tadotta Regolament li jipprevedi t-tiġdid ta’ sustanza attiva msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tistabbilixxi, kif ikun xieraq skont iċ-ċirkostanzi, l-eqreb data ta’ applikazzjoni possibbli.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1480 tas-7 ta’ Settembru 2022 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 rigward l-estensjoni tal-perjodi tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi 2-fenilfenol (u l-imlieħ tiegħu, bħall-melħ tas-sodju), 8-idrossikwinolina, amidosulfuron, bensulfuron, bifenoks, klormekwat, klorotoluron, klofenteżina, klomażon, daminożidu, deltametrina, dikamba, difenokonażol, diflufenikan, dimetaklor, esfenvalerat, etofenproks, fenoksaprop-P, fenpropidin, fenpirażammina, fludiossonil, flufenaset, flumetralin, fostijażat, lenasil, MCPA, MCPB, nikosulfuron, żjut tal-paraffina, żejt tal-paraffina, penkonażol, pikloram, proeżadjon, propakwiżafop, prosulfokarb, kwiżalofop-P-etil, kwiżalofop-P-tefuril, 5-nitrogwajakolat tas-sodju, o-nitrofenolat tas-sodju, p-nitrofenolat tas-sodju, kubrit, tebufenpirad, tetrakonażol, tri-allat, triflusulfuron, u tritosulfuron (ĠU L 233, 8.9.2022, p. 43).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/184 tas-7 ta’ Frar 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni għas-sustanzi attivi FEN 560 (magħruf ukoll bħala żerriegħa tal-fienu mitħuna) u s-sulfuryl fluoride (ĠU L 34, 8.2.2018, p. 10).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2013 tal-14 ta’ Ġunju 2013 li japprova s-sustanza attiva ewġenol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 163, 15.6.2013, p. 17).

(7)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 570/2013 tas-17 ta’ Ġunju 2013 li japprova s-sustanza attiva ġeranjol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 168, 20.6.2013, p. 18).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 568/2013 tat-18 ta’ Ġunju 2013 li japprova s-sustanza attiva timol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 167, 19.6.2013, p. 33).

(9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26), li jkompli japplika għall-proċedura għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ dawk is-sustanzi attivi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1740 tal-20 ta’ Novembru 2020 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (ĠU L 392, 23.11.2020, p. 20).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

1.   

Il-Parti A hija emendata kif ġej:

(1)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tad-Deltametrina fis-sitt kolonna, tar-ringiela 40, hija sostitwita bil-“15 ta’ Awwissu 2026”;

(2)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Flufenaset fis-sitt kolonna tar-ringiela 65, hija sostitwita bil-“15 ta’ Ġunju 2025”;

(3)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Fostijażat fis-sitt kolonna tar-ringiela 69, hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”;

(4)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Klorotoluron fis-sitt kolonna tar-ringiela 102, hija sostitwita bil-“15 ta’ Awwissu 2026”;

(5)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tad-Daminożidu fis-sitt kolonna tar-ringiela 104, hija sostitwita bil-“15 ta’ Settembru 2025”;

(6)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-MCPA fis-sitt kolonna tar-ringiela 107, hija sostitwita bil-“15 ta’ Awwissu 2026”;

(7)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-MCPB fis-sitt kolonna tar-ringiela 108, hija sostitwita bil-“15 ta’ Awwissu 2026”;

(8)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Prosulfokarb fis-sitt kolonna tar-ringiela 160, hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”;

(9)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Fludiossonil fis-sitt kolonna tar-ringiela 161, hija sostitwita bil-“15 ta’ Ġunju 2025”;

(10)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Klomażon fis-sitt kolonna tar-ringiela 162, hija sostitwita bil-“15 ta’ Ġunju 2025”;

(11)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tat-Tritosulfuron fis-sitt kolonna tar-ringiela 186, hija sostitwita bil-“15 ta’ Lulju 2025”;

(12)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Bensulfuron fis-sitt kolonna, tar-ringiela 271, hija sostitwita bil-“15 ta’ Awwissu 2026”;

(13)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-5-nitrogwajakolat tas-sodju fis-sitt kolonna tar-ringiela 272, hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”;

(14)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni, tal-O-nitrofenolat tas-sodju fis-sitt kolonna tar-ringiela 273, hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”;

(15)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni, tal-P-nitrofenolat tas-sodju fis-sitt kolonna tar-ringiela 274 hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”;

(16)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni, tat-Tebufenpirad fis-sitt kolonna tar-ringiela 275, hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”;

(17)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Klormekwat fis-sitt kolonna tar-ringiela 276, hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2027”;

(18)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Propakwiżafop fis-sitt kolonna tar-ringiela 278, hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2027”;

(19)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Kwiżalofop-P-etil u tal-Kwiżalofop-P-tefuril fis-sitt kolonna tar-ringiela 279, hija sostitwita bit-“28 ta’ Frar 2027”;

(20)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Fluworur tas-sulfuril, fis-sitt kolonna tar-ringiela 307, hija sostitwita bil-“31 ta’ Jannar 2027”.

2.   

Il-Parti B hija emendata kif ġej:

(1)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Ewġenol fis-sitt kolonna tar-ringiela 45, hija sostitwita bit-“30 ta’ April 2026”;

(2)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Ġeranjol fis-sitt kolonna tar-ringiela 46, hija sostitwita bit-“30 ta’ April 2026”;

(3)

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tat-Timol fis-sitt kolonna tar-ringiela 47, hija sostitwita bit-“30 ta’ April 2026”;

3.   

il-Parti E hija emendata kif ġej:

 

id-data ta’ skadenza tal-approvazzjoni tal-Flumetralin fis-sitt kolonna tar-ringiela 1, hija sostitwita bil-“ 11 ta’ Mejju 2026 ”.