8.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/31


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1708

tas-7 ta’ Settembru 2023

dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ urea bħala addittiv tal-għalf għar-ruminanti b’kirxa funzjonali u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 839/2012

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta’ addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għat-tiġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni.

(2)

Il-urea kienet ġiet awtorizzata għal perjodu ta’ 10 snin bħala addittiv tal-għalf għar-ruminanti b’kirxa funzjonali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 839/2012 (2).

(3)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-urea bħala addittiv tal-għalf għar-ruminanti b’kirxa funzjonali, bit-talba li l-addittiv jiġi kklassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u fil-grupp funzjonali “urea u d-derivattivi tagħha”. Ma’ din l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 14(2) ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-11 ta’ Jannar 2023 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-applikant ipprovda evidenza li l-addittiv għadu sikur għall-ispeċijiet fil-mira, għall-konsumaturi u għall-ambjent skont il-kundizzjonijiet eżistenti tal-awtorizzazzjoni. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ġdida li tipprovdi evidenza għas-sikurezza tal-addittiv għall-utent, l-Awtorità ma setgħetx tikkonkludi dwar is-sikurezza tal-utenti. L-Awtorità indikat ukoll li l-konklużjoni li saret qabel dwar l-effikaċja tibqa’ valida. Hija ma qisitx li hemm ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta’ sorveljanza ta’ wara t-tqegħid fis-suq.

(5)

Il-Laboratorju ta’ Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 qies li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet milħuqa fil-valutazzjoni mwettqa fir-rigward tal-metodu ta’ analiżi tal-urea bħala addittiv tal-għalf fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni preċedenti huma validi u applikabbli għall-applikazzjoni attwali. Għalhekk, f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 (4), mhux meħtieġ rapport ta’ evalwazzjoni tal-Laboratorju ta’ Referenza.

(6)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni ta’ dak l-addittiv tiġġedded. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li jittieħdu miżuri protettivi xierqa sabiex jiġu evitati effetti avversi fuq is-saħħa tal-utenti tal-addittiv.

(7)

B’konsegwenza tat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-urea bħala addittiv tal-għalf, jenħtieġ li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 839/2012.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Tiġdid tal-awtorizzazzjoni

L-awtorizzazzjoni tas-sustanza speċifikata fl-Anness, tal-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi” u tal-grupp funzjonali “urea u d-derivattivi tagħha”, hija mġedda soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Anness.

Artikolu 2

Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 839/2012

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 839/2012 jitħassar.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 839/2012 tat-18 ta’ Settembru 2012 dwar l-awtorizzazzjoni tal-urea bħala addittiv fl-għalf għar-ruminanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 11).

(3)   EFSA Journal 2023;21(2):7821.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2005 tal-4 ta’ Marzu 2005 regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dmirijiet u l-ħidmiet tal-Laboratorju ta’ Referenza Komunitarju fil-kuntest tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ addittivi fl-għalf tal-annimali (ĠU L 59, 5.3.2005, p. 8).


ANNESS

Numru ta’ identifikazzjoni tal-addittiv

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta’ awtorizzazzjoni

mg tal-addittiv/kg ta’għalf komplet b’kontenut ta’ ndewwa ta’ 12 %

Kategorija: addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: Urea u d-derivattivi tagħha

3d1

Urea

Kompożizzjoni tal-addittiv

Kontenut tal-urea: minimu ta’ 97 %

Kontenut ta’ nitroġenu: 46 %

Forma solida

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Dijamminometanon, numru CAS 57-13-6, formula kimika: (NH2)2CO

Metodu analitiku  (1)

Għad-determinazzjoni tat-total ta’ nitroġenu fl-addittiv: Titrimetrija (EN 15478)

Għad-determinazzjoni tal-kontribut ta’ bjuret għat-total ta’ nitroġenu fl-addittiv: Spettrofotometrija (EN 15479)

Għad-determinazzjoni tal-urea fit-taħlitiet lesti minn qabel, fl-għalf kompost u fil-materjali tal-għalf: Spettrofotometrija (l-Anness III.D tar-Regolament (KE) Nru 152/2009)

Ruminanti b’kirxa funzjonali

 

 

8 800

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tal-għalf li jkun fih, għandu jiġu indikat dan li ġej:

“L-urea għandha tiġi mitmugħa biss lill-annimali b’kirxa funzjonali. L-urea li tiġi mitmugħa sal-livell massimu tad-doża għandha tiġi mitmugħa gradwalment. Il-kontenut massimu ta’ urea għandu jiġi mitmugħ biss bħala parti minn dieti rikki f’karboidrati faċilment diġeribbli u li għandhom livell baxx ta’ nitroġenu solubbli.

F’porzjon ta’ ġurnata għandu jkun hemm biss massimu ta’ 30 % ta’ nitroġenu totali li jkun ġej minn urea-N.”

2.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tagħhom. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati bi proċeduri u b’miżuri ta’ dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b’tagħmir ta’ protezzjoni personali għan-nifs, għall-għajnejn u għall-ġilda.

It-28 ta’ Settembru 2033


(1)  Id-dettalji tal-metodi analitiċi huma disponibbli fl-indirizz tal-Laboratorju ta’ Referenza li ġej: https://joint-research-centre.ec.europa.eu/eurl-fa-eurl-feed-additives/eurl-fa-authorisation/eurl-fa-evaluation-reports_mt