7.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1699

tas-6 ta’ Settembru 2023

dwar l-istatus tal-attapulġit bħala addittiv tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Għas-sustanza attapulġit, hemm inċertezza dwar jekk hijiex addittiv tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Din l-inċertezza tirriżulta minn diversi mistoqsijiet jew dubji espressi mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli għall-kontrolli uffiċjali jew mill-operaturi ekonomiċi dwar il-klassifikazzjoni ta’ dik is-sustanza li bħalissa hija inkluża fil-Katalgu tal-materjali tal-għalf stabbilit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (2).

(2)

Inċertezza bħal din dwar l-istatus ta’ prodotti fir-rigward tal-addittivi tal-għalf tista’ xxekkel il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-għalf fl-Unjoni, peress li d-distinzjoni bejn l-addittivi tal-għalf u prodotti oħra tal-għalf għandha rwol ewlieni fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli rilevanti.

(3)

Sabiex titnaqqas l-inċertezza rigward l-istatus tal-attapulġit bħala addittiv tal-għalf, huwa xieraq li tiġi adottata miżura rilevanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, li tiddetermina dak l-istatus. Miżura bħal din twassal għal konsistenza fit-trattament tal-prodott ikkonċernati u tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali, filwaqt li tgħin lill-operaturi ekonomiċi interessati biex jaġixxu f’qafas li jipprevedi livell xieraq ta’ ċertezza tad-dritt.

(4)

Biex jiġi ddeterminat jekk prodott huwiex addittiv tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huwa xieraq li ssir referenza għal-linji gwida għad-distinzjoni bejn l-addittivi tal-għalf, il-materjali tal-għalf u prodotti oħra, stabbiliti bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/25/UE (3). B’mod partikolari, dawk il-linji gwida jipprevedu diversi kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess waqt f’evalwazzjoni każ b’każ sabiex jinħoloq profil ta’ kull prodott speċifiku, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi kollha tiegħu. Il-kriterji għad-divrenzjar bejn l-addittivi tal-għalf u l-materjali tal-għalf jinkludu l-metodu tal-produzzjoni u tal-ipproċessar, id-definizzjoni kimika u l-livell ta’ standardizzazzjoni jew purifikazzjoni, is-sikurezza u l-modalità tal-użu u l-funzjonalità tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-konsistenza, jenħtieġ li prodotti bi proprjetajiet simili jiġu kklassifikati b’analoġija.

(5)

Abbażi ta’ eżami tal-kriterji li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni 2011/25/UE, ġie konkluż li l-attapulġit jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala addittiv tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. L-attapulġit jintuża essenzjalment sabiex iwettaq il-funzjonijiet teknoloġiċi fl-għalf bħala legant, antiagglomerant jew riduċent tal-kontaminazzjoni tal-għalf mill-mikotossini, jew saħansitra l-funzjonijiet żootekniċi billi jaffettwa l-flora gastrointestinali tal-annimali jew id-diġestibbiltà tal-għalf, li huma tipiċi tal-funzjonalità tal-addittivi tal-għalf. Barra minn hekk, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet tal-attapulġit huma simili ħafna għal dawk ta’ minerali tat-tafal oħrajn li jitqiesu bħala addittivi tal-għalf. Għalhekk, il-klassifikazzjoni b’analoġija tal-attapulġit bħala addittiv tal-għalf twassal għal konsistenza fit-trattament ta’ dawk il-prodotti simili.

(6)

Bħala riżultat tal-klassifikazzjoni tal-attapulġit bħala addittiv tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni li jippermetti lill-partijiet interessati jadattaw għall-istatus ta’ dik is-sustanza, inkluż għall-finijiet tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni biex jiġi awtorizzat bħala addittiv tal-għalf u l-ipproċessar ulterjuri ta’ applikazzjoni bħal din f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-attapulġit huwa addittiv tal-għalf fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

Artikolu 2

Is-sustanza msemmija fl-Artikolu 1 tista’ tkompli tiġi introdotta fis-suq u tintuża f’konformità mar-regoli applikabbli għall-materjali tal-għalf sas-27 ta’ Settembru 2030.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Settembru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/25/UE tal-14 ta’ Jannar 2011 li tistabbilixxi linji gwida għad-distinzjoni bejn il-materjali tal-għalf, il-prodotti bijoċidali u l-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 11, 15.1.2011, p. 75).