5.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 218/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1686

tat-30 ta’ Ġunju 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti proċedurali għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi ċċertifikati organiċi u fuq prodotti organiċi f’pajjiżi terzi u ċerti rekwiżiti dwar is-superviżjoni tagħhom

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 b’rekwiżiti proċedurali għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu kontrolli fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi ċċertifikati bħala organiċi u fuq prodotti organiċi f’pajjiżi terzi u b’regoli dwar is-superviżjoni tagħhom u l-kontrolli u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.

(2)

Talba mill-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll għar-rikonoxximent skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 (reġim ta’ konformità) tikkonsisti f’dossier tekniku. Skont il-punt (i) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, dak id-dossier tekniku jrid jinkludi, fost affarijiet oħra, kopja tal-aktar rapport ta’ valutazzjoni riċenti mfassal mill-korp ta’ akkreditazzjoni jew, kif xieraq, mill-awtorità kompetenti, inkluż rapport tal-awditjar dwar awditu b’xhieda mwettaq fi żmien sentejn qabel is-sottomissjoni tat-talba għal rikonoxximent.

(3)

Skont l-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, ir-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll mogħti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (3) (reġim ta’ ekwivalenza) se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. Skont il-punt 3(a) tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, għal dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, ir-rapporti ta’ awditu b’xhieda li għandhom jiġu ppreżentati mat-talba tagħhom għal rikonoxximent skont ir-reġim ta’ konformità jridu jirriżultaw minn awditi b’xhieda mwettqa matul is-sentejn ta’ qabel is-sottomissjoni tat-talba għar-rikonoxximent, mill-korp ta’ akkreditazzjoni jew mill-awtorità kompetenti għall-fini tar-rikonoxximent tagħhom skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007.

(4)

Il-miżuri nazzjonali f’pajjiżi terzi meħuda minħabba l-pandemija tal-COVID-19 kellhom impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-korpi ta’ akkreditazzjoni u tal-awtoritajiet kompetenti li jiskedaw u jwettqu awditi b’xhieda għall-fini ta’ rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u mill-korpi ta’ kontroll skont ir-reġim ta’ konformità. Biex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-reġim ta’ ekwivalenza għar-reġim ta’ konformità u biex jiġu evitati riskji ta’ tfixkil kummerċjali, għal talbiet għal rikonoxximent sottomessi qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, il-perjodu ta’ validità tal-awditi b’xhieda msemmija fil-punt (i) u fil-punt 3(a) tal-Artikolu 1(2) tal-Parti B tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 jenħtieġ li jiġi estiż.

(5)

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq b’mod effettiv l-attivitajiet superviżorji tagħha skont ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 iridu joperaw u jiġu vvalutati minn korpi ta’ akkreditazzjoni jew minn awtoritajiet kompetenti abbażi tal-prestazzjoni tagħhom skont ir-reġim ta’ konformità. Għalhekk, jenħtieġ li jiġi żgurat li, fi żmien sentejn mir-rikonoxximent inizjali tal-awtoritajiet ta’ kontroll u tal-korpi ta’ kontroll f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) 2018/848 jew mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent għal kategorija addizzjonali ta’ prodotti f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll jenħtieġ li jippreżentaw lill-Kummissjoni b’rapport ġdid ta’ awditu b’xhieda dwar awditu b’xhieda ġdid imwettaq għal kull waħda mill-kategoriji ta’ prodotti li għalihom ikunu ġew rikonoxxuti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi speċifikata l-proċedura għas-sottomissjoni ta’ dawk ir-rapporti ġodda ta’ awditu b’xhieda.

(6)

Għall-fini li jiġi ċċarat il-bidu tal-perjodu bejn żewġ awditi b’xhieda msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2021/1698, l-ewwel perjodu ta’ 4 snin jenħtieġ li jibda fid-data meta jkunu twettqu l-ewwel awditi b’xhieda wara r-rikonoxximent, jew għall-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent għal kategorija addizzjonali ta’ prodotti.

(7)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2021/1698 huwa emendat kif ġej:

(1)

fil-punt (i) tal-Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:

“kopja tal-aktar rapport ta’ valutazzjoni reċenti msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(4) tar-Regolament (UE) 2018/848, imfassal mill-korp ta’ akkreditazzjoni jew, kif xieraq, mill-awtorità kompetenti, li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-Parti A tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament, inkluż rapport tal-awditjar dwar awditu b’xhieda mwettaq fi żmien sentejn qabel is-sottomissjoni tat-talba għal rikonoxximent. B’deroga minn dan, għal talbiet għal rikonoxximent ippreżentati qabel il-31 ta’ Diċembru 2024, ir-rapport ta’ awditu b’xhieda jista’ jkun dwar awditu b’xhieda mwettaq fi żmien 3 snin qabel is-sottomissjoni tat-talba għal rikonoxximent. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jagħti l-garanziji li ġejjin:”;

(2)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 3a ġdid:

“3a.

Fi żmien sentejn mir-rikonoxximent inizjali jew mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent għal kategorija ġdida ta’ prodotti f’konformità mal-Artikolu 2, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll għandu jipprovdi rapport tal-awditjar ġdid dwar awditu b’xhieda ġdid imwettaq f’konformità mat-Taqsimiet 1 u 2 tal-Parti B tal-Anness I għall-kategoriji ta’ prodotti li għalihom ġie rikonoxxut jew li għalihom ġie estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-rikonoxximent.”;

(b)

fil-paragrafu 4, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-perjodu ta’ żmien bejn żewġ awditi b’xhieda ma għandux jaqbeż l-4 snin, li jibdew mid-data tal-ewwel awditu b’xhieda mwettaq wara r-rikonoxximent inizjali jew l-estensjoni inizjali tal-kamp ta’ applikazzjoni għal kategorija ġdida ta’ prodotti;”;

(3)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Wara r-rikonoxximent, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll għandu jinnotifika lill-Kummissjoni fi żmien xieraq, u mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju, dwar l-okkorrenza ta’ bidliet fil-kontenut tad-dossier tekniku tiegħu, inklużi r-rapporti ta’ awditu b’xhieda ġodda msemmija fl-Artikolu 3(3a).”

;

(4)

fil-Parti B tal-Anness I, il-punt 3(a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

matul l-aħħar 3 snin mill-korp ta’ akkreditazzjoni jew mill-awtorità kompetenti tiegħu għall-fini tar-rikonoxximent tiegħu skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 għal kull kategorija ta’ prodotti li għalihom l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll jitlob rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2018/848; u”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1698 tat-13 ta’ Lulju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bir-rekwiżiti proċedurali għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll li huma kompetenti biex iwettqu l-kontrolli fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi ċċertifikati organiċi u fuq il-prodotti organiċi f’pajjiżi terzi u bir-regoli dwar is-superviżjoni u l-kontrolli tagħhom u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll (ĠU L 336, 23.9.2021, p. 7).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).