23.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1651

tas-17 ta’ Mejju 2023

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji għall-kejl speċifiku tal-likwidità tad-ditti tal-investiment skont l-Artikolu 42(6) ta’ dik id-Direttiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(6) it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jitkejjel il-livell adegwat ta’ likwidità li d-ditti tal-investiment għandhom iżommu, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji komuni biex jiġu stmati l-ħtiġijiet ta’ likwidità korrispondenti f’ċirkostanzi normali u ta’ stress, u biex jiġi ddeterminat jekk hemmx xi lakuni bejn il-livell ta’ assi likwidi miżmuma mid-ditti tal-investiment u l-ħtiġijiet ta’ likwidità identifikati.

(2)

Id-ditti tal-investiment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jikkwalifikaw bħala ditti tal-investiment żgħar u mhux interkonnessi stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033 (2) jitqiesu li għandhom biss riskju limitat ta’ likwidità meta mqabbel ma’ ditti tal-investiment oħrajn. Huwa għalhekk li l-awtoritajiet kompetenti, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, jistgħu jeżentaw tali ditti tal-investiment mir-rekwiżit ta’ likwidità stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 43(1) ta’ dak ir-Regolament. Madankollu, din l-eżenzjoni hija fakultattiva. Sabiex jiġu koperti ditti tal-investiment żgħar u mhux interkonnessi li ma jkunux ġew eżentati mill-awtorità kompetenti tagħhom minn dak ir-rekwiżit ta’ likwidità, ikun sproporzjonat li dawk id-ditti tal-investiment jiġu soġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ likwidità bħad-ditti tal-investiment akbar u interkonnessi. Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit li l-awtoritajiet kompetenti, meta jkejlu r-riskju tal-likwidità u l-elementi tar-riskju tal-likwidità msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034, jenħtieġ li jkejlu biss ir-riskju tal-likwidità jew l-elementi tar-riskju tal-likwidità li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet u minn fatturi oħra, speċifiċi għal ditti tal-investiment żgħar u mhux interkonnessi, li x’aktarx iwasslu għal riskju ta’ likwidità li jkun materjali u li mhuwiex kopert mir-rekwiżiti tal-likwidità stabbiliti fil-Parti Ħamsa tar-Regolament (UE) 2019/2033. Dawk il-fatturi jinkludu attivitajiet ta’ forniment ta’ ġestjoni tal-portafoll, it-tħaddim ta’ faċilità multilaterali tan-negozjar kif definit fil-punt (22) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jew faċilità organizzata tan-negozjar kif definita fil-punt (23) tal-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva, l-għoti ta’ krediti u self lill-investituri, kif ukoll ir-riskju ta’ finanzjament, u r-rilevanza tal-istruttura tal-grupp għar-riskju tal-likwidità.

(3)

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2019/2033 jirrikjedi li d-ditti tal-investiment prinċipali tal-Unjoni, il-kumpaniji azzjonarji ta’ investiment prinċipali tal-Unjoni u l-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta prinċipali tal-Unjoni jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ likwidità stabbiliti fil-Parti Ħamsa ta’ dak ir-Regolament fil-livell konsolidat. Ditta tal-investiment omm tal-Unjoni, kumpanija azzjonarja ta’ investiment omm tal-Unjoni u kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-Unjoni jistgħu jkunu esposti, f’sitwazzjoni konsolidata, għal riskju ta’ likwidità jew għal elementi ta’ riskju ta’ likwidità li huma materjali u li mhumiex koperti jew mhumiex koperti biżżejjed minn dawk ir-rekwiżiti ta’ likwidità. Bl-istess mod, ditta tal-investiment omm tal-Unjoni, kumpanija azzjonarja ta’ investiment omm tal-Unjoni u kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-Unjoni jistgħu ma jissodisfawx, f’sitwazzjoni konsolidata, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 24 u 26 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, filwaqt li miżuri amministrattivi oħra x’aktarx li ma jtejbux biżżejjed l-arranġamenti, il-proċessi, il-mekkaniżmi u l-istrateġiji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 f’perjodu ta’ żmien xieraq. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, għal tali ditti tal-investiment omm tal-Unjoni, kumpaniji azzjonarji ta’ investiment omm tal-Unjoni u kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta omm tal-Unjoni, ikejlu fuq bażi konsolidata jekk l-iskopertura ta’ dawk id-ditti u l-kumpaniji għar-riskju tal-likwidità hijiex materjali u mhux koperta mir-rekwiżiti ta’ likwidità stabbiliti fil-Parti Ħamsa tar-Regolament (UE) 2019/2033.

(4)

Attivitajiet differenti tad-ditti tal-investiment jistgħu jaffettwaw il-profil tal-likwidità tagħhom b’modi differenti. Il-bidliet fil-valur tal-prezzijiet tal-assi jistgħu jiġġeneraw telf u jaffettwaw il-karti bilanċjali u l-pożizzjoni tal-likwidità tad-ditti tal-investiment, minkejja li dawk id-ditti ma jżommux l-assi tal-klijenti f’isimhom stess. Id-ditti tal-investiment li jipprovdu servizzi ta’ ġestjoni tal-portafoll jistgħu jkunu sensittivi għall-fluttwazzjonijiet tas-suq li jistgħu joħolqu jew itejbu d-diskrepanzi fil-fluss tal-flus bejn il-flussi ta’ dħul minn pagamenti ta’ tariffi tipikament riċevuti fuq bażi trimestrali jew semiannwali u flussi ta’ ħruġ għall-ħlas ta’ obbligazzjonijiet hekk kif isiru dovuti. Għalhekk huwa xieraq li għal kull servizz jew attività ta’ investiment elenkati fit-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE jiġu speċifikati l-kriterji li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw meta jkejlu jekk ir-riskju tal-likwidità jew l-elementi tar-riskju tal-likwidità ta’ ditta tal-investiment humiex koperti biżżejjed mir-rekwiżit tal-likwidità stabbilit fil-Parti Ħamsa tar-Regolament (UE) 2019/2033. L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li b’mod partikolari jkunu meħtieġa jikkunsidraw dawk is-servizzi jew l-attivitajiet ta’ investiment li huma l-aktar sensittivi għall-fluttwazzjonijiet tas-suq minħabba li tali fluttwazzjonijiet huma imprevedibbli kemm fiż-żmien kif ukoll fl-iskala, u jistgħu jaffettwaw ir-riskju tal-likwidità b’modi differenti, inklużi sejħiet għal marġni ogħla, profitti aktar baxxi u tariffi mnaqqsa.

(5)

Id-ditti tal-investiment li huma awtorizzati jagħtu krediti jew self lill-investituri bħala servizz anċillari huma esposti għal riskju speċifiku tal-likwidità. Ir-ripagament tard tad-djun mill-investituri jista’ jfixkel il-kapaċità ta’ ditta tal-investiment li tissodisfa l-obbligi tagħha, filwaqt li l-likwidazzjoni ta’ kollaterali bi profil ta’ likwidità deterjorat tista’ tirriżulta f’inqas assi likwidi biex jiġu skjerati fuq operazzjonijiet ordinarji. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw ir-riskju akbar għad-ditti tal-investiment li jwettqu tali servizzi.

(6)

Il-finanzjament huwa sors primarju ta’ likwidità għad-ditti tal-investiment, u l-aċċess limitat jew sospiż għall-finanzjament jista’ jirriżulta fit-twaqqif tas-servizzi tad-ditti tal-investiment, b’impatt negattiv potenzjali fuq is-swieq u l-klijenti. Meta jitqiesu d-differenzi bejn il-finanzjament tad-ditti tal-investiment u l-finanzjament tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu d-depożiti, u meta jitqies li l-aċċess għall-finanzjament minn tali ditti tal-investiment jista’ jinvolvi riskji f’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi li l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu meta jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi tal-likwidità għal tali ditti tal-investiment.

(7)

Id-deterjorament tas-sitwazzjonijiet makroekonomiċi u ġeopolitiċi jista’ jwassal biex id-ditti tal-investiment jiffaċċjaw restrizzjonijiet severi fl-aċċess għall-finanzjament. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-konsegwenzi li tali deterjorament jista’ jkollu fuq is-sorsi ta’ finanzjament tad-ditti tal-investiment, inkluż il-finanzjament bl-ingrossa u l-linji ta’ kreditu. F’dan l-isfond, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-elementi li l-awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li jivvalutaw fir-rigward ta’ avvenimenti esterni avversi, li l-okkorrenza tagħhom tista’ żżid ir-riskju tal-likwidità tad-ditti tal-investiment.

(8)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddeterminaw liema avvenimenti operazzjonali jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-likwidità tad-ditti tal-investiment, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-avvenimenti operazzjonali li huma mistennija li jkunu l-aktar rilevanti għad-ditti tal-investiment bħala subsett tal-lista tat-tipi ta’ avvenimenti ta’ telf imsemmija fl-Artikolu 324 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (4).

(9)

Riskju akbar ta’ likwidità jista’ jirriżulta minn riskju għar-reputazzjoni, li min-naħa tiegħu jista’ jaffettwa l-operazzjonijiet tad-ditti tal-investiment. Filwaqt li xi effetti tar-riskju għar-reputazzjoni mhumiex faċilment prevedibbli, oħrajn bħal aċċess imnaqqas għas-suq jew aċċess għal-likwidità mill-kontropartijiet jistgħu jiġu antiċipati. Għalhekk, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw l-impatt ta’ tali effetti prevedibbli tar-riskju għar-reputazzjoni fuq ir-riskju tal-likwidità tad-ditti tal-investiment.

(10)

Minħabba l-impatt potenzjali tar-riskju tal-likwidità fuq il-funzjonament ta’ ditta tal-investiment, id-ditti tal-investiment għandhom jimmonitorjaw mill-qrib dan ir-riskju. F’konformità mal-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, id-ditti tal-investiment għandu jkollhom fis-seħħ strateġiji, politiki u proċessi robusti, inkluż il-monitoraġġ tar-riskju tal-likwidità u l-konfrontazzjoni tan-nuqqas ta’ likwidità. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi speċifikat liema awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw biex jevalwaw l-effettività tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u l-kontroll tad-ditti tal-investiment.

(11)

Billi grupp jista’ jipprovdi likwidità addizzjonali lil ditta tal-investiment, tali grupp jista’ juża wkoll riżorsi likwidi sinifikanti li jappartjenu lid-ditta tal-investiment permezz ta’ ftehimiet u mekkaniżmi oħra tat-trasferiment tal-assi bejn id-ditta tal-investiment, minn naħa waħda, u l-impriża prinċipali jew kwalunkwe entità oħra tal-grupp, min-naħa l-oħra. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu meħtieġa jivvalutaw l-istruttura ġenerali tal-grupp u jikkunsidraw l-implikazzjonijiet li tali ftehimiet u mekkaniżmi oħra ta’ trasferiment ta’ assi jista’ jkollhom fuq ir-riskju tal-likwidità tad-ditti tal-investiment li huma parti minn tali grupp.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea.

(13)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li dan ir-Regolament huwa bbażat fuqhom, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit bl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità u elementi tar-riskju tal-likwidità li jiġġustifikaw rekwiżiti speċifiċi tal-likwidità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, filwaqt li jqisu d-daqs, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tad-ditta tal-investiment, jivvalutaw mill-qrib ir-rekwiżit speċifiku tal-likwidità msemmi fl-Artikolu 42 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 billi jiddeterminaw l-ammont adegwat ta’ assi likwidi li ditta tal-investiment għandha żżomm biex tkopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw dak l-ammont billi jqisu l-fatturi ta’ riskju kollha li jistgħu jinfluwenzaw il-pożizzjoni tal-likwidità ta’ ditta tal-investiment u jiġġeneraw diskrepanzi fil-likwidità, inklużi l-fatturi li ġejjin:

(a)

jekk hemmx riskju ta’ likwidità li jirriżulta mill-forniment ta’ servizzi ta’ investiment, u attivitajiet u servizzi anċillari speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jekk hemmx riskju ta’ likwidità li jirriżulta min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi ta’ finanzjament kif imsemmi fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

jekk hemmx avvenimenti esterni li jaffettwaw il-likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;

(d)

jekk hemmx riskju operazzjonali li jaffettwa l-likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

jekk hemmx riskju reputazzjonali li jirriżulta min-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ riżorsi ta’ finanzjament kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament;

(f)

jekk hemmx ġestjoni u kontroll inadegwati tar-riskju tal-likwidità kif imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament;

(g)

meta d-ditta tal-investiment tkun parti minn grupp, l-istruttura tal-grupp u l-impatt tagħha fuq il-likwidità tad-ditta tal-investiment kif imsemmi fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għal ditti tal-investiment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex jikkwalifikaw bħala ditti tal-investiment żgħar u mhux interkonnessi stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-fatturi u l-elementi tar-riskju tal-likwidità msemmija fil-punti (a), (b) u (g) tal-paragrafu 1. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità li tirriżulta mill-forniment ta’ servizzi ta’ investiment, u mill-attivitajiet u s-servizzi anċillari speċifiċi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), tista’ madankollu tiffoka fuq ir-riskju tal-likwidità li jirriżulta minn telf fl-introjtu mill-ġestjoni tal-portafoll, ir-riskju tal-likwidità mill-operat ta’ faċilità multilaterali tan-negozjar jew faċilità organizzata tan-negozjar kif definit fil-punti (22) u (23) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, u mill-għoti ta’ krediti jew self lill-investituri.

3.   Meta jivvalutaw il-ħtiġijiet ta’ likwidità skont il-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dan kollu li ġej:

(a)

iqisu l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett avvers materjali fuq il-ħtiġijiet ta’ likwidità ta’ ditta tal-investiment f’ċirkostanzi normali u ta’ stress;

(b)

iqisu d-data storika disponibbli, għal perjodu ta’ żmien li jitqies bħala suffiċjenti, dwar dawn kollha li ġejjin:

(i)

diskrepanzi bejn assi likwidi jew riżorsi oħra ta’ likwidità u ħtiġijiet ta’ likwidità;

(ii)

ix-xejriet storiċi fil-kapaċità tal-likwidità;

(iii)

il-varjazzjonijiet materjali osservati ta’ assi likwidi u ħtiġijiet ta’ likwidità;

(c)

iqisu l-eżistenza ta’ ftehimiet kuntrattwali ta’ netting soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2019/2033, jew mekkaniżmi oħra ta’ mitigazzjoni tar-riskju li jnaqqsu b’mod effettiv il-ħruġ potenzjali nett tal-likwidità li ditta tal-investiment ikollha lejn kontropartijiet ċentrali, membri tal-ikklerjar, istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment oħra;

(d)

jiddeterminaw jekk id-ditta tal-investiment għandhiex proċessi, mekkaniżmi u strateġiji sodi biex tkejjel, timmonitorja u timmaniġġja r-riskju tal-likwidità tagħha kif stabbilit fl-Artikoli 24 u 26 tad-Direttiva (UE) 2019/2034;

(e)

iqisu l-interkonnessjonijiet potenzjali fost il-fatturi msemmija fil-paragrafu 1;

(f)

jibbażaw il-valutazzjoni fuq informazzjoni affidabbli, preċiża u aġġornata.

Għall-finijiet tal-punt (a), kundizzjonijiet ta’ stress għandhom ifissru stress tas-suq u stress inerenti għal ditta tal-investiment fejn il-finanzjament jista’ ma jkunx aċċessibbli fil-ħin jew fuq bażi kosteffettiva.

4.   Meta jkun japplika l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw l-Artikoli 2 sa 7 ta’ dan ir-Regolament fil-valutazzjoni ta’ ditta tal-investiment omm tal-Unjoni, kumpanija azzjonarja tal-investiment omm tal-Unjoni, jew riskji tal-likwidità tal-kumpanija azzjonarja finanzjarja mħallta omm tal-Unjoni u elementi tar-riskju ta’ likwidità fuq il-bażi tas-sitwazzjonijiet konsolidati tagħhom.

Artikolu 2

Valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità li jirriżulta mis-servizzi u l-attivitajiet ta’ investiment u servizzi anċillari

1.   Għad-ditti tal-investiment li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (1) jew (2) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-livell ta’ likwidità li jrid jiġi kopert minn assi likwidi billi jqisu dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi pprovduti lill-klijenti, b’mod partikolari d-diskrepanza fiż-żmien bejn it-tariffi riċevuti mill-klijenti u t-tariffi mħallsa lill-pjattaformi tan-negozjar għat-trażmissjoni jew l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet f’isem il-klijenti;

(b)

il-ħruġ tal-likwidità minħabba tariffi miżjuda imposti għall-aċċess għall-pjattaformi ta’ negozjar jew arranġamenti inqas favorevoli, inkluż jiem imnaqqsa ta’ kontijiet pagabbli mid-ditta tal-investiment;

(c)

dewmien fil-ħlas tat-tariffi dovuti mill-klijenti.

2.   Għad-ditti tal-investiment li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (3) jew (6) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-livell ta’ likwidità li jrid jiġi kopert minn assi likwidi billi jqisu dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ matul l-istess jum għall-pożizzjonijiet tal-portafoll tan-negozjar tad-ditta tal-investiment;

(b)

ir-riskju tal-likwidità li jirriżulta mir-riskju ta’ bidla fil-prezz tal-istrument ikkonċernat minħabba fatturi relatati mal-emittent tiegħu jew mal-emittent tal-istrument sottostanti u mill-bidla fil-prezz ta’ strument minħabba bidla fil-livell tar-rati tal-imgħax jew minħabba moviment wiesa’ fis-suq tal-ekwità mhux relatat ma’ xi attributi speċifiċi tat-titoli individwali;

(c)

il-karatteristiċi speċifiċi tal-attivitajiet ta’ negozjar tad-ditta tal-investiment, b’mod partikolari l-profil tal-maturità tat-tranżazzjonijiet, l-okkorrenza possibbli ta’ tranżazzjonijiet fit-tul u l-muniti tat-tranżazzjonijiet;

(d)

il-livell ta’ aggravar tal-assi, il-karatteristiċi tal-kollateral li għandu jiġi pprovdut, b’mod partikolari l-maturità u l-munita tiegħu, u jekk l-assi pprovduti bħala kollateral jistgħux jerġgħu jintużaw jew jiġu ipotekati mill-ġdid mill-kontropartijiet tad-ditta tal-investiment;

(e)

il-livell tal-marġni tal-istess ġurnata li d-ditta tal-investiment tista’ tkun meħtieġa kuntrattwalment li tippowstja f’ċirkostanzi normali u ta’ stress;

(f)

jekk id-ditta tal-investiment għandhiex biżżejjed assi likwidi jew riżorsi oħra ta’ likwidità biex iżżomm l-attivitajiet ta’ negozjar f’każ ta’ fallimenti tas-saldu jew interruzzjoni tas-servizzi fil-kustodji jew fil-korrispondenti tal-flus;

(g)

in-nuqqas ta’ negozjar li jissalda fid-data tas-saldu miftiehma minħabba li l-bejjiegħ ma jikkonsenjax it-titoli jew ix-xerrej ma jikkonsenjax fondi fil-ħin xieraq.

3.   Għad-ditti tal-investiment li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (4), (5) jew (7) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-livell ta’ likwidità li jrid jiġi kopert minn assi likwidi billi jqisu dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-arranġamenti kuntrattwali tad-ditta tal-investiment għat-tariffi riċevuti relatati mal-prestazzjoni tal-portafolli tal-klijenti;

(b)

id-diskrepanza fiż-żmien bejn it-tariffi riċevuti mid-ditta tal-investiment mingħand il-klijenti, u t-tariffi mħallsa mid-ditta tal-investiment lill-fornituri ta’ servizzi speċifikament relatati mal-attivitajiet tagħhom, inklużi analiżi tas-suq, rapporti speċjalizzati, analiżi tal-portafoll ġenerali jew personalizzata, u servizzi ta’ aggregazzjoni;

(c)

meta d-ditta tal-investiment tiddelega l-ġestjoni tal-assi, id-diskrepanza fiż-żmien bejn it-tariffi riċevuti mid-ditta tal-investiment mingħand il-klijenti u t-tariffi mħallsa mid-ditta tal-investiment lill-entità finanzjarja delegata;

(d)

meta entità finanzjarja oħra tkun iddelegat formalment il-ġestjoni tal-assi lid-ditta tal-investiment, id-diskrepanza fiż-żmien bejn it-tariffi riċevuti mid-ditta tal-investiment mill-entità deleganti u l-ispejjeż imħallsa mid-ditta tal-investiment fir-rigward tad-delega;

(e)

arranġamenti kuntrattwali bejn id-ditta tal-investiment u l-aġenti marbuta, inkluż iż-żmien u r-rikorrenza tal-pagamenti lill-aġenti marbuta;

(f)

dewmien fil-ħlas tat-tariffi dovuti mill-klijenti.

4.   Għad-ditti tal-investiment li jwettqu kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (8) jew (9) tat-Taqsima A tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-livell ta’ likwidità li jrid jiġi kopert minn assi likwidi billi jqisu dawn kollha li ġejjin:

(a)

id-diskrepanza fiż-żmien bejn it-tariffi riċevuti mill-klijenti u t-tariffi mħallsa lill-fornituri tas-servizzi;

(b)

dewmien fil-ħlas tat-tariffi dovuti mill-klijenti.

5.   Għad-ditti tal-investiment li jwettqu s-servizz anċillari msemmi fil-punt (2) tat-Taqsima B tal-Anness I tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw il-livell ta’ likwidità li jrid jiġi kopert minn assi likwidi billi jqisu dan kollu li ġej:

(a)

l-ammonti pendenti ta’ krediti u self mogħtija lill-klijenti;

(b)

il-profil tal-likwidità tal-kollaterali u tas-suq u l-limiti legali għal-likwidazzjoni tagħhom;

(c)

l-ammonti pendenti ta’ krediti inadempjenti u self mogħti lill-klijenti.

Artikolu 3

Valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità li jirriżulta mill-finanzjament

Meta jivvalutaw id-disponibbiltà u l-kwalità tas-sorsi ta’ finanzjament ta’ ditta tal-investiment, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw dan kollu li ġej:

(a)

id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ finanzjament eżistenti u l-aċċess għal sorsi ta’ finanzjament ta’ emerġenza rranġati minn qabel;

(b)

jekk tali sorsi ta’ finanzjament humiex garantiti jew le;

(c)

il-munita ta’ tali sorsi ta’ finanzjament;

(d)

l-ammont ta’ assi mhux gravati li jkunu disponibbli biex jinkiseb finanzjament garantit;

(e)

il-maturitajiet differenti ta’ tali sorsi ta’ finanzjament skont l-eqreb data ta’ maturità tagħhom u l-eqreb data li jistgħu jintalbu kuntrattwalment;

(f)

ir-riskju ta’ tfixkil fil-flussi tal-flus ta’ kuljum tad-ditta tal-investiment ikkawżat minn interruzzjoni fil-faċilitajiet ta’ kreditu tad-ditta tal-investiment;

(g)

sorsi oħra ta’ finanzjament impenjati iżda mhux prelevati pprovduti lid-ditta tal-investiment.

Artikolu 4

Valutazzjoni ta’ avvenimenti esterni li jaffettwaw il-likwidità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk il-livell ta’ likwidità ta’ ditta tal-investiment jippermettilhiex tkompli tikkonforma mar-rekwiżit ta’ likwidità tagħha f’kundizzjonijiet makroekonomiċi, mikroekonomiċi u ġeopolitiċi negattivi, filwaqt li jqisu dawn kollha li ġejjin:

(a)

telf parzjali jew totali ta’ kapaċità ta’ finanzjament mhux garantita, inklużi linji ta’ likwidità jew ta’ kreditu impenjati jew mhux impenjati riċevuti;

(b)

telf parzjali jew totali ta’ finanzjament fuq terminu qasir iggarantit;

(c)

obbligu potenzjali ta’ xiri lura tad-dejn jew it-twettiq ta’ obbligi mhux kuntrattwali.

2.   Meta jivvalutaw l-avvenimenti msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw avvenimenti relatati mas-suq, stress speċifiku relatat mas-sitwazzjoni tal-emittenti tal-assi tad-ditta tal-investiment jew relatati mal-fornituri tal-finanzjament tad-ditta tal-investiment, u taħlita ta’ dawn.

3.   Meta d-ditta tal-investiment tkun parti minn grupp, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeterminaw kif il-kundizzjonijiet avversi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jaffettwaw is-sitwazzjoni tal-likwidità tal-grupp kollu kemm hu u l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 8.

Artikolu 5

Valutazzjoni ta’ riskju operazzjonali li jaffettwa l-likwidità

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe wieħed mill-avvenimenti operazzjonali li ġejjin fuq il-likwidità tad-ditta tal-investiment:

(a)

in-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistemi tad-ditta tal-investiment użati għall-aċċess għas-suq jew għas-sorsi ta’ finanzjament;

(b)

interruzzjoni ta’ servizzi ta’ kustodji u korrispondenti ta’ flus kontanti;

(c)

frodi esterni jew interni;

(d)

kumpensi u talbiet relatati ma’ żbalji fl-eżekuzzjoni tal-ordnijiet.

Artikolu 6

Valutazzjoni ta’ riskju reputazzjonali li jaffettwa l-likwidità

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw kif kwalunkwe wieħed mill-avvenimenti li ġejjin relatati ma’ telf ta’ reputazzjoni jista’ jaffettwa r-riskju tal-likwidità tad-ditta tal-investiment:

(a)

l-aċċess għas-suq tad-ditta tal-investiment jitnaqqas;

(b)

is-sorsi ta’ finanzjament tad-ditta tal-investiment jitnaqqsu mill-kontropartijiet tagħha;

(c)

il-kontropartijiet tas-suq inaqqsu l-iskoperturi tagħhom għad-ditta tal-investiment f’operazzjonijiet barra l-Borża.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-ġestjoni tajba u l-kontrolli tar-riskju tal-likwidità

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk ditta tal-investiment għandhiex immaniġġjar tar-riskju robust u sod u kontrolli tar-riżorsi tal-likwidità tagħha fis-seħħ, kif stabbilit fl-Artikoli 24 u 26 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 billi jikkunsidraw l-istrateġiji, il-politiki, il-proċessi u s-sistemi fis-seħħ biex iżommu livelli adegwati ta’ riżorsi likwidi, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(a)

is-sistemi għall-kejl, il-ġestjoni u r-rappurtar tar-riskju tal-likwidità u l-qafas ta’ governanza tad-ditta tal-investiment, inkluża l-adegwatezza tal-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju tagħha;

(b)

kwalunkwe azzjoni ta’ mitigazzjoni, inkluż it-tnaqqis tal-attivitajiet tad-ditta tal-investiment li jeħtieġu flussi kbar ta’ ħruġ ta’ flus, l-istabbiliment tal-linji ta’ kreditu tagħha, iż-żieda fil-kapital tagħha fi flus kontanti u l-użu tagħha ta’ assi bħala kollateral fi tranżazzjonijiet repo;

(c)

ir-robustezza tal-pjan ta’ rkupru tad-ditta tal-investiment, fejn japplika l-obbligu li jitfassal u jinżamm pjan ta’ rkupru skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-istruttura tal-grupp rilevanti għar-riskju tal-likwidità

1.   Meta ditta tal-investiment tkun parti minn grupp, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw ir-riskju maħluq minn konċentrazzjoni eċċessiva ta’ riżorsi ta’ likwidità fost l-entitajiet tal-grupp.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk hemmx mekkaniżmi fis-seħħ li jitolbu lil ditta tal-investiment tittrasferixxi parti mir-riżorsi ta’ likwidità tagħha jew ir-riżorsi kollha ta’ likwidità tagħha lil kwalunkwe impriża prinċipali jew lil kwalunkwe entità oħra tal-grupp.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw il-mekkaniżmi użati fil-grupp biex jipprovdu lid-ditta tal-investiment b’aċċess għas-suq jew għal-likwidità tal-finanzjament jew biex jimmitigaw ir-riskju tal-likwidità tad-ditta tal-investiment, u b’mod partikolari, l-effettività ta’ tali mekkaniżmi, abbażi ta’ jekk dawk il-mekkaniżmi humiex ftehimiet formali miftiehma minn qabel.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).