17.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 204/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1637

tas-16 ta’ Awwissu 2023

li jniedi investigazzjoni rigward il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri kumpensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2092 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja permezz ta’ importazzjonijiet ta’ bijodiżil ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikoli 23(4) u 24(5) tiegħu,

Wara li infurmat lill-Istati Membri,

Billi:

A.   TALBA

(1)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba skont l-Artikoli 23(4) u 24(5) tar-Regolament bażiku, biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri kompensatorji imposti fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja, u biex tagħmel l-importazzjonijiet ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) u mir-Renju Unit (“UK”), kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit kif ukoll jekk le, soġġetti għar-reġistrazzjoni.

(2)

It-talba ġiet ippreżentata fl-4 ta’ Lulju 2023 mill-Bord Ewropew tal-Bijodiżil.

B.   PRODOTT

(3)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli huwa esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, f’forma pura jew inklużi f’taħlita, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2092 (2) taħt il-kodiċijiet NM ex 1516 20 98 (il-kodiċijiet TARIC 1516209821, 1516209829 u 1516209830), ex 1518 00 91 (il-kodiċijiet TARIC 1518009121, 1518009129 u 1518009130), ex 1518 00 95 (il-kodiċi TARIC 1518009510), ex 1518 00 99 (il-kodiċijiet TARIC 1518009921, 1518009929 u 1518009930), ex 2710 19 43 (il-kodiċijiet TARIC 2710194321, 2710194329 u 2710194330), ex 2710 19 46 (il-kodiċijiet TARIC 2710194621, 2710194629 u 2710194630), ex 2710 19 47 (il-kodiċijiet TARIC 2710194721, 2710194729 u 2710194730), 2710 20 11, 2710 20 15, 2710 20 17, ex 3824 99 92 (il-kodiċijiet TARIC 3824999210, 3824999212 u 3824999220), 3826 00 10 u ex 3826 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 3826009011, 3826009019 u 3826009030) u li joriġinaw mill-Indoneżja (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li l-miżuri fis-seħħ bħalissa japplikaw għalih.

(4)

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak iddefinit fil-premessa ta’ qabel, li bħalissa jidħol taħt il-kodiċijiet CN codes ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 95, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, 2710 20 11, 2710 20 16, ex 3824 99 92, 3826 00 10 u ex 3826 00 90, iżda kkonsenjat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit, kemm jekk iddikjarat li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 1516209822, 1516209823, 1516209831, 1516209832, 1518009122, 1518009123, 1518009131, 1518009132, 1518009510, 1518009511, 1518009922, 1518009923, 1518009931, 1518009932, 2710194322, 2710194323, 2710194331, 2710194332, 2710194622, 2710194623, 2710194631, 2710194632, 2710194722, 2710194723, 2710194731, 2710194732, 2710201122, 2710201123, 2710201131, 2710201132, 2710201622, 2710201623, 2710201631, 2710201632, 2710201691, 2710201692, 3824999211, 3824999213, 3824999215, 3824999216, 3826001021, 3826001022, 3826001051, 3826001052, 3826001090, 3826001091, 3826009012, 3826009013, 3826009031 u 3826009032) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

C.   MIŻURI EŻISTENTI

(5)

Il-miżuri li huma fis-seħħ attwalment u li possibbilment qed ikun hemm ċirkomvenzjoni tagħhom huma miżuri kumpensatorji imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2092 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja(“il-miżuri eżistenti”).

D.   RAĠUNIJIET

(6)

It-talba fiha provi biżżejjed li qiegħed ikun hemm ċirkomvenzjoni tal-miżuri kompensatorji eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat. B’mod partikolari, il-provi li għandha l-Kummissjoni juru dan li ġej.

(7)

Kien hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mill-Indoneżja u mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit lejn l-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri kompensatorji eżistenti.

(8)

Din il-bidla tidher li ġejja minn prattika li ma hemmx motivazzjoni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għaliha għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jiġifieri l-konsenja tal-prodott ikkonċernat li jgħaddi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit lejn l-Unjoni.

(9)

Aktar minn hekk, l-evidenza turi li minħabba l-prattiki deskritti hawn fuq l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri kompensatorji eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat qed jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet. Jidher li daħlu volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, hemm provi biżżejjed li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat qed isiru bi prezzijiet dannużi.

(10)

Fl-aħħar nett, il-provi għandhom it-tendenza li juru li l-prodott investigat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju. Tabilħaqq, il-prodott investigat u l-partijiet tiegħu huma prodotti u esportati lejn ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Renju Unit minn kumpaniji fl-Indoneżja li nstab li jirċievu sussidji kumpensabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott investigat taħt il-miżuri eżistenti.

(11)

Fl-eventwalità li prattiki ta’ ċirkomvenzjoni koperti mill-Artikolu 23 tar-Regolament bażiku, għajr dawk imsemmijin hawn fuq, jiġu identifikati matul l-investigazzjoni, l-investigazzjoni tista’ tkopri dawn il-prattiki wkoll.

E.   PROĊEDURA

(12)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li jeżistu provi biżżejjed biex jiġġustifikaw il-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament bażiku u biex l-importazzjonijiet tal-prodott investigat isiru soġġetti għal reġistrazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku.

(13)

Sabiex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa għal din l-investigazzjoni, jenħtieġ li l-partijiet interessati kollha jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, iżda mhux aktar tard mil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament japplika għall-partijiet interessati kollha. Jekk ikun meħtieġ, tista’ wkoll tintalab informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(14)

L-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, tar-Renju Unit u tal-Indoneżja se jiġu notifikati meta tibda din l-investigazzjoni.

(a)   Struzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

(15)

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Qabel ma jippreżentaw informazzjoni u/jew id-data lill-Kummissjoni li tkun soġġetta għal drittijiet tal-awtur ta’ terzi, il-partijiet interessati jridu jitolbu permess speċifiku mingħand id-detentur tad-drittijiet tal-awtur li jippermetti espliċitament a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-data għall-fini ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tingħata l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’forma li tippermetti li jeżerċitaw id-dritt tad-difiża tagħhom.

(16)

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan ir-Regolament, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati bħala “Sensitive” (3). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġunijiet għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

(17)

Il-partijiet li jagħtu informazzjoni mmarkata “Sensitive” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku li jiġu mmarkati “For inspection by interested parties”. Jenħtieġ li dawn it-taqsiriet ikunu ddettaljati biżżejjed biex jippermettu li s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli.

(18)

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġunijiet ġusti għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

(19)

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://webgate.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi talbiet biex jiġu rreġistrati bħala partijiet interessati, dokumenti skenjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni.

(20)

Sabiex ikollhom aċċess għal TRON.tdi, il-partijiet interessati jeħtieġ ikollhom kont tal-EU Login. L-istruzzjonijiet kollha dwar kif wieħed jirreġistra u juża TRON.tdi jinsabu hawnhekk:https://webgate.ec.europa.eu/tron/resources/documents/gettingStarted.pdf.

Meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu li jaqblu mar-regoli applikabbli għall-preżentazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: https://europa.eu/!7tHpY3.

(21)

Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz tal-posta elettronika validu u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz tal-posta elettronika li jipprovdu jkun indirizz tal-posta elettronika tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmijin hawn fuq.

(22)

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate G

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://webgate.ec.europa.eu/tron/tdi

Posta elettronika:

Għal kwistjonijiet ġenerali jew relatati mar-RPĊ: TRADE-R800-BIODIESEL-CN@ec.europa.eu

Għal kwistjonijiet ġenerali jew relatati mar-Renju Unit: TRADE-R800-BIODIESEL-UK@ec.europa.eu

(b)   Ġbir ta’ informazzjoni u seduti ta’ smigħ

(23)

Il-partijiet interessati kollha inkluż l-industrija tal-Unjoni, l-importaturi u kull assoċjazzjoni rilevanti huma mistiedna jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dment li dawn il-preżentazzjonijiet isiru sal-iskadenza prevista fl-Artikolu 3(2). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, dment li jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu.

(c)   Talbiet għal eżenzjonijiet

(24)

F’konformità mal-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat jistgħu jiġu eżentati mill-miżuri jekk l-importazzjoni ma tkunx tikkostitwixxi ċirkomvenzjoni.

(25)

Peress li ċ-ċirkomvenzjoni possibbli sseħħ barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet, skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi tal-prodott investigat fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Renju Unit li jistgħu juru li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni kif definit fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament bażiku. Jekk ikun hemm produtturi li jixtiequ jiksbu eżenzjoni, jenħtieġ li dawn jippreżentaw ruħhom sal-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament. Kopji tal-kwestjonarju tal-formola tat-talba għal eżenzjoni għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Renju Unit u l-kwestjonarji għall-importaturi fl-UE huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2678. Il-kwestjonarji jridu jiġu ppreżentati fil-limitu ta’ żmien indikat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

F.   REĠISTRAZZJONI

(26)

Skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat għandhom ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni sabiex ikun żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta li jkun hemm ċirkomvenzjoni, ikun jista’ jiġi impost ammont xieraq ta’ dazji kompensatorji, li ma jaqbiżx id-dazju residwu impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2092, mid-data li fiha tkun ġiet imposta r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet.

G.   PERJODI TAŻ-ŻMIEN

(27)

Sabiex ikun hemm amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li jiġu ddikjarati l-limiti ta’ żmien li fihom:

il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-kwestjonarji, jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub jew kwalunkwe informazzjoni oħra li trid tiġi kkunsidrata matul l-investigazzjoni,

il-produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Renju Unit jistgħu jitolbu eżenzjonijiet mill-miżuri,

il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(28)

Ta’ min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tħaddim tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-partijiet jippreżentaw ruħhom fil-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

H.   NUQQAS TA’ KOOPERAZZJONI

(29)

Jekk xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konstatazzjonijiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

(30)

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun ipprovdiet informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni ma għandhiex titqies u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

(31)

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u, għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

I.   SKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

(32)

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa’ xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

J.   PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(33)

Ta’ min jinnota li kull data personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(34)

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://europa.eu/!vr4g9W

K.   UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

(35)

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għall-proċedimenti kummerċjali. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim fir-rigward tal-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati u tal-partijiet terzi li jaf tfeġġ matul il-proċediment.

(36)

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Jenħtieġ li dawn is-seduti jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

(37)

Kwalunkwe talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u f’qasir żmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta malajr kemm jista’ jkun wara li jseħħ l-avveniment li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għaliex dawn it-talbiet ikunu saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li debitament iqis l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni.

(38)

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fis-sit web tad-DĠ KUMMERĊ: https://policy.trade.ec.europa.eu/contacts/hearing-officer_en,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Qed tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 23(4) tar-Regolament (UE) 2016/1037, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux fossili, f’forma pura jew inklużi f’taħlita, ikklassifikati taħt il-kodiċijiet NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 95, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, 2710 20 11, 2710 20 16, ex 3824 99 92, 3826 00 10 u ex 3826 00 90, ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Renju Unit kif ukoll jekk le (il-kodiċijiet TARIC 1516209822, 1516209823, 1516209831, 1516209832, 1518009122, 1518009123, 1518009131, 1518009132, 1518009510, 1518009511, 1518009922, 1518009923, 1518009931, 1518009932, 2710194322, 2710194323, 2710194331, 2710194332, 2710194622, 2710194623, 2710194631, 2710194632, 2710194722, 2710194723, 2710194731, 2710194732, 2710201122, 2710201123, 2710201131, 2710201132, 2710201622, 2710201623, 2710201631, 2710201632, 2710201691, 2710201692, 3824999211, 3824999213, 3824999215, 3824999216, 3826001021, 3826001022, 3826001051, 3826001052, 3826001090, 3826001091, 3826009012, 3826009013, 3826009031 u 3826009032) humiex qed jevitaw il-miżuri imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2092.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 23(4) u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2016/1037, jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1.   Il-partijiet interessati jridu jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

2.   Biex ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom jiġu kkunsidrati waqt l-investigazzjoni, il-partijiet interessati jridu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jibagħtu t-tweġibiet għall-kwestjonarju, talbiet għal eżenzjonijiet, jew kwalunkwe informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

3.   Il-partijiet interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum. Għas-seduti dwar l-istadju tal-bidu tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Kull talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2092 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Indoneżja (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 42).

(3)  Dokument immarkat “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens (il-Ftehim dwar l-SCM). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).