8.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1606

tat-30 ta’ Mejju 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/33 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għall-inbid u dwar il-preżentazzjoni ta’ dettalji obbligatorji għall-prodotti tad-dwieli u regoli speċifiċi għall-indikazzjoni u għad-denominazzjoni ta’ ingredjenti għall-prodotti tad-dwieli, u r-Regolament Delegat (UE) 2018/273 fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti tal-inbid importati

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89, l-Artikolu 109(3), il-punt (b) u l-Artikolu 122 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) emenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Fil-kuntest ta’ dik l-emenda, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 10, 12, 14, 15, 20 u 22 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (3) iddaħħlu fl-Artikolu 96(5) u (6), fl-Artikolu 97(2), fl-Artikolu 98(2), (3), (4) u (5), U l-Artikoli 105, 106 u 106a tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(3)

B’mod partikolari, l-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 ma għadux utli peress li jistabbilixxi proċedura speċifika għall-approvazzjoni ta’ emendi tal-Unjoni għal Speċifikazzjoni ta’ Prodott — li tippermetti l-approvazzjonijiet tagħhom mingħajr vot tal-Kumitat f’każ li ma tiġi ppreżentata l-ebda oppożizzjoni kontra dik l-emenda wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea — li issa saret il-proċedura standard għar-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew ta’ indikazzjoni ġeografika protetta skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, iżda wkoll għall-approvazzjoni tal-emendi tal-Unjoni għall-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott skont l-Artikolu 105(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u faċilità tal-użu għall-operaturi, l-Artikoli 6, 10, 12, 14, 15, 20 u 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jenħtieġ li jitħassru u jenħtieġ li r-referenzi għal dawk l-Artikoli jinbidlu.

(5)

Wara ż-żieda ta’ paragrafu 3 ġdid fl-Artikolu 97 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 bir-Regolament (UE) 2021/2117, il-paragrafu 3 eżistenti ta’ dak l-Artikolu sar il-paragrafu 4. Wara ż-żieda ta’ punti ġodda, il-punti (a)(iii) u (b)(iii) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 saru l-punti (a)(iv) u (b)(iv) ta’ dak l-Artikolu rispettivament. Ir-referenzi fl-Artikolu 5(1), (2) u (3) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 għall-punti (a)(iii) u (b)(iii) tal-Artikolu 93(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-referenzi fil-punt (c)(iii) tal-Artikolu 11(1) u fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 għall-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jenħtieġ li jiġu aġġustati kif xieraq.

(6)

L-Anness III, it-Taqsima B, il-punt 3, it-tieni paragrafu tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (4) jipprevedi li fir-rigward tal-inbejjed likuri bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Condado de Huelva”, “Malaga” u “Jerez-Xérès-Sherry”, il-most ta’ għeneb imqadded li miegħu jkun ġie miżjud alkoħol newtrali li joriġina mid-dwieli biex tiġi evitata l-fermentazzjoni, miksub mill-varjetà ta’ dwieli Pedro Ximénez, jista’ jiġi mir-reġjun “Montilla-Moriles”. Madankollu, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 attwalment jiddikjara li din id-deroga tapplika biss għall-inbejjed likuri bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Malaga” u “Jerez-Xérès-Sherry”. Biex tiġi żgurata l-konsistenza mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934 u mal-ispeċifikazzjonijiet tal-inbejjed likuri li għandhom id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Condado de Huelva”, huwa meħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 u li jiġi ċċarat li d-deroga dwar il-provenjenza tal-most ta’ għeneb imqadded li miegħu jkun żdied alkoħol newtrali ta’ oriġini mid-dwieli biex tiġi evitata l-fermentazzjoni tapplika wkoll għall-inbejjed likuri bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Condado de Huelva”.

(7)

Għall-prodotti tad-dwieli kollha li għaddew minn trattament ta’ dealkoħolizzazzjoni u li għandhom qawwa alkoħolika proprja skont il-volum ta’ inqas minn 10 %, ir-Regolament (UE) 2021/2117 introduċa d-data tad-durabbiltà minima bħala obbligatorja, b’mod partikolari fl-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Madankollu, f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li huma applikabbli għall-oġġetti tal-ikel kollha, huwa xieraq li jiġi stabbilit li d-data ta’ durabbiltà minima, kull meta tkun tidher fuq il-kontenitur, ma hemmx bżonn li tidher fl-istess kamp viżiv kif meħtieġ għal dettalji obbligatorji oħra msemmija fl-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2021/2117 żied ukoll il-lista ta’ ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni skont l-Artikolu 9(1), il-punti (b) u (l), rispettivament, tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, mal-lista ta’ dettalji obbligatorji stabbilita fl-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Ir-Regolament (UE) 2021/2117, billi emenda l-Artikolu 122 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ta wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta regoli speċifiċi dwar l-indikazzjoni u d-denominazzjoni ta’ ingredjenti għall-applikazzjoni tar-rekwiżit il-ġdid stabbilit fl-Artikolu 119(1), il-punt (i), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu previsti r-regoli meħtieġa biex jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-prodotti tad-dwieli u l-proċessi speċifiċi u ż-żmien tal-produzzjoni tagħhom, filwaqt li l-konsumaturi jingħataw informazzjoni komprensiva u akkurata. Dawn ir-regoli jenħtieġ li japplikaw meta tiġi pprovduta l-lista ta’ ingredjenti fuq it-tikketta tal-inbid, iżda wkoll meta l-lista ta’ ingredjenti tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi identifikati fuq il-pakkett jew fuq tikketta mehmuża miegħu, f’konformità mal-Artikolu 119(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(9)

L-Artikolu 119(5), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 9, il-paragrafu 1, il-punt (c) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, jistabbilixxi li, meta l-lista ta’ ingredjenti tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi, l-indikazzjoni tas-sustanzi li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi għandha tidher direttament fuq il-pakkett jew fuq tikketta mwaħħla miegħu. Għal raġunijiet ta’ konsistenza mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, li diġà japplikaw għall-inbid, huwa xieraq li d-deroga prevista fl-Artikolu 40(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 li tippermetti li jiġu indikati dawk is-sustanzi barra mill-istess linji viżivi tkompli tapplika f’dawk il-każijiet. Madankollu, meta l-lista ta’ ingredjenti tiġi ppreżentata fuq il-pakkett jew fuq tikketta mwaħħla miegħu, għandha tidher fl-istess linji viżivi fuq il-kontenitur u s-sustanzi allerġeniċi jridu jiġu indikati f’din il-lista, f’konformità mal-Artikolu 21(1)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(10)

Peress li l-prodotti tad-dwieli dejjem jiġu prodotti mill-għeneb, huwa xieraq li jkun permess l-użu ta’ terminu wieħed biex tiġi indikata l-materja prima bażika fil-lista ta’ ingredjenti, irrispettivament minn jekk min jagħsar l-għeneb ikunx uża għeneb frisk jew most tal-għeneb. Fil-fatt, l-użu konsistenti tat-terminu “għeneb” fil-lista ta’ ingredjenti għall-prodotti tad-dwieli jippermetti informazzjoni armonizzata, li tinftiehem, u ċara għall-konsumaturi.

(11)

Is-sustanzi awtorizzati skont id-dritt tal-Unjoni għal finijiet enoloġiċi differenti bħall-arrikkiment u t-taħlil, inkluż is-sukrożju, il-most tal-għeneb ikkonċentrat u l-most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat huma ingredjenti u għalhekk parti mil-lista ta’ ingredjenti. Sabiex jiġi ffaċilitat il-fehim tal-konsumaturi u l-ġestjoni minn min jagħsar l-għeneb tal-elenkar ta’ sustanzi bbażati fuq il-most tal-għeneb, huwa xieraq li jiġi permess l-użu tat-terminu “most tal-għeneb ikkonċentrat” biex jiġu denominati kemm il-most tal-għeneb ikkonċentrat kif ukoll il-most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat.

(12)

Minbarra l-indikazzjoni tal-għeneb, sustanzi ta’ taħlil u ta’ arrikkiment, u possibbilment likur zokkri u likur tad-dożaġġ, jenħtieġ li l-lista ta’ ingredjenti titlesta b’indikazzjoni tal-addittivi użati fil-produzzjoni ta’ prodotti tad-dwieli, kif ukoll l-għajnuniet għall-ipproċessar li jistgħu jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi. Huwa xieraq li jiġi speċifikat li l-lista sħiħa ta’ dawn il-komposti enoloġiċi li jistgħu jkunu fil-lista ta’ ingredjenti jkunu dawk imsemmija fl-Anness I, il-Parti A, it-Tabella 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, li fih ukoll it-termini biex dawn jiġu denominati u n-numri E li jistgħu jintużaw bħala alternattivi biex jippreżentawhom bħala ingredjenti.

(13)

L-inbid huwa prodott li jibqa’ bijokimikament attiv, u l-karatteristiċi intrinsiċi tiegħu jistgħu jvarjaw ħafna tul il-ħajja kollha tiegħu, anki fl-istess lott. L-għeneb użat għall-produzzjoni ta’ nbid wieħed huwa differenti, minħabba fatturi bħall-maturità tal-frott, il-kundizzjonijiet tal-ħsad, jew il-ħamrija u t-temp lokali. Il-kundizzjonijiet esterni matul il-vinifikazzjoni u l-maturazzjoni qabel l-ibbottiljar, fi btieti jew f’kontenituri speċjali oħra, jinfluwenzaw ukoll il-prodott finali. L-addittivi jintużaw f’diversi stadji tal-produzzjoni, mill-ewwel fermentazzjoni sal-ibbottiljar; għal ċerti funzjonijiet enoloġiċi, l-aktar addittivi xierqa jistgħu jvarjaw minħabba l-interazzjoni bejn il-karatteristiċi tal-inbid u l-fatturi esterni, u l-ħtieġa frekwenti li jitħalltu nbejjed differenti. Id-Deċiżjoni li jintużaw ċerti addittivi spiss tittieħed fuq il-post mill-enoloġisti responsabbli abbażi ta’ analiżi ad hoc imwettqa f’mumenti differenti tal-produzzjoni biex tiġi żgurata l-integrità tal-inbid (eż. dwar l-aċidità, il-freskezza) u l-istabbiltà tiegħu. Deċiżjoni bħal din ħafna drabi tittieħed tard fil-proċess, meta t-tikketti jkunu diġà stampati. Barra minn hekk, ħafna drabi tkun meħtieġa flessibbiltà tal-aħħar minuta biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tal-inbid, skont id-destinazzjoni finali u x-xerrejja tal-inbid. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ għall-addittivi li jaqgħu taħt il-kategoriji “regolaturi tal-aċidità” u “aġenti stabbilizzanti”. F’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, sabiex tkun permessa l-flessibbiltà meħtieġa għal finijiet enoloġiċi, ta’ tikkettar u kummerċjali, filwaqt li jiġi żgurat l-għoti meħtieġ ta’ informazzjoni suffiċjenti lill-konsumaturi, u filwaqt li jitqies l-ammont limitat ta’ komposti enoloġiċi awtorizzati, li huma strettament regolati mir-Regolament Delegat (UE) 2019/934, huwa xieraq li l-operaturi jitħallew jippreżentaw, fil-lista ta’ ingredjenti, ir-“regolaturi tal-aċidità” u l-“aġenti stabbilizzanti” permezz ta’ mhux aktar minn tliet ingredjenti alternattivi, fejn ikunu simili jew reċiprokament sostitwibbli fil-funzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li mill-inqas wieħed minn dawk l-addittivi jkun preżenti fil-prodott finali.

(14)

L-Artikolu 41 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 jipprevedi t-termini li għandhom jintużaw għat-tikkettar ta’ ċerti sustanzi jew prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi, kif imsemmi fl-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, dwar is-sulfiti, il-bajd u l-prodotti bbażati fuq il-bajd u l-ħalib u l-prodotti bbażati fuq il-ħalib. Jenħtieġ li dawk it-termini jkomplu jintużaw, anke fil-lista ta’ ingredjenti meta jiġu ppreżentati fuq il-pakkett jew fuq tikketta, għal raġunijiet ta’ konsistenza u filwaqt li jitqies li l-konsumaturi huma familjari magħhom.

(15)

Ċerti addittivi użati bħala gassijiet tal-ippakkjar (id-diossidu tal-karbonju, l-argon u n-nitroġenu) għandhom bħala objettiv ewlieni l-ispostament tal-ossiġenu matul l-ibbottiljar tal-prodotti tad-dwieli, iżda ma jsirux parti mill-prodott li jiġi kkunsmat. Barra minn hekk, hija wkoll speċifiċità tas-suq tal-inbid li dawn il-gassijiet xi drabi jiġu deċiżi fuq bażi ad hoc fil-mument tal-ibbottiljar wara li jkunu ġew prodotti t-tikketti, skont fatturi kummerċjali bħas-suq tad-destinazzjoni, il-mezzi tat-trasport jew il-ħtiġijiet tax-xerrejja. Għalhekk, jidher xieraq li l-operaturi jitħallew jissostitwixxu l-elenkar tal-gassijiet tal-imballaġġ b’partikolarità speċifika li tiddeskrivi l-funzjoni tagħhom billi jużaw id-dikjarazzjoni “Ibbottiljat f’atmosfera protettiva” jew “L-ibbottiljar jista’ jseħħ f’atmosfera protettiva”.

(16)

Ċerti prattiki enoloġiċi għall-produzzjoni ta’ nbejjed frizzanti jikkonsistu miż-żieda ta’ “likur zokkri” mal-cuvée, biex tiġi pprovokata l-fermentazzjoni sekondarja, u ż-żieda ta’ “likur tad-dożaġġ” biex dawk l-inbejjed jingħataw il-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi tagħhom. Il-kostitwenti possibbli kollha kemm tal-likur zokkri kif ukoll tal-likur tad-dożaġġ huma regolati fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, u jikkonsistu minn sukrożju, most tal-għeneb, most tal-għeneb ikkonċentrat u/jew inbid, iżda dawn ma jintużawx għat-taħlil jew għall-arrikkiment. Minħabba l-funzjonijiet enoloġiċi speċifiċi ħafna tagħhom, l-indikazzjoni sempliċi tal-komponenti individwali tal-likur zokkri u l-likur tad-dożaġġ flimkien mal-ingredjenti l-oħrajn jistgħu jkunu qarrieqa għall-konsumaturi, sakemm ma jkunux miġbura taħt it-termini speċifiċi rilevanti. Għalhekk, jenħtieġ li fil-lista ta’ ingredjenti jkun permess li jintwerew it-termini “likur zokkri” u “likur tad-dożaġġ”, jew waħedhom jew akkumpanjati minn lista tal-kostitwenti proprji tagħhom.

(17)

Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33 speċifiċi għar-Renju Unit, bħall-Artikolu 45(3) jew l-Artikolu 51, ir-raba’ paragrafu, saru obsoleti peress li dak il-pajjiż ma għadux Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jitħassru.

(18)

F’konformità mal-Artikolu 57(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33, il-kisi bil-fojl tal-irbit tal-flixkun tal-inbid frizzanti ġeneralment huwa riżervat bħala karatteristika distintiva obbligatorja tal-inbejjed frizzanti, tal-inbejjed frizzanti ta’ kwalità u tal-inbejjed frizzanti aromatiċi ta’ kwalità. Għalhekk, jenħtieġ li l-użu tal-fojl ikompli jiġi riżervat bħala karatteristika distintiva għal dawn l-inbejjed, bl-eċċezzjonijiet definiti fl-Artikolu 57(2) ta’ dak ir-Regolament Delegat. Madankollu, il-produtturi u l-bottiljaturi jenħtieġ li jkunu liberi li ma jużawx il-fojl għal raġunijiet operazzjonali bħall-iffrankar tal-kostijiet, l-evitar tal-iskart jew it-titjib tal-kummerċjalizzazzjoni, dment li jkun żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ sikurezza għall-prodott ikkawżat mill-manipulazzjoni jew il-ftuħ mhux intenzjonat tal-qfil.

(19)

L-Anness III, il-Parti B, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/33, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-użu tat-termini msemmija fl-Artikolu 52(1) ta’ dak ir-Regolament Delegat li għandhom jintużaw għal prodotti oħrajn għajr dawk elenkati fil-Parti A, jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġu ċċarati b’mod ulterjuri l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ dawk it-termini.

(20)

Il-lista ta’ ingredjenti u d-dikjarazzjoni dwar in-nutrizzjoni, bħala dettalji obbligatorji, isiru parti integrali mid-“deskrizzjoni tal-prodott” fid-dokumenti ta’ akkumpanjament imsemmija fl-Artikolu 10 f’konformità mar-rekwiżiti għall-użu tad-dokumenti ta’ akkumpanjament, dwar id-deskrizzjoni tal-prodott, kif stabbilit fl-Anness V, it-taqsima A, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (6), mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti, u għandhom japplikaw kemm għall-inbid ittrasportat bl-ingrossa kif ukoll għall-prodotti tal-inbid imballati bit-tikketta. Min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li l-inbid importat fl-Unjoni jkun ittikkettat f’konformità mar-regoli tal-Unjoni, ir-rekwiżiti għad-dokument VI-1 u għall-estratti VI-2 stabbiliti fl-Anness VII ta’ dak ir-Regolament Delegat jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġi żgurat li l-lista ta’ ingredjenti tkun parti integrali mid-deskrizzjoni tal-prodott importat.

(21)

Għalhekk, ir-Regolamenti Delegati (UE) 2019/33 u (UE) 2018/273 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(22)

F’konformità mal-Artikolu 6, il-ħames subparagrafu tar-Regolament (UE) 2021/2117, l-obbligu li jiġu elenkati l-ingredjenti u li tiġi indikata d-data tad-durabbiltà minima tal-prodotti tad-dwieli parzjalment dealkoħolizzati u dealkoħolizzati b’qawwa alkoħolika proprja skont il-volum ta’ inqas minn 10 % għandu japplika mit-8 ta’ Diċembru 2023. Konsegwentement, l-emendi relatati ma’ dawk l-obbligi jenħtieġ li japplikaw minn dik l-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2019/33

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/33 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

Derogi dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata

1.   B’deroga mill-Artikolu 93(1), il-punti (a)(iv) u (b)(iv) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u bil-kundizzjoni li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tipprovdi hekk, prodott b’denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta jista’ jsir inbid fi kwalunkwe wieħed mill-postijiet li ġejjin:

(a)

f’żona fil-viċinanza immedjata taż-żona demarkata inkwistjoni;

(b)

f’żona li tinsab fl-istess unità amministrattiva jew fi ħdan unità amministrattiva ġara, f’konformità mar-regoli nazzjonali;

(c)

fil-każ ta’ denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika transfruntiera, jew fejn ikun jeżisti qbil dwar il-miżuri ta’ kontroll bejn żewġ Stati Membri jew aktar, jew bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar, f’żona li tinsab fil-prossimità immedjata taż-żona demarkata inkwistjoni.

2.   B’deroga mill-Artikolu 93(1), il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u bil-kundizzjoni li l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tipprovdi hekk, prodott jista’ jsir inbid frizzanti jew inbid semifrizzanti b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta li ma hijiex qrib ħafna taż-żona demarkata inkwistjoni jekk din il-prattika kienet tintuża qabel l-1 ta’ Marzu 1986.

3.   B’deroga mill-Artikolu 93(1), il-punt (a)(iv), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fir-rigward ta’ nbejjed likur bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta ‘Condado de Huelva’, ‘Málaga’ u ‘Jerez-Xérès-Sherry’, il-most tal-għeneb imqadded li miegħu ikun żdied alkoħol newtrali li ġej mid-dwieli biex tiġi evitata l-fermentazzjoni, miksub minn varjetà ta’ dwieli Pedro Ximénez, jista’ jiġi mir-reġjun ‘Montilla-Moriles’.”

;

(2)

L-Artikolu 6 tħassar;

(3)

L-Artikolu 10 tħassar;

(4)

fl-Artikolu 11(1), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), il-punt (iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

ir-reġistrazzjoni tal-isem propost tkun tipperikola d-drittijiet ta’ detentur ta’ trademark jew ta’ utent ta’ isem kompletament omonimu, jew ta’ isem kompost, fejn wieħed mit-termini tiegħu ikun identiku għall-isem li jkun se jiġi rreġistrat, jew l-eżistenza ta’ ismijiet parzjalment omonimi jew ta’ ismijiet oħrajn li jkunu simili għall-isem li jkun se jiġi rreġistrat, li jkunu jirreferu għal prodotti tad-dwieli li jkunu ilhom legalment fis-suq mill-inqas 5 snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”;

(5)

L-Artikolu 12 jitħassar;

(6)

fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

ta’ ismijiet parzjalment omonimi jew ta’ ismijiet oħrajn li jkunu simili għall-isem li jkun se jiġi rreġistrat, li jkunu jirreferu għal prodotti tad-dwieli u li jkunu ilhom legalment fis-suq għal mill-inqas 5 snin qabel id-data tal-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”;

(7)

L-Artikolu 14 jitħassar;

(8)

L-Artikolu 15 jitħassar;

(9)

fl-Artikolu 17(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-applikazzjoni għal emenda standard għandha tipprovdi deskrizzjoni tal-emendi standard, tagħti sommarju tar-raġunijiet għalfejn l-emendi huma meħtieġa, u turi li l-emendi proposti jikkwalifikaw bħala standard f’konformità mal-Artikolu 105(2), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.”;

(10)

L-Artikolu 20 jitħassar;

(11)

L-Artikolu 22 jitħassar;

(12)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, id-dettalji obbligatorji li ġejjin jistgħu jidhru barra mill-kamp viżiv imsemmi f’dak il-paragrafu:

(a)

is-sustanzi jew il-prodotti li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi msemmija fl-Artikolu 9(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, meta l-lista ta’ ingredjenti tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi;

(b)

l-indikazzjoni tal-importatur;

(c)

in-numru tal-lott; u

(d)

d-data ta’ durabbiltà minima.”

;

(13)

fl-Artikolu 45, il-paragrafu 3 jitħassar;

(14)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 48a

Lista ta’ ingredjenti

1.   It-terminu ‘għeneb’ jista’ jintuża biex jissostitwixxi l-indikazzjoni tal-għeneb u/jew il-most tal-għeneb li jintuża bħala materja prima għall-produzzjoni tal-prodotti tad-dwieli.

2.   It-terminu ‘most tal-għeneb ikkonċentrat’ jista’ jintuża biex jissostitwixxi l-indikazzjoni tal-most tal-għeneb ikkonċentrat u/jew most tal-għeneb ikkonċentrat rettifikat li jintuża għall-produzzjoni ta’ prodotti tad-dwieli.

3.   Il-komposti enoloġiċi, il-kategoriji, l-ismijiet u n-numri E li jridu jintużaw fil-lista tal-ingredjenti huma stabbiliti fl-fl-Anness I, il-Parti A, it-Tabella 2, tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-Regolament, it-termini li għandhom jintużaw biex jindikaw il-komposti enoloġiċi li jikkawżaw allerġiji jew intolleranzi fil-lista ta’ ingredjenti, huma stabbiliti fil-kolonna 1 tat-Tabella 2 tal-Parti A tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934.

5.   Addittivi taħt il-kategoriji “regolaturi tal-aċidità” u “aġenti stabbilizzaturi” li huma simili jew reċiprokament sostitwibbli, jistgħu jiġu indikati fil-lista ta’ ingredjenti bl-użu tal-espressjoni “fih... u/jew”, segwita minn mhux aktar minn tliet addittivi, fejn mill-inqas wieħed minn dawn ikun preżenti fil-prodott finali.

6.   L-indikazzjoni tal-addittivi li jaqgħu taħt il-kategorija ‘gassijiet tal-ippakkjar’ fil-lista ta’ ingredjenti tista’ tiġi sostitwita bid-dettall speċifiku ‘Ibbottiljat f’atmosfera protettiva’ jew ‘L-ibbottiljar jista’ jseħħ f’atmosfera protettiva’.

7.   Iż-żieda tal-likur zokkri u tal-likur tad-dożaġġ mal-prodotti tad-dwieli tista’ tiġi indikata mid-dettalji speċifiċi ‘likur zokkri’ u ‘likur tad-dożaġġ’, waħedhom jew akkumpanjati, fil-parentesi, minn lista tal-kostitwenti tagħhom, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934.”

;

(15)

fl-Artikolu 51, ir-raba’ paragrafu jitħassar;

(16)

fl-Artikolu 57(1) jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-produtturi tal-inbid frizzanti, tal-inbid frizzanti ta’ kwalità u tal-inbid frizzanti aromatiku ta’ kwalità jistgħu jiddeċiedu li ma jiksux l-irbit bil-fojl.”;

(17)

fl-Artikolu 58, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jagħmlu obbligatorju, jipprojbixxu jew jillimitaw l-użu tad-dettalji u tar-regoli tal-preżentazzjoni msemmija fl-Artikoli 49, 50, 52, 53 u 55, u fl-Artikolu 57(1), it-tielet subparagrafu, ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/34 (*1) għal prodotti tad-dwieli li jkollhom denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika protetta prodotta fit-territorju tagħhom, billi jintroduċu kundizzjonijiet li jkunu aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan il-Kapitolu permezz tal-Ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-Prodott ta’ dawk il-prodotti tad-dwieli.

(*1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/34 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti, ir-reġistru ta’ ismijiet protetti, it-tħassir tal-protezzjoni u l-użu ta’ simboli, u tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward sistema xierqa ta’ kontrolli (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 46).”;"

(18)

fl-Anness III, il-Parti B, it-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

“Termini

Kundizzjonijiet tal-użu

сухо, seco, suché, tør, trocken, kuiv, ξηρός, dry, sec, secco, asciutto, sausais, sausas, száraz, droog, wytrawne, seco, sec, suho, kuiva, torrt

Jekk il-kontenut taz-zokkor tiegħu ma jaqbiżx:

4 grammi għal kull litru, jew

9 grammi għal kull litru, dment li l-aċidità totali espressa bħala grammi ta’ aċidu tartariku għal kull litru ma tkunx aktar minn 2 grammi taħt il-kontenut taz-zokkor residwu.

полусухо, semiseco, polosuché, halvtør, halbtrocken, poolkuiv, ημίξηρος, medium dry, demi-sec, abboccato, pussausais, pusiau sausas, félszáraz, halfdroog, półwytrawne, meio seco, adamado, demisec, polsuho, puolikuiva, halvtorrt, polusuho

Jekk il-kontenut taz-zokkor tiegħu jaqbeż il-massimu stabbilit hawn fuq imma ma jaqbiżx:

12-il gramma għal kull litru, jew

18-il gramma għal kull litru, dment li l-aċidità totali espressa fi grammi ta’ aċidu tartariku għal kull litru ma tkunx iktar minn 10 grammi taħt il-kontenut taz-zokkor residwu.

полусладко, semidulce, polosladké, halvsød, lieblich, poolmagus, ημίγλυκος, medium, medium sweet, moelleux, amabile, pussaldais, pusiau saldus, félédes, halfzoet, półsłodkie, meio doce, demidulce, polsladko, puolimakea, halvsött, poluslatko

Jekk il-kontenut taz-zokkor tiegħu jaqbeż il-massimu stabbilit fit-tieni ringiela ta’ din it-tabella iżda ma jaqbiżx il-45 gramma għal kull litru.

сладко, dulce, sladké, sød, süss, magus, γλυκός, sweet, doux, dolce, saldais, saldus, édes, ħelu, zoet, słodkie, doce, dulce, sladko, makea, sött, slatko.

Jekk il-kontenut taz-zokkor tiegħu ikun mill-inqas 45 gramma għal kull litru.”

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2018/273

Fl-Anness VII, il-Parti III, il-punt C, tar-Regolament Delegat (UE) 2018/273, jiżdied l-inċiż li ġej mal-kontenut tal-Kaxxa 6: (il-Kaxxa 5 għal VI-2): Deskrizzjoni tal-prodott importat:

“—

Lista ta’ ingredjenti.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 1, il-punti (12) u (14), u l-Artikolu 2 għandhom japplikaw mit-8 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 tas-17 ta’ Ottubru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini, indikazzjonijiet ġeografiċi u termini tradizzjonali fis-settur tal-inbid, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, ir-restrizzjonijiet tal-użu, l-emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott, it-tħassir tal-protezzjoni, u t-tikkettar u l-preżentazzjoni (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tad-dossiers tal-OIV, (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).