8.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1605

tat-22 ta’ Mejju 2023

li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ punti ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 jistabbilixxi r-regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti derivati biex jiġu milqugħa minn qabel u mminimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf. B’mod aktar speċifiku, dan jistabbilixxi regoli fir-rigward tat-trattament sikur, u l-ipproċessar jew it-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali fi prodotti derivati, inklużi regoli għat-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija. Barra minn hekk, ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jipprevedi li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati biex tiddetermina l-punti ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura, li lil hinn minnhom ċerti prodotti derivati ma jibqgħux aktar soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Dak ir-Regolament ma japplikax għal prodotti derivati li huma soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 meta jsiru disponibbli fis-suq. Skont ir-Regolament (UE) 2019/1009, ċerti prodotti derivati jistgħu jsiru, jew ikunu parti minn, prodott fertilizzanti tal-UE dment li jintlaħaq punt ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura tal-prodott derivat, u b’hekk tiġi żgurata s-sikurezza tas-saħħa pubblika u tal-annimali. Dawk il-prodotti derivati, li laħqu punt ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura ta’ ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija, mhux se jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u se jaqgħu biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1009.

(3)

Fit-2 ta’ Diċembru 2021, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ppubblikat Opinjoni Xjentifika “Inactivation of indicator microorganisms and biological hazards by standard and/or alternative processing methods in Category 2 and 3 animal by-products and derived products to be used as organic fertilisers and/or soil improvers” (3) (l-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tat-2 ta’ Diċembru 2021). Skont dik l-Opinjoni Xjentifika, l-irmied tal-materjali tal-Kategoriji 2 u 3 li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (4), il-gliċerina tal-materjali tal-Kategoriji 2 u 3, u l-materjali oħra tal-Kategorija 2 derivati mill-produzzjoni tal-bijodiżil f’konformità ma’ metodi alternattivi għall-produzzjoni tal-bijodiżil jew tal-fjuwils rinnovabbli stipulati fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament, jirrappreżentaw riskju baxx għas-saħħa pubblika u tal-annimali minħabba pproċessar sikur. Jista’ jiġi ddeterminat punt ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura ta’ dawk il-prodotti derivati. Dawk il-prodotti derivati jenħtieġ li jilħqu l-punt ta’ tmiem jekk jintużaw bħala materjal komponent f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009.

(4)

Ċerti prodotti derivati mhumiex inklużi fl-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tat-2 ta’ Diċembru 2021 peress li dan l-aħħar ġew ivvalutati minn Opinjonijiet Xjentifiċi oħra tal-EFSA. Fl-2015, ir-residwi tad-diġestjoni tal-kompost u tal-bijogass soġġetti għall-parametri standard tat-trasformazzjoni ġew ivvalutati bħala sikuri fl-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tat-13 ta’ Novembru, 2015“Risk to public and/or animal health of the treatment of dead-in-shell chicks (Category 2 material) to be used as raw material for the production of biogas or compost with Category 3 approved method” (5). Opinjoni Xjentifika tal-EFSA dwar ir-reviżjoni tal-valutazzjoni kwantitattiva tar-riskju (QRA) tar-riskju tal-BSE ppreżentat mill-proteini pproċessati tal-annimali (PAP) (6) ġiet adottata fis-17 ta’ Lulju 2018 għall-fini tar-reviżjoni parzjali tal-projbizzjoni tal-għalf stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Id-demel ipproċessat ġie vvalutat mill-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tas-27 ta’ April 2021“Ability of different matrices to transmit African swine fever virus” (8) li tinkludi valutazzjoni tas-sikurezza tas-saħħa tal-annimali tat-trattament bis-sħana għad-demel ipproċessat.

(5)

Ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija jeħtieġu miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju biex jintlaħaq punt ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura biex tiġi żgurata l-konformità mal-projbizzjoni tal-għalf stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 999/2001. Skont ir-Regolament (UE) Nru 142/2011, uħud minn dawk il-fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija huma meħtieġa li jitħalltu ma’ komponent li jeskludi l-użu sussegwenti tat-taħlita għal skopijiet ta’ għalf biex tiġi evitata l-introduzzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu permezz ta’ fertilizzanti fil-katina tal-għalf għall-annimali mrobbija fl-irziezet. Huwa xieraq li tiġi introdotta kombinazzjoni tal-miżuri eżistenti ta’ mitigazzjoni tar-riskju stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 142/2011, abbażi tal-imballaġġ, it-tikkettar u l-kompożizzjoni.

(6)

Jenħtieġ li l-prodotti derivati jitqiesu li jkunu laħqu l-punt ta’ tmiem biss jekk jiġu manifatturati f’impjant tal-fertilizzanti fl-Unjoni li jkun approvat f’konformità mal-Artikolu 24(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009. L-impjant tal-fertilizzanti approvat huwa l-aħħar punt fil-katina tal-manifattura fejn il-prodotti derivati huma soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u l-post fejn isiru, wara li jilħqu punt ta’ tmiem, soġġetti biss għal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiddetermina l-punti ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura għal fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija immanifatturati fl-Unjoni, fejn ma jibqgħux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, dment li jintużaw bħala materjali komponenti fi prodotti fertilizzanti tal-UE f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1009.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

prodott fertilizzanti tal-UE” tfisser prodott fertilizzanti kif definit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2019/1009;

2.

“punt ta’ tmiem” tfisser punt ta’ tmiem fil-katina tal-manifattura, li lil hinn minnu prodott derivat ma jibqax soġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.

Artikolu 3

Punt ta’ tmiem għal ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija

Il-prodotti derivati li ġejjin, minbarra dawk importati fl-Unjoni, meta jiġu manifatturati f’impjant tal-fertilizzanti approvat f’konformità mal-Artikolu 24(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, għandhom jitqiesu li laħqu l-punt ta’ tmiem bħala fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija:

(a)

irmied miksub minn materjali tal-Kategoriji 2 u 3 li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(b)

residwi li jirriżultaw mit-trasformazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali f’impjant tal-bijogass li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011:

(i)

Il-Kapitolu I, it-Taqsima 1, il-punt 1, il-punt 2 (a), (b), (c) u (e), u l-punti 3 u 4;

(ii)

il-Kapitolu II;

(iii)

il-Kapitolu III, it-Taqsima 1, il-punt 1, l-ewwel u l-aħħar paragrafi, u t-Taqsima 3, il-punt 1;

(c)

kompost, li jissodisfa r-rekwiżiti, li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet li ġejjin tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 142/2011:

(i)

il-Kapitolu I, it-Taqsima 2, il-punti 1, 3 u 4;

(ii)

il-Kapitolu II;

(iii)

il-Kapitolu III, it-Taqsima 1, il-punt 2, u t-Taqsima 3, il-punt 1;

(d)

demel ipproċessat u frass ipproċessat li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu I, it-Taqsima 2, il-punti (a), (b), (d) u (e), tal-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Artikolu 4

Punt ta’ tmiem għal ċerti fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija bil-kundizzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju

1.   Il-prodotti derivati li ġejjin, minbarra dawk importati fl-Unjoni, meta jiġu manifatturati f’impjant tal-fertilizzanti approvat f’konformità mal-Artikolu 24(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009, għandhom jitqiesu li laħqu l-punt ta’ tmiem bħala fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija jekk qed jintuża mhux aktar minn 5 % tal volum fil-prodott fertilizzant tal-UE:

(a)

gliċerina ta’ materjali tal-Kategoriji 2 u 3, u materjal ieħor tal-Kategorija 2 li jirriżulta mill-proċess tal-bijodiżil u mill-produzzjoni ta’ fjuwils rinnovabbli li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 3, il-punt 2(b), (c) u (f) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(b)

materjali tal-Kategorija 3 minbarra il-gliċerina, li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 3, il-punt 2(b), (c) u (f) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(c)

proteina pproċessata tal-annimali ta’ materjali tal-Kategorija 3 li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi għall-proteina pproċessata tal-annimali stabbiliti fil-Kapitolu II, it-Taqsima 1, il-punt A, il-punt B(1) u (2), il-punt B(3)(a) u il-punt C, tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(d)

taħlita ta’ laħam u għadam mitħuna ta’ materjali tal-Kategorija 2 ipproċessati bil-metodu standard ta’ pproċessar 1 stabbilit fil-Kapitolu III, il-punt A, tal-Anness IV u mmarkati bi gliċeroltriħeptanoat (GTH) kif stabbilit fil-Kapitolu V tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(e)

prodotti tad-demm ta’ materjali tal-Kategorija 3 li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi għall-prodotti tad-demm stabbiliti fil-Kapitolu II, it-Taqsima 2, tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(f)

proteina idrolizzata, inkluża proteina idrolizzata derivata minn residwi li ġejjin mill-industrija tal-ġilda jew tat-tessuti, li tissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi għall-proteina idrolizzata stabbiliti fil-Kapitolu II, it-Taqsima 5, il-punt D, tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(g)

fosfat tad-dikalċju u fosfat tat-trikalċju li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-Kapitolu II, it-Taqsima 6 jew 7, tal-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 142/2011, rispettivament;

(h)

qrun, prodotti mill-qrun, qwieqeb u prodotti mill-qwieqeb li jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fil-Kapitolu XII tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

2.   Il-prodotti derivati msemmija fil-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu li jkunu preżenti fil-prodott fertilizzanti tal-UE f’aktar minn 5 % skont il-volum għandhom jitqiesu li jkunu laħqu l-punt ta’ tmiem bħala fertilizzanti organiċi u materjali li jtejbu l-ħamrija jekk ikunu ppakkjati f’pakketti lesti għall-bejgħ mill-utent aħħari, bit-tikketta f’konformità mar-rekwiżiti tat-tikkettar għall-prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom prodotti derivati stipulati fil-Parti I tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2019/1009 u jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (a) jew fil-punt (b) li ġej:

(a)

il-pakketti ma jiżnux aktar minn 50 kg; jew

(b)

il-pakketti ma jiżnux aktar minn 1 000 kg li minnhom mill-inqas 10 % fil-volum huwa wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

ġir;

(ii)

fertilizzanti minerali jew

(iii)

prodotti derivati msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2021;19(12):6932.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(5)  EFSA Journal 2015;13(11):4306.

(6)  https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2018.5314 (EFSA Journal 2018;16(7):5314).

(7)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 999/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1).

(8)  EFSA Journal 2021;19(4): 6558.