|
4.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 196/13 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1595
tat-3 ta’ Awwissu 2023
li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,
Billi,
A. MIŻURI FIS-SEĦĦ
|
(1) |
Fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (3) (“ir-Regolament oriġinali”). |
|
(2) |
Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-Regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198. |
|
(3) |
Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4). |
|
(4) |
Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni imponiet rati ta’ dazju anti-dumping individwali li jvarjaw minn 13,1 % sa 18,3 % fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina għall-produtturi esportaturi fil-kampjun mir-RPĊ. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta wkoll rata ta’ dazju mal-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq il-prodott ikkonċernat minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ddikjarawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni. |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, l-Anness 1 ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat billi l-produttur esportatur il-ġdid jingħata r-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw u li mhumiex inklużi fil-kampjun, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid jagħti biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:
|
B. TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID
|
(7) |
Il-kumpanija Chaozhou Jingmei Craft Products Co., Ltd. (Jingmei jew “l-applikant”), ippreżentat talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (new exporting producer treatment, “NEPT”) u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, li hija ta’ 17,9 %. L-applikant sostna li kien jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, (“il-kundizzjonijiet tan-NEPT”). |
|
(8) |
Sabiex tiddetermina jekk l-applikant ssodisfax il-kundizzjonijiet tan-NEPT, il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet tan-NEPT. |
|
(9) |
Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fil-kwestjonarju u t-tweġibiet tal-ittri ta’ defiċjenza tiegħu; u kkonsultat diversi bażijiet tad-data online inklużi Orbis (5), D&B (6), Qichacha, Aiqicha, Baidu (7), is-sit web tal-kumpanija Alibaba kif ukoll sorsi oħra disponibbli pubblikament. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi kwalunkwe kumment skont il-bżonn. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet kummenti li ġew ikkunsidrati. |
C. ANALIŻI TAT-TALBA
|
(11) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li l-miżuri huma bbażati fuqu, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”), matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li f’dak iż-żmien l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat. |
|
(12) |
L-applikant huwa kumpanija li ġiet stabbilita fl-1993, iżda nstab li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni darba biss - bejgħ indirett fl-UE - fl-2012, għalhekk wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, meta l-applikant biegħ lil kummerċjant Awstraljan, madankollu, bagħat din l-ordni direttament lill-klijent aħħari Irlandiż (Dublin, l-Irlanda) ta’ dan il-kummerċjant Awstraljan. Dan il-bejgħ indirett ġie kkonfermat permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ spedizzjoni u dokumenti oħra. Peress li dan il-kummerċjant Awstraljan kien klijent importanti tal-applikant, u l-Kummissjoni riedet teskludi l-possibbiltà li sar kwalunkwe bejgħ indirett ieħor bħal dan matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali permezz ta’ dan il-kummerċjant Awstraljan, hija talbet il-preżentazzjoni tad-dokumentazzjoni sħiħa tat-tranżazzjonijiet kollha li Jingmei għamlet ma’ dan il-kummerċjant Awstraljan fl-2011. Ma nstabet l-ebda evidenza ta’ bejgħ indirett tal-UE fost dawn it-tranżazzjonijiet. |
|
(13) |
Il-Kummissjoni vverifikat ukoll ir-rekords kontabilistiċi rilevanti kollha tal-applikant għall-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, inkluż ir-rapport tal-introjtu, ir-rapport tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT, il-kotba tal-bejgħ, ir-reġistri tal-bejgħ, il-ktieb sussidjarju tal-introjtu tan-negozju ewlieni, il-ktieb sussidjarju tal-kont pagabbli tal-kummerċjant Awstraljan kif ukoll il-Golden Tax System. Dawn kollha ġew ivverifikati permezz ta’ fajls tal-vidjo, ritratti tal-iskrin, ritratti ta’ kotba tal-kontabbiltà fiżiċi u estrazzjonijiet diretti mis-sistemi tal-IT, li jirrikonċiljaw iċ-ċifri rrapportati. Dawn il-kontrolli kollha ma żvelaw l-ebda bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul l-2011. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li billi l-applikant ipprovda l-informazzjoni dettaljata ħafna kollha mitluba, li nstabet li kienet konsistenti, kompluta u ċara, huwa wera li ma kienx esporta lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. |
|
(14) |
B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198. |
|
(15) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li l-applikant mhux relatat ma’ produttur esportatur li esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li Jingmei ma hi relatata mal-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, l-applikant kellu tliet azzjonisti, inkluż żewġ persuni fiżiċi. L-ebda waħda mill-persuni fiżiċi ma nstabet li hija relatata mal-produtturi esportaturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping. It-tielet azzjonist – entità ġuridika – ma nstabx li qed jikkummerċjalizza l-prodott ikkonċernat jew li kien relatat ma’ xi kumpanija Ċiniża soġġetta għall-miżuri anti-dumping. Fl-2017 kien hemm bidla fil-parteċipazzjoni azzjonarja tal-applikant, meta l-entità ġuridika msemmija hawn fuq kif ukoll waħda miż-żewġ persuni fiżiċi biegħet l-azzjonijiet tagħha lil azzjonist ġdid, li sar il-maniġer ġenerali tal-applikant. Din is-sitwazzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja baqgħet sal-lum l-istess, b’żewġ azzjonisti, persuni fiżiċi. L-azzjonist il-ġdid huwa wkoll direttur f’kumpanija azzjonarja bl-isem ta’ Guangdong Green Sunshine Tourism Co. Ltd., u għandu 6,87 % tal-azzjonijiet ta’ din il-kumpanija. Din il-kumpanija azzjonarja mhijiex involuta fil-prodott ikkonċernat. Madankollu, skont Qichacha, wieħed mill-azzjonisti tagħha li għandu 0,41 % tal-azzjonijiet, huwa b’mod parallel azzjonist u direttur ta’ Chaozhou Chenhui Ceramics, produttur Ċiniż soġġett għall-miżuri anti-dumping applikabbli bħalissa. Peress li din ir-relazzjoni hija indiretta ħafna u ferm taħt il-limitu ta’ 5 % (0,41 % biss), il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda relazzjoni tal-azzjonisti attwali kif definit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (8). Għalhekk, l-applikant issodisfa t-tieni kriterju. |
|
(16) |
B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198. |
|
(17) |
Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew li daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, il-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant kien fil-fatt esporta darba lejn l-Unjoni (Irlanda) fl-2012, għaldaqstant wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Dan kien bejgħ indirett lill-Unjoni, minħabba li l-applikant biegħ lil kummerċjant Awstraljan, madankollu, bagħat l-ordni direttament lill-klijent aħħari ta’ dan il-kummerċjant Awstraljan f’Dublin, l-Irlanda. Ġiet ipprovduta dokumentazzjoni sħiħa ta’ din it-tranżazzjoni, inklużi l-ordni, il-fattura, id-dokumenti ta’ spedizzjoni u tal-pagamenti bankarji u l-informazzjoni ġiet ikkontroverifikata permezz ta’ dawn id-dokumenti u ta’ dokumenti oħra tal-applikazzjoni. Għalhekk, l-applikant issodisfa t-tielet kriterju. |
|
(18) |
B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198. |
|
(19) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali. |
D. DIVULGAZZJONI
|
(20) |
L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li tqiesu xierqa biex tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping, applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali, lil Chaozhou Jingmei Craft Products Co., Ltd. |
|
(21) |
Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti. Ma wasal l-ebda kumment. |
|
(22) |
Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2131 li fih il-lista tal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:
|
Kumpanija |
Kodiċi addizzjonali TARIC |
|
“Chaozhou Jingmei Craft Products Co., Ltd. |
C933”. |
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Awwissu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat- 13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).
(5) Orbis huwa fornitur globali tad-data ta’ informazzjoni korporattiva li jkopri aktar minn 220 miljun kumpanija fid-dinja kollha. Prinċipalment jipprovdi informazzjoni standardizzata dwar kumpaniji privati u strutturi korporattivi.
(6) Dun and Bradstreet (D&B) software solution tipprovdi data kummerċjali, analitika, u għarfien għan-negozji dwar il-kumpaniji privati u l-istrutturi korporattivi.
(7) Qichacha, Aiqicha, Baidu huma bażijiet tad-data privati Ċiniżi, bi skop ta’ qligħ, li jipprovdu data kummerċjali, informazzjoni dwar il-kreditu, u analitika dwar kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, lill-konsumaturi/lill-professjonisti.
(8) L-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558) (il-Kodiċi Doganali tal-UE), jistipula li żewġ persuni għandhom jitqiesu relatati jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew iktar tal-azzjonijiet bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom direttament jew indirettament ikun jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien ikunu jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni li huma assoċjati fin-negozju ma’ xulxin, fis-sens li waħda tkun l-aġent waħdieni, id-distributur waħdieni jew il-konċessjonarju waħdieni, hi xinhi d-deżinjazzjoni tal-persuna l-oħra, għandhom jitqiesu bħala relatati biss jekk ikunu jaqgħu fil-kriterji msemmija fis-sentenza ta’ qabel.