27.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1547

tas-26 ta’ Lulju 2023

li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Gower Salt Marsh Lamb” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tar-Renju Unit biex jirreġistra l-isem “Gower Salt Marsh Lamb” bħala Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni minn Franza. Il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta’ oppożizzjoni lir-Renju Unit fl-10 ta’ Marzu 2022. Fis-6 ta’ Mejju 2022, Franza ppreżentat dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni.

(3)

Wara li eżaminat id-dikjarazzjoni motivata tal-oppożizzjoni u sabet li hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju Unit u lil Franza, permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ Ġunju 2022, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim.

(4)

Fit-28 ta’ Settembru 2022, fuq talba tar-Renju Unit, il-Kummissjoni estendiet l-iskadenza għall-konsultazzjonijiet b’xahar. Il-konsultazzjonijiet bejn ir-Renju Unit u Franza ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

(6)

L-argumenti ewlenin ta’ Franza kif stabbiliti fid-dikjarazzjoni motivata tal-oppożizzjoni u fil-konsultazzjonijiet li saru mar-Renju Unit jistgħu jitqassru kif ġej.

(7)

Franza sostniet li jenħtieġ li jiġi speċifikat, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jekk l-iffriżar tal-laħam huwiex awtorizzat. L-opponent iddikjara li jekk l-iffriżar ikun permess, dan jista’ jiddestabbilizza s-suq taż-żewġ DOP Franċiżi “Prés-salés de la baie de Somme” u “Prés-salés du Mont-Saint-Michel” li huma disponibbli fis-suq biss minn Lulju sa Novembru, u jwassal għal kompetizzjoni inġusta. L-ispeċifikazzjonijiet ta’ dawn il-prodotti jipprojbixxu l-iffriżar u t-taħlil tal-laħam.

(8)

Barra minn hekk, l-opponent iddikjara li d-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-marġi salmastri li huma previsti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott jenħtieġ li jiżdiedu mad-Dokument Uniku meta jitqies li r-rabta bejn il-prodott iddikjarat bħala DOP u ż-żona ġeografika demarkata teħtieġ li tiġi definita fid-dokument uniku skont l-Artikolu 8(1)(c)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(9)

Ir-Renju Unit speċifika li preferibbilment il-laħam għandu jinbiegħ u jittiekel frisk, għalkemm il-laħam jista’ jiġi ffriżat. Ladarba l-laħam ikun iffriżat, il-laħam irid jinbiegħ iffriżat. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott kif ukoll tad-Dokument Uniku ġew emendati skont dan.

(10)

Ir-Renju Unit inkluda wkoll il-mapep u l-koordinati tal-GPS li jiddemarkaw il-marġi salmastri għad-Dokument Uniku.

(11)

Franza qieset dawk l-emendi bħala insuffiċjenti biex jissodisfaw it-talbiet tagħha u talbet aktar kjarifiki dwar il-perjodu li matulu l-prodott ikun disponibbli ffriżat fis-suq. Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ marġi salmastri, talbet l-inklużjoni ta’ ċerti partijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fid-Dokument Uniku b’mod partikolari d-definizzjoni dettaljata ta’ “marġ salmastru” u r-rekwiżiti speċifiċi relatati.

(12)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti esposti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni minn Franza fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa mwettqa bejn l-applikant u l-avversarju u waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin.

(13)

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjoni tad-DOP mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-iffriżar tal-laħam fih innifsu mhuwiex metodu biex jinkiseb il-prodott. L-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 ma jeħtieġx l-inklużjoni ta’ regola speċifika dwar il-possibbiltà li l-laħam jiġi ffriżat, u lanqas il-perjodu li matulu l-prodott jista’ jinbiegħ iffriżat. Jitħalla f’idejn l-applikant jekk idaħħalx regoli ta’ dak it-tip. Wara l-oppożizzjoni, l-applikant għażel li jippreċiża s-sistema tal-prodott iffriżat. Ir-regoli dwar l-iffriżar tal-prodott huma rilevanti għad-deskrizzjoni tal-prodott.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 titqies bħala ssodisfata.

(14)

Fir-rigward tal-pretensjoni dwar l-allegat nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 8(1)(c)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-Dokument Uniku jiddeskrivi b’mod korrett u eżawrjenti “ir-rabta bejn il-prodott u l-ambjent ġeografiku jew l-oriġini ġeografika”.

Il-karatteristiċi u l-kwalità tal-prodott huma influwenzati minn żewġ fatturi ewlenin li jinkludu d-dieta naturali tal-ħaruf li tikkonsisti fir-ragħa tal-veġetazzjoni unika tal-bwar salmastri li tinsab fil-kosta tat-Tramuntana ta’ Gower. Id-Dokument Uniku jkompli jispeċifika li fil-marġi salmastri tikber firxa ta’ pjanti alofitiċi partikolari għal dik iż-żona, iżda l-iżjed li jikbru huma komunitajiet ta’ pjanti tal-livelli tan-nofs u ta’ fuq tal-marġ, u hemm rappreżentanza qawwija taż-żewġ speċijiet elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ħabitats u l-Fawna u l-Flora Selvaġġa: il-Mergħat Salmastri Atlantiċi u Salicornia u speċijiet oħra annwali ta’ żoni bit-tajn u bir-ramel. Mappa u koordinati GPS li juru ż-żona koperta minn dawn il-marġi salmastri ġew inklużi wkoll fid-Dokument Uniku mill-applikant bi tweġiba għat-talba magħmula minn Franza.

Id-Dokument Uniku huwa sommarju tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. L-elementi addizzjonali li l-opponent jitlob li jdaħħal mhumiex elementi essenzjali biex jinftiehem il-metodu ta’ produzzjoni.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(c)(ii) tar-Regolament imsemmi jitqiesu bħala ssodisfati.

(15)

Fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet bejn il-partijiet, kemm id-Dokument Uniku kif ukoll l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ġew emendati. Minħabba li dawk l-emendi mhumiex meqjusa sostanzjali, b’konformità mal-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ma rrepetietx l-iskrutinju tal-applikazzjoni u kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni huma ssodisfati.

(16)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li d-denominazzjoni “Gower Salt Marsh Lamb” tiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetta u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. Il-verżjoni konsolidata tad-Dokument Uniku jenħtieġ li tiġi ppubblikata għall-informazzjoni biss.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Gower Salt Marsh Lamb” (DOP) huwa rreġistrat.

L-isem imsemmi fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott tal-Klassi 1.1. Laħam frisk (u ġewwieni), kif speċifikat fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Id-Dokument Uniku konsolidat huwa stipulat fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 492, 8.12.2021, p. 8.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


ANNESS

DOKUMENT UNIKU

“Gower Salt Marsh Lamb”

Nru tal-UE: PDO-GB-02452 – 01.04.2019

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/ismijiet [tad-DOP jew tal-IĠP]

“Gower Salt Marsh Lamb”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott [bħal fl-Anness XI]

Klassi 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

“Gower Salt Marsh Lamb” huwa ħaruf prim li jitwieled, jitrabba u jiġi skarnat fil-penisola ta’ Gower fin-Nofsinhar ta’ Wales. Il-karatteristiċi distintivi tal-laħam jinkisbu mill-ħxejjex uniċi u mill-ambjent singolari tal-marġ salmastru tal-kosta tat-Tramuntana ta’ Gower, fejn jirgħu l-ħrief.

“Gower Salt Marsh Lamb” huwa prodott naturali staġunali li jinsab għall-bejgħ minn Ġunju sa tmiem Diċembru. Ma hemmx restrizzjonijiet dwar liema razez (jew razez x) ta’ nagħaġ jintużaw għall-produzzjoni tal-“Gower Salt Marsh Lamb”. Iżda r-razez li huma l-iżjed addattati huma dawk l-iżjed b’saħħithom, eħfef u aktar aġli li jiffjorixxu fuq l-ikel tal-ħxejjex li jikbru fil-marġ salmastru.

Meta jinqatlu, il-ħrief għall-produzzjoni tal-“Gower Salt Marsh Lamb” ikollhom bejn erba’ u għaxar xhur. Il-ħrief kollha jridu jqattgħu mill-inqas xahrejn b’kollox, (u mill-inqas nofs ħajjithom) jirgħu fil-marġ salmastru, iżda xi wħud jitħallew sa tmien xhur jirgħu fil-marġ.

Il-ħrief jitrabbew fil-beraħ, u billi huma ħielsa li jirgħu fuq medda kbira ta’ art u fuq distanzi twal fil-marġ, jitilgħu b’saħħithom. Dan il-fatt jikkontribwixxi għall-karatteristiċi speċifiċi tal-“Gower Salt Marsh Lamb” billi l-ħrief jimmaturaw bil-mod, u b’hekk jintlaħaq l-aħjar bilanċ possibbli ta’ laħam bejn dgħif u xaħmi, flimkien ma’ “distribuzzjoni konsistenti ta’ għeruq irħamin ta’ xaħam tul il-fibri muskolari”. Il-ġogi tar-riġlejn huma ddefiniti tajjeb b’konformazzjoni tajba tal-muskoli, u l-laħam nej għandu kulur aħmar skur.

Meta jinqatlu l-ħrief tal-“Gower Salt Marsh Lamb”, il-piż mejjet tal-karkassi jkun bejn 16 u 23 kilogramma. Il-klassifikazzjoni EUROP tal-karkassi tal-“Gower Salt Marsh Lamb” hija tal-klassi ta’ xaħam 2L sa 3L u ta’ U sa O tal-klassi tal-konformazzjoni tal-muskoli, u l-biċċa l-kbira tal-ħrief huma kklassifikati R għall-konformazzjoni u 3L għax-xaħam.

Meta l-laħam jissajjar (skont kif deskritt minn bord indipendenti tal-analiżi sensorja) il-“Gower Salt Marsh Lamb” għandu togħma “ekwilibrata tenera, ħlejja u delikata ta’ ħaruf, bi ħjiel ta’ ħaxix, u kemxejn mielħa, u li tħalli togħma pjaċevoli ta’ ħaruf fil-ħalq”. Ix-xaħam (li hu mifrux tajjeb mal-laħam u jibqa’ jidher wara t-tisjir) huwa ta’ kulur il-krema u jirtab waqt it-tisjir, u ma jħallix togħma xaħmija fil-palat. Il-laħam tal-ħaruf għandu riħa ħlejja sottili u huwa sukkulenti u teneru”. Meta ġie vvalutat minn analista tal-konsistenza, il-“Gower Salt Marsh Lamb” instab li jżomm l-integrità tal-fibra muskolari u din tissarraf f'“sukkulenza mal-ewwel gidma”.

Il-“Gower Salt Marsh Lamb” jinbiegħ bħala karkassa sħiħa, inkella bħala qatgħat. Huwa l-aħjar meta jinbiegħ u jittiekel frisk, iżda jista’ wkoll jiġi ffriżat. Kull laħam li huwa ffriżat għandu jinbiegħ bħala ffriżat.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-foraġġ kollu, kemm dak li jirgħu l-annimali, kif ukoll dak li jinħażen, irid bilfors joriġina miż-żona ddefinita u l-intenzjoni hi li mija fil-mija tal-għalf jinkiseb minn hemm. Iżda f’ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa permess li jintuża massimu ta’ 25 % fis-sena ta’ għalf niexef mixtri. Dan jiġi awditjat mir-rekords tar-ragħa u tal-ħażna u billi jinżamm djarju mill-produtturi, fejn jiġi rreġistrat l-għalf miżjud li jkun iddaħħal fl-azjenda agrikola mid-djarji li jżommu l-produtturi.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-ħrief kollha tar-razza “Gower Salt Marsh Lamb” iridu jitwieldu, jitrabbew u jiġu skarnati fiż-żona ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-Penisola ta’ Gower

Il-Penisola ta’ Gower fin-Nofsinhar ta’ Wales kif inhi demarkata mill-konfini tal-kostitwenzi elettorali elenkati hawn taħt u kif jidhru fil-Mappa A:-

Il-Konfini tal-Kostitwenzi Elettorali tal-Penisola ta’ Gower

Gorseinon, Llwchrwr, Gowerton, Dunvant, Killay, Upper Killay, Mumbles, Bishopston, Pennard, Llanrhidian Higher, Llanrhidian Lower, Ilston, Penrice, Reynoldstone, Port Eynon, Rhossili, Llangennith, Llanmadoc, Port Eynon, Rhossili, Llangennith, Llanmadoc, Cheriton

Mappa A

Dehra tal-konfini tal-kostitwenzi elettorali tal-Penisola ta’ Gower

Image 1

Il-Penisola ta’ Gower tinkludi l-marġi salmastri kostali fuq il-kosta tat-Tramuntana tal-penisola kif muri fil-Mappa B hawn taħt:

Mappa B

Dehra tal-marġi salmastri tat-Tramuntana ta’ Gower

Image 2

Kif jidher mill-mappa ta’ hawn fuq, fit-totalità tagħhom, dawn il-marġi salmastri jkopru żona fil-Lvant ta’ Whitford Burrows lejn il-Loughor Bridge fuq l-A484. Din l-erja hija magħmula minn:

1)

il-marġ salmastru ta’ Llanrhidian u Landimore — fil-Lvant ta’ Whitford Burrow sa Salt house Point

Whitford Burrows

Salthouse Point

Koordinati

Koordinati

OS X (lejn il-Lvant) 244680

OS Y (lejn it-Tramuntana) 195115

L-eqreb Kodiċi Postali SA3 1DL

Lat (WGS84) N51:38:00 (51,633343)

Long (WGS84) W4:14:44 (-4,245646)

Lat,Long 51,633343,-4,245646

Nat Grid SS446951 / SS4468095115

OS X (lejn il-Lvant) 252330

OS Y (lejn it-Tramuntana) 195847

L-eqreb Kodiċi Postali SA4 3SN

Lat (WGS84) N51:38:31 (51,641982)

Long (WGS84) W4:08:08 (-4,135504)

Lat,Long 51,641982,-4,135504

Nat Grid SS523958 / SS5233095847

2)

il-marġ salmastru ta’ Penclawdd u Crofty — minn Salthouse Point sal-Loughor Bridge

Salthouse Point

Loughor Bridge

Koordinati

Koordinati

OS X (lejn il-Lvant) 252330

OS Y (lejn it-Tramuntana) 195847

L-eqreb Kodiċi Postali SA4 3SN

Lat (WGS84) N51:38:31 (51,641982)

Long (WGS84) W4:08:08 (-4,135504)

Lat,Long 51,641982,-4,135504

Nat Grid SS523958 / SS5233095847

OS X (lejn il-Lvant) 256120

OS Y (lejn it-Tramuntana) 198082

L-eqreb Kodiċi Postali SA4 6TP

Lat (WGS84) N51:39:47 (51,663047)

Long (WGS84) W4:04:54 (-4,081691)

Lat,Long 51,663047,-4,081691

Nat Grid SS561980 / SS5612098082

3)

il-marġ salmastru ta’ CWM Ivy — kif muri bil-blu skur fuq il-Mappa B u l-Mappa C hawn taħt.

Koordinati

OS X (lejn il-Lvant) 244220

OS Y (lejn it-Tramuntana) 194094

L-eqreb Kodiċi Postali SA3 1DL

Lat (WGS84) N51:37:27 (51,624043)

Long (WGS84) W4:15:07 (-4,251832)

Lat,Long 51,624043,-4,251832

Nat Grid SS442940 / SS4422094094

Mappa Ċ

Il-marġ salmastru ta’ Cwm Ivy

Image 3

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Il-“Gower Salt Marsh Lamb” għandu reputazzjoni bħala prodott ta’ kwalità li jitwieled, jitrabba u jiġi skarnat fil-penisola ta’ Gower fin-Nofsinhar ta’ Wales. Huwa prodott naturali staġunali li jinsab għall-bejgħ minn Ġunju sa tmiem Diċembru.

Il-laħam tal-ħaruf jiġi prodott b’sistema ta’ trobbija estensiva tradizzjonali li permezz tagħha, il-karatteristiċi u l-kwalitajiet tal-prodott finali huma influwenzati miż-żewġ fatturi ewlenin li ġejjin:-

Id-dieta naturali tal-ħrief, li tikkonsisti mir-ragħa fuq il-ħxejjex partikolari tal-marġ salmastru li jikbru tul il-kosta tat-Tramuntana ta’ Gower.

Il-bażi tal-għarfien u l-ħiliet tal-produtturi li żviluppat maż-żmien u li ilha relattivament l-istess għal bosta ġenerazzjonijiet.

Dawn il-fatturi jikkostitwixxu rabta qawwija bejn iż-żona ġeografika u l-prodott finali, u jikkontribwixxu għat-togħma u għall-karatteristiċi partikolari tal-prodott.

Il-ħrief tal-“Gower Salt Marsh Lamb” iqattgħu mill-inqas xahrejn jirgħu fil-marġ salmastru mal-kosta tat-Tramuntana tal-penisola ta’ Gower, iżda xi wħud minnhom jitħallew jirgħu hemm anki sa tmien xhur. Dan il-marġ salmastru fih madwar 4 000 ettaru u jirrappreżenta daqs 22 % tar-riżorsa tal-marġ salmastru ta’ Wales.

Il-ħxejjex naturali tal-marġ salmastru evolvew permezz tal-kombinazzjoni tal-klima u t-tip ta’ ħamrija. Is-salinità u l-pH tal-ħamrija jinfluwenzaw it-tip uniku u d-distribuzzjoni tal-ħxejjex. Il-marġ salmastru huwa aċiduż minnu, u l-pH tipiku tiegħu huwa ta’ 4. Karatteristika partikolari tal-marġ salmastru tat-Tramuntana ta’ Gower hija li fih kontenut kbir ta’ ramel u b’hekk jiskula tajjeb. Dan il-fatt jinkoraġġixxi li b’mod predominanti jikbru ħxejjex tal-marġ salmastru, u minħabba f’hekk il-marġ huwa riżorsa tajba għar-ragħa tal-“Gower Salt Marsh Lamb”, li fuqu jiffjorixxi.

Fil-marġi salmastri tikber firxa ta’ pjanti alofitiċi partikolari għal dik iż-żona, iżda l-iżjed li jikbru huma komunitajiet ta’ pjanti tal-livelli tan-nofs u ta’ fuq tal-marġ, u hemm rappreżentanza qawwija taż-żewġ speċijiet elenkati fl-Anness 1 tad-Direttiva tal-KE dwar il-Ħabitats u l-Fawna u l-Flora Selvaġġa:-

Il-Mergħat Salmastri Atlantiċi

Salicornia u speċijiet oħra annwali ta’ żoni bit-tajn u bir-ramel.

Hija d-dieta tal-ħrief, li jieklu diversità tal-alofiti mifruxa mal-marġ salmastru tat-Tramuntana ta’ Gower, li tikkontribwixxi għat-“togħma aromatika ta’ ħxejjex bi ħjiel melħin” tal-laħam tal-“Gower Salt Marsh Lamb”.

Il-valur nutrittiv li jinkiseb mill-marġ huwa baxx meta mqabbel mar-ragħa ssupplimentat mill-agrikultura. Il-ħrief huma liberi jirgħu fuq spazji kbar miftuħin, u b’hekk laħamhom ma fihx wisq xaħam, il-muskoli jiżviluppaw sew, u l-ġogi ta’ riġlejhom huma ddefiniti tajjeb. Din is-sistema estensiva ta’ ragħa twassal biex il-ħrief “Gower Salt Marsh Lamb” idumu iżjed biex jimmaturaw minn dawk li jitrabbew b’sistemi intensivi, u dan jikkontribwixxi għall-karatteristiċi tal-karkassi tagħhom u għall-kwalitajiet li jagħmlu l-laħam tagħhom tant tajjeb għall-ikel. Billi jikbru bil-mod, il-laħam tal-ħrief “Gower Salt Marsh Lamb” jilħaq jiżviluppa kompletament “it-togħma ekwilibrata, tenera, ħlejja u delikata” bi “ħjiel ta’ ħaxix, ta’ ħxejjex aromatiċi u kemxejn mielħa” mid-dieta tagħhom ta’ speċijiet diversi ta’ ħxejjex alofitiċi.

It-trobbija u l-produzzjoni tal-ħrief “Gower Salt Marsh Lamb” jirrikjedu għarfien partikolari u kompetenzi speċifiċi għaliex l-annimali jirgħu fuq terren singolari li joffrilhom sfida fiżika. Dawn il-ħiliet u t-tradizzjonijiet żviluppaw maż-żmien, u ntirtu minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-ħiliet speċifiċi huma elenkati hawn taħt:

L-għarfien tal-imġiba tal-marġ salmastru u tal-meded tal-marea, biex dak li jkun jipproteġi n-nagħaġ u l-ħrief mill-marea. Xogħol il-produttur, u ż-żmien meta jrid isir ċertu xogħol importanti, huma ddettati mill-marea, u mill-kalendarju tagħha.

L-għarfien dwar liema razez (u taħlitiet ta’ razez) ta’ nagħaġ li l-aħjar li jintgħażlu u jintużaw biex jirreżistu għad-diffikultajiet u l-isfidi biex jirgħu fil-marġ salmastru bil-bosta kanali fondi li jaqsmuh. Jintgħażlu annimali b’saħħithom u aġli li jkollhom saqajhom tajbin u jkunu addattati biex jimxu fuq art li ħafna drabi tkun instabbli u mifqugħa bl-ilma.

Aktar dipendenza fuq il-ħiliet tar-rgħajja biex in-nagħaġ u l-ħrief jitmexxew fil-marġ salmastru, bil-beraħ enormi tiegħu, maqsum minn kanali fondi li jirrestrinġu l-moviment tan-nagħaġ. Billi hemm spazji kbar ta’ dan it-terren li huma aċċessibbli biss bil-mixi, ir-rgħajja jkollhom jiddependu fuq il-ħiliet tal-klieb imħarrġin tagħhom.

Ġestjoni tar-ragħa u għarfien tal-marġ salmastru u tal-veġetazzjoni partikolari li tikber fih, biex il-produzzjoni tal-ħrief tkun sinkronizzata maċ-ċikli tat-tkabbir u d-disponibbiltà tad-diversi ħxejjex.

Il-ħrief ilhom mill-Medju Evu jirgħu fil-marġ salmastru, u s-sistema tar-ragħa ftit li xejn inbidlet minn dak iż-żmien. Fl-1976 kien hemm 30 bidwi bid-dritt li jħallu n-nagħaġ jirgħu fil-marġ salmastru ta’ Gower, u l-marġ kien isostni eluf ta’ nagħaġ. Fl-2018, fil-marġ salmastru tħallew jirgħu madwar 3 500 ħaruf minn tmien produtturi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

Gower Salt Marsh Lamb - GOV.UK (www.gov.uk)