24.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/7


REGOLAMENT (UE) 2023/1525 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Lulju 2023

dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 u l-Artikolu 173(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ttestjat l-industrija Ewropea tad-difiża u s-suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża u ħarġet fil-beraħ għadd ta’ nuqqasijiet li jimminaw il-kapaċità tagħhom li jissodisfaw b’ mod adegwat, sigur, u f’waqtu l-ħtiġijiet urġenti tal-Istati Membri għal prodotti u sistemi tad-difiża, bħal munizzjon u missili, meta titqies ir-rata għolja ta’ konsum ta’ dawk il-prodotti u sistemi matul kunflitt ta’ intensità għolja.

(2)

Mill-24 ta’ Frar 2022 ’l hawn, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha qed iżidu b’mod kostanti l-isforzi tagħhom biex jgħinu ħalli jissodisfaw il-ħtiġijiet urġenti ta’ difiża tal-Ukrajna. Barra minn hekk, f’dak il-kuntest, quddiem instabbiltà dejjem akbar, kompetizzjoni strateġika u theddid għas-sigurtà, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni, li ltaqgħu f’Versailles fil-11 ta’ Marzu 2022, iddeċidew li jieħdu aktar responsabbiltà għas-sigurtà tal-Unjoni nfisha u jieħdu passi deċiżivi ulterjuri lejn it-tiswir tas-sovranità Ewropea. Impenjaw ruħhom li “jsaħħu l-kapaċitajiet Ewropej tad-difiża”, u ftiehmu li jżidu l-infiq fuq id-difiża, li jżidu l-kooperazzjoni bi proġetti konġunti u b’akkwist komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, li jindirizzaw in-nuqqasijiet, li jixprunaw l-innovazzjoni, u li jsaħħu u jiżviluppaw l-industrija tad-difiża tal-Unjoni. Fil-21 ta’ Marzu 2022, il-‘Boxxla Strateġika għal sigurtà u difiża aktar b’saħħitha tal-Unjoni fid-deċennju li jmiss’ (il-‘Boxxla Strateġika’) ġiet approvata mill-Kunsill, u sussegwentement approvata mill-Kunsill Ewropew fl-24 ta’ Marzu 2022. Il-Boxxla Strateġika tisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied l-infiq fuq id-difiża u li jsir aktar investiment fil-kapaċitajiet, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak nazzjonali.

(3)

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta dwar l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investiment fil-Qasam tad-Difiża u t-Triq ’il Quddiem” fit-18 ta’ Mejju 2022 li tenfasizza l-eżistenza, fi ħdan l-Unjoni, ta’ lakuni finanzjarji, industrijali u ta’ kapaċità fil-qasam tad-difiża. Fid-19 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Att dwar it-Tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-Akkwist komuni (EDIRPA), bl-għan li jappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri fil-fażi tal-akkwist biex jimtlew lakuni l-aktar urġenti u kritiċi, speċjalment dawk maħluqa mir-rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, b’mod kollaborattiv. L-EDIRPA se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-akkwist tad-difiża komuni u, permezz tal-finanzjament assoċjat tal-Unjoni, għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tad-difiża tal-Unjoni u għall-adattament tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni għal bidliet strutturali fis-suq li jirriżultaw minn żieda fid-domanda minħabba sfidi ġodda, bħar-ritorn ta’ kunflitt ta’ intensità għolja.

(4)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u tal-ħtiġijiet urġenti tagħha ta’ difiża, b’mod partikolari għall-munizzjon, fl-20 ta’ Marzu 2023 il-Kunsill qabel dwar approċċ bi tliet binarji, bl-għan li jipprovdi miljun ċiklu ta’ munizzjon tal-artillerija għall-Ukrajna fi sforz konġunt fit-tnax-il xahar li ġejjin. Huwa qabel li b’mod urġenti jikkonsenja munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija, lill-Ukrajna u, jekk mitlub, missili, minn stokkijiet eżistenti jew permezz ta’ prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-ordnijiet eżistenti. Huwa appella wkoll lill-Istati Membri biex jakkwistaw b’mod konġunt munizzjon u, jekk jintalbu, missili mill-industrija Ewropea tad-difiża (u n-Norveġja) fil-kuntest ta’ proġett eżistenti mmexxi mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jew permezz ta’ proġetti ta’ akkwist komplementari mmexxija mill-Istati Membri, sabiex jerġgħu jimlew l-istokkijiet tagħhom filwaqt li jippermettu l-kontinwazzjoni tal-appoġġ lill-Ukrajna. Biex jappoġġa dawk l-isforzi, il-Kunsill qabel li jimmobilizza finanzjament xieraq inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF). Il-Kunsill inkariga wkoll lill-Kummissjoni tippreżenta proposti konkreti biex tappoġġa b’mod urġenti t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ manifattura tal-industrija Ewropea tad-difiża, tiżgura l-ktajjen tal-provvista, tiffaċilita proċeduri ta’ akkwist effiċjenti, tindirizza n-nuqqasijiet fil-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tippromwovi l-investimenti, inkluż, fejn xieraq, bil-mobilizzazzjoni tal-baġit tal-Unjoni.Tali promozzjoni ta’ investimenti huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-Unjoni nfisha jiġu ssodisfati b’mod adegwat f’kull waqt u li l-industrija tad-difiża u s-suq intern tal-Unjoni jkunu adatti għall-isfidi attwali. It-tliet binarji interkonnessi jeħtieġ li jiġu segwiti b’mod parallel u kkoordinat. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni adegwata tat-tliet binarji, se jiġu organizzati wkoll laqgħat regolari fil-livell tad-Diretturi Nazzjonali tal-Armamenti mat-Task Force dwar l-Akkwist Konġunt fil-Qasam tad-Difiża (li jikkonsisti minn rappreżentati mill-Kummissjoni, is- Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-EDA) biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet industrijali kif ukoll biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni mill-qrib meħtieġa.

(5)

Fit-13 ta’ April 2023, il-Kunsill adotta miżura ta’ assistenza taħt l-EPF b’valur ta’ EUR 1 biljun biex tappoġġa l-Forzi Armati Ukreni, li tippermetti r-rimborż lill-Istati Membri tal-kostijiet ta’munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija, u possibbilment missili, mogħtija lill-Ukrajna minn stokkijiet eżistenti jew permezz ta’ prijoritizzazzjoni mill-ġdid tal-ordnijiet eżistenti matul il-perjodu mid-9 ta’ Frar sal-31 ta’ Mejju 2023. Fir-rigward tal-akkwist konġunt, s’issa 24 Stat Membru flimkien man-Norveġja ffirmaw l-Arranġament tal-Proġett tal-EDA għall-akkwist kollaborattiv ta’ munizzjon.

(6)

L-isforzi konġunti biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrikostitwixxu l-istokkijiet eżawriti tagħhom u biex jappoġġaw lill-Ukrajna jistgħu jkunu effettivi biss jekk in-naħa tal-provvista tal-Unjoni tkun tista’ tikkonsenja l-prodotti tad-difiża meħtieġa fil-ħin. Iżda, bi stokkijiet li qed jonqsu malajr, bil-produzzjoni fl-Unjoni kważi b’kapaċità massima mill-ordnijiet tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi, u bil-prezzijiet li diġà qed jiżdiedu, huma meħtieġa miżuri addizzjonali ta’ politika industrijali tal-Unjoni biex tiġi żgurata żieda rapida fil-kapaċitajiet tal-manifattura.

(7)

Kif enfasizzat mill-ħidma tat-Task Force dwar l-Akkwist Konġunt fil-Qasam tad-Difiża dwar il-koordinazzjoni tal-ħtiġijiet tal-akkwist fil-qasam tad-difiża fuq terminu ta’ żmien qasir ħafna u l-involviment mal-Istati Membri u mal-manifatturi tad-difiża tal-Unjoni biex tappoġġa l-akkwist komuni għar-riforniment tal-istokkijiet, b’mod partikolari fid-dawl tal-appoġġ ipprovdut lill-Ukrajna, l-industrija tal-Unjoni għandha kapaċitajiet ta’ manifattura fil-qasam tal-munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija kif ukoll tal-missili (‘prodotti rilevanti tad-difiża’). Madankollu, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fi ħdan is-settur tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni tfasslu għal żminijiet meta l-isfidi kienu differenti mill-isfidi attwali ppreżentati lill-Unjoni. Il-flussi tal-provvista ġew adattati abbażi ta’ domanda aktar modesta, b’livell minimu ta’ stokkijiet u fornituri diversifikati globalment biex jitnaqqsu il-kostijiet, u b’hekk is-settur tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni ġie espost għal dipendenzi. B’konsegwenza ta’ dan, f’dan il-kuntest, il-kapaċità tal-manifattura attwali u l-ktajjen tal-provvista u tal-valur eżistenti ma jippermettux konsenja sigura u f’waqtha ta’ prodotti tad-difiża neċċessarji għas-sodisfazzjon tal-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-Istati Membri u biex ikompli l-appoġġ tal-ħtiġijiet tal-Ukrajna, u b’hekk jinħolqu tensjonijiet fis-suq għall-prodotti rilevanti tad-difiża, u riskju ta’ effett ta’ esklużjoni. Għalhekk huwa meħtieġ intervent addizzjonali fil-livell tal-Unjoni.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 173(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jenħtieġ li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-kisbatal-għan li tħaffef l-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali. Għalhekk, jidher xieraq li l-industrija tal-Unjoni tiġi appoġġata biex iżżid il-volum tal-produzzjoni tagħha, tnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni tagħha u tindirizza l-effetti lembut potenzjali jew il-fatturi li jistgħu jdewmu jew jimpedixxu d-disponibilita’ u l-provvistaf’waqtha ta’ prodotti rilevanti tad-difiża.

(9)

Jenħtieġ li l-miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni jkollhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) fil-qasam tal-munizzjon u l-missili, biex jippermettu l-adattament urġenti tagħha għall-bidla strutturali.

(10)

Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġi stabbilit strument għall-appoġġ finanzjarju tat-tisħiħ tal-industrija tul il-ktajjen tal-provvista u tal-valur relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża fl-Unjoni (l-“Istrument”).

(11)

L-istruttura speċifika, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà u l-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament huma partikolari għal dan l-Istrument fuq terminu ta’ żmien qasir u huma ddeterminati minn ċirkostanzi speċifiċi u s-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali.

(12)

L-Istrument se jkun koerenti ma’ inizjattivi kollaborattivi eżistenti tal-Unjoni relatati mad-difiża bħal dawk tal-Fond Ewropew għad-Difiża, tal-EDIRPA propost, kif ukoll l-EPF, u se jiġġenera sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni. L-Istrument hu koerenti għalkollox mal-ambizzjoni tal-Boxxla Strateġika.

(13)

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (“ir-Regolament Finanzjarju”) jenħtieġ li japplika għall-Istrument, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(14)

F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li l-azzjoni kellha tinbeda qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, il-kostijiet imgarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-għotja mhumiex eliġibbli, għajr f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex tiġi indirizzata s-sejħa tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2023 biex jitħaffef il-forniment tal-prodotti rilevanti tad-difiża, fid-deċiżjoni ta’ finanzjament jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu previsti kontribuzzjonijiet finanzjarji fir-rigward ta’ azzjonijiet li jkopru perjodu li jibda minn dik id-data.

(15)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għad-durata kollha tal-Istrument bħala l-ammont ta’ referenza primarja, skont it-tifsira tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (4), għall-Parlament Ewropew u għal-Kunsill waqt il-proċedura baġitarja annwali.

(16)

Il-possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 73(4) tar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jistgħu jiġu applikati dment li l-proġett jikkonforma mar-regoli stabbiliti f’dak ir-Regolament u fl-ambitu tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond Soċjali Ewropew Plus kif stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2021/1058 (6) u (UE) 2021/1057 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rispettivament. F’konformità mal-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/1060, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-programmi emendati ppreżentati mill-Istat Membru u li tagħmel osservazzjonijiet fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tal-programm emendat. Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tistinka biex tikkonkludi l-valutazzjoni tal-programmi nazzjonali emendati mingħajr dewmien żejjed.

(17)

Meta jipproponu pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati jew ġodda, f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipproponu miżuri li jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet l-Istrument, f’konformita mal-finijiet u r-rekwiżiti stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 (9), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (10) u r-Regolament (UE) 2021/241. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw b’mod partikolari miżuri marbuta ma’ proposti sottomessi għal sejħa għal proposti fl-ambitu tal-Istrument, li ngħataw Siġill ta’ Eċċellenza skont l-Istrument.

(18)

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (12), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (13) u (UE) 2017/1939 (14), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inklużi miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE u tiżgura li kwalunkwe terza persuna involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(19)

Jenħtieġ li Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ikunu jistgħu jieħdu sehem fl-Istrument fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (16), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Ddan ir-Regolament jenħtieġ li jirrikjedi li dawk il-pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.

(20)

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-industrija tad-difiża, fejn id-domanda tiġi kważi esklużivament mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, li jikkontrollaw ukoll kull akkwiżizzjoni ta’ prodotti u teknoloġiji relatati mad-difiża, inkluż l-esportazzjonijiet, il-funzjonament tas-settur tad-difiża ma jimxix mar-regoli konvenzjonali u l-mudelli ta’ negozju li jirregolaw swieq aktar tradizzjonali. L-industrija għalhekk ma tinvolvix ruħha f’investimenti industrijali sostanzjali awtofinanzjati iżda tagħmel dan biss bħala konsegwenza tal-ordnijiet tad-ditti. Filwaqt li l-ordnijiet tad-ditti mill-Istati Membri huma prekundizzjoni għal kwalunkwe investiment, il-Kummissjoni tista’ tintervjeni billi tneħħi r-riskji tal-investimenti industrijali permezz ta’ għotjiet u self li jippermettu adattament aktar mgħaġġel għall-bidla strutturali li tkun għaddejja fis-suq. Fil-kuntest tal-emerġenza attwali, l-appoġġ tal-Unjoni jenħtieġ li jkopri sa 50 % tal-kostijiet diretti eliġibbli sabiex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jimplimentaw l-azzjonijiet malajr kemm jista’ jkun, ineħħu r-riskju tal-investiment tagħhom u għalhekk iħaffu d-disponibbiltà tal-prodotti rilevanti tad-difiża.

(21)

Jenħtieġ li l-Istrument jipprovdi appoġġ finanzjarju, permezz ta’ mezzi previsti fir-Regolament Finanzjarju, għal azzjonijiet li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti rilevanti tad-difiża bħal attivitajiet ta’ koordinazzjoni u networking industrijali, aċċess għall-finanzi għal impriżi involuti fil-manifattura ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, riżerva tal-kapaċitajiet, proċessi industrijali ta’ rikondizzjonar ta’ prodotti skaduti, espansjoni, ottimizzar, modernizzar, aġġornament jew adattament għal skop ġdid ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni eżistenti f’dak il-qasam, kif ukoll it-taħriġ tal-persunal.

(22)

Billi l-Istrument għandu l-għan li jtejjeb il-kompetittività u l-effiċjenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, huma biss l-entitajiet, kemm jekk pubbliċi kif ukoll privati, li huma stabbiliti u li għandhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiżi assoċjati li jenħtieġ li jkunu eliġibbli għall-appoġġ. Dawk l-entitajiet jenħtieġ li jew ma jkunux soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat jew, inkella, jenħtieġ li huma jkunu ġew soġġetti għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u, fejn meħtieġ, għal miżuri ta’ mitigazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Artikolu. Entità li tkun stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat jew entità li tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, iżda li l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha jkunu f’pajjiż terz mhux assoċjat, jenħtieġ li ma tkunx eliġibbli bħala riċevitur involut f’azzjoni.

(23)

Jenħtieġ li entitajiet stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat li jkunu kkontrollati minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat u li ma kinux soġġetti għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 u, fejn meħtieġ, għall-miżuri ta’ mitigazzjoni, jkunu eliġibbli bħala riċevituri biss dment li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet stretti relatati mal-interessi tas-sigurtà u tad-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbilit fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni skont it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), inkluż f’termini tat-tisħiħ tal-EDTIB. Jenħtieġ li l-parteċipazzjoni ta’ dawn l-entitajiet ma tmurx kontra l-għanijiet tal-Istrument. F’dak il-kuntest, kontroll jenħtieġ li tinftiehem bħala l-abbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità b’mod dirett jew indirett permezz ta’ entità intermedja waħda jew aktar. L-applikanti jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi li għandhom jintużaw fl-azzjoni. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jitqies ukoll it-tħassib tal-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-provvista. Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni li tirriżulta mill-kriżi eżistenti tal-provvista tal-munizzjon, jenħtieġ li l-Istrument iqis il-ktajjen tal-provvista eżistenti.

(24)

L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri involuti f’azzjoni appoġġata taħt l-Istrument jenħtieġ li jkunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat għad-durata kollha tal-azzjoni.

(25)

Jenħtieġ li l-Istrument ma jappoġġax finanzjarjament l-irrankar tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal prodotti rilevanti tad-difiża li jkunu soġġetti għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat li jillimitaw l-abbiltà tal-Istati Membri li jużaw dawk il-prodotti rilevanti tad-difiża. Ir-riċevitur jenħtieġ li jkollu l-għan li jiżgura li l-azzjoni ffinanzjata mill-Istrument tippermetti t-twassil tal-outputs lill-Ukrajna.

(26)

Skont l-Artikolu 85 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 (18), persuni fiżiċi u korpi u istituzzjonijet stabbiliti f’pajjiżi u f’territorji ekstra-Ewropej (OCTs) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-għanijiet tal-Istrument u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom l-OCT rilevanti jkun marbut.

(27)

Meta tivvaluta l-proposti ppreżentati mill-applikanti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kontribut tagħhom għall-għanijiet tal-Istrument. Jenħtieġ li l-proposti jiġu vvalutati, b’mod partikolari, skont il-kontribut tagħhom għaż-żieda, għat-tisħiħ, għar-riżerva jew għall-immodernizzar tal-kapaċitajiet tal-manifattura, kif ukoll għat-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol relatata. Jenħtieġ li dawn jiġu vvalutati wkoll skont il-kontribut tagħhom għat-tnaqqis taż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni tal-prodotti rilevanti tad-difiża, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ riprijoritizzazzjoni tal-ordnijiet, għall-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni tal-effetti lembut tul il-ktajjen tal-provvista tagħhom kif ukoll għall-iżvilupp tar-reżiljenza ta’ dawk il-ktajjen tal-provvista permezz tal-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-impriżi, b’mod partikolari, sa punt sinifikanti, l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja (mid-caps) li joperaw fil-ktajjen tal-provvista kkonċernati.

(28)

Meta tfassal, tagħti u timplimenta l-appoġġ finanzjarju tal- Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li toqgħod attenta b’mod partikolari li tiżgura li tali appoġġ ma jaffettwax b’mod avvers il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(29)

Barra minn hekk, il-kriżi li tirriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna mhux biss uriet nuqqasijiet fis-settur industrijali tad-difiża tal-Unjoni, iżda ħolqot ukoll sfidi għall-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti tad-difiża. Tabilħaqq, il-kuntest ġeopolitiku attwali jinvolvi żieda sinifikanti fid-domanda li taffettwa l-funzjonament tas-suq intern għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti rilevanti tad-difiża u tal-komponenti tagħhom fl-Unjoni. Filwaqt li ċerti Stati Membri ħadu jew x’aktarx jieħdu miżuri biex jippreservaw il-ħażniet tagħhom stess bħala kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali, oħrajn qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ aċċess għall-oġġetti meħtieġa għall-manifattura jew l-akkwist ta’ prodotti rilevanti tad-difiża. Xi drabi, id-diffikultajiet fl-aċċess għal materja prima waħda jew għal komponent speċifiku tfixkel il-ktajjen tal-produzzjoni kollha. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, jeħtieġ li jiġu stabbiliti, b’mod koordinat, regoli armonizzati li jżidu s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti rilevanti tad-difiża. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jinkludu aċċellerazzjoni tal-proċess tal-għoti ta’ permessi u l-faċilitazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE.

(30)

Fid-dawl tal-importanza li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-prodotti rilevanti tad-difiża, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, mal-kostruzzjoni u l-operat tal-faċilitajiet tal-produzzjoni, mat-trasferiment fi ħdan l-Unjoni tal-inputs, kif ukoll il-kwalifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti finali rilevanti jiġu pproċessati b’mod effiċjenti u f’waqtu.

(31)

Sabiex jiġi segwit l-għan ġenerali tal-politika pubblika tas-sigurtà, jeħtieġ li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni relatati mal-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li l-piż amministrattiv jinżamm għal minimu. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jittrattaw applikazzjonijiet relatati mal-ippjanar, mal-kostruzzjoni u mat-tħaddim ta’ impjanti u installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-prodotti rilevanti tad-difiża bl-aktar mod rapidu possibbli. Jenħtieġ li tali applikazzjonijiet jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali.

(32)

Fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-Regolament, u tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-kuntest eċċezzjonali tal-adozzjoni tiegħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jużaw eżenzjonijiet relatati mad-difiża skont il-liġi nazzjonali u l-liġi tal-Unjoni applikabbli, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk iqisu li l-użu ta ' tali eżenzjonijiet jiffaċilita l-kisba ta' dak il-għan. Dak jista’ japplika b’mod partikolari għal-liġi tal-Unjoni dwar kwistjonijiet ambjentali, tas-saħħa u tas-sikurezza, li huwa indispensabbli biex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll biex jinkiseb żvilupp sostenibbli u sikur. Madankollu, l-implimentazzjoni ta’ dik il-liġi tista’ tipproduċi wkoll ostakli regolatorji li jxekklu l-potenzjal tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni li żżid il-produzzjoni u l-konsenji ta’ prodotti rilevanti tad-difiża. Hija responsabbiltà kollettiva għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jeżaminaw b’mod urġenti kwalunkwe azzjoni li jistgħu jieħdu biex ittaffu l-ostakli possibbli. Kwalunkwe azzjoni bħal din, sew fil-livell tal-Unjoni, reġjonali jew nazzjonali, jenħtieġ li ma tikkompromettix l-ambjent, is-saħħa u s-sikurezza.

(33)

Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) għandha l-għan li tarmonizza l-proċeduri ta’ akkwist għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Istati Membri u l-obbligi li jirriżultaw mit-TFUE. Dik id-Direttiva tipprevedi b’mod partikolari dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw minn kriżi, b’mod partikolari perjodi mqassra għall-wasla ta’ offerti u l-possibbiltà li tintuża l-proċedura nnegozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt. Madankollu, l-urġenza estrema kkawżata mill-kriżi attwali tal-provvista tal-munizzjon tista’ tkun inkompatibbli anki ma’ dawk id-dispożizzjonijiet f’każijiet fejn żewġ Stati Membri jew aktar ikollhom l-intenzjoni li jidħlu għal akkwist komuni. F’xi każijiet, l-unika soluzzjoni li tiżgura l-interessi tas-sigurtà ta’ dawk l-Istati Membri hija li jinfetaħ ftehim qafas eżistenti għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-Istati Membri li oriġinarjament ma kinux parti għalih, minkejja li dik il-possibbiltà ma kinitx prevista fil-ftehim qafas oriġinali.

(34)

F’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-modifiki għal kuntratt pubbliku jenħtieġ li jkunu strettament limitati għal dak li huwa assolutament meħtieġ fiċ-ċirkostanzi, filwaqt li jikkonformaw kemm jista’ jkun mal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni, trasparenza u proporzjonalità. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jkun possibbli li ssir deroga mid-Direttiva 2009/81/KE billi jiżdiedu l-kwantitajiet previsti fil-ftehim qafas filwaqt li dan jinfetaħ għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ta’ Stati Membri oħra. Fir-rigward ta’ dawk il-kwantitajiet addizzjonali, jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jgawdu mill-istess kundizzjonijiet bħall-awtorità/entità kontraenti oriġinali li tkun kkonkludiet il-ftehim qafas oriġinali. F’tali każijiet, l-awtorità/entità kontraenti oriġinali jenħtieġ li tippermetti wkoll lil kwalunkwe operatur ekonomiku li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-awtorità/entità kontraenti inizjalment stabbiliti fil-proċedura ta’ akkwist għall-ftehim qafas, inklużi r-rekwiżiti għal għażliet kwalitattivi kif imsemmi fl-Artikoli 39 sa 46 tad-Direttiva 2009/81/KE, li jissieħeb f’dak il-ftehim qafas. Barra minn hekk, jenħtieġ li jittieħdu miżuri xierqa ta’ trasparenza biex jiġi żgurat li l-partijiet potenzjalment interessati kollha jiġu infurmati. Sabiex jiġu limitati l-effetti ta’ dawk il-modifiki fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni, jenħtieġ li jkun possibli li jiġu konklużi tali lmodifiki tal-ftehimiet qafas jiġu konklużi biss sat-30 ta’ Ġunju 2025.

(35)

Sabiex tkun kompetittiva, innovattiva u reżiljenti, kif ukoll biex tkun tista’ żżid il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħha, l-EDTIB jeħtieġ li jkollha aċċess kemm għall-finanzjament pubbliku kif ukoll għal dak privat. Kif previst fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Frar 2022 bit-titolu “Kontribut tal-Kummissjoni għad-difiża Ewropea”, l-inizjattivi tal-Unjoni dwar il-finanzi sostenibbli jibqgħu konsistenti mal-isforzi tal-Unjoni biex tiffaċilita l-aċċess suffiċjenti tal-industrija Ewropea tad-difiża għall-finanzjament u l-investiment. F’dak il-kuntest, il-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-Unjoni ma jipprevjenix l-investiment f’attivitajiet relatati mad-difiża. L-industrija tad-difiża tal-Unjoni hija kontributur kruċjali għar-reżiljenza u għas-sigurtà tal-Unjoni, u għalhekk għall-paċi u s-sostenibbiltà soċjali. Fi ħdan l-inizjattivi tal-Unjoni dwar politiki ta’ finanzjament sostenibbli, armi kontroversjali soġġetti għal konvenzjonijiet internazzjonali li jipprojbixxu l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħażna, l-użu, it-trasferiment u l-konsenja tagħhom, u ffirmati mill-Istati Membri, jitqiesu inkompatibbli mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà soċjali. Is-settur tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni huwa soġġett għal skrutinju regolatorju mill-qrib implimentat mill-Istati Membri għat-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ oġġetti militari u b’użu doppju. F’dik il-perspettiva, l-impenn tal-atturi finanzjarji nazzjonali u Ewropej – bħall-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali – biex jappoġġaw l-industrija Ewropea tad-difiża, jibgħat sinjal qawwi lis-settur privat. Filwaqt li jsegwi bis-sħiħ il-missjonijiet l-oħra tiegħu ta’ żvilupp ekonomiku u ta’ finanzjament tal-politika pubblika, inkluż it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u f’konformità mal-Artikolu 309 tat-TFUE kif ukoll mal-istatut tiegħu, il-Bank Ewropew tal-Investiment jenħtieġ li jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu għall-industrija Ewropea tad-difiża u l-akkwist konġunt lil hinn mill-appoġġ kontinwu tiegħu għall-użu doppju, f’każijiet fejn investimenti bħal dawn iservu b’mod ċar biex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-Boxxla Strateġika.

(36)

L-impriżi fil-katini tal-valur tal-prodotti rilevanti tad-difiża jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-finanzjament tad-dejn, sabiex iħaffu l-investimenti meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura. L-istrument jenħtieġ li jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-impriżi tal-Unjoni fis-settur tal-munizzjon u l-missili. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura b’mod partikolari li dawk l-impiżijingħataw l-istess kundizzjonijiet offruti lil-impriżi oħra, filwaqt li jieħdu l-inkarigu ta’ kwalunkwe kost addizzjonali li jirriżulta speċifikament għas-settur tad-difiża.

(37)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi faċilità ddedikata bħala parti mill-attivitajiet ta’ faċilitazzjoni tal-investiment li tkun imsemmija bħala l-“Fond tal-Irrankar”. Il-Fond tal-Irrankar jenħtieġ li jiġi implimentat permezz ta’ ġestjoni indiretta. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tesplora f’dak ir-rigward l-aktar mod xieraq għall-ingranaġġ tal-baġit tal-Unjoni biex jinfetħu l-investiment pubbliku u privat b’appoġġ għall-irrankar rapidu mfittex, pereżempju permezz ta’ faċilità ta’ taħlit, inkluż fl-ambitu tal-Fond InvestEU stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20), f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab ta’ implimentazzjoni tiegħu. L-attivitajiet tal-“Fond tal-Irrankar” jenħtieġ li jappoġġaw iż-żieda fil-kapaċitajiet tal-manifattura fis-settur tal-munizzjon u l-missili billi jipprovdu opportunitajiet għal disponibbiltà miżjuda ta’ fondi lill-kumpaniji tul il-ktajjen tal-valur.

(38)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li setgħat ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma u tal-għoti ta’ finanzjament għal azzjonijiet magħżula. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

(39)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri biex jagħti rispons għall-impatt tal-kriżi tas-sigurtà, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl- Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(40)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 101 sa 109 TFUE u l-atti legali li jagħtu effett lil dawk l-Artikoli.

(41)

Skont l-Artikolu 41(2) TUE, in-nefqa operazzjonali li tirriżulta mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE jenħtieġ li tiġi mħallsa mill-baġit tal-Unjoni, ħlief għal tali nefqa li tirriżulta minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża.

(42)

Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (22), jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi evalwat fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni eċċessiva u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri. Fejn xieraq, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu indikaturi kwantifikabbli, bħala bażi tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dan ir-Regolament fil-prattika. Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2024, inkluż bil-ħsieb li tippreżenta proposti għal emendi għal dan ir-Regolament, fejn huwa xieraq.

(43)

Meta jitqies il-periklu imminenti għas-sigurtà tal-provvista li rriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(44)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għall-karattru speċifiku tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża ta’ ċerti Stati Membri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sett ta’ miżuri u jistipula baġit bil-mira li jsaħħaħ b’mod urġenti r-rispons u l-kapaċità tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija kif ukoll missili (“prodotti rilevanti tad-difiża”), b’mod partikolari permezz ta’ dan li ġej:

(a)

strument li jappoġġa finanzjarjament it-tisħiħ industrijali għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża fl-Unjoni, inkluż permezz tal-provvista tal-komponenti tagħhom (“l-Istrument”);

(b)

l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi, prinċipji u regoli temporanji biex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’waqtha u dejjiema ta’ prodotti rilevanti tad-difiża għall-akkwirenti tagħhom fl-Unjoni.

Abbażi ta’ evalwazzjoni, skont l-Artikolu 23, tar-riżultati miksuba bl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2024, b’mod partikolari fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-kuntest tas-sigurtà,il-Kummissjoni tista’ tqis l-opportunità li testendi l-applikabbiltà tas-sett ta’ miżuri previst f’dan ir-Regolament u l-allokazzjoni tal-baġit addizzjonali korrispondenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“materja prima” tfisser il-materjali meħtieġa biex jiġu prodotti il-prodotti rilevanti tad-difiża;

(2)

“effett lembut” tfisser punt ta’ konġestjoni f’sistema ta’ produzzjoni li jwaqqaf jew inaqqas serjament il-veloċità tal-produzzjoni;

(3)

“riċevitur” tfisser entità li magħha jkun ġie ffirmat ftehim ta’ għoti ta’ fondi jew ta’ finanzjament jew li tkun ġiet notifikata b’deċiżjoni ta’ għoti ta’ fondi jew finanzjament;

(4)

“applikant” tfisser persuna fiżika jew entità li tkun issottomettiet applikazzjoni f’proċedura ta’ aġġudikazzjoni ta’ għotjiet;

(5)

“kontroll” tfisser il-kapaċità li teżerċita influwenza deċiżiva fuq entità, direttament jew indirettament, permezz ta’ entità intermedja waħda jew aktar;

(6)

“struttura maniġerjali eżekuttiva” tfisser korp ta’ entità maħtur f’konformità mal-liġi nazzjonali u li, meta applikabbli, jirrapporta għall-uffiċjal kap eżekuttiv, li għandu s-setgħa jistabbilixxi l-istrateġija, l-għanijiet u d-direzzjoni ġenerali ta’ dik l-entità, u li jissorvelja u jwettaq monitoraġġ tat-teħid tad-deċiżjonijiet maniġerjali tal-entità;

(7)

“entità” tfisser persuna ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali, li jkollha personalità ġuridika u l-kapaċità li taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità li ma għandhiex personalità ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 197(2), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju;

(8)

“informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni jew materjal, fi kwalunkwe forma, li d-divulgazzjoni mhux awtorizzata tagħha tista’ tikkawża livelli differenti ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ wieħed jew aktar mill-Istati Membri, u li jkollha marka ta’ klassifikazzjoni tal-UE jew marka ta’ klassifikazzjoni korrispondenti, kif stabbilit fil-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (23);

(9)

“informazzjoni sensittiva” tfisser informazzjoni u data li huma protetti minn aċċess jew divulgazzjoni mhux awtorizzata minħabba obbligi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dak nazzjonali jew sabiex titħares il-privatezza jew is-sigurtà ta’ persuna fiżika jew ġuridika;

(10)

“entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat” tfisser entità stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat jew, meta tkun stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat, li jkollha l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħha f’pajjiż terz mhux assoċjat;

(11)

“żmien meħtieġ għall-produzzjoni” tfisser il-perjodu ta’ żmien bejn meta ssir ordni ta’ xiri u l-manifattur ilesti l-ordni;

(12)

“prodotti rilevanti tad-difiża” tfisser munizzjon mill-art għall-art u tal-artillerija kif ukoll missili;

(13)

“operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni sostnuta mill-baġit tal-Unjoni, inkluż f’faċilità jew pjattaforma ta’ taħlit kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (6), tar-Regolament Finanzjarju, li tikkombina forom mhux rimborżabbli ta’ appoġġ jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-Unjoni ma’ forom rimborżabbli ta’ appoġġ mingħand istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi oħra, kif ukoll mingħand istituzzjonijiet finanzjarji kummerċjali u investituri;

(14)

“Siġill ta’ Eċċellenza” tfisser tikketta ta’ kwalità li turi li proposta ppreżentata wara sejħa għall-proposti skont l-Istrument tkun għaddiet il-livelli limitu kollha ta’ evalwazzjoni stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, imma ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa għall-proposti fil-programm ta’ ħidma, u tista’ tirċievi appoġġ minn sorsi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni jew nazzjonali.

Artikolu 3

Pajjiżi terzi assoċjati fl-Istrument

L-Istrument għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (‘pajjiżi assoċjati’), f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

KAPITOLU II

L-ISTRUMENT

Artikolu 4

Għanijiet tal-Istrument

1.   L-għan tal-Istrument huwa li jrawwem l-effiċjenza u l-kompetittività tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea (EDTIB) biex jappoġġa l-irrankar tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-konsenja f’waqtha tal-prodotti rilevanti tad-difiża permezz tat-tisħiħ industrijali.

2.   It-tisħiħ industrijali għandu jikkonsisti b’mod partikolari fit-tnedija u t-tħaffif tal-aġġustament tal-industrija għall-bidliet strutturali rapidi imposti mill-kriżi tal-provvista li jaffettwaw il-prodotti rilevanti tad-difiża li huma meħtieġa biex jiġu rikostitwiti malajr l-istokkijiet tal-munizzjon u tal-missili tal-Istati Membri u tal-Ukrajna. Dak għandu jinkludi t-titjib tal-kapaċità ta’ adattament tal-ktajjen tal-provvista għall-prodotti rilevanti tad-difiża u l-aċċellerazzjoni ta’ tali adattament, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ta’ manifattura jew l-irrankar tagħhom, u tnaqqis taż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni għal prodotti rilevanti tad-difiża fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari permezz tal-intensifikazzjoni u t-twessigħ tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-entitajiet rilevanti.

Artikolu 5

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Istrument għall-perjodu mill-25 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2025 għandu jkun EUR 500 miljun bil-prezzijiet attwali.

2.   Fi ħdan il-pakkett finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sa EUR 50 miljun jistgħu jintużaw bħala operazzjoni ta’ taħlit fil-qafas tal-Fond tal-Irrankar previst fl-Artikolu 15.

3.   Il-pakkett finanzjarjumsemmi fil-paragrafu 1 jista’ wkoll jintuża għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Istrument, bħal attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni, inkluż sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattivi.

4.   L-impenji baġitarji għall-attivitajiet li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq bosta snin f’pagamenti akkont annwali.

5.   Il-baġit tal-Istrument jista’ jissaħħaħ, meta meħtieġ jew fejn l-applikabilita’ ta’ dan r-Regolament tiġi estiża f’konformità mal-Artikolu 1, it-tieni paragrafu.

Artikolu 6

Finanzjament kumulattiv u alternattiv

1.   L-Istrument għandu jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-Unjoni. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni taħt l-Istrument tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm tal-Unjoni ieħor, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi pro-rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-appoġġ.

2.   Sabiex jingħataw it-tikketta tas-Siġill ta’ Eċċellenza, l-azzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti taħt l-Istrument;

(b)

ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti; u

(c)

ma jkunux iffinanzjati fil-qafas ta’ dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji.

3.   Meta jipproponu pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza emendati jew ġodda, f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/241, l-Istati Membri jistgħu jinkludu miżuri li jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet tal-Istrument, b’mod partikolari miżuri marbuta ma’ proposti sottomessi għal sejħa għal proposti skont l-Istrument li jkunu ngħataw Siġill ta’ Eċċellenza.

4.   L-Artikolu 8(5) għandu japplika b’analoġija għall-azzjonijiet iffinanzjati f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

1.   L-Istrument għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta u, fir-rigward tal-Fond tal-Irrankar previst fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament, taħt ġestjoni indiretta mal-korpi msemmija fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), tar-Regolament Finanzjarju. L-Istrument jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, inkluż finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan l-operazzjonijiet ta’ taħlit. L-operazzjonijiet ta’ taħlit għandhom jitwettqu f’konformità mat-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE) 2021/523 u l-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament.

2.   B’deroga mill-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jistgħu, fejn rilevanti u meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni, ikopru l-azzjonijiet li jkunu bdew qabel id-data tas-sottomissjoni tal-proposta għal dawk l-azzjonijiet, dment li dawk l-azzjonijiet ma jkunux bdew qabel l-20 ta’ Marzu 2023 u ma jkunux intemmu qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja.

Artikolu 8

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Huma biss l-azzjonijiet li jimplimentaw l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 li għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament.

2.   L-Istrument għandu jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-azzjonijiet li jindirizzaw l-effetti lembut identifikati fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-ktajjen tal-provvista bil-ħsieb li tiġi żgurata u aċċellerata l-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża biex jiġu żgurati l-provvista effettiva u d-disponibbiltà f’waqtha tagħhom.

3.   L-azzjonijiet eliġibbli għandhom ikunu relatati ma’ waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin u għandhom ikunu esklużivament relatati mal-kapaċitajiet tal-produzzjoni tal-prodotti rilevanti tad-difiża, inklużi l-komponenti u l-materja prima korrispondenti tagħhom sa fejn ikunu intiżi jew jintużaw kompletament għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża:

(a)

l-ottimizzazzjoni, l-espansjoni, il-modernizzazzjoni, it-titjib jew l-adattament għal skop ġdid tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni eżistenti jew l-istabbiliment ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni ġodda, b’rabta ma’ prodotti rilevanti tad-difiża jew il-komponenti u l-materja prima korrispondenti tagħhom, sa fejn dawk il-komponenti u l-materja prima jintużaw bħala input dirett għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni jew jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni, inkluż abbażi tal-akkwist jew l-akkwiżizzjoni tal-għodda tal-makkinarji meħtieġa u kwalunkwe input meħtieġ ieħor;

(b)

l-istabbiliment ta’ sħubijiet industrijali transfruntiera, inkluż permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati jew forom oħra ta’ kooperazzjoni industrijali, bi sforz industrijali konġunt, inklużi l-attivitajiet li jimmiraw għall-koordinazzjoni tat-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista jew ir-riżerva ta’ komponenti u materja prima korrispondenti safejn dawk il-komponenti u l-materja prima jintużaw bħala input dirett għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, kif ukoll għall-koordinazzjoni tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tal-pjanijiet ta’ produzzjoni;

(c)

il-bini u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kapaċitajiet riżervati ta’ manifattura f’daqqa ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, il-komponenti u l-materja prima korrispondenti tagħhom, sa fejn dawk il-komponenti u l-materja prima jintużaw bħala input dirett għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, f’konformità mal-volumi ta’ produzzjoni ordnati jew ippjanati;

(d)

l-ittestjar, inkluża l-infrastruttura meħtieġa, u, kif xieraq, tar- iċ-ċertifikazzjoni tal-rikondizzjonar tal-prodotti rilevanti tad-difiżabil-ħsieb li tiġi indirizzata l-obsolexxenza tagħhom u biex ikunu jistgħu jintużaw mill-utenti finali;

(e)

it-taħriġ, it-taħriġ mill-ġdid jew it-titjib tal-kompetenzi tal-persunal b’rabta mal-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d);

(f)

it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament għall-operaturi ekonomiċi rilevanti attivi fil-produzzjoni jew fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, permezz tat-tpaċija ta’ kwalunkwe kost addizzjonali li jirriżulta b’mod speċifiku mis-settur tal-industrija tad-difiża, għall-investimenti relatati mal-attivitajiet msemmija fil-punti (a) sa (e).

4.   L-azzjonijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament fil-qafas tal-Istrument:

(a)

l-azzjonijiet relatati mal-produzzjoni ta’ oġġetti jew mal-konsenja ta’ servizzi li huma pprojbiti bil-liġi internazzjonali applikabbli;

(b)

l-azzjonijiet relatati mal-produzzjoni ta’ armi awtonomi letali mingħajr il-possibbiltà ta’ kontroll sinifikattiv mill-bniedem fuq id-deċiżjonijiet tal-għażla u tal-involviment meta jsiru attakki fuq il-bnedmin;

(c)

l-azzjonijiet jew partijiet minnhom, li diġà huma ffinanzjati kompletament minn sorsi pubbliċi jew privati oħra.

5.   Meta tikkonkludi ftehimiet ma’ riċevituri individwali, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istrument jiffinanzja biss l-attivitajiet li jibbenefikaw esklużivament lill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-prodotti rilevanti tad-difiża, jew tal-komponenti u l-materja prima korrispondenti tagħhom sa fejn ikunu intiżi jew użati kompletament għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża.

Artikolu 9

Rata ta’ finanzjament

1.   L-Istrument għandu jiffinanzja sa 35 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ azzjoni eliġibbli relatata mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża, u sa 40 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ azzjoni eliġibbli relatata mal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tal-komponenti u l-materja prima sa fejn dawn ikunu maħsuba jew użati kompletament għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, azzjoni għandha tkun eliġibbli għal rata ta’ finanzjament miżjuda ta’ 10 punti perċentwali addizzjonali fejn tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

meta l-applikanti juru li saret kontribuzzjoni għall-ħolqien ta’ kooperazzjoni transfruntiera ġdida bejn l-entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri jew fil-pajjiżi assoċjati, kif deskritt fl-Artikolu 8(3), il-punt (b);

(b)

meta l-applikanti jimpenjaw ruħhom li, għad-durata tal-azzjoni, se jipprijoritizzaw l-ordnijiet li jirriżultaw mill-:

(i)

akkwist komuni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża minn mill-inqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati; jew

(ii)

akkwist ta’ prodotti rilevanti tad-difiża minn mill-inqas Stat Membru wieħed għall-fini tat-trasferiment ta’ dawk il-prodotti rilevanti tad-difiża lill-Ukrajna; jew

(c)

fejn il-benefiċjarju jkun SME jew kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat jew fejn il-maġġoranza tal-benefiċjarji li jipparteċipaw f’konsorzju jkunu SMEs jew kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja stabbiliti fi Stati Membri jew f’pajjiżi assoċjati.

L-impenn imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), għandu japplika għall-akkwist ta’ kwalunkwe prodott li jibbenefika direttament jew indirettament minn appoġġ taħt l-Istrument.

Ir-rata ta’ finanzjament miżjuda msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi ffissata għal 10 punti perċentwali addizzjonali anki fil-każ li jiġu ssodisfati aktar minn wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) ta’ dak is-subparagrafu.

B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-appoġġ mill-Istrument jista’ jkopri sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli ta’ attività msemmija fl-Artikolu 8(3), il-punt (f).

3.   Ir-riċevituri għandhom juru li l-kostijiet ta’ azzjoni li mhumiex koperti mill-appoġġ tal-Unjoni se jkunu koperti minn mezzi oħra ta’ finanzjament.

Artikolu 10

Entitajiet eliġibbli

1.   Ir-riċevituri involuti f’azzjoni appoġġata taħt l-Istrument għandhom ikunu entitajiet, kemm jekk ikunu pubbliċi kif ukoll jekk ikunu privati, li jkunu stabbiliti u jkollhom l-istrutturi maniġerjali eżekuttivi tagħhom fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat. Dawk r-riċevituri jew ma għandhomx ikunu soġġetti għal kontroll minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat jew, inkella, huma kienu soġġetti għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 u, fejn meħtieġ, għal miżuri ta’ mitigazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Impriża stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż assoċjat li tkun ikkontrollata minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat u li ma kinitx soġġetta għal skrinjar skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 u, fejn meħtieġ, għal miżuri ta’ mitigazzjoni, għandha tkun eliġibbli biex tkun riċevitur involut f’azzjoni appoġġata taħt l-Istrument biss jekk il-garanziji approvati mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-impriża jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni f’konformità mal-proċeduri nazzjonali tagħha.

Il-garanziji għandhom jiżguraw li l-involviment ta’ tali impriża f’azzjoni ma jmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif stabbilit fil-qafas tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni skont it-Titolu V TUE, jew l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

Il-garanziji għandhom b’mod partikolari jissostanzjaw li, għall-finijiet ta’ azzjoni, hemm fis-seħħ miżuri biex jiġi żgurat li:

(a)

ir-riċevitur ikun jista’ jwettaq l-azzjoni u jagħti riżultati mingħajr ebda restrizzjoni dwar l-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi, ir-riżorsi, il-proprjetà intellettwali jew l-għarfien espert tiegħu meħtieġa għall-finijiet tal-azzjoni, jew restrizzjoni li timmina l-ħiliet u l-istandards tiegħu meħtieġa biex titwettaq l-azzjoni; u

(b)

l-aċċess minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat għal informazzjoni sensittiva jew klassifikata relatata mal-azzjoni jiġi evitat u l-impjegati jew persuni oħra involuti fl-azzjoni jkollhom approvazzjoni tas-sigurtà nazzjonali maħruġa minn Stat Membru jew minn pajjiż assoċjat, fejn xieraq.

3.   Jekk jitqies xieraq mill-Istat Membru jew mill-pajjiż assoċjat li fih tkun stabbilita l-impriża, jistgħu jiġu pprovduti garanziji addizzjonali.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni notifika dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2019/452 imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew il-garanziji msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni applikati jew il-garanziji għandhom jitqiegħdu għad-disponibbiltà tal-Kummissjoni fuq talba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 16 bi kwalunkwe notifika pprovduta f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

5.   L-infrastruttura, il-faċilitajiet, l-assi u r-riżorsi tar-riċevituri involuti f’azzjoni li jintużaw għall-finijiet ta’ azzjoni appoġġata mill-Istrument għandhom jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż assoċjat għad-durata kollha ta’ azzjoni.

6.   L-Istrument ma għandux jappoġġa finanzjarjament l-irrankar tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni għal prodotti rilevanti tad-difiża li jkunu soġġetti għal restrizzjoni minn pajjiż terz mhux assoċjat jew minn entità ta’ pajjiż terz mhux assoċjat li jillimitaw l-abbiltà tal-Istati Membri li jużawhom. Ir-riċevitur għandu jagħmel kull sforz biex jiżgura li l-azzjoni ffinanzjata mill-Istrument tippermetti t-twassil tal-outputs lill-Ukrajna.

Artikolu 11

Kriterji għall-aġġudikazzjoni

Kull proposta ppreżentata minn applikant għandha tiġi vvalutata abbażi ta’ wieħed jew aktar mill-kriterji li ġejjin li jkejlu l-kontribuzzjoni tal-azzjoni kkonċernata għat-tisħiħ industrijali mfittex biex titrawwem l-effiċjenza u l-kompetittività ġenerali tal-EDTIB, fir-rigward tal-prodotti rilevanti tad-difiża:

(a)

żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni fl-Unjoni: il-kontribuzzjoni tal-azzjoni għaż-żieda, l-irrankar jew ir-riżerva ta’ kapaċitajiet tal-manifattura, il-modernizzazzjoni tagħhom jew it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol relatata;

(b)

tnaqqis taż-żmien meħtieġ għall-produzzjoni: il-kontribuzzjoni tal-azzjoni għas-sodisfazzjon f’waqtu tad-domanda espressa permezz tal-akkwist pubbliku f’termini ta’ tnaqqis fiż-żminijiet meħtieġa għall-produzzjoni, inkluż permezz ta’ mekkaniżmi ta’ riprijoritizzazzjoni tal-ordnijiet;

(c)

eliminazzjoni tal-effetti lembut fit-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista u fil-produzzjoni: il-kontribuzzjoni tal-azzjoni għall-identifikazzjoni rapida u l-eliminazzjoni rapida u dejjiema ta’ kwalunkwe effett lembut fit-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista (materja prima u kwalunkwe input ieħor) jew fil-produzzjoni (kapaċità tal-manifattura);

(d)

reżiljenza permezz ta’ kooperazzjoni transfruntiera: il-kontribuzzjoni tal-azzjoni għall-iżvilupp u l-operazzjonalizzazzjoni tal-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri jew pajjiżi assoċjati differenti, li jinvolvu b’mod partikolari, b’mod sinifikanti, l-SMEs jew il-mid-caps bħala riċevituri, bħala sottokuntratturi jew bħala impriżi oħra fil-katina tal-provvista;

(e)

appoġġ għall-akkwist: id-dimostrazzjoni mill-applikanti tar-rabta bejn l-azzjoni u l-ordnijiet ġodda li jirriżultaw mill-akkwist konġunt ta’ prodotti rilevanti tad-difiża minn mill-inqas tliet Stati Membri jew pajjiżi assoċjati speċjalment jekk isir f’qafas tal-Unjoni;

(f)

il-kwalità tal-pjan ta’ implimentazzjoni tal-azzjoni, inkluż f’termini tal-proċessi u l-monitoraġġ tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tagħti l-finanzjament skont dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

Artikolu 12

Programm ta’ ħidma

1.   L-Istrument għandu jiġi implimentat permezz ta’ programm ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programm ta’ ħidma għandu jistabbilixxi, fejn applikabbli, l-ammont globali riżervat għall-operazzjonijiet ta’ taħlit.

2.   Il-programm ta’ ħidma għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ finanzjament b’kont meħud tal-ħidma tat-Task Force ta’ Akkwist Konġunt għad-Difiża.

3.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, għandha tadotta l-programm ta’ ħidma msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

KAPITOLU III

SIGURTÀ TAL-PROVVISTA

Artikolu 13

Aċċellerazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għad-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom tal-prodotti rilevanti tad-difiża

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet amministrattivi relatati mal-ippjanar, il-bini u l-operazzjoni tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, it-trasferiment ta’ inputs fi ħdan l-Unjoni kif ukoll il-kwalifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti finali jiġu pproċessati b’mod effiċjenti u f’waqtu. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet nazzjonali kollha kkonċernati għandhom jiżguraw li jingħata l-aktar trattament rapidu legalment possibbli lil tali applikazzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċess tal-ippjanar u tal-għoti tal-permessi, il-bini u l-operazzjoni ta’ impjanti u installazzjonijiet għall-produzzjoni ta’ prodotti rilevanti tad-difiża jingħataw prijorità meta jiġu bbilanċjati l-interessi legali fil-każ individwali kkonċernat.

Artikolu 14

Faċilitazzjoni tal-akkwist komuni matul il-kriżi attwali tal-provvista tal-munizzjon

1.   Meta mill-inqas żewġ Stati Membri jidħlu fi ftehim biex jakkwistaw b’mod komuni prodotti rilevanti tad-difiża u meta l-urġenza estrema derivata mill-kriżi li tirriżulta mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tipprevjeni l-użu ta’ kwalunkwe waħda mill-proċeduri previsti mid-Direttiva 2009/81/KE għall-konklużjoni ta’ ftehim qafas, jistgħu jiġu applikati r-regoli previsti f’dan l-Artikolu.

2.   B’deroga mill-Artikolu 29(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE, awtorità/entità kontraenti tista’ timmodifika ftehim qafas eżistenti li jkun ġie konkluż wara waħda mill-proċeduri previsti fl-Artikolu 25 ta’ dik id-Direttiva sabiex id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu japplikaw għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li oriġinarjament ma jkunux parti għall-ftehim qafas.

3.   B’deroga mill-Artikolu 29(2), it-tielet subparagrafu, tad-Direttiva 2009/81/KE, awtorità/entità kontraenti tista’ tagħmel emendi sostanzjali għall-kwantitajiet stabbiliti fi ftehim qafas eżistenti sakemm dak ikun strettament meħtieġ għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Fejn il-kwantitajiet stabbiliti fi ftehim qafas eżistenti jiġu modifikati b’mod sostanzjali skont dan il-paragrafu, kwalunkwe operatur ekonomiku li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-awtorità/ entità kontraenti inizjalment stabbiliti fil-proċedura ta’ akkwist pubbliku għall-ftehim qafas, inklużi r-rekwiżiti għal għażliet kwalitattivi kif imsemmi fl-Artikoli 39 sa 46 tad-Direttiva 2009/81/KE, għandu jingħata l-opportunità li jissieħeb f’dak il-ftehim qafas. L-awtorità/entità kontraenti għandha tiftaħ dik il-possibbiltà permezz ta’ avviż ad hoc ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għandu japplika għall-ftehimiet qafas imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-kwantitajiet addizzjonali, u b’mod partikolari għar-relazzjonijet bejn l-awtoritajiet/l-entitajiet kontraenti tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1.

5.   L-awtoritajiet/l-entitajiet kontraenti li mmodifikaw kuntratt fil-każijiet msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jippubblikaw avviż dwar dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tali avviż għandu jiġi ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/81/KE.

6.   L-awtoritajiet entitajiet kontraenti ma jistgħux jużaw dan l-Artikolu b’mod mhux xieraqjew b’tali mod li jimpedixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni.

7.   Il-modifiki introdotti fil-ftehimiet qafas skont dan l-Artikolu għandhom jiġu konklużi sat-30 ta’ Ġunju 2025.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI APPLIKABBLI GĦALL-AĊĊESS GĦALL-FINANZI

Artikolu 15

Fond tal-Irrankar

1.   Għall-ingranaġġ, għat-tneħħija tar-riskji u għat-tħaffif tal-investimenti meħtieġa biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-manifattura, tista’ tiġi stabbilita faċilità tat-taħlit, li jipproponi soluzzjonijiet tad-dejn (il-“Fond tal-Irrankar”).

2.   L-għanijiet speċifiċi li jrid jilħaq il-Fond tal-Irrankar għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

jittejjeb l-effett ta’ ingranaġġ tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni u jinkiseb effett multiplikatur ogħla f’termini ta’ attirar ta’ finanzjament mis-settur privat;

(b)

jingħata appoġġ lill-kumpaniji li jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament, u tiġi indirizzata l-ħtieġa li tiġi sostnuta r-reżiljenza tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni;

(c)

jiġi aċċellerat l-investiment fil-qasam tal-manifattura ta’ prodotti rilevanti tad-difiża u finanzjament ta’ ingranaġġ kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, filwaqt li tiżdied is-sigurtà tal-provvista għall-katina tal-valur tal-industrija tad-difiża kollha tal-Unjoni;

(d)

jissaħħaħ l-aċċess għall-finanzjament għall-investimenti relatati mal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(3), il-punti (a) sa (e).

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   L-EDA għandha tiġi mistiedna tagħti l-fehmiet u l-għarfien espert tagħha lill-kumitat bħala osservatur. Anke s-SEAE għandu jiġi mistieden biex jassisti fil-ħidma tal-kumitat.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Sigurtà tal-Informazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproteġi l-informazzjoni klassifikata li tirċievi fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mar-regoli tas-sigurtà stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (24).

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel użu minn sistemi ta’ skambju siguri eżistenti jew stabbiliti sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva u klassifikata bejn il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, l-EDA, u l-Istati Membri u, fejn xieraq, mal-entitajiet soġġetti għall-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dik is-sistema għandha tqis ir-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà tal-Istati Membri.

Artikolu 18

Kunfidenzjalità u proċessar ta’ informazzjoni

1.   L-informazzjoni riċevuta b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop li għalih tkun intalbet.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u professjonali u ta’ informazzjoni sensittiva u klassifikata oħra miksuba u ġġenerata bl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiva.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni klassifikata pprovduta jew skambjata skont dan ir-Regolament ma tiġix degradata jew deklassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur.

4.   Il-Kummissjoni ma għandha tikkondividi l-ebda informazzjoni b’mod li jista’ jwassal għall-identifikazzjoni ta’ entità meta l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tirriżulta f’dannu kummerċjali potenzjali għal dik l-entità jew f’dannu potenzjali għar-reputazzjoni tagħha jew fl-iżvelar ta’ xi sigriet kummerċjali.

Artikolu 19

Protezzjoni tad-data personali

1.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri b’rabta mal-ipproċessar tagħhom tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), jew l-obbligi tal-Kummissjoni u, fejn xieraq, tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċji u aġenziji l-oħra tal-Unjoni, b’rabta mal-ipproċessar tagħhom tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27), meta jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom.

2.   Id-data personali ma għandhiex tiġi pproċessata jew ikkomunikata ħlief f’każijiet fejn dan ikun strettament neċessarju għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. F’tali każijiet, għandhom japplikaw kif xieraq ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

3.   Fejn l-ipproċessar tad-data personali ma jkunx strettament neċessarju għat-twettiq tal-mekkaniżmi stabbiliti f’dan ir-Regolament, id-data personali għandha tiġi anonimizzata b’tali mod li s-suġġett tad-data ma jkunx identifikabbli.

Artikolu 20

Awditi

L-awditi dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew entitajiet, inkluż minn persuni jew entitajiet li mhumiex inkarigati mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji jew mill-aġenziji tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju. Il-Qorti tal-Awdituri għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u tan-nefqa kollha tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 287 tat-TFUE.

Artikolu 21

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Fejn pajjiż terz jipparteċipa fl-Istrument permezz ta’ deċiżjoni adottata skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pajjiż assoċjat għandu jagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw b’mod komprensiv il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Fil-każ tal-OLAF, tali drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jitwettqu l-investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

Artikolu 22

Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

1.   Ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini tal-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku.

2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Istrument, għal azzjonijiet li jittieħdu skont l-Istrument u r-riżultati miksuba.

3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Istrument għandhom jikkontribwixxu għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, dment li dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4.

4.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Istrument jistgħu jikkontribwixxu għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tixrid, avvenimenti ta’ tlaqqigħ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari li jkunu mmirati lejn il-ftuħ ta’ ktajjen tal-provvista biex titrawwem il-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs.

Artikolu 23

Evalwazzjoni

1.   Sat-30 ta’ Ġunju 2024, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport li jevalwa l-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament u r-riżultati tagħhom, kif ukoll l-opportunità li testendi l-applikabbiltà tagħhom u tipprevedi l-finanzjament tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-kuntest tas-sigurtà. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jissejjes fuq il-konsultazzjonijiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati ewlenin u għandu jiġi kkomunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.   Filwaqt li tqis ir-rapport ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposti għal kwalunkwe emenda xierqa għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari bil-ħsieb li tkompli tindirizza kwalunkwe riskju persistenti fir-rigward tal-provvista ta’ prodotti rilevanti tad-difiża.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika sat-30 ta’ Ġunju 2025. Dak ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika tal-azzjonijiet mibdija skont dan ir-Regolament jew kwalunke azzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

P. NAVARRO RÍOS


(1)  L-opinjoni tal-14 ta’ Ġunju 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Lulju 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023.

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 159).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(11)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(15)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

(16)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(17)  Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1).

(18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1764 tal-5 ta’ Ottubru 2021 dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea inkluż ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea min-naħa, u Greenland u r-Renju tad-Danimarka min-naħa l-oħra (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni extra-Ewropea, inkluż Greenland) (ĠU L 355, 7.10.2021, p. 6).

(19)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30).

(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(22)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(23)  ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13.

(24)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(25)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(26)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(27)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).