|
17.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 180/12 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1464
tal-14 ta’ Lulju 2023
li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-formaldeid u tar-rilaxxaturi tal-formaldeid
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-formaldeid huwa gass reattiv ħafna f’temperatura u f’kundizzjonijiet ta’ pressjoni atmosferika ambjentali. Huwa kklassifikat fil-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala karċinoġenu kategorija 1B, mutaġenu kategorija 2, tossikant akut kategorija 3, korrużiv għall-ġilda kategorija 1B u sensitizzatur tal-ġilda kategorija 1. |
|
(2) |
Il-formaldeid huwa sustanza kimika b’volum għoli ta’ produzzjoni b’firxa wiesgħa ta’ użu. Jiġi prodott ukoll b’mod endoġenu fil-bnedmin u fl-annimali, u huwa intermedju metaboliku essenzjali fiċ-ċelloli kollha. Barra minn hekk, 98 % tal-formaldeid immanifatturat jew importat fl-Unjoni jintuża bħala intermedju kimiku fil-produzzjoni ta’ reżini, termoplastiks u sustanzi kimiċi oħrajn ibbażati fuq il-formaldeid, li mbagħad jintużaw f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet. Ir-reżini bbażati fuq il-formaldeid jintużaw fil-produzzjoni ta’ varjetà wiesgħa ta’ oġġetti, li, bħala riżultat, jistgħu jirrilaxxaw il-formaldeid. L-użu primarju ta’ reżini bbażati fuq il-formaldeid huwa fil-manifattura ta’ pannelli bbażati fuq l-injam, fejn jaġixxu bħala legaturi għall-partikoli tal-injam. Tali reżini jintużaw ukoll fil-produzzjoni ta’ prodotti oħrajn ibbażati fuq l-injam bħall-għamara u l-pavimentar, u għall-wallpapers, il-fowms, il-parts għall-vetturi tat-triq u għall-inġenji tal-ajru, it-tessuti u l-prodotti tal-ġilda. |
|
(3) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2017 (3), skont l-Artikolu 69(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-Kummissjoni talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) tħejji dossier li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness XV ta’ dak ir-Regolament (minn hawn ’il quddiem “id-dossier skont l-Anness XV”), sabiex jiġi vvalutat ir-riskju għas-saħħa tal-bniedem mill-formaldeid u minn sustanzi li jirrilaxxaw il-formaldeid f’taħlitiet u oġġetti għall-użu mill-konsumatur. |
|
(4) |
Fil-11 ta’ Marzu 2019, l-Aġenzija (li għandha tkun magħrufa bħala “s-Sottomittent tad-Dossier” fil-kuntest tas-sottomissjoni ta’ dossier) ippreżentat id-dossier skont l-Anness XV (4), li wriet li r-riskju għas-saħħa tal-bniedem mill-formaldeid rilaxxat minn oġġetti tal-konsumatur f’ambjenti interni ma huwiex ikkontrollat b’mod adegwat fix-xenarji kollha, u li hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat dak ir-riskju. |
|
(5) |
Is-Sottomittent tad-Dossier ivvaluta l-periklu tal-formaldeid billi kkunsidra l-effetti tas-sustanza fuq diversi punti aħħarin, u kkonkluda li r-riskju mill-inalazzjoni li twassal għal irritazzjoni sensorjali huwa l-aktar effett sensittiv fil-bnedmin. Id-dossier skont l-Anness XV ivvaluta r-riskji mill-inalazzjoni tal-formaldeid assoċjati mal-esponiment tal-konsumatur skont il-Linja Gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għall-Kwalità tal-Arja ta’ Ġewwa għall-formaldeid (konċentrazzjoni medja ta’ 30 minuta bbażata fuq irritazzjoni sensorjali fil-bnedmin) (5). Il-Linja Gwida tipprevedi valur fuq perjodu ta’ żmien qasir (0,1 mg/m3) bil-għan li jiġu pprevenuti l-effetti detrimentali fuq il-funzjoni tal-pulmun, kif ukoll effetti fuq is-saħħa fit-tul, inkluż il-kanċer nażofarinġali. Is-Sottomittent tad-Dossier uża dak il-valur bħala l-livell li ’l fuq minnu jenħtieġ li l-bnedmin ma jiġux esposti għalih (il-livell derivat ta’ bla effett (“DNEL”)) u biex jikkalkula l-limitu propost tal-emissjonijiet ta’ 0,124 mg/m3. |
|
(6) |
Abbażi tal-letteratura disponibbli u l-eżitu tal-istima tal-esponiment, is-Sottomittent tad-Dossier ikkonkluda li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem mir-rilaxx tal-formaldeid minn taħlitiet għall-użu mill-konsumatur huma kkontrollati b’mod adegwat. |
|
(7) |
Għalhekk, is-Sottomittent tad-Dossier ippropona li jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ formaldeid u sustanzi li jirrilaxxaw il-formaldeid f’oġġetti li jiġġeneraw esponiment tal-konsumatur meta r-rilaxxi tal-formaldeid iwasslu għal konċentrazzjonijiet li jaqbżu 0,124 mg/m3 fl-arja ta’ kompartiment tal-ittestjar. Barra minn hekk, is-Sottomittent tad-Dossier speċifika li meta l-formaldeid jew sustanzi li jirrilaxxaw il-formaldeid ikunu ġew miżjuda intenzjonalment matul il-produzzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-vetturi tat-triq u l-inġenji tal-ajru ma jitqegħdux fis-suq jekk il-formaldeid imkejjel fuq ġewwa tagħhom jaqbeż konċentrazzjoni ta’ 0,1 mg/m3 u meta jista’ jkun hemm esponiment tal-konsumaturi għall-formaldeid f’tali vetturi tat-triq u inġenji tal-ajru (6). |
|
(8) |
Il-proposta oriġinali tas-Sottomittent tad-Dossier stabbiliet l-EN 717-1 bħala l-metodu standard biex jitkejlu l-emissjonijiet tal-formaldeid rilaxxati minn pannelli bbażati fuq l-injam f’kompartiment tal-ittestjar. Sabiex jiġi ċċarat li jistgħu jintużaw ukoll metodi ta’ ttestjar xierqa oħrajn u biex jiġu koperti oġġetti oħrajn għajr il-pannelli bbażati fuq l-injam, is-Sottomittent tal-Fajl issostitwixxa r-referenza għall-istandard EN 717-1 fil-proposta tiegħu b’deskrizzjoni usa’ ta’ kundizzjonijiet u ta’ metodi. Il-kundizzjonijiet ambjentali jista’ jkollhom influwenza fuq l-emissjonijiet tal-formaldeid mill-oġġetti u għalhekk il-parametri rilevanti tal-ittestjar ġew elenkati wkoll fid-dossier skont l-Anness XV. |
|
(9) |
Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Valutazzjoni tar-Riskju (“RAC”) adotta l-opinjoni tiegħu. Fl-opinjoni tiegħu, l-RAC qies li l-valur tal-linja gwida tad-WHO ma huwiex protettiv biżżejjed għall-popolazzjoni ġenerali u kkonkluda b’mod partikolari li l-effetti ta’ irritazzjoni sensorjali fuq perjodu qasir ta’ żmien fil-bnedmin ma jistgħux jintużaw biex jitbassru l-effetti fit-tul bħall-kanċer. Minflok, l-RAC stabbilixxa DNEL ta’ 0,05 mg/m3 derivat minn data dwar l-effetti kroniċi fl-annimali għar-rotta tal-inalazzjoni u kkonkluda li, biex jiġi kkontrollat ir-riskju, kien meħtieġ valur ta’ limitu ta’ 0,05 mg/m3 għall-formaldeid rilaxxat mill-oġġetti u għall-formaldeid ġewwa vetturi tat-triq. |
|
(10) |
L-RAC ikkonkluda li r-riskju għall-passiġġieri mill-formaldeid fl-inġenji tal-ajru huwa kkontrollat b’mod adegwat. |
|
(11) |
L-RAC irrakkomanda perjodu tranżizzjonali ta’ 24 xahar mid-dħul fis-seħħ sal-applikazzjoni tar-restrizzjoni proposta, meta mqabbel mal-perjodu ta’ 12-il xahar issuġġerit mis-Sottomittent tad-Dossier, minħabba li tqies li kien meħtieġ żmien itwal biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati metodi analitiċi standard fis-setturi kollha affettwati. L-RAC ikkonkluda li r-restrizzjoni proposta, kif immodifikata mill-RAC, hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati għas-saħħa tal-bniedem li jirriżultaw mill-esponiment tal-konsumaturi għall-formaldeid, f’termini tal-effettività tagħha fit-tnaqqis tar-riskju, il-prattiċità tagħha u l-mod li bih tista’ tiġi mmonitorjata. |
|
(12) |
Fis-17 ta’ Settembru 2020, il-Kumitat tal-Aġenzija għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) adotta l-opinjoni tiegħu, u ta konklużjonijiet dwar ir-restrizzjoni proposta tas-Sottomittent tad-Dossier u dwar il-modifiki proposti mill-RAC. |
|
(13) |
Fl-opinjoni tiegħu, l-SEAC irrikonoxxa li l-proposta tas-Sottomittent tad-Dossier tinvolvi kostijiet f’termini ta’ produzzjoni, kampjunar, ittestjar u infurzar li jammontaw għal għexieren ta’ miljuni ta’ euro. Madankollu, l-SEAC ikkonkluda li dawk il-kostijiet huma mistennija li jkunu limitati għas-setturi kkonċernati, peress li l-biċċa l-kbira tal-oġġetti, inklużi l-vetturi tat-triq, imqiegħda fis-suq fl-Unjoni llum diġà huma konformi mal-valur ta’ limitu propost. L-SEAC ikkonkluda wkoll li r-restrizzjoni proposta tas-Sottomittent tad-Dossier twassal għal benefiċċji mir-restrizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti li jirrilaxxaw konċentrazzjonijiet għoljin ta’ formaldeid, inklużi l-importazzjonijiet. Ir-restrizzjoni tirriżulta f’inqas effetti avversi fuq is-saħħa relatati mal-irritazzjoni tal-għajnejn, mal-parti ta’ fuq tal-passaġġ tan-nifs u mal-kanċer nażofarinġali, l-aktar għal individwi li jgħixu f’abitazzjonijiet ġodda. |
|
(14) |
L-SEAC ikkunsidra li l-benefiċċji li jirriżultaw mil-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-formaldeid mill-oġġetti tal-konsumatur f’ambjenti interni u ġewwa l-vetturi tat-triq, kif proposti, jistgħu jinkisbu b’kostijiet limitati għas-soċjetà. Għalhekk, l-SEAC ikkonkluda li l-proposta tas-Sottomittent tad-Dossier hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat għas-saħħa tal-bniedem, f’termini tal-benefiċċji soċjoekonomiċi tiegħu u l-kostijiet soċjoekonomiċi tiegħu, jekk jiġu inklużi ċerti derogi u jekk jiġu aċċettati l-kundizzjonijiet tal-ittestjar proposti. |
|
(15) |
Biex jingħata żmien suffiċjenti lill-partijiet ikkonċernati sabiex jimplimentaw ir-restrizzjoni, l-SEAC irrakkomanda differiment ta’ 24 xahar għas-setturi kollha fir-rigward tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni. Madankollu, għat-trakkijiet u għall-karozzi tal-linja, l-SEAC irrakkomanda 36 xahar minħabba l-ħtieġa li jiġu żviluppati metodi analitiċi standard għall-kejl tal-konċentrazzjonijiet tal-formaldeid ġewwa tali vetturi. |
|
(16) |
L-SEAC ikkonkluda wkoll li r-restrizzjoni proposta, kif immodifikata mill-RAC, tinvolvi kostijiet soċjoekonomiċi kbar, li jammontaw għal għexieren ta’ biljuni ta’ euro, f’termini ta’ investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp, teknoloġiji ġodda, kostijiet ogħla tal-produzzjoni, kostijiet tal-kampjunar u tal-ittestjar, kif ukoll telf ta’ impjiegi. Barra minn hekk, jaf ikollha effetti negattivi fuq is-setturi tar-riċiklaġġ u fuq l-ekonomija ċirkolari. L-SEAC irrikonoxxa li biex jintlaħaq il-limitu propost mill-RAC, jeżistu alternattivi teknikament fattibbli għal ċerti applikazzjonijiet; madankollu, dawn jirrikjedu bidliet teknoloġiċi estensivi u, f’każijiet speċifiċi, l-użu ta’ alternattivi inqas sostenibbli. |
|
(17) |
L-SEAC irrikonoxxa li l-proposta tal-RAC għandha benefiċċji addizzjonali potenzjali f’termini ta’ esponiment imnaqqas li jista’ jwassal għal tnaqqis akbar fl-irritazzjonijiet tal-għajnejn u tal-parti ta’ fuq tal-passaġġ tan-nifs u fil-kanċers nażofarinġali meta mqabbel mal-proposta tas-Sottomittent tad-Dossier. Madankollu, l-RAC ma kkwantifikax it-tnaqqis tar-riskju assoċjat mat-tnaqqis tal-valur ta’ limitu; għalhekk, id-daqs tal-benefiċċji addizzjonali għas-saħħa għadu mhux magħruf. Barra minn hekk, bħala parti mill-valutazzjoni tiegħu, l-SEAC wettaq analiżi li biha kkalkula li, minħabba l-kostijiet soċjoekonomiċi għoljin, l-inċidenza tal-kanċer nażofarinġali fost il-popolazzjoni fl-Unjoni li tgħix f’abitazzjonijiet ġodda trid tkun 200 darba ogħla mill-inċidenza reali osservata, biex il-proposta tal-RAC tilħaq punt ta’ ekwilibriju. Filwaqt li titqies din l-analiżi ta’ ekwilibriju, l-informazzjoni li waslet mill-industrija matul il-konsultazzjonijiet, u n-nuqqas ta’ data jew informazzjoni li tippermetti l-kwantifikazzjoni ta’ benefiċċji addizzjonali għas-saħħa, l-SEAC ikkonkluda li r-restrizzjoni bbażata fuq il-valur ta’ limitu propost mill-RAC ma tidhirx li hija miżura xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat f’termini ta’ benefiċċji soċjoekonomiċi u kostijiet soċjoekonomiċi. |
|
(18) |
Il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat dwar il-proposta tas-Sottomittent tad-Dossier u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-implimentabbiltà u l-eżegwibbiltà tagħha ġew meqjusa; għandu jiġi nnutat li l-Forum ma kkunsidrax il-modifiki rrakkomandati mill-RAC, peress li ġew ippreżentati wara l-konsultazzjoni tal-Forum. |
|
(19) |
Fit-23 ta’ Frar 2021, l-Aġenzija ppreżentat l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC lill-Kummissjoni (7). L-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC ikkonkludew li hemm riskju għas-saħħa tal-konsumaturi li ma huwiex ikkontrollat b’mod adegwat u li jeħtieġ li jiġi indirizzat fl-Unjoni kollha minħabba l-emissjonijiet tal-formaldeid minn oġġetti fl-arja ta’ ġewwa u minn vetturi tat-triq fl-intern tagħhom. |
|
(20) |
Il-Kummissjoni tinnota li, filwaqt li r-restrizzjoni proposta mis-Sottomittent tad-Dossier kif ukoll l-opinjonijiet mill-RAC u mill-SEAC jirreferu għall-konsumaturi, il-valutazzjoni li tirfed il-proposta tindirizza r-riskju għall-popolazzjoni li tista’ tiġi esposta għall-formaldeid fl-arja ta’ ġewwa għajr il-ħaddiema, inklużi persuni li ma humiex konsumaturi diretti. Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali, huwa għalhekk xieraq li ssir referenza għall-pubbliku ġenerali bħala l-popolazzjoni fil-mira tar-restrizzjoni. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis id-dossier skont l-Anness XV kif ukoll l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, tqis li hemm riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem li jirriżulta mill-formaldeid rilaxxat mill-oġġetti, u li restrizzjoni li tistabbilixxi limitu tal-emissjonijiet għal oġġetti li jemettu l-formaldeid biex jitnaqqas l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-formaldeid permezz tal-inalazzjoni hija l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju. |
|
(22) |
Il-formaldeid huwa sustanza li tinsab b’mod naturali f’organiżmi ħajjin. Barra minn hekk, il-formaldeid jista’ jiġi rilaxxat bħala parti mid-dekompożizzjoni ta’ sustanzi li jinsabu b’mod naturali fil-materjali li jintużaw għall-produzzjoni ta’ oġġett, bħal mid-degradazzjoni tal-linjina fl-injam solidu. Il-Kummissjoni taqbel mas-Sottomittent tad-Dossier li l-oġġetti li fihom il-formaldeid jiġi emess esklussivament minħabba l-okkorrenza naturali tiegħu, jew minħabba l-okkorrenza naturali ta’ sustanzi li jirrilaxxaw il-formaldeid, fil-materjali li minnhom jiġu prodotti l-oġġetti, jenħtieġ li jiġu eżentati mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-restrizzjoni. |
|
(23) |
Il-Kummissjoni taqbel mas-Sottomittent tad-Dossier li l-valur ta’ limitu propost ta’ 0,124 mg/m3 jipprevjeni t-tqegħid fis-suq fl-Unjoni ta’ oġġetti li jirrilaxxaw ammonti għoljin ta’ formaldeid u li huwa xieraq li jiġi limitat l-esponiment għall-formaldeid f’ambjenti fuq ġewwa. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tar-riskju miksub billi jintlaħaq il-valur tal-Linja Gwida tad-WHO huwa modest minħabba l-limiti tal-emissjonijiet volontarji u nazzjonali eżistenti u l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-oġġetti mqiegħda fis-suq illum diġà huma mistennija li jkunu konformi mal-valur ta’ limitu ta’ 0,124 mg/m3. Barra minn hekk, l-ilħuq tal-valur ta’ linja gwida tad-WHO mhux se jkun biżżejjed biex jiġi indirizzat ir-riskju identifikat, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-RAC. Bl-istess mod, il-konċentrazzjonijiet interni attwali fil-vetturi tat-triq fil-biċċa l-kbira jikkonformaw mal-valur ta’ limitu propost ta’ 0,1 mg/m3. |
|
(24) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi wkoll, abbażi tal-konklużjonijiet tal-SEAC dwar il-valutazzjoni soċjoekonomika, li l-valur ta’ limitu ta’ 0,05 mg/m3, kif propost mill-RAC, ikun jinvolvi impatti soċjoekonomiċi kbar għall-Unjoni; u li tali valur ta’ limitu jirrikjedi, f’każijiet speċifiċi, li wieħed jaqleb għal alternattivi inqas sostenibbli b’effetti negattivi fuq is-setturi tar-riċiklaġġ u l-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari fid-dawl tan-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-benefiċċji addizzjonali għas-saħħa ta’ limitu bħal dan meta mqabbel mal-limitu propost mis-Sottomittent tad-Dossier. |
|
(25) |
Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat l-adegwatezza tal-valuri ta’ limitu intermedji ta’ 0,080 mg/m3 u 0,062 mg/m3 li kienu ġew ivvalutati parzjalment mill-SEAC abbażi tal-input li wasal mill-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjonijiet. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-adozzjoni ta’ valuri intermedji bħal dawn tkun tinvolvi protezzjoni akbar tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari dik tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, meta mqabbel mal-limitu propost mis-Sottomittent tad-Dossier, filwaqt li tinvolvi piż soċjoekonomiku aktar baxx u inqas sfidi teknoloġiċi mil-limitu propost mill-RAC, b’mod partikolari jekk ikun hemm ukoll perjodi tranżizzjonali adegwati u derogi speċifiċi. |
|
(26) |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi ż-żieda esponenzjali fil-kostijiet meta jitnaqqas il-valur ta’ limitu, u li l-kostijiet ikkombinati stmati għall-industrija jkunu mill-inqas fil-medda ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ euro għall-valur ta’ limitu ta’ 0,080 mg/m3, meta mqabbel ma’ biljuni ta’ euro għall-valur ta’ limitu ta’ 0,062 mg/m3. Il-Kummissjoni analizzat b’mod ulterjuri l-analiżi ta’ ekwilibriju li saret mill-SEAC, li tikkalkula li, biex il-valur ta’ limitu ta’ 0,062 mg/m3 jilħaq punt ta’ ekwilibriju, l-inċidenza tal-kanċer nażofarinġali fost il-popolazzjoni fl-Unjoni li tgħix f’abitazzjonijiet ġodda trid tkun 70 darba ogħla mill-inċidenza reali osservata, u 30 darba ogħla għall-valur ta’ limitu ta’ 0,080 mg/m3. Madankollu, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-formaldeid huwa sustanza karċinoġenika, li għaliha l-valur ta’ limitu ta’ 0,062 mg/m3 jipprovdi benefiċċji akbar għas-saħħa lill-popolazzjoni fl-Unjoni. Il-Kummissjoni, għalkemm tirrikonoxxi li d-differenzi fil-kostijiet bejn iż-żewġ valuri huma sinifikanti, tqis, fid-dawl tal-benefiċċji potenzjali addizzjonali għas-saħħa, b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli bħat-tfal, li l-kostijiet akbar għall-valur ta’ limitu aktar baxx huma ġġustifikati għal oġġetti li jikkontribwixxu l-aktar għall-kwalità tal-arja ta’ ġewwa. |
|
(27) |
Fil-kunsiderazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-pannelli bbażati fuq l-injam u l-oġġetti magħmula minn pannelli bbażati fuq l-injam jew minn oġġetti oħra bbażati fuq l-injam, kif ukoll għamara li fiha injam jew materjali oħrajn, li fihom jintuża l-formaldeid għajr il-formaldeid li jseħħ b’mod naturali matul il-produzzjoni tagħhom, huma s-sorsi ewlenin tal-emissjonijiet tal-formaldeid fl-arja ta’ ġewwa, b’mod partikolari fi djar mibnija ġodda. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li limitu aktar baxx ta’ emissjonijiet għal tali oġġetti u prodotti magħmula minn aktar minn oġġett wieħed (“prodotti kumplessi”) li huma l-akbar sorsi ta’ formaldeid fl-arja ta’ ġewwa huwa xieraq u jipprovdi protezzjoni akbar għall-pubbliku ġenerali, filwaqt li jillimita l-kostijiet soċjoekonomiċi għal dawk is-setturi li ma jikkontribwixxux daqshekk għall-emissjonijiet. |
|
(28) |
Bl-istess mod, huwa xieraq li jiġi stabbilit limitu aktar baxx għall-preżenza tal-formaldeid ġewwa vetturi tat-triq fejn il-pubbliku ġenerali jkun preżenti biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata, b’mod partikolari tal-popolazzjonijiet vulnerabbli, anke fl-agħar xenarji possibbli. |
|
(29) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-aktar miżura xierqa għall-Unjoni kollha biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ formaldeid fl-arja ta’ ġewwa, u ġewwa l-vetturi tat-triq, hija restrizzjoni li tistabbilixxi l-valur ta’ limitu ta’ 0,062 mg/m3 għall-oġġetti u għall-għamara bbażati fuq l-injam, applikat għall-prodott kumpless kollu, kif ukoll ġewwa l-vetturi tat-triq; u l-valur ta’ limitu ta’ 0,080 mg/m3 għall-oġġetti l-oħrajn kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li l-konċentrazzjoni ta’ formaldeid emess minn oġġetti fl-arja ta’ ġewwa jenħtieġ li titkejjel f’kundizzjonijiet ta’ referenza speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni armonizzata ta’ din ir-restrizzjoni. F’ċerti każijiet jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li jintużaw kundizzjonijiet oħra tat-test, sakemm tiġi applikata korrelazzjoni xjentifikament valida tar-riżultati tat-testijiet. |
|
(30) |
Sabiex jittaffew l-impatti negattivi u jitnaqqsu l-kostijiet għas-setturi affettwati, kif ukoll biex jingħata biżżejjed żmien lill-partijiet ikkonċernati biex jimplimentaw ir-restrizzjoni, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq differiment ta’ 36 xahar għas-setturi kollha fir-rigward tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni. Madankollu, għall-vetturi tat-triq, differiment ta’ 48 xahar huwa meqjus xieraq minħabba ż-żmien twil ta’ żvilupp u kummerċjalizzazzjoni għal tali vetturi, il-ħtiġijiet kbar ta’ materjali fl-industrija tal-karozzi, il-ktajjen tal-provvista kumplessi inklużi l-manifatturi tat-tagħmir oriġinali, kif ukoll iż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-metodu analitiku standard għall-kejl tal-emissjonijiet għat-trakkijiet u għax-xarabanks (8). |
|
(31) |
Fir-rigward tal-oġġetti li huma esklussivament għall-użu fuq barra taħt kundizzjonijiet prevedibbli, huwa mistenni li l-esponiment tal-konsumatur iseħħ barra mill-ħajt estern tal-bini, u tali oġġetti jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni. Oġġetti f’kostruzzjonijiet, li jintużaw esklużivament barra mill-qafas tal-bini u mill-ilqugħ kontra l-fwar u li ma jemettux l-formaldeid fl-arja ta’ ġewwa, ukoll jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni, peress li ma jikkontribwixxux għall-esponiment għall-formaldeid fl-arja ta’ ġewwa. |
|
(32) |
Jenħtieġ li l-oġġetti li huma esklużivament għal użu industrijali jew professjonali ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni, sakemm dawn l-użi ma jwasslux għal esponiment tal-pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, l-esponiment tal-ħaddiema industrijali u professjonali għall-formaldeid diġà huwa rregolat mid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE (9), u mid-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(33) |
L-emissjonijiet tal-formaldeid mill-oġġetti huma mistennija jonqsu maż-żmien minħabba l-“evaporazzjoni tal-gass” tal-formaldeid residwu. Għalhekk, jenħtieġ li l-oġġetti użati ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni. Barra minn hekk, il-Forum għall-Iskambju ta’ Informazzjoni dwar l-Infurzar irrakkomanda wkoll deroga għall-oġġetti użati, peress li l-infurzar tar-restrizzjoni fir-rigward ta’ oġġetti użati jista’ jkun diffiċli. |
|
(34) |
Il-prodotti li ġejjin diġà huma soġġetti għal regoli tal-Unjoni dwar il-valuri ta’ limitu għall-formaldeid, u għalhekk jenħtieġ li ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni: oġġetti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-entrata 72 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, oġġetti li huma prodotti bijoċidali fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), apparat fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), u tagħmir ta’ protezzjoni personali fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). |
|
(35) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 (14) jistabbilixxi valur ta’ limitu għall-formaldeid għall-materjali u għall-oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel. Għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxix limitu speċifiku ta’ formaldeid għal materjali u oġġetti oħrajn li jiġu f’kuntatt mal-ikel, il-produtturi jridu jkunu jistgħu juru s-sikurezza tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti. Ir-rekwiżiti tal-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem billi jindirizzaw il-migrazzjoni potenzjali tas-sustanzi fl-ikel. Peress li, minħabba dawk ir-rekwiżiti, huwa improbabbli ħafna li l-formaldeid jiġi rilaxxat b’mod sinifikanti fl-atmosfera tal-madwar minn oġġetti maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel, skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15), il-Kummissjoni tqis li jenħtieġ li dawk l-oġġetti ma jiġux inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-restrizzjoni. |
|
(36) |
Is-Sottomittent tad-Dossier, l-RAC u l-SEAC ipproponew deroga għall-ġugarelli koperti mid-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) li tistabbilixxi limitu ta’ 0,1 mg/m3 għall-emissjonijiet tal-formaldeid f’ġugarelli tal-injam magħquda bir-reżina għal tfal li għandhom inqas minn tliet snin. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li tali deroga ma hijiex xierqa minħabba li jenħtieġ li t-tfal ma jiġux protetti b’mod inqas strett minn kwalunkwe parti oħra tal-popolazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-valur ta’ limitu għall-emissjonijiet tal-formaldeid fl-arja ta’ ġewwa japplika għall-ġugarelli għat-tfal ta’ kull età. |
|
(37) |
Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
|
(38) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(3) https://echa.europa.eu/documents/10162/13641/formaldehyde_cion_reqst_axvdossier_en.pdf/11d4a99a-7210-839a-921d-1a9a4129e93e
(4) https://echa.europa.eu/registry-of-restriction-intentions/-/dislist/details/0b0236e182439477
(5) WHO 2010-WHO Guidelines for Indoor Air quality: Selected Pollutants. Ġinevra. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, p. 103.
(6) ECHA (2020). Background Document to the Opinion on the Annex XV report proposing restrictions on formaldehyde and formaldehyde releasers
(7) Verżjoni kkompilata, mħejjija mis-segretarjat tal-ECHA, tal-opinjoni tal-RAC (adottata fit-12 ta’ Marzu 2020) u tal-Opinjoni tal-SEAC (adottata fis-17 ta’ Settembru 2020)
https://echa.europa.eu/documents/10162/f10b57af-6075-bb34-2b30-4e0651d0b52f
(8) 12219-10: Arja interna ta’ vetturi tat-triq — Parti 10: Kompartiment għall-ittestjar ta’ vetturi sħaħ — Speċifikazzjoni u metodi għad-determinazzjoni ta’ komposti organiċi volatili ġewwa l-kabini — Trakkijiet u xarabanks.
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).
(10) Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51).
(14) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011 tal-14 ta’ Jannar 2011 dwar il-materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba li jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 12, 15.1.2011, p. 1).
(15) Ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u li jħassar id-Direttivi 80/590/KEE u 89/109/KEE (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4).
(16) Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1).
ANNESS
L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
tiżdied l-entrata li ġejja:
|
|
(2) |
jiżdied l-Appendiċi 14 li ġej: “Appendiċi 14 1. Il-kejl tal-formaldeid rilaxxat fl-arja ta’ ġewwa minn oġġetti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-entrata 77 Il-formaldeid rilaxxat mill-oġġetti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-entrata 77 għandu jitkejjel fl-arja ta’ kompartiment tal-ittestjar fil-kundizzjonijiet ta’ referenza kumulattivi li ġejjin:
Jekk id-data minn metodu ta’ ttestjar li juża l-kundizzjonijiet ta’ referenza speċifikati hawn fuq ma tkunx disponibbli jew xierqa għall-kejl tal-formaldeid rilaxxat minn oġġett speċifiku, tista’ tintuża data miksuba minn metodu ta’ ttestjar bl-użu ta’ kundizzjonijiet mhux ta’ referenza, fejn ikun hemm korrelazzjoni xjentifikament valida bejn ir-riżultati tal-metodu ta’ ttestjar użat u l-kundizzjonijiet ta’ referenza. 2. Il-kejl tal-konċentrazzjoni ta’ formaldeid ġewwa l-vetturi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-entrata [xx] Għall-vetturi tat-triq, inklużi t-trakkijiet u x-xarabanks, il-konċentrazzjoni tal-formaldeid għandha titkejjel fil-modalità ambjentali f’konformità mal-kundizzjonijiet speċifikati f’ISO 12219-1 (*3) jew f’ISO 12219-10 (*4), u l-konċentrazzjoni mkejla għandha tintuża biex tiġi vverifikata l-konformità mal-valur limitu msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-entrata [xx]. |
(*1) Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).”;
(*2) EN 16516: Prodotti tal-kostruzzjoni – Valutazzjoni tar-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi – Determinazzjoni tal-emissjonijiet fl-arja interna.
(*3) ISO 12219-1: Arja interna ta’ vetturi tat-triq – Parti 1: Kompartiment għall-ittestjar ta’ vetturi sħaħ – Speċifikazzjoni u metodu għad-determinazzjoni ta’ komposti organiċi volatili ġewwa l-kabini.
(*4) ISO 12219-10: Arja interna ta’ vetturi tat-triq — Parti 10: Kompartiment għall-ittestjar ta’ vetturi sħaħ — Speċifikazzjoni u metodi għad-determinazzjoni ta’ komposti organiċi volatili ġewwa l-kabini — Trakkijiet u xarabanks.