|
10.7.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 175/12 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1429
tas-7 ta’ Lulju 2023
li japprova l-estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium mill-fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 89(1), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi eżistenti li għandhom jiġu evalwati biex possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium mill-fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku. |
|
(2) |
L-estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium mill-fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku ġie evalwat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18, insettiċidi, akariċidi u prodotti għall-kontroll ta’ artropodi oħra, kif deskritt fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jikkorrispondi mat-tip 18 tal-prodotti, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(3) |
Spanja nħatret l-Istat Membru relatur u l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni tagħha ssottomettiet ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Settembru 2010. Wara s-sottomissjoni tar-rapport tal-valutazzjoni, saru diskussjonijiet f’laqgħat tekniċi organizzati mill-Kummissjoni u, wara l-1 ta’ Settembru 2013, mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”). |
|
(4) |
Mill-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 isegwi li s-sustanzi li għalihom l-evalwazzjoni tal-Istati Membri tlestiet sal-1 ta’ Settembru 2013 jenħtieġ li jiġu vvalutati f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 75(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali jħejji l-opinjoni tal-Aġenzija rigward l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi. F’konformita mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali adotta l-opinjoni tal-Aġenzija (4) fit-22 ta’ Novembru 2022, filwaqt li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni. |
|
(6) |
F’dik l-opinjoni, l-Aġenzija kkonkludiet li l-prodotti bijoċidali tat-tip 18 li fihom l-estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium mill-fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku jistgħu jkunu mistennija jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(1), il-punti (b), (c) u (d) tad-Direttiva 98/8/KE, dejjem jekk ikun hemm konformità ma’ ċerti rekwiżiti li jirrigwardaw l-użu tagħhom. |
|
(7) |
Fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija, jixraq li l-estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium mill-fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku jiġi approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 soġġett għall-konformità ma’ ċerti kundizzjonijiet. |
|
(8) |
Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri ta’ tħejjija biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium mill-fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 18 soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.
(2) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294, 10.10.2014, p. 1).
(3) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).
(4) Biocidal Products Committee Opinion on the application for approval of the active substance Chrysanthemum cinerariaefolium, extract from open and mature flowers of Tanacetum cinerariifolium obtained with supercritical carbon dioxide; Product-type 18; ECHA/BPC/366/2022, adottata fit-22 ta’ Novembru 2022.
ANNESS
|
Isem Komuni |
Isem IUPAC Numri tal-Identifikazzjoni |
Grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva (1) |
Data tal-approvazzjoni |
Data ta’ skadenza tal-approvazzjoni |
Tip tal-prodott |
Kundizzjonijiet speċifiċi |
||||||||||
|
Estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku |
Estratt tal-Chrysanthemum cinerariaefolium minn fjuri miftuħa u maturi tat-Tanacetum cinerariifolium miksub permezz tad-diossidu tal-karbonju superkritiku Nru EC: 289-699-3 Nru CAS: 89997-63-7 |
100 % w/w |
fl-1 ta’ Frar 2025 |
fil-31 ta’ Jannar 2035 |
18 |
L-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali hija soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(1) Il-purità indikata f’din il-kolonna kienet il-grad minimu ta’ purità tas-sustanza attiva evalwata. Is-sustanza attiva fil-prodott li jitqiegħed fis-suq tista’ tkun tal-istess purità jew ta’ purità differenti jekk ikun ġie ppruvat li hija ekwivalenti teknikament għas-sustanza attiva evalwata.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji għall-istabbiliment ta’ limiti ta’ residwi ta’ sustanzi farmakoloġikament attivi fl-oġġetti tal-ikel li joriġinaw mill-annimali, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 u li jemenda d-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 152, 16.6.2009, p. 11).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).