7.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1419

tal-4 ta’ Lulju 2023

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’din it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Jenħtieġ li dak il-perjodu jkun ta’ 3 xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fi ħdan in-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Sett ta’ kikkri żgħar (4 kikkri) magħmul minn kina fina, b’żilġa delikata, imżejjen b’numri f’tipografija artistika.

Il-kikkri m’għandhomx mankijiet. Huma għoljin madwar 6 cm u għandhom dijametru ta’ madwar 5,5 cm.

Il-kikkri jistgħu jintużaw bħala oġġetti tal-mejda jew bħala tiżjin (pereżempju, għall-fjuri jew għax-xemgħat).

6911 10 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6911 u 6911 10 00 .

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, is-sett ta’ kikkri żgħar jitqies bħala oġġett tal-mejda. Mid-dehra u l-użu maħsub tiegħu, jissodisfa l-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 6911 , li tkopri oġġetti tal-mejda, oġġetti tal-kċina, oġġetti oħrajn tad-dar u oġġetti tat-twaletta, tal-porċellana jew tal-kina.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 6913 bħala oġġetti ornamentali hija eskluża peress li din l-intestatura tkopri oġġetti tal-mejda u oġġetti domestiċi oħrajn biss jekk l-utilità tal-oġġetti hija subordinata b’mod ċar għall-karattru ornamentali tagħhom. Is-sett ta’ kikkri żgħar huwa ddisinjat essenzjalment biex iservi skopijiet utli, u t-tiżjin tiegħu huwa sekondarju u ma jfixkilx l-utilità. Għalhekk, dan iservi skop utli mhux inqas effiċjenti mill-kontropartijiet aktar sempliċi tiegħu (ara n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 6913 , il-punt (B)).

Għaldaqstant, is-sett ta’ kikkri żgħar għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6911 10 00 bħala oġġetti tal-mejda u tal-kċina, tal-porċellana jew tal-kina.