9.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/16


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1127

tat-2 ta’ Marzu 2023

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-metodoloġiji u l-proċeduri dettaljati rigward it-tariffi superviżorji imposti mill-Kummissjoni fuq fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(4) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jirrikjedi li l-Kummissjoni timponi fuq il-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna tariffi superviżorji annwali, li l-ammont globali tagħhom għandu jkopri l-istima tal-kostijiet kollha, kif raġonevolment iddeterminat minn qabel, li l-Kummissjoni ġġarrab fir-rigward tal-kompiti superviżorji skont dak ir-Regolament.

(2)

Il-kostijiet li għandhom jiġu stmati għat-tariffi superviżorji imposti fis-sena n jenħtieġ li jiġu ddeterminati billi jitqiesu r-riżorsi umani kollha li għandhom jiġu impjegati mill-Kummissjoni fis-sena n+1 biex jitwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, inklużi l-uffiċjali, l-aġenti temporanji u kuntrattwali u l-esperti nazzjonali sekondati. Filwaqt li jitqies li l-istima tirreferi għall-kostijiet futuri, din jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-kostijiet medji, espressi f’termini ta’ Ekwivalenti għall-Full-Time miżjuda bil-medja tal-kontribuzzjonijiet soċjali applikabbli u n-nefqa operattiva relatata ma’ dawn ir-riżorsi umani. Din in-nefqa operattiva għalhekk jenħtieġ li tinkludi l-kostijiet medji mġarrba sabiex tiġi ospitata unità ta’ persunal Ekwivalenti għall-Full-Time, u biex din tkun tista’ taħdem fl-infrastruttura tal-IT u fiżika tal-Kummissjoni, pereżempju kif iddeterminat b’mod regolari mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-kostijiet medji tal-persunal għall-finijiet ta’ rapporti finanzjarji leġiżlattivi.

(3)

Minbarra l-kostijiet imsemmija hawn fuq għar-riżorsi umani, il-Kummissjoni jeħtieġ ukoll li tistma nefqiet operazzjonali u amministrattivi oħra li huma speċifikament relatati mat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, bħal studji, ir-reklutaġġ ta’ esperti, stħarriġiet, missjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ laqgħat jew l-iżvilupp jew l-użu ta’ software speċifiku jew għodod jew servizzi tal-IT. Barra minn hekk, l-istima annwali tal-ammont globali tal-kostijiet jenħtieġ li tqis id-differenza bejn l-istima tal-kostijiet u l-kostijiet imġarrba tas-sena ta’ qabel kif jirriżulta mir-rapport annwali adottat mill-Kummissjoni.

(4)

L-ammont globali ta’ kostijiet stmati kull sena mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġġarrab mill-fornituri ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix online kbar ħafna permezz tat-tariffi superviżorji imposti fir-rigward tas-servizzi deżinjati soġġetti għat-tariffa superviżorja f’kull sena kalendarja. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-deċiżjonijiet ta’ deżinjazzjoni skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-kunċett ta’ fornitur ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati jenħtieġ li jiġi identifikat b’referenza għad-destinatarju jew għad-destinatarji tad-deċiżjoni jew tad-deċiżjonijiet ta’ deżinjazzjoni relatati skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065. Meta d-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tkun indirizzata lil aktar minn persuna ġuridika waħda, id-destinatarji kollha ta’ dik id-deċiżjoni jenħtieġ li jkunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-pagament tat-tariffa superviżorja fir-rigward ta’ dak is-servizz jew dawn is-servizzi.

(5)

Is-servizzi li għandhom jitqiesu f’sena n partikolari jenħtieġ li jinkludu dawk li diġà huma soġġetti għall-obbligi applikabbli għal pjattaformi online kbar ħafna u għal magni tat-tiftix online kbar ħafna fil-bidu tas-sena, kif ukoll dawk li fir-rigward tagħhom deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni jew deċiżjoni ta’ terminazzjoni tad-deżinjazzjoni tidħol fis-seħħ matul dik is-sena kalendarja, filwaqt li jitqies li d-deċiżjonijiet taż-żewġ kategoriji se jidħlu fis-seħħ 4 xhur wara n-notifika tagħhom lill-fornitur skont l-Artikolu 33(6) tar-Regolament (UE) 2022/2065. Dak il-limitu ta’ żmien jenħtieġ li jiġi kkalkulat f’konformità mar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (2) li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien.

(6)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi l-ammont globali tat-tariffa superviżorja li għandha tiġi imposta kull sena fuq kull fornitur billi l-ewwel tiddetermina ammont bażiku għal kull servizz deżinjat. L-ammont bażiku għal kull servizz jenħtieġ li jirriżulta mid-diviżjoni tal-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+1 mis-servizzi deżinjati kollha kontabilizzati fis-sena n. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku, jenħtieġ li jitqies l-għadd ta’ jiem ta’ deżinjazzjoni fis-sena n. It-tieni, sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tat-tariffi superviżorji individwali b’referenza għad-daqs tas-servizz deżinjat kif jirriżulta mill-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar fl-Unjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li taġġusta l-ammont bażiku b’koeffiċjent proporzjonat għall-għadd ta’ riċevituri attivi li jirriżulta mill-informazzjoni disponibbli.

(7)

Skont l-Artikolu 43(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065, kwalunkwe fornitur tas-servizz jew tas-servizzi deżinjati ma għandux iħallas ammont globali ta’ tariffa superviżorja li jaqbeż il-kapaċità ekonomika tiegħu, jiġifieri li jaqbeż 0,05 % tal-introjtu nett annwali dinji tiegħu. Ir-referenza għall-introjtu nett, li jinvolvi d-dħul globali nieqes il-kostijiet tal-fornitur, jenħtieġ li tiżgura li titqies il-kapaċità ta’ ħlas tal-fornitur, inkluż fil-każ ta’ fornituri li jagħmlu telf. Sabiex jiġi identifikat tali limitu f’konformità mal-istandards applikabbli tar-rapportar finanzjarju, jenħtieġ li ssir referenza għall-kunċett ta’ profitt dinji globali fis-sena finanzjarja preċedenti, li għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-aħjar ċifri disponibbli tal-fornitur li jirriżultaw mir-rapporti finanzjarji, kif ikkomunikati lill-Kummissjoni. Għalhekk, jenħtieġ li ssir referenza għall-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju applikabbli f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), meta użati mill-fornitur ikkonċernat, jew fil-każ alternattiv għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkompilati f’konformità mar-rekwiżiti ta’ rapportar skont id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Meta la l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju u lanqas id-Direttiva 2013/34/UE ma japplikaw għall-fornitur ikkonċernat, jenħtieġ li ssir referenza għal kwalunkwe standard ta’ rapportar aċċettabbli ta’ pajjiż terz ieħor applikabbli għal tali fornitur, bħal standard ta’ rapportar ta’ pajjiż terz li jitqies ekwivalenti għall-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju jew kwalunkwe standard ta’ rapportar ta’ pajjiż terz ieħor li jista’ jitqies bħala ġeneralment aċċettabbli għall-finijiet ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Meta fornitur ikollu kontijiet konsolidati, il-profitt dinji konsolidat tal-grupp li għalih jappartjeni dak il-fornitur jirrifletti bl-aħjar mod il-kapaċità ekonomika tiegħu li jħallas it-tariffa superviżorja, minħabba li r-riżorsi finanzjarji tal-grupp huma disponibbli għal dak il-fornitur sabiex iħallas l-ammont globali ta’ tariffa imposta għas-servizz jew għas-servizzi deżinjati kollha pprovduti minn dak il-fornitur.

(8)

Jekk l-ammont bażiku impost fuq fornitur partikolari, jew is-somma tal-ammonti bażiċi rilevanti meta fornitur partikolari jipprovdi aktar minn servizz deżinjat wieħed, jaqbeż il-limitu massimu globali, it-tariffa superviżorja finali imposta fuq dak il-fornitur jenħtieġ li titnaqqas kif xieraq. Sabiex jiġi żgurat li fi kwalunkwe każ il-kostijiet annwali globali jitħallsu permezz tat-tariffi superviżorji imposti fis-servizzi kollha deżinjati, l-ammont residwu mhux impost fuq il-fornituri fid-dawl tal-applikazzjoni tal-limitu massimu globali jenħtieġ li jitħallas mill-fornituri li jifdal taħt il-limitu, b’mod proporzjonali għall-formula bażika tal-allokazzjoni. L-allokazzjoni ta’ ammonti residwi fost fornituri oħra ta’ servizzi deżinjati, wara l-applikazzjoni tal-limitu massimu globali, jenħtieġ li tkompli sakemm ma jifdal l-ebda ammont residwu.

(9)

F’konformità mal-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, kull sena l-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni individwali li jistabbilixxu l-ammont individwali tat-tariffa superviżorja li għandha tiġi imposta fuq kull fornitur għas-servizz jew għas-servizzi speċifikati soġġetti għall-obbligu li titħallas it-tariffa superviżorja matul dik is-sena kalendarja. Il-proċedura annwali biex tiġi imposta t-tariffa għalhekk jenħtieġ li tiġi organizzata b’mod li dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jiġu adottati wara li l-kostijiet annwali globali, li se jkunu l-bażi għall-kalkolu tal-ammont globali tat-tariffi superviżorji li għandhom jiġu imposti, jiġu ddeterminati kif stabbilit fid-dokument ta’ tħejjija tal-Kummissjoni mehmuż mal-abbozz tal-baġit skont l-Artikolu 41(8) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-atti ta’ implimentazzjoni individwali jistgħu jiġu adottati biss wara ċerta data, meta jkunu jistgħu jiġu stabbiliti l-għadd u d-daqs tas-servizzi deżinjati soġġetti għat-tariffi superviżorji. Il-proċedura jenħtieġ li tqis ukoll il-kapaċità ekonomika f’termini ta’ profitti tal-fornituri korrispondenti kif identifikati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-fornitur ikkonċernat. Barra minn hekk, l-ammont proviżorju tat-tariffa li għandha tiġi imposta jenħtieġ li jiġi kkomunikat lill-fornitur ikkonċernat qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, sabiex tingħata l-opportunità li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni finali tat-tariffa superviżorja. Wara li tqis l-osservazzjonijiet ippreżentati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta l-att ta’ implimentazzjoni korrispondenti li jistabbilixxi t-tariffa superviżorja individwali li għandha titħallas bħala l-ammont riċevibbli skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, li trid titħallas sa tmiem dik l-istess sena kalendarja, sabiex ir-riżorsi meħtieġa jkunu disponibbli biex ikopru l-kostijiet stmati għas-sena ta’ wara.

(10)

In-nuqqas ta’ pagament sal-iskadenza ddeterminata mill-atti ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jwassal għall-irkupru tal-ammont mhux imħallas flimkien mal-imgħax ta’ inadempjenza bir-rata ta’ rifinanzjament tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda bi 3,5 %, f’konformità mal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046.

(11)

Sabiex jiġu żgurati l-akkontabbiltà u t-trasparenza tal-kostijiet imġarrba u tad-dħul miġbur mill-Kummissjoni għall-kompiti superviżorji mwettqa skont ir-Regolament (UE) 2022/2065, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tagħmel dan ir-rapport disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istima tal-kostijiet u l-kostijiet superviżorji speċifiċi effettivament imġarrba għal dik is-sena, ir-rapport jenħtieġ li jqabbel speċifikament l-ammonti rilevanti, abbażi tal-pagamenti mwettqa b’mod effettiv fil-perjodu rilevanti għal kull kategorija ta’ kostijiet ikkonċernata msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, kif ukoll kwalunkwe nefqa impenjata imwettqa matul dik is-sena, inkluż wara kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa matul dik is-sena. Kwalunkwe differenza bejn l-ammont stmat u l-kostijiet effettivament imġarrba jenħtieġ li ma taffettwax l-ammont ta’ tariffi superviżorji imposti għas-sena rilevanti, iżda din jenħtieġ li titqies fl-istima li jmiss, jew billi jitnaqqas kwalunkwe surplus mill-kostijiet totali stmati għas-sena n+2 jew billi jiżdied kwalunkwe defiċit mal-kostijiet totali stmati għas-sena n+2.

(12)

L-istima tal-kostijiet jenħtieġ li tidentifika l-kostijiet li huma ppjanati li jiġġarrbu fis-sena kalendarja ta’ wara, sabiex jiġi żgurat li jitqiegħdu riżorsi suffiċjenti minn qabel għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-perjodu mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2065 sal-1 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni diġà se tkun ġarrbet jew ippjanat kostijiet skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 li ma setgħux jiġu koperti minn l-ebda tariffa superviżorja preċedenti u għalhekk kellhom ikunu koperti b’mod ġenerali minn approprjazzjonijiet oħra previsti fil-baġit ivvutat tal-Unjoni għall-2023. Għalhekk, għall-fini tad-determinazzjoni tat-tariffi globali li għandhom jiġu imposti fl-2023, huma biss il-kostijiet li mhumiex diġà koperti mill-approprjazzjonijiet eżistenti fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2023 li jistgħu jiżdiedu mal-kostijiet stmati għall-2024, f’konformità mal-informazzjoni prevista fil-prospett li jakkumpanja l-istima. Għaldaqstant, bl-għan li jiġi stabbilit kwalunkwe surplus jew defiċit li għandu jitqies fl-istima suċċessiva, l-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandu jqis biss dawn il-kostijiet imġarrba fl-2022 mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2022/2065 u fl-2023 li ma kinux diġà koperti mill-approprjazzjonijiet eżistenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz deżinjat” tfisser servizz intermedjarju deżinjat bħala pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(2)

“fornitur ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati” tfisser kull fornitur li lilu tiġi indirizzata deċiżjoni waħda jew aktar tal-Kummissjoni li jiddeżinjaw pjattaforma online kbira ħafna jew magna tat-tiftix online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(3)

“ammont bażiku” tfisser l-ammont ikkalkolat għal kull servizz deżinjat f’konformità mal-Artikolu 4 u qabel l-applikazzjoni tal-limitu massimu globali msemmi fl-Artikolu 5.

Artikolu 2

Stima tal-kostijiet annwali globali

1.   F’kull sena n, il-Kummissjoni għandha tistma l-kostijiet annwali globali li mistennija jiġġarrbu għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 fis-sena kalendarja ta’ wara (is-sena n+1) f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament. L-ammont tal-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+1 għandu jkun il-bażi għad-determinazzjoni tal-ammont globali tat-tariffi superviżorji imposti fis-sena n. Dak l-ammont stmat għandu jiġi impost bis-sħiħ fuq il-fornituri ta’ servizzi deżinjati permezz tat-tariffi superviżorji kkalkolati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Meta tistma l-kostijiet annwali globali, il-Kummissjoni għandha tqis:

(a)

ir-riżorsi umani meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, filwaqt li jitqiesu l-kategoriji differenti ta’ uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni impjegati mill-Kummissjoni. L-istima tal-kostijiet għandha tkun ibbażata fuq il-kostijiet medji, espressi bħala Ekwivalenti għall-Full-Time, u għandha tinkludi n-nefqa operatorja medja pro-rata u l-kontribuzzjonijiet soċjali applikabbli marbuta ma’ tali riżorsi umani;

(b)

kwalunkwe nefqa amministrattiva jew operazzjonali oħra meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 li mistennija tiġġarrab matul is-sena n+1, filwaqt li titqies il-lista mhux eżawrjenti tal-entrati elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

3.   Kwalunkwe stima tal-kostijiet annwali globali għandha tqis l-ammont pożittiv jew negattiv tal-kostijiet imġarrba kif inkluż fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8(4). B’mod partikolari, fil-każ ta’ defiċit, jiġifieri meta l-ammont tal-kostijiet stmati għas-sena n kien anqas mill-kostijiet rapportati mġarrba għal dik is-sena, l-ammont tal-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+2 li għandhom jiġu imposti matul is-sena n+1 għandu jiżdied bl-ammont ta’ defiċit imġarrab għas-sena n. Fil-każ ta’ surplus, jiġifieri meta l-ammont tal-kostijiet stmati għas-sena n jaqbeż il-kostijiet rapportati mġarrba għal dik is-sena, il-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+2 li għandhom jiġu imposti matul is-sena n+1 għandhom jitnaqqsu bis-surplus li jirriżulta għas-sena n.

Artikolu 3

Identifikazzjoni annwali tas-servizzi deżinjati

Is-servizzi deżinjati li fir-rigward tagħhom għandha tintalab tariffa superviżorja f’sena n partikolari għandhom ikunu:

(a)

kwalunkwe servizz li, fl-1 ta’ Jannar ta’ dik is-sena, kien diġà soġġett għall-obbligi tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2065 f’konformità mal-Artikolu 33(6) ta’ dak ir-Regolament, inkluż kwalunkwe servizz li t-terminazzjoni tad-deżinjazzjoni tiegħu ssir applikabbli skont l-Artikolu 33(6) ta’ dak ir-Regolament wara dik id-data;

(b)

kwalunkwe servizz li jsir soġġett għall-obbligi tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2022/2065 f’konformità mal-Artikolu 33(6) ta’ dak ir-Regolament bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena.

Artikolu 4

Determinazzjoni tal-ammont bażiku għal kull servizz

1.   Fir-rigward ta’ kull servizz deżinjat soġġett għat-tariffi superviżorji skont l-Artikolu 3, l-ammont bażiku għas-sena n għandu jiġi kkalkolat bħala s-sehem mill-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+1 f’konformità mal-Artikolu 2, proporzjonati għall-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz deżinjat f’konformità mal-koeffiċjent (U) imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u filwaqt li jitqies il-perjodu li matulu s-servizz ġie deżinjat f’konformità mal-koeffiċjent (T) imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, f’konformità mal-formula li ġejja:

 

Formula

2.   Il-koeffiċjent (U) għall-kalkolu tal-ammont bażiku għal kull servizz deżinjat għandu jkollu l-valur stabbilit fl-Anness II li jikkorrispondi għall-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar f’termini ta’ miljuni ta’ unitajiet, aġġustat ’l isfel għall-eqreb mitt elf.

L-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar ta’ kull servizz deżinjat li jiddetermina l-koeffiċjent applikabbli skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jkun dak li jirriżulta mid-data rrapportata mill-fornitur tal-pjattaforma online jew tal-magna tat-tiftix online skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065, jew mill-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 24(3) ta’ dak ir-Regolament jew minn kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għall-Kummissjoni, kif disponibbli fl-31 ta’ Awwissu tas-sena n.

3.   Il-koeffiċjent (T) għall-kalkolu tal-ammont bażiku għal kull servizz deżinjat għandu jkun il-proporzjon bejn l-għadd ta’ jiem li matulhom is-servizz jiġi deżinjat fis-sena n, u l-għadd ta’ jiem ta’ sena, ikkalkolat kif ġej:

 

Formula

F’konformità mal-Artikolu 33(6) tar-Regolament (UE) 2022/2065, il-perjodu ta’ deżinjazzjoni għandu jitqies li jibda 4 xhur wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 u għandu jitqies li jintemm 4 xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ terminazzjoni skont l-Artikolu 33(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 5

Determinazzjoni tal-ammont globali tat-tariffa superviżorja u l-applikazzjoni tal-limitu massimu globali għal kull fornitur

1.   Kull sena, il-fornitur ikkonċernat ta’ servizz jew servizzi deżinjati għandu jħallas tariffa superviżorja li tirriżulta mill-ammont bażiku, jew mis-somma tal-ammonti bażiċi, ikkalkolata skont l-Artikolu 4 għas-servizz jew għas-servizzi deżinjati li jipprovdi, u l-aġġustamenti applikati skont dan l-Artikolu.

2.   L-ammont globali tat-tariffa superviżorja imposta f’sena partikolari fuq fornitur partikolari ta’ servizz jew servizzi deżinjati ma għandux jaqbeż il-limitu massimu globali ugwali għal 0,05 % tal-profitt dinji tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti. Meta fornitur ikollu kontijiet konsolidati, il-profitti dinjija konsolidati tal-grupp li għalih jappartjeni dak il-fornitur għandhom jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-limitu massimu globali tat-tariffa.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-profitt dinji għandu jkun dak li jirriżulta mill-aħjar ċifri disponibbli mir-rapporti finanzjarji annwali tal-aħħar sena finanzjarja sħiħa ppreżentati mill-fornitur ikkonċernat, skont it-tifsira ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju applikabbli f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002, meta użati mill-fornitur;

(b)

il-punt 17 tal-Anness V jew il-punt 15 tal-Anness VI tad-Direttiva 2013/34/UE;

(c)

kwalunkwe standard aċċettabbli ta’ rapportar ta’ pajjiżi terzi, meta la l-punt (a) u lanqas il-punt (b) ma jintuża mill-fornitur.

3.   Meta l-ammont bażiku jew is-somma tal-ammonti bażiċi kkalkolata skont l-Artikolu 4 għas-servizz jew għas-servizzi deżinjati pprovduti minn fornitur partikolari taqbeż il-limitu massimu globali stabbilit fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-ammont globali tat-tariffa superviżorja imposta fuq dak il-fornitur għandu jitnaqqas għal dak il-limitu.

4.   Is-somma ta’ kwalunkwe ammont residwu mhux impost skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tintalab lill-fornituri li jifdal ta’ servizzi deżinjati li għalihom ma jintlaħaqx il-limitu massimu globali, fi proporzjon mal-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz deżinjat, espress bħala l-koeffiċjent (U) imsemmi fl-Artikolu 4(2), u filwaqt li jitqies il-perjodu li matulu jkun ġie deżinjat is-servizz, espress bħala l-koeffiċjent (T) imsemmi fl-Artikolu 4(3), f’konformità mal-formula li ġejja:

 

Formula

5.   Meta l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu tiskatta l-applikabbiltà tal-limitu massimu globali għal fornitur wieħed jew aktar li jifdal ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati, il-paragrafu 3 u dan il-paragrafu għandhom ikomplu japplikaw sakemm ma jifdal l-ebda ammont residwu.

Artikolu 6

Proċedura annwali għad-determinazzjoni tat-tariffi individwali

1.   F’konformità mal-Artikolu 41(8) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-abbozz tal-baġit għas-sena n+1, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, għal kull linja baġitarja rilevanti, l-ammont stmat ta’ dħul assenjat estern li jirriżulta mit-tariffi superviżorji li se jkun magħmul disponibbli fil-bidu tas-sena n+1, bħala l-ammonti li jikkorrispondu għall-kostijiet annwali globali stmati għas-sena n+1 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

L-istima skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun akkumpanjata minn prospett imħejji mill-Kummissjoni li jindika l-elementi li għandhom jitqiesu għal tali stima f’konformità mal-kategoriji differenti ta’ kostijiet tal-Artikolu 2, li għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena kalendarja fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu ta’ kull sena, kwalunkwe fornitur ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati soġġetti għat-tariffa superviżorja skont l-Artikolu 3 għandu jipprovdi lill-Kummissjoni l-aħħar rapport finanzjarju tiegħu, u kwalunkwe dokument ta’ sostenn ieħor għad-determinazzjoni tal-limitu massimu globali skont l-Artikolu 5 kif ukoll, meta applikabbli, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tat-tariffa. Meta fornitur ma jipprovdix id-dokumenti meħtieġa għad-determinazzjoni tal-limitu massimu globali, għandu jiġi preżunt li dan il-limitu ma jintlaħaqx minn dak il-fornitur f’dik is-sena kalendarja.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lil kull fornitur ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati identifikati skont l-Artikolu 3 id-determinazzjoni provviżorja tal-ammont ta’ tariffa superviżorja għas-servizzi kollha deżinjati pprovduti minn dak il-fornitur ikkalkolat f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Artikoli 4 u 5. Il-fornitur għandu jikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe osservazzjoni dwar tali kalkolu fi żmien ġimagħtejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni ta’ dik id-determinazzjoni provviżorja.

4.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena, filwaqt li jitqiesu l-osservazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tadotta u tinnotifika, lil kull fornitur ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati identifikati skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) 2022/2065, li tiddetermina t-tariffa superviżorja għas-servizz jew għas-servizzi deżinjati pprovduti minn dak il-fornitur, ikkalkolata f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament. Id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni għandha tistabbilixxi l-ammonti riċevibbli bħala tariffa superviżorja skont it-tifsira tal-Artikolu 98 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 u tistabbilixxi skadenza għall-pagament tat-tariffi superviżorji sal-31 ta’ Diċembru ta’ dik is-sena. Meta deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065 tkun indirizzata lil aktar minn persuna ġuridika waħda, id-destinatarji kollha ta’ dik id-deċiżjoni għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt u in solidum għall-pagament tat-tariffa superviżorja fir-rigward tas-servizz jew tas-servizzi deżinjati.

Artikolu 7

Modalitajiet ta’ pagament u konsegwenzi finanzjarji f’każ ta’ nuqqas ta’ pagament

1.   It-tariffi superviżorji kollha għandhom jitħallsu f’euro u f’konformità mar-referenzi għall-pagament previsti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni adottata skont l-Artikolu 6(4).

2.   Kwalunkwe pagament tard, pagament parzjali, nuqqas ta’ pagament jew nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet għall-pagament kif stabbiliti fid-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-Regolament għandu jwassal għall-irkupru tal-ammont mhux imħallas flimkien mal-imgħax bir-rata msemmija fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Dawk il-pagamenti huma mingħajr preġudizzju għall-multi u għall-pagamenti perjodiċi ta’ penali applikabbli skont l-Artikoli 74 u 76 tar-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 8

Rapportar tal-kostijiet imġarrba u tat-tariffi superviżorji imposti

1.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena n, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ammont tal-kostijiet annwali globali mġarrba għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 u l-ammont totali tat-tariffi superviżorji annwali imposti skont l-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-Regolament fis-sena preċedenti (is-sena n-1).

2.   Ir-rapport skont il-paragrafu 1 għandu jispeċifika l-kostijiet speċifiċi mġarrba għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 f’konformità mal-kategoriji tal-kostijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament. Il-kostijiet għandhom jinkludu kwalunkwe impenn meħud matul is-sena n-1, anke jekk il-pagamenti li jimplimentaw l-impenji jkunu għadhom ma twettqux.

3.   Ir-rapport skont il-paragrafu 1 għandu jindika l-ammont globali ta’ tariffi superviżorji imposti għal kull fornitur ta’ servizz jew ta’ servizzi deżinjati, inkluża d-data tal-pagamenti rispettivi, kwalunkwe nuqqas ta’ pagament jew pagament tard, il-proċedura tal-qorti li tkun għaddejja relatata mad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(4) u l-proċeduri ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 7(2) relatati mat-tariffi superviżorji imposti, fid-data tal-finalizzazzjoni tar-rapport.

4.   Ir-rapport għandu jindika kwalunkwe kost imġarrab skont il-paragrafu 2 li qabeż l-ammont tal-kostijiet stmati għas-sena n-1, jew kwalunkwe surplus tal-kostijiet stmati għas-sena n-1 meta mqabbel mal-kostijiet imġarrba f’dik is-sena skont il-paragrafu 2, kif applikabbli.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport skont il-paragrafu 1 fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   Il-kostijiet skont l-Artikolu 2(1) u (2) diġà mġarrba jew ippjanati għall-perjodu mis-16 ta’ Novembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023 jistgħu jiżdiedu mal-ewwel stima tal-kostijiet li tirreferi għall-perjodu 2024 skont l-Artikolu 6(1) sakemm ma jkunux diġà koperti mill-approprjazzjonijiet inizjali vvutati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2023.

2.   L-ewwel rapport skont l-Artikolu 8 għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandu jinkludi l-perjodu mis-16 ta’ Novembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023. Għall-fini tal-identifikazzjoni tal-kostijiet imġarrba skont l-Artikolu 8(2), il-kostijiet imħallsa mill-approprjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu indikati separatament u ma għandhomx jitqiesu għall-fini tal-bilanċ imsemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(5)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS I

Lista mhux eżawrjenti tan-nefqa operazzjonali u amministrattiva

L-entrati li ġejjin marbuta mat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) 2022/2065 jistgħu jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 2(2), il-punt (b):

stima prudenzjali ta’ kwalunkwe missjonijiet imwettqa fl-eżerċitar tas-setgħat assenjati lill-Kummissjoni skont it-Taqsima 4 tal-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) 2022/2065, filwaqt li titqies stima tal-għadd ta’ servizzi deżinjati;

il-kostijiet stmati għal-laqgħat fiżiċi tal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali skont ir-Regolament (UE) 2022/2065;

l-attendenza ppjanata fi jew l-organizzazzjoni ta’ kwalunkwe laqgħat jew avvenimenti relatati mal-iżvilupp ta’ għarfien espert u ta’ kapaċitajiet relatati mas-superviżjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti u sistemiċi;

stima prudenzjali għal studji u konsulenti esterni li jirreferu għal servizz deżinjat partikolari, inklużi l-awditi tiegħu, jew li janalizzaw kategorija partikolari ta’ riskju li tirriżulta mill-valutazzjoni tar-riskju dovuta minn servizzi deżinjati skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/2065;

kwalunkwe ftehimiet eżistenti jew ippjanati bejn is-servizzi tal-Kummissjoni, ma’ korpi, uffiċċji jew aġenziji oħra tal-Unjoni jew kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra dwar l-analiżi li tirfed l-iskrutinju superviżorju tas-servizzi deżinjati;

kull żvilupp jew użu ta’ kwalunkwe għodda jew ambjent diġitali, inkluż software u APIs, iddisinjati speċifikament biex janalizzaw, jissorveljaw u jittestjaw il-funzjonament ta’ kwalunkwe servizz deżinjat għall-fini li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament (UE) 2022/2065;

stima prudenzjali għall-aċċess għall-bażijiet tad-data u t-twettiq ta’ stħarriġiet bl-għan li jiġu identifikati s-servizzi li għandhom jiġu deżinjati u biex jiġi vvalutat l-impatt tal-funzjonament tas-servizzi deżinjati fir-rigward tal-aspetti rregolati bir-Regolament (UE) 2022/2065;

stima prudenzjali tan-nefqa relatata mal-istabbiliment, l-akkwist, il-liċenzjar, is-sottoskrizzjoni, l-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim tas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 85 tar-Regolament (UE) 2022/2065 u tal-bażi tad-data ġestita mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065.


ANNESS II

Il-koeffiċjent U

L-għadd ta’ rieċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz deżinjat (f’miljuni, aġġustat ’l isfel għall-ewwel ċifra deċimali)

Koeffiċjent

45 -54,9

1

55 -64,9

1,2

65 -74,9

1,4

75 -84,9

1,6

85 -94,9

1,8

95 -104,9

2

Għal kwalunkwe ammont ogħla minn 105 mil jew inqas minn 45mil (fl-istennija tal-effetti ta’ kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikolu 33(5) tar-Regolament (UE) 2022/2065): kategorija kull 10 mil riċevitur attiv, bil-koeffiċjent U korrispondenti kkalkulat bħala

Formula
aġġustat ’l isfel għall-ewwel ċifra deċimali.