6.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/15


REGOLAMENT (UE) 2023/1092 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta’ Mejju 2023

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (BĊE/2023/13)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 132 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 19.1 u 34.3 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-penali imposti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-ksur tal-obbligi li jirriżultaw minn regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sabiex jissaħħu aktar l-effettività u l-effett dissważiv tas-setgħat tiegħu li jimponi sanzjonijiet, u fl-interessi tal-konsistenza u ċ-ċertezza legali, il-BĊE għandu jippubblika deċiżjoni li jimponi sanzjoni jew informazzjoni relatata magħha bħala r-regola awtomatika. Dan jiżgura li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ sanzjonar tal-BĊE jkun aktar effettiv biex jaġixxi bħala deterrent għall-impriżi li huma meħtieġa jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE, filwaqt li jsaħħaħ l-effett dissważiv ta’ sanzjoni pekunarja.

(2)

Il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet issaħħaħ it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet u r-responsabbiltà tal-BĊE meta jimponihom, inkluż billi tippermetti li jitqabblu s-sanzjonijiet imposti fuq impriżi differenti. Għalhekk, il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet hija ta’ benefiċċju għall-impriżi li huma meħtieġa jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mir-regolamenti jew id-deċiżjonijiet tal-BĊE billi jippromwovu trattament ġust u ekwu. Il-pubblikazzjoni tal-ammont, barra minn hekk, tiżgura li jkun jista’ jiġi vverifikat li s-sanzjonijiet ma jvarjawx mingħajr ġustifikazzjoni minn xulxin, u b’hekk jissaħħaħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi.

(3)

Il-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet imposti mill-BĊE fil-qasam tal-kompiti bankarji ċentrali tiegħu hija konsistenti mar-reġim applikabbli għal sanzjonijiet imposti fil-qasam tas-superviżjoni, fejn is-sanzjonijiet kollha jiġu ppubblikati (2) sakemm ma japplikawx eċċezzjonijiet speċifiċi. Kunsiderazzjonijiet rigward il-prinċipju ta’ konsistenza jinkoraġġixxu l-pubblikazzjoni ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-kompiti kollha tal-BĊE, minħabba li japplika raġunament simili għall-pubblikazzjoni. Il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet isservi, min-naħa waħda, bħala sinjal lis-suq u, f’ċerti każijiet, lill-kontropartijiet potenzjali tal-entità sanzjonata. Min-naħa l-oħra, il-pubbliċità ssaħħaħ l-effett dissważiv tas-sanzjoni.

(4)

Il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet issaħħaħ il-viżibbiltà ta’ infurzar effiċjenti, filwaqt li trawwem il-fiduċja pubblika fil-BĊE, u fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’mod ġenerali.

(5)

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-swieq finanzjarji, il-pubblikazzjoni tad-dettalji ta’ sanzjoni għandha tkun soġġetta għal eċċezzjonijiet definiti bir-reqqa, biex jitqiesu l-interessi ġustifikati tas-suq, tas-sigurtà u tan-negozju. B’mod partikolari, jekk il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew tas-sistema finanzjarja jew investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja jew tikkawża ħsara sproporzjonata lill-impriża kkonċernata, il-pubblikazzjoni tad-dettalji ta’ sanzjoni għandhom jew jiġu ppubblikati fuq bażi anonimizzata jew jiġu posposti fejn tali ċirkostanzi x’aktarx jieqfu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Dan jirrifletti l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġeneralment applikabbli. Fl-aħħar nett, għandu jkun hemm eċċezzjoni fejn il-pubblikazzjoni twassal għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u l-BĊE jikkunsidra li r-riskju għall-interessi pubbliċi leġittimi fis-sigurtà jistgħu ma jkunux immitigati. Dan huwa ta’ importanza partikolari fil-qasam tal-karti tal-flus u s-sorveljanza ta’ sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti.

(6)

F’konformità mal-kompetenza ġenerali li jiġi deċiż jekk tiġix imposta sanzjoni, il-Bord Eżekuttiv jiddeċiedi wkoll jekk tapplikax eċċezzjoni mill-pubblikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Bord Eżekuttiv jieħu nota tar-raġunijiet imressqa mill-unità investigattiva jew mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti. Jekk jiddeċiedi li japplika eċċezzjoni, dan għandu jiġi indikat fid-deċiżjoni tiegħu li jimponi s-sanzjoni, inkella, is-sanzjoni tiġi ppubblikata.

(7)

F’kull każ, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa u jekk għandhiex tapplika eċċezzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni, il-BĊE huwa ggwidat mill-prinċipju tal-proporzjonalità.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/1999/4) (3) għandu jiġi emendat f’dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi

Ir-Regolament (KE) Nru 2157/1999 (BĊE/1999/4) hu emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 7a huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Jekk l-unità investigattiva jew il-bank ċentrali nazzjonali kompetenti jikkunsidra li tapplika waħda jew aktar mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1), huma għandhom jispeċifikaw dan fil-proposta tagħhom.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu 7a li ġej:

“7a.   Jekk il-Bord Eżekuttiv, abbażi ta’ fajl sħiħ, iqis li għandha tiġi imposta sanzjoni, iżda li tapplika waħda jew aktar mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(1), huwa għandu jiddeċiedi jekk u sa liema punt is-sanzjoni għandha tiġi ppubblikata.”

;

(2)

fl-Artikolu 8(3), il-punt (b) huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“(b)

temenda d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv billi timmodifika kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

l-ammont tas-sanzjoni li għandha tiġi imposta;

(ii)

ir-raġunijiet li wasslu għal ksur;

(iii)

jekk u sa liema punt is-sanzjoni tiġi ppubblikata;”;

(3)

fl-Artiklu 9, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

“1.   Il-BĊE għandu jippubblika kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjonijiet f’każ ta’ ksur ta’ regolament jew deċiżjoni tal-BĊE fuq is-sit web uffiċjali tiegħu mingħajr dewmien żejjed, ladarba d-deċiżjoni tkun saret finali skont l-Artikolu 3(8) tar-Regolament (KE) Nru 2532/98.

Il-pubblikazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-impriża kkonċernata, kif ukoll l-ammont u n-natura tas-sanzjoni, sakemm il-Bord Eżekuttiv ma jiddeterminax li tali pubblikazzjoni:

(a)

tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew tas-sistema finanzjarja jew ta’ investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja;

(b)

tikkawża, sa fejn ikun jista’ jiġi stabbilit, dannu sproporzjonat lill-impriża kkonċernata; jew

(c)

tirriżulta fil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, li tpoġġi f’riskju l-interessi pubbliċi leġittimi fis-sigurtà, bħas-sigurtà u l-protezzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus tal-euro, jew il-ġestjoni sigura tar-riskji ċibernetiċi jew operattivi għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija fit-tieni subparagrafu, il-punti (a) sa (c), id-deċiżjonijiet dwar is-sanzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fuq bażi anonimizzata. Alternattivament, meta dawk iċ-ċirkustanzi aktarx ikunu ser jintemmu f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, il-pubblikazzjoni taħt dan il-paragrafu tista’ tiġi posposta għal dak il-perijodu ta’ żmien.

Għall-finijiet tal-punt (c) tat-tieni subparagrafu, il-BĊE jista’ jagħżel li ma jippubblikax deċiżjoni li timponi sanzjoni fejn iqis li r-riskju għall-interessi pubbliċi leġittimi fis-sigurtà ma jistax jittaffa billi jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet rilevanti fuq bażi anonimizzata jew billi tiġi posposta l-pubblikazzjoni tagħhom, kif imsemmi fis-subparagrafu preċedenti.

Meta deċiżjoni li timponi sanzjoni tkun taħt appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu, mingħajr dewmien żejjed, jippubblika wkoll fuq is-sit web uffiċjali tiegħu informazzjoni dwar l-istatus tal-appell inkwistjoni u l-eżitu tiegħu.

L-informazzjoni ppubblikata skont dan il-paragrafu għandha tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tal-BĊE għal mill-inqas ħames snin.”

;

(4)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 7 li ġej huwa miżjud:

“7.   Fis-sitwazzjonijiet previsti fil-paragrafu 4, l-ewwel inċiż, u fil-paragrafu 5, il-BĊE għandu jippubblika s-sanzjoni imposta skont l-Artikolu 9(1). Meta l-Bord Eżekuttiv jaċċetta proposta ppreżentata mill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti li tiddetermina li tapplika waħda jew aktar mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), huwa jista’ jiddeċiedi li jippubblika dik id-deċiżjoni fuq bażi anonimizzata jew jipposponi tali pubblikazzjoni. Fejn tapplika l-eċċezzjoni fl-Artikolu 9(1), it-tieni subparagrafu, il-punt (c), il-Bord Eżekuttiv jista’ jiddeċiedi li ma jippubblikax is-sanzjoni imposta.”

.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)   ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(2)  Artikolu 18(6) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63) u l-Artikolu 132 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, p. 21).