6.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1090

tal-24 ta’ Jannar 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral, li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1627 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2115/2005 u (KE) Nru 1386/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-UE hija parti għall-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali fil-Ġejjieni dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (il-Konvenzjoni tan-NAFO), li ġiet approvata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 (2).

(2)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2019/833 sabiex jimplimentaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar (“CEM”) tan-NAFO fid-dritt tal-UE.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 (3) issupplimenta lir-Regolament (UE) 2019/833 b’għadd ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tan-NAFO.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/989 (4) emenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 bil-miżuri tan-NAFO adottati fil-laqgħa annwali tiegħu tal-2019.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/860 (5) emenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 bil-miżuri tan-NAFO adottati fil-laqgħa annwali tiegħu tal-2020.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) emenda r-Regolament (UE) 2019/833 bil-miżuri tan-NAFO adottati fil-laqgħat annwali tiegħu tal-2019 u l-2020.

(7)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1281 (7) emenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 bil-miżuri tan-NAFO adottati fil-laqgħa annwali tiegħu tal-2021.

(8)

Ir-Regolament (UE) 2022/2037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), emenda r-Regolament (UE) 2019/833 bil-miżuri tan-NAFO adottati fil-laqgħa annwali tiegħu tal-2021.

(9)

Fil-laqgħa annwali tagħha f’Settembru 2022, in-NAFO emendat is-CEM tagħha b’aġġornamenti tar-restrizzjonijiet fuq il-bastimenti tar-riċerka, miżuri ta’ kontroll għall-ħatt l-art jew għat-trażbord tal-qabdiet tal-bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M, filwaqt li ħassret id-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-programmi tal-osservaturi, u żiedet kontroreferenza fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd.

(10)

Jenħtieġ li dawn il-bidliet ikunu implimentati wkoll fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/833 u r-Regolament (UE) 2020/124 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2019/833 b’dan huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4(1), għandhom jiżdiedu l-punti (c) u (d) li ġejjin:

“(c)

jieħu bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M aktar minn 15-il tunnellata ta’ qabdiet tal-Unjoni f’sena kalendarja. Jekk il-qabda ta’ bastiment tar-riċerka taqbeż dan l-ammont, l-eċċess għandu jinqata’ mill-allokazzjoni lill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment. Barra minn hekk, jekk l-allokazzjoni lill-Istat Membru għall-bakkaljaw mid-Diviżjoni 3M tkun eżawrita, l-Istat Membru ma għandux jawtorizza l-bastimenti tiegħu biex iwettqu aktar attivitajiet ta’ riċerka. Kwalunkwe attività ta’ riċerka li tkun għaddejja għandha titwaqqaf mill-Istat Membru tal-bandiera malli jinqabdu 15-il tunnellata mill-Unjoni;

(d)

jew jieħu gambli mid-Diviżjoni 3M aktar minn 10 tunnellati ta’ qabdiet tal-Unjoni f’sena kalendarja. L-Istat Membru rilevanti għandu jwaqqaf l-attivitajiet ta’ riċerka dwar il-gambli mid-Diviżjoni 3M ladarba l-Unjoni tkun qabdet 10 tunnellati.”

(2)

Fl-Artikolu 4, jitħassar il-paragrafu 1a.

(3)

fl-Artikolu 9a(1)(c), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-ispezzjonijiet tal-ħatt l-art jew tat-trażbord għandhom jitwettqu bir-rata ta’:

(i)

mill-inqas 50 % meta l-kwota totali tan-NAFO għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M f’opportunitajiet tas-sajd tkun inqas minn 6 000 tunnellata, u

(ii)

mill-inqas 25 % meta l-kwota totali tan-NAFO għall-bakkaljaw fid-Diviżjoni 3M f’opportunitajiet tas-sajd tkun bejn 6 000 u 12 000 tunnellata.”

(4)

Fl-Artikolu 27(7) jitħassar il-punt (a).

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/124 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 141, 28.5.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3179/78 tat-28 ta’ Diċembru 1978 li jirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ekonomika Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 378, 30.12.1978, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 tal-15 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 34, 6.2.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/989 tas-27 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 rigward ċerti dispożizzjonijiet u Annessi tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) (ĠU L 221, 10.7.2020, p. 5).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/860 tat-23 ta’ Marzu 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/124 fir-rigward tal-Anness tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) (ĠU L 190, 31.5.2021, p. 19).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1231 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 274, 30.7.2021, p. 32).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1281 tal-4 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/124 fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (NAFO) u Annessi tagħhom (ĠU L 195, 22.7.2022, p. 21).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2022/2037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/833 li jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar li japplikaw fiż-Żona Regolatorja tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 11).


ANNESS

Fl-Anness għar-Regolament Delegat (UE) 2020/124, il-punt (30), inċiż (15) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(15)

L-irmonk bi prova twettaq f’konformità mal-Artikolu 6.6(b)(iii) jew mal-Artikolu 6.10 tas-CEM? (IVA/LE)”