2.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/65


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1070

tal-1 ta’ Ġunju 2023

dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1)(b), u l-Artikolu 17 u l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 (imsejjaħ “il-Kodiċi” jew il-“KDU”) jirrikjedi li l-iskambji kollha ta’ informazzjoni bħal dikjarazzjonijiet, applikazzjonijiet jew deċiżjonijiet bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u bejn l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-ħażna ta’ dik l-informazzjoni, kif meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, isiru bl-użu ta’ tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 (2) tistabbilixxi l-Programm ta’ Ħidma għall-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Kodiċi, li għandhom jiġu żviluppati permezz tal-proġetti elenkati fit-Taqsima II tal-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni.

(3)

Jenħtieġ li jiġu speċifikati arranġamenti tekniċi importanti għall-funzjonament tas-sistemi elettroniċi, bħall-arranġamenti għall-iżvilupp, l-ittestjar u l-użu kif ukoll għall-manutenzjoni u għall-bidliet li għandhom jiġu introdotti fis-sistemi elettroniċi. Jenħtieġ li jiġu speċifikati aktar arranġamenti dwar il-protezzjoni tad-data, l-aġġornament tad-data, il-limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data u s-sjieda u s-sigurtà tas-sistemi.

(4)

Sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet u l-interessi tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-operaturi ekonomiċi, huwa importanti li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ proċedura u li jiġu pprovduti soluzzjonijiet alternattivi li jiġu implimentati fil-każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament temporanju fis-sistemi elettroniċi.

(5)

Il-Portal Doganali tal-UE għan-Negozjanti (EUCTP), kif żviluppat inizjalment permezz tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO) tal-KDU, is-sistema tal-Informazzjoni Vinkolanti Ewropea dwar it-Tariffi (EBTI) u l-Formoli ta’ Informazzjoni (INF) għall-proġetti bi Proċeduri Speċjali (INF SP), għandu l-għan li jipprovdi punt ta’ aċċess uniku għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn, u li jaċċessa kull wieħed mill-Portali Speċifiċi għan-Negozjanti, żviluppati għas-sistemi relatati tagħhom.

(6)

Is-Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali (CDS), żviluppata permezz tal-proġett tad-Deċiżjonijiet Doganali tal-KDU msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-objettiv li tarmonizza l-proċessi għall-applikazzjoni għal deċiżjoni doganali, għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni kollha billi tuża biss tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw dik is-sistema elettronika. Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema jiġi determinat b’referenza għad-deċiżjonijiet doganali li se jiġu applikati, meħuda u ġestiti bl-użu ta’ dik is-sistema. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema (il-portal tan-negozjanti tal-UE, is-sistema ċentrali ta’ ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali u s-servizzi ta’ referenza tal-klijenti) u għall-komponenti nazzjonali (il-portal nazzjonali tan-negozjanti u s-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tad-deċiżjonijiet doganali), billi jiġu speċifikati l-funzjonijiet tagħhom u l-interkonnessjonijiet tagħhom.

(7)

Is-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS), żviluppata permezz tal-proġett tal-Aċċess Dirett min-Negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali), imsemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, se tiġġestixxi l-proċess tal-awtentikazzjoni u ta’ verifika tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn. Iridu jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-karatteristiċi tas-sistema billi jiġu definiti l-komponenti differenti (komponenti komuni u nazzjonali) tas-sistema, il-funzjonijiet u l-interkonnessjonijiet tagħhom.

(8)

Is-sistema Ewropea tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), kif aġġornata permezz tal-proġett tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li tallinja l-proċessi għall-applikazzjoni, it-teħid u l-ġestjoni tad-deċiżjonijiet tal-BTI mal-ħtiġijiet tal-Kodiċi billi jintużaw biss tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data. Għalhekk, hemm bżonn li jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw dik is-sistema. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema (il-portal tan-negozjanti tal-UE, is-sistema ċentrali EBTI u l-monitoraġġ tal-użu BTI) u għall-komponenti nazzjonali (il-portal nazzjonali tan-negozjanti u s-sistema BTI nazzjonali), billi jiġu speċifikati l-funzjonijiet u l-interkonnessjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-proġett għandu l-għan li jiffaċilita l-monitoraġġ tal-użu obbligatorju tal-BTI u l-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż tal-BTI.

(9)

Is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), kif aġġornata permezz tal-proġett tas-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI 2) tal-KDU msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li taġġorna s-sistema tal-EORI trans-Ewropea eżistenti, li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni u tal-operaturi ekonomiċi ta’ pajjiżi terzi u persuni oħra għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli li jirregolaw is-sistema billi jiġu speċifikati l-komponenti (is-sistema ċentrali EORI u s-sistemi nazzjonali EORI) u l-użu tas-sistema tal-EORI.

(10)

Is-sistema tal-AEO, kif aġġornata permezz tal-proġett tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO) tal-KDU msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li ttejjeb il-proċessi tan-negozju relatati mal-applikazzjonijiet u mal-awtorizzazzjonijiet tal-AEO u mal-ġestjoni tagħhom. Is-sistema għandha wkoll l-għan li timplimenta l-formola elettronika li tintuża għall-applikazzjonijiet u għad-deċiżjonijiet tal-AEO, u li tipprovdi lill-operaturi ekonomiċi b’EUCTP li permezz tiegħu jissottomettu l-applikazzjonijiet tal-AEO u jirċievu d-deċiżjonijiet tal-AEO b’mod elettroniku. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-komponenti komuni tas-sistema.

(11)

Is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), kif żviluppata permezz tal-proġett ICS2 imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151 għandha l-għan li ssaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà tal-merkanzija li tidħol fl-Unjoni. Is-sistema tappoġġa l-ġbir tad-data tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul (ENS) minn operaturi ekonomiċi differenti u minn persuni oħrajn li jaġixxu fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali għall-merkanzija. Għandha l-għan li tappoġġa l-iskambji kollha ta’ informazzjoni relatati mas-sodisfazzjon tar-rekwiżiti tal-ENS bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra permezz ta’ Interfaċċa Armonizzata għan-Negozjanti żviluppata bħala applikazzjoni komuni jew bħala applikazzjoni nazzjonali. Għandha l-għan ukoll li tappoġġa permezz ta’ repożitorju komuni u proċessi relatati, l-implimentazzjoni kollaborattiva f’ħin reali tal-analiżi tar-riskju tas-sigurtà u s-sikurezza mill-uffiċċji doganali tal-ewwel dħul u skambju tar-riżultati tal-analiżi tar-riskju fost l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, qabel ma l-merkanzija titlaq minn pajjiżi terzi u/jew qabel il-wasla tagħha fit-territorju doganali tal-Unjoni. Is-sistema tappoġġa miżuri doganali biex jiġu indirizzati r-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà identifikati wara l-analiżi tar-riskju, inklużi kontrolli doganali u l-iskambju tar-riżultati tal-kontrolli, u, fejn rilevanti, notifiki lill-operaturi ekonomiċi u lil persuni oħrajn rigward ċerti miżuri li hemm bżonn jieħdu għall-mitigazzjoni tar-riskji. Is-sistema tappoġġa l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-implimentazzjoni tal-kriterji u tal-istandards komuni tar-riskju għas-sikurezza u s-sigurtà u tal-miżuri ta’ kontroll u l-oqsma ta’ kontroll prijoritarji msemmija fil-Kodiċi.

(12)

Is-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni, kif aġġornata permezz tal-proġett tas-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES) tal-KDU msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li ttejjeb is-Sistema ta’ Kontroll tal-Esportazzjoni eżistenti biex tiġi allinjata mar-rekwiżiti ġodda tan-negozju u tad-data stabbiliti fil-Kodiċi. Is-sistema għandha wkoll l-għan li toffri l-funzjonalitajiet kollha meħtieġa u li tkopri l-interfaċċi meħtieġa bis-sistemi ta’ appoġġ, jiġifieri s-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata u s-Sistema tal-Movimenti u tal-Kontrolli ta’ Prodotti Soġġetti għas-Sisa. Barra minn hekk, l-AES tappoġġa l-implimentazzjoni tal-iżdoganar ċentralizzat fil-funzjonalitajiet tal-esportazzjoni. Peress li l-AES hija sistema deċentralizzata, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli billi jiġu speċifikati l-komponenti u l-użu tas-sistema.

(13)

Is-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata, kif aġġornata permezz tal-proġett tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS) tal-KDU msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li taġġorna l-Fażi 4 tal-NCTS eżistenti biex tiġi allinjata mar-rekwiżiti tan-negozju u tad-data ġodda stabbiliti fil-Kodiċi. Is-sistema għandha wkoll l-għan li toffri funzjonalitajiet ġodda msemmija fil-Kodiċi u li tkopri l-interfaċċi meħtieġa mas-sistemi ta’ appoġġ u l-AES. Peress li l-NCTS hija sistema deċentralizzata, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli billi jiġu speċifikati l-komponenti u l-użu tas-sistema.

(14)

Is-sistema tal-INF SP, żviluppata permezz tal-Folji ta’ Informazzjoni tal-KDU (INF) għall-proġett tal-Proċeduri Speċjali msemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li tiżviluppa sistema trans-Ewropea ġdida biex tappoġġa u tissimplifika l-proċessi tal-ġestjoni tad-data tal-INF u t-trattament elettroniku tad-data tal-INF fil-qasam tal-Proċeduri Speċjali. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati biex jispeċifikaw il-komponenti tas-sistema u l-użu tagħha.

(15)

Is-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju doganali msemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) għandha l-għan li tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u bejnhom u l-Kummissjoni bil-għan li tappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju.

(16)

Is-sistema ta’ Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni, kif żviluppata permezz tal-proġett tal-KDU għall-Iżdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI) imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151 għandha l-għan li tippermetti li l-merkanzija titqiegħed skont proċedura doganali bl-użu ta’ żdoganar ċentralizzat, u b’hekk tippermetti lill-operaturi ekonomiċi jiċċentralizzaw in-negozju tagħhom minn perspettiva doganali. L-ipproċessar tad-dikjarazzjoni doganali u r-rilaxx fiżiku tal-merkanzija jenħtieġ li jiġu kkoordinati bejn l-uffiċċji doganali involuti. Peress li l-CCI hija sistema deċentralizzata, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli billi jiġu speċifikati l-komponenti u l-użu tas-sistema.

(17)

Is-sistema tal-Esportatur Reġistrat (REX), imsemmija fl-Artikolu 68 sal-Artikolu 93 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, għandha l-għan li tippermetti lill-esportaturi rreġistrati fl-Unjoni u f’xi pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament preferenzjali biex jiċċertifikaw huma stess l-oriġini tal-merkanzija tagħhom. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati biex jispeċifikaw il-komponenti tas-sistema u l-użu tagħhom. Fis-sistema REX, l-esportaturi għandhom jiġu pprovduti bl-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), permezz ta’ avviż mehmuż mal-applikazzjoni biex wieħed isir esportatur irreġistrat, u d-drittijiet tas-suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom b’rabta mal-applikazzjoni tagħhom għar-reġistrazzjoni għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mal-Kapitolu III tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

(18)

Is-sistema tal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni (PoUS), żviluppata permezz tal-proġett PoUS tal-KDU imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, għandha l-għan li toħloq sistema trans-Ewropea ġdida għall-ħżin, il-ġestjoni u l-irkupru tal-provi tal-istatus tal-Unjoni fil-forma ta’ dokumenti T2L/T2LF u dokumenti tal-merkanzija doganali (CGM).

(19)

Is-sistema ta’ Sorveljanza, kif aġġornata permezz tal-proġett ta’ Sorveljanza 3 tal-KDU (SURV3) imsemmi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, hija mmirata lejn l-aġġornament tas-sistema ta’ Sorveljanza 2+ biex tiżgura li tkun allinjata mar-rekwiżiti tal-KDU bħall-iskambju standard ta’ informazzjoni permezz ta’ tekniki elettroniċi għall-ipproċessar tad-data u l-istabbiliment tal-funzjonalitajiet meħtieġa għall-ipproċessar u l-analiżi tas-sett sħiħ ta’ data tas-sorveljanza miksub mill-Istati Membri. Is-sistema ta’ Sorveljanza, li hija disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri, tinkludi wkoll il-kapaċitajiet ta’ estrazzjoni tad-data u l-funzjonalitajiet ta’ rapportar.

(20)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/414 (6) jistabbilixxi l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, għall-manutenzjoni u għat-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju tal-informazzjoni u għall-ħżin ta’ din l-informazzjoni skont il-Kodiċi. Minħabba n-numru ta’ bidliet f’dak ir-Regolament li jkunu meħtieġa sabiex jitqies il-fatt li REX, PoUS u SURV3 issa saru operazzjonali jew se jsiru operazzjonali, u għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/414 jitħassar u jiġi sostitwit minn Regolament ta’ Implimentazzjoni ġdid.

(21)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Meta għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni jkun meħtieġ li tiġi pproċessata data personali fis-sistemi elettroniċi, dik id-data trid tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725. Id-data personali tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn ipproċessata mis-sistemi elettroniċi hija ristretta għas-settijiet ta’ data kif stabbilit fl-Anness A, it-Titolu I, il-Kapitolu 1, fit-tabella intitolata Gruppi ta’ Data, il-Grupp 3 – Partijiet; l-Anness A, it-Titolu I, il-Kapitolu 2, il-Grupp 3 – Partijiet; l-Anness B, it-Titolu II, il-Grupp 13 – Partijiet; u l-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (7).

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(23)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sistemi elettroniċi li ġejjin kif żviluppati jew aġġornati permezz tal-proġetti li ġejjin imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151:

(a)

is-Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali (CDS), kif żviluppata permezz tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (imsejjaħ il-“Kodiċi” jew il-“KDU”) proġett tad-Deċiżjonijiet Doganali;

(b)

is-sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali (UUM&DS), kif żviluppata permezz tal-proġett tal-aċċess Dirett tan-negozjanti għas-Sistemi tal-Informazzjoni Ewropej (Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u Firma Diġitali);

(c)

is-sistema tal-Informazzjoni Vinkolanti Ewropea dwar it-Tariffi (EBTI), kif aġġornata permezz tal-proġett tal-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (BTI) tal-KDU;

(d)

is-sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), kif aġġornata f’konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett EORI2;

(e)

is-sistema tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat (AEO), kif aġġornata f’konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett ta’ aġġornament tal-AEO;

(f)

is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2), kif żviluppata permezz tal-proġett tal-ICS2;

(g)

is-sistema tal-Formoli ta’ Informazzjoni (INF) għall-Proċeduri Speċjali (INF SP), kif żviluppata permezz tal-Formoli ta’ Informazzjoni (INF) tal-KDU għall-proġett tal-Proċeduri Speċjali;

(h)

is-sistema tal-Esportaturi Rreġistrati (is-sistema REX), kif żviluppata permezz tal-proġett REX tal-KDU;

(i)

is-sistema tal-Prova tal-Istatus tal-Unjoni (PoUS), kif żviluppata permezz tal-proġett PoUS tal-KDU;

(j)

is-sistema ta’ Sorveljanza, kif żviluppata permezz tal-proġett ta’ Sorveljanza 3 (SURV3) tal-KDU.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sistemi deċentralizzati li ġejjin kif żviluppati jew aġġornati permezz tal-proġetti li ġejjin imsemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151:

(a)

is-Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni (AES), kif żviluppata f’konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett tal-AES;

(b)

is-Sistema l-Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS), kif aġġornata f’konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi permezz tal-proġett ta’ aġġornament tal-NCTS;

(c)

is-Sistema ta’ Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni (CCI), kif żviluppata permezz tal-proġett CCI tal-KDU.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għas-sistemi ċentrali li ġejjin:

(a)

il-Portal Doganali tal-UE għan-Negozjanti (EUCTP);

(b)

is-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju doganali (CRMS) imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“komponent komuni” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi żviluppat fil-livell tal-Unjoni, li jkun disponibbli għall-Istati Membri kollha jew identifikat bħala komuni mill-Kummissjoni għal raġunijiet ta’ effiċjenza, sigurtà u razzjonalizzazzjoni;

(2)

“komponent nazzjonali” tfisser komponent tas-sistemi elettroniċi żviluppat fil-livell nazzjonali, li jkun disponibbli fl-Istat Membru li jkun ħoloq it-tali komponent jew li jkun ikkontribwixxa għall-ħolqien konġunt tiegħu;

(3)

“sistema trans-Ewropea” tfisser ġabra ta’ sistemi kollaborattivi b’responsabbiltajiet imqassma fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni, u żviluppati f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

(4)

“sistema ċentrali” tfisser sistema trans-Ewropea żviluppata fil-livell tal-Unjoni, li tikkonsisti minn komponenti komuni, disponibbli għall-Istati Membri kollha u li ma jeħtiġux il-ħolqien ta’ komponent nazzjonali;

(5)

“sistema deċentralizzata” tfisser sistema trans-Ewropea li tikkonsisti minn komponenti komuni u nazzjonali bbażati fuq speċifikazzjonijiet komuni;

(6)

“EU Login” huwa s-servizz ta’ awtentikazzjoni tal-utent tal-Kummissjoni, li jippermetti lill-utenti awtorizzati jaċċessaw b’mod sikur firxa wiesgħa ta’ servizzi tal-web tal-Kummissjoni;

Artikolu 3

Punti ta’ kuntatt għas-sistemi elettroniċi

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt għal kull sistema elettronika msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni biex jiġu żgurati żvilupp, tħaddim u manutenzjoni koordinati ta’ dawk is-sistemi elettroniċi.

Huma għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta’ dawk il-punti ta’ kuntatt lil xulxin u jinfurmaw lil xulxin minnufih bi kwalunkwe tibdil f’dawk id-dettalji.

KAPITOLU II

Portal Doganali tal-UE għan-Negozjanti

Artikolu 4

Objettiv u struttura tal-EUCTP

L-EUCTP għandu jipprovdi punt tad-dħul uniku għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra biex jaċċessaw il-Portali Speċifiċi tan-Negozjanti tas-sistemi trans-Ewropej imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Awtentikazzjoni u aċċess għall-EUCTP

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra għall-finijiet ta’ aċċess għall-EUCTP għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS.

Sabiex ir-rappreżentanti doganali jkunu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw l-EUCTP, l-għoti tas-setgħa lilhom biex jaġixxu f’dik il-kapaċità għandu jkun irreġistrat fis-sistema tal-UUM&DS jew f’sistema tal-ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament. L-għoti tas-setgħa ma għandux jiġi rreġistrat għall-fini ta’ aċċess għall-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS kif imsemmi fl-Artikolu 95 ta’ dan ir-regolament, jew għall-aċċess għall-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti għall-ICS2 kif imsemmi fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-EUCTP għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-aċċess għall-EUCTP għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Użu tal-EUCTP

1.   L-EUCTP għandu jipprovdi aċċess għall-portali speċifiċi tan-negozjanti tas-sistemi trans-Ewropej EBTI AEO, INF, REX u PoUS imsemmija fl-Artikoli 24, 38, 67, 82 u 95 ta’ dan ir-Regolament, rispettivament, kif ukoll għall-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti għall-ICS2 imsemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-EUCTP għandu jintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn, dwar it-talbiet, l-applikazzjonijiet, l-awtorizzazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati mal-EBTI, l-AEO, l-INF, is-sistema REX u l-PoUS.

3.   L-EUCTP jista’ jintuża għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra, dwar dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u meta applikabbli, dwar l-emendi tagħhom, ir-referenzi maħruġa u l-invalidazzjoni relatati mal-ICS2.

KAPITOLU III

Sistema tad-Deċiżjonijiet Doganali

Artikolu 7

Objettiv u struttura tas-CDS

1.   Is-CDS għandha tippermetti komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-finijiet ta’ sottomissjoni u ta’ proċessar tal-applikazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll il-ġestjoni tad-deċiżjonijiet relatati mal-awtorizzazzjonijiet, jiġifieri emendi, revoki, annullamenti u sospensjonijiet.

2.   Is-CDS għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

portal tan-negozjanti tal-UE;

(b)

sistema ta’ ġestjoni ċentrali tad-deċiżjonijiet doganali (“CDMS ċentrali”);

(c)

servizzi ta’ referenza għall-klijenti (CRS).

3.   l-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

sistema ta’ ġestjoni nazzjonali tad-deċiżjonijiet doganali (“CDMS nazzjonali”).

Artikolu 8

Użu tas-CDS

1.   Is-CDS għandha tintuża għall-finijiet ta’ sottomissjoni u ta’ proċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet li ġejjin, kif ukoll għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet relatati mal-applikazzjonijiet jew mal-awtorizzazzjonijiet:

(a)

l-awtorizzazzjoni għas-simplifikazzjoni ta’ kif jiġu stabbiliti l-ammonti li jkunu parti mill-valur doganali tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 73 tal-Kodiċi;

(b)

l-awtorizzazzjoni għall-għoti ta’ garanzija komprensiva, inkluż xi tnaqqis jew rinunzja li jista’ jkun hemm, kif imsemmi fl-Artikolu 95 tal-Kodiċi;

(c)

l-awtorizzazzjoni għal differiment tal-pagament tad-dazju pagabbli, sakemm il-permess ma jingħatax fir-rigward ta’ operazzjoni unika, kif imsemmi fl-Artikolu 110 tal-Kodiċi;

(d)

l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ ħażna temporanja, kif imsemmi fl-Artikolu 148 tal-Kodiċi;

(e)

l-awtorizzazzjoni biex jiġu stabbiliti servizzi regolari tat-trasport marittimu, kif imsemmi fl-Artikolu 120 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446;

(f)

l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta’ emittent awtorizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 128 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446;

(g)

l-awtorizzazzjoni għall-użu regolari ta’ dikjarazzjoni simplifikata, kif imsemmi fl-Artikolu 166(2) tal-Kodiċi;

(h)

l-awtorizzazzjoni għall-iżdoganar ċentralizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 179 tal-Kodiċi;

(i)

l-awtorizzazzjoni biex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali permezz ta’ dħul ta’ data fir-rekords tad-dikjarant, inkluż għall-proċedura ta’ esportazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 182 tal-Kodiċi;

(j)

l-awtorizzazzjoni għal awtovalutazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 185 tal-Kodiċi;

(k)

l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta’ piżatur awtorizzat tal-banana, kif imsemmi fl-Artikolu 155 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446;

(l)

l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ proċessar attiv, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

(m)

l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ proċessar passiv, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

(n)

l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura tal-użu finali, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

(o)

l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-proċedura ta’ dħul temporanju, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(a) tal-Kodiċi;

(p)

l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta’ faċilitajiet ta’ ħażna għall-ħażna doganali tal-merkanzija, kif imsemmi fl-Artikolu 211(1)(b) tal-Kodiċi;

(q)

l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta’ konsenjatarju awtorizzat għal operazzjoni TIR, kif imsemmi fl-Artikolu 230 tal-Kodiċi;

(r)

l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta’ speditur awtorizzat għat-tranżitu fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(a) tal-Kodiċi;

(s)

l-awtorizzazzjoni għall-istatus ta’ konsenjatarju awtorizzat għat-tranżitu fl-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(b) tal-Kodiċi;

(t)

l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ siġilli ta’ tip speċjali, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(c) tal-Kodiċi;

(u)

l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dikjarazzjoni ta’ tranżitu b’rekwiżiti tad-data mnaqqsa, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(d) tal-Kodiċi;

(v)

l-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ dokument tat-trasport elettroniku bħala dikjarazzjoni doganali, kif imsemmi fl-Artikolu 233(4)(e) tal-Kodiċi.

2.   Il-komponenti komuni tas-CDS għandhom jintużaw fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll fir-rigward tal-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet, meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista’ jkollhom impatt f’aktar minn Stat Membru wieħed.

3.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-komponenti komuni tas-CDS jistgħu jintużaw fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll fir-rigward tal-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet, fejn dawk l-awtorizzazzjonijiet jew deċiżjonijiet ikollhom impatt biss f’dak l-Istat Membru.

4.   Is-CDS ma għandhomx jintużaw fir-rigward ta’ applikazzjonijiet, awtorizzazzjonijiet jew deċiżjonijiet għajr dawk elenkati fil-paragrafu 1.

Artikolu 9

Awtentikazzjoni u aċċess għas-CDS

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS.

Sabiex ir-rappreżentanti doganali jkunu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-CDS, l-għoti tas-setgħa tagħhom biex jaġixxu f’dik il-kapaċità għandu jkun irreġistrat fis-sistema tal-UUM&DS jew f’sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-CDS għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS jew bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 10

Portal tan-negozjanti tal-UE

1.   Il-portal tan-negozjanti tal-UE għandu jkun punt ta’ dħul fis-CDS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn.

2.   Il-portal tan-negozjanti tal-UE għandu jinteropera mas-CDMS ċentrali kif ukoll mas-CDMS nazzjonali meta jinħoloq mill-Istati Membri.

3.   Il-portal tan-negozjanti tal-UE għandu jintuża għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll għall-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u awtorizzazzjonijiet, fejn dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista’ jkollhom impatt f’aktar minn Stat Membru wieħed.

4.   Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-portal tan-negozjanti tal-UE jista’ jintuża għall-applikazzjonijiet u għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet, fejn dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet ikollhom impatt biss f’dak l-Istat Membru.

Meta Stat Membru jieħu deċiżjoni li juża l-portal tan-negozjanti tal-UE għall-awtorizzazzjonijiet jew għad-deċiżjonijiet li għandhom impatt biss f’dak l-Istat Membru, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 11

CDMS Ċentrali

1.   Is-CDMS ċentrali għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjoni humiex issodisfati.

2.   Is-CDMS ċentrali għandha tinteropera mal-portal tan-negozjanti tal-UE, mas-servizzi ta’ referenza għall-klijenti msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, u mas-CDMS nazzjonali, meta jinħolqu mill-Istati Membri.

Artikolu 12

Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jużaw is-CDMS

Awtorità doganali ta’ Stat Membru għandha tuża s-CDMS ċentrali meta jkollha bżonn tikkonsulta ma’ awtorità doganali ta’ Stat Membru ieħor qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Servizzi ta’ referenza tal-klijenti

1.   Is-servizzi ta’ referenza tal-klijent għandhom jintużaw għall-ħażna ċentrali tad-data relatata mal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1), kif ukoll deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-awtorizzazzjonijiet, u għandha tippermetti l-konsultazzjoni, ir-replikazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet minn sistemi elettroniċi oħrajn stabbiliti għall-finijiet tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi.

2.   Is-servizzi ta’ referenza tal-klijenti għandhom jintużaw għall-ħażna ċentrali tad-data relatata mar-reġistrazzjonijiet mis-sistema REX msemmija fl-Artikoli 80 u 87 ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jippermettu l-konsultazzjoni, ir-replikazzjoni u l-validazzjoni ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet minn sistemi elettroniċi oħrajn stabbiliti għall-finijiet tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi. Dawk is-servizzi għandhom jintużaw minn Andorra, min-Norveġja, minn San Marino, mill-Iżvizzera u mit-Turkija biex jaħżnu data mill-operaturi ekonomiċi reġistrati nazzjonali tagħhom, u biex jikkonsultaw, jirreplikaw, u jivvalidaw id-data mis-sistema REX għall-Istati Membri u mis-sistema REX għall-pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali, għall-finijiet tal-iskemi rispettivi tagħhom tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi.

3.   Is-servizzi ta’ referenza għall-klijenti għandhom jintużaw biex jaħżnu d-data mis-sistemi EORI, EBTI u AEO u għandhom jippermettu l-konsultazzjoni, ir-replikazzjoni u l-validazzjoni ta’ dik id-data minn sistemi elettroniċi oħra stabbiliti għall-finijiet tal-Artikolu 16 tal-Kodiċi.

Artikolu 14

Portal nazzjonali tan-negozjanti

1.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti, meta jinħoloq, għandu jkun punt ta’ dħul addizzjonali għas-CDS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn.

2.   Fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll tal-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u ma’ dawk l-awtorizzazzjonijiet meta dawk l-awtorizzazzjonijiet jew dawk id-deċiżjonijiet jista’ jkollhom impatt f’iżjed minn Stat Membru wieħed, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra jistgħu jagħżlu li jużaw il-portal nazzjonali tan-negozjanti, fejn jinħolqu, jew il-portal tan-negozjanti tal-UE.

3.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mas-CDMS nazzjonali, meta jkunu nħolqu.

4.   Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tan-negozjanti, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwaru.

Artikolu 15

CDMS Nazzjonali

1.   Meta tinħoloq CDMS nazzjonali, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li jkun ħoloqha għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u tal-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll fir-rigward tal-ġestjoni ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ dawk l-applikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni u għat-teħid ta’ deċiżjoni humiex issodisfati.

2.   Is-CDMS nazzjonali għandha tinteropera mas-CDMS ċentrali għall-finijiet ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

Sistema tal-Ġestjoni Uniformi tal-Utenti u tal-Firma Diġitali

Artikolu 16

Objettiv u struttura tas-sistema tal-UUM&DS

1.   Is-sistema tal-UUM&DS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament bil-għan li jiġi pprovdut aċċess awtorizzat sikur għas-sistemi elettroniċi lill-persunal tal-Kummissjoni, lill-operaturi ekonomiċi u lil persuni oħra.

2.   Is-sistema tal-UUM&DS għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess;

(b)

sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni.

3.   Stat Membru għandu joħloq sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess bħala komponent nazzjonali tas-sistema tal-UUM&DS.

Artikolu 17

Użu tas-sistema tal-UUM&DS

Is-sistema tal-UUM&DS għandha tintuża biex tiżgura l-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess ta’:

(a)

l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għall-finijiet ta’ aċċess għall-EUCTP, il-komponenti komuni tas-CDS, is-sistema tal-EBTI, is-sistema tal-AEO, is-sistema tal-INF SP, is-sistema REX, is-sistema PoUS u l-ICS2;

(b)

il-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-EUCTP, il-komponenti komuni tas-CDS, is-sistema tal-EBTI, is-sistema tal-EORI, is-sistema tal-AEO, l-ICS2, l-AES, l-NCTS, is-CRMS, is-CCI, is-sistema REX, is-sistema PoUS u s-sistema tal-INF SP għall-finijiet ta’ manutenzjoni u ġestjoni tas-sistema tal-UUM&DS.

Artikolu 18

Sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess biex tivvalida t-talbiet għall-aċċess ippreżentati mill-operaturi ekonomiċi u minn persuni oħrajn fis-sistema tal-UUM&DS billi tinteropera mas-sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 19

Sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi s-sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni għall-ġestjoni tar-regoli tal-awtentikazzjoni u tal-awtorizzazzjoni għall-validazzjoni tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn bil-għan li jkun permess l-aċċess għas-sistemi elettroniċi.

Artikolu 20

Sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess tal-Istati Membri

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess biex jiżguraw:

(a)

reġistrazzjoni u ħżin sikuri tad-data tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn;

(b)

skambju sikur tad-data tal-identifikazzjoni ffirmata u kriptata tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn.

KAPITOLU V

Sistema tal-Informazzjoni Vinkolanti Ewropea dwar it-Tariffi

Artikolu 21

Objettiv u struttura tas-sistema tal-EBTI

1.   Is-sistema tal-EBTI għandha, f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tal-Kodiċi, tippermetti dan li ġej:

(a)

il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għall-finijiet ta’ sottomissjoni u proċessar tal-applikazzjonijiet tal-BTI u tad-deċiżjonijiet tal-BTI;

(b)

il-ġestjoni ta’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali;

(c)

il-monitoraġġ tal-użu obbligatorju tad-deċiżjonijiet tal-BTI;

(d)

il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-użu estiż tad-deċiżjonijiet tal-BTI;

(e)

il-monitoraġġ mill-Kummissjoni ta’ deċiżjonijiet tal-BTI, inkluż il-proċessi għat-teħid, il-ġestjoni u l-applikazzjoni għal dawk id-deċiżjonijiet, għall-finijiet li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali u ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

2.   Is-sistema tal-EBTI għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI;

(b)

sistema ċentrali tal-EBTI;

(c)

il-kapaċità li jiġi mmonitorjat l-użu tad-deċiżjonijiet tal-BTI.

3.   L-Istati Membri jistgħu joħolqu, bħala komponent nazzjonali, sistema nazzjonali tal-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi (“sistema nazzjonali tal-BTI ”) flimkien ma’ portal nazzjonali tan-negozjanti.

Artikolu 22

Użu tas-sistema tal-EBTI

1.   Is-sistema tal-EBTI għandha tintuża għas-sottomissjoni, għall-ipproċessar, għall-iskambju u għall-ħażna tal-informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

2.   Is-sistema tal-EBTI għandha tintuża biex tappoġġa l-monitoraġġ mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-BTI f’konformità mal-Artikolu 21(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

3.   Is-sistema tal-EBTI għandha tintuża mill-Kummissjoni biex tinforma lill-Istati Membri, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, malli jkunu ntlaħqu l-kwantitajiet ta’ oġġetti li jistgħu jiġu kklerjati matul perjodu ta’ użu estiż.

Artikolu 23

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema tal-EBTI

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-EBTI għandhom isiru permezz tas-sistema tal-UUM&DS.

Sabiex ir-rappreżentanti doganali jkunu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema tal-EBTI, is-setgħa tagħhom li jaġixxu f’dik il-kapaċità għandha tkun irreġistrata fis-sistema tal-UUM&DS jew f’sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-EBTI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-EBTI għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 24

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI

1.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI għandu jikkomunika mal-EUCTP, meta l-EUCTP għandu jkun punt ta’ dħul għas-sistema tal-EBTI għall-operaturi ekonomiċi u persuni oħra.

2.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI għandu jinteropera mas-sistema ċentrali tal-EBTI u għandu joffri direzzjoni mill-ġdid lejn portali nazzjonali tan-negozjanti fejn inħolqu sistemi nazzjonali tal-BTI mill-Istati Membri.

3.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI għandu jintuża għas-sottomissjoni u għall-iskambju tal-informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.

Artikolu 25

Sistema ċentrali tal-EBTI

1.   Is-sistema ċentrali tal-EBTI għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jipproċessaw, jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali, għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni, u għat-teħid ta’ deċiżjoni, humiex issodisfati.

2.   Is-sistema ċentrali tal-EBTI għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ipproċessar, skambju u ħażna ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 16(4), fl-Artikolu 17, fl-Artikolu 21(2)(b) u fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

3.   Is-sistema ċentrali tal-EBTI għandha tinteropera mal-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI, u mas-sistemi nazzjonali tal-BTI, meta jkunu nħolqu.

Artikolu 26

Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jużaw is-sistema ċentrali tal-EBTI

Awtorità doganali ta’ Stat Membru għandha tuża s-sistema tal-EBTI ċentrali għall-finijiet ta’ konsultazzjoni ma’ awtorità doganali ta’ Stat Membru ieħor sabiex tiżgura l-konformità mal-Artikolu 16(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 27

Monitoraġġ tal-użu tad-deċiżjonijiet tal-BTI

Il-kapaċità ta’ monitoraġġ tal-użu ta’ deċiżjonijiet tal-BTI għandha tintuża għall-finijiet tal-Artikolu 21(3) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 22(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 28

Portal nazzjonali tan-negozjanti

1.   Meta Stat Membru jkun ħoloq sistema nazzjonali tal-BTI f’konformità mal-Artikolu 21(3) ta’ dan ir-Regolament, il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jkun il-punt ewlieni ta’ dħul fis-sistema nazzjonali tal-BTI għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn.

2.   L-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jużaw il-portal nazzjonali tan-negozjanti, meta jkun inħoloq, fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali.

3.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mas-sistema nazzjonali tal-BTI, meta din tkun inħolqot.

4.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jiffaċilita proċessi ekwivalenti għal dawk iffaċilitati mill-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI.

5.   Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tan-negozjanti, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwaru. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-portal nazzjonali tan-negozjanti jkun aċċessibbli direttament mill-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-EBTI.

Artikolu 29

Sistema Nazzjonali tal-BTI

1.   Sistema nazzjonali tal-BTI, meta tkun inħolqot, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li ħoloqha biex jipproċessa, jiskambja u jaħżen informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet relatati mal-BTI jew ma’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew id-deċiżjoni oriġinali, għall-finijiet ta’ verifika dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni jew għat-teħid ta’ deċiżjoni humiex issodisfati.

2.   L-awtorità doganali ta’ Stat Membru għandha tuża s-sistema nazzjonali tal-BTI tagħha għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, pproċessar, skambju u ħażna ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 16(4), fl-Artikolu 17, fl-Artikolu 21(2)(b) u fl-Artikolu 21(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, sakemm ma tużax is-sistema ċentrali tal-EBTI għal dawk il-finijiet.

3.   Is-sistema nazzjonali tal-BTI għandha tinteropera mal-portal nazzjonali tan-negozjanti u mas-sistema ċentrali tal-EBTI.

KAPITOLU VI

Sistema tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operatur Ekonomiku

Artikolu 30

Objettiv u struttura tas-sistema tal-EORI

Is-sistema tal-EORI għandha tippermetti reġistrazzjoni u identifikazzjoni uniċi, fil-livell tal-Unjoni, tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra.

Is-sistema tal-EORI għandha tikkonsisti mill-komponenti li ġejjin:

(a)

sistema ċentrali tal-EORI;

(b)

sistemi nazzjonali tal-EORI, meta jkunu nħolqu mill-Istati Membri.

Artikolu 31

Użu tas-sistema tal-EORI

1.   Is-sistema EORI għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet li ġejjin:

(a)

biex tirċievi d-data għar-reġistrazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn kif imsemmi fl-Anness 12-01 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (“data EORI”) ipprovduta mill-Istati Membri;

(b)

biex taħżen b’mod ċentrali d-data EORI li tappartjeni għar-reġistrazzjoni u għall-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u persuni oħra;

(c)

biex id-data EORI ssir disponibbli għall-Istati Membri.

2.   Is-sistema tal-EORI għandha tippermetti, lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, aċċess online għad-data EORI maħżuna fil-livell tas-sistema ċentrali.

3.   Is-sistema tal-EORI għandha tinteropera mas-sistemi elettroniċi l-oħrajn kollha fejn jintuża n-numru tal-EORI.

Artikolu 32

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema ċentrali tal-EORI

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-EORI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-EORI għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 33

Sistema ċentrali tal-EORI

1.   Is-sistema ċentrali tal-EORI għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

2.   Is-sistema ċentrali tal-EORI għandha tinteropera mas-sistemi nazzjonali tal-EORI, meta tkun inħolqot.

Artikolu 34

Sistema Nazzjonali tal-EORI

1.   Sistema nazzjonali tal-EORI, meta tkun inħolqot, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li jkun ħoloqha biex tiġi skambjata u maħżuna d-data EORI.

2.   Sistema nazzjonali tal-EORI għandha tinteropera mas-sistema ċentrali tal-EORI.

KAPITOLU VII

Sistema tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat

Artikolu 35

Objettiv u struttura tas-sistema tal-AEO

1.   Is-sistema tal-AEO għandha tippermetti komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għall-finijiet tas-sottomissjoni u tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet tal-AEO u l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet tal-AEO kif ukoll il-ġestjoni ta’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

2.   Is-sistema tal-AEO għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-AEO;

(b)

sistema tal-AEO ċentrali.

3.   l-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

sistema nazzjonali ta’ Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (“sistema nazzjonali tal-AEO”).

Artikolu 36

Użu tas-sistema tal-AEO

1.   Is-sistema tal-AEO għandha tintuża għas-sottomissjoni, l-iskambju, l-ipproċessar u l-ħażna ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-AEO jew għal kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) u l-Artikolu 31(1) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

2.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema tal-AEO biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 31(1) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u biex iżommu rekord tal-konsultazzjonijiet rilevanti.

Artikolu 37

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema ċentrali tal-AEO

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-AEO għandhom isiru permezz tas-sistema tal-UUM&DS.

Sabiex ir-rappreżentanti doganali jkunu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema tal-AEO, is-setgħa tagħhom li jaġixxu f’dik il-kapaċità għandha tkun irreġistrata fis-sistema tal-UUM&DS jew f’sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-AEO għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-AEO għandhom isiru billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 38

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-AEO

1.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-AEO għandu jikkomunika mal-EUCTP, meta l-EUCTP għandu jkun punt ta’ dħul għas-sistema tal-AEO għall-operaturi ekonomiċi u persuni oħra.

2.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-AEO għandu jinteropera mas-sistema tal-AEO ċentrali u għandu joffri ridirezzjoni lejn il-portal nazzjonali tan-negozjanti, meta jkun inħoloq.

3.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-AEO għandu jintuża għas-sottomissjoni u għall-iskambju tal-informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-AEO jew għal kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.

Artikolu 39

Sistema ċentrali tal-AEO

1.   Is-sistema ċentrali tal-AEO għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jiskambjaw u jaħżnu informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-AEO jew għal kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.

2.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ċentrali tal-AEO għall-finijiet tal-iskambju u tal-ħażna tal-informazzjoni, għall-konsultazzjoni u għall-ġestjoni tad-deċiżjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 30 u 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

3.   Is-sistema ċentrali tal-AEO għandha tinteropera mal-portal tan-negozjanti tal-UE u mas-sistemi nazzjonali tal-AEO, meta jkunu nħolqu.

Artikolu 40

Portal nazzjonali tan-negozjanti

1.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti, meta jkun inħoloq, għandu jippermetti l-iskambju tal-informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tal-AEO.

2.   L-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jużaw il-portal nazzjonali tan-negozjanti, meta jkun inħoloq, biex jiskambjaw informazzjoni mal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tal-AEO.

3.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mas-sistema nazzjonali tal-AEO.

Artikolu 41

Sistema Nazzjonali tal-AEO

1.   Meta tkun inħolqot sistema nazzjonali tal-AEO, għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li jkun ħoloqha biex tiġi skambjata u tinħażen informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tal-AEO jew ma’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa d-deċiżjoni oriġinali.

2.   Is-sistema nazzjonali tal-AEO għandha tinteropera mal-portal nazzjonali tan-negozjanti, fejn maħluq, u mas-sistema tal-AEO ċentrali.

KAPITOLU VIII

Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2

Artikolu 42

Objettiv u struttura tal-ICS2

1.   L-ICS2 għandha tappoġġa l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, u bejn l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, għall-finijiet li ġejjin:

(a)

it-twettiq tar-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(b)

l-analiżi tar-riskju mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri primarjament għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza u għal miżuri doganali bil-għan li jiġu mmitigati r-riskji rilevanti inkluż il-kontrolli doganali;

(c)

il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri bil-għan li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul;

(d)

l-iżgurar ta’ applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali u l-minimizzazzjoni tar-riskji, bl-użu fost l-oħrajn tal-ipproċessar, it-tqabbil, l-analiżi tad-data mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, l-arrikkiment u l-komunikazzjoni tad-data lill-Istati Membri.

2.   L-ICS2 għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

interfaċċa kondiviża tan-negozjanti;

(b)

repożitorju komuni.

3.   Kull Stat Membru għandu joħloq is-sistema ta’ dħul nazzjonali tiegħu bħala komponent nazzjonali.

4.   Stat Membru jista’ joħloq l-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti tiegħu bħala komponent nazzjonali.

Artikolu 43

Użu tal-ICS2

1.   L-ICS2 għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin:

(a)

is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħażna tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, it-talbiet għall-emendi u l-invalidazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 127 u 129 tal-Kodiċi;

(b)

ir-riċeviment, l-ipproċessar u l-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul estratti mid-dikjarazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 130 tal-Kodiċi;

(c)

is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni dwar notifiki tal-wasla ta’ bastiment li jbaħħar jew inġenju tal-ajru kif imsemmi fl-Artikolu 133 tal-Kodiċi;

(d)

ir-riċeviment, l-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni ta’ merkanzija lid-dwana kif imsemmi fl-Artikolu 139 tal-Kodiċi;

(e)

ir-riċeviment, l-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni dwar talbiet u riżultati tal-analiżi tar-riskju, rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, deċiżjonijiet dwar kontrolli, u riżultati ta’ kontroll kif imsemmi fl-Artikolu 46(3) u (5) u l-Artikolu 47(2) tal-Kodiċi;

(f)

ir-riċeviment, l-ipproċessar, il-ħżin u l-komunikazzjoni tan-notifiki u l-informazzjoni lill-operaturi ekonomiċi jew persuni oħra kif imsemmi fl-Artikolu 186(2)(e) u l-Artikolu 186(3) sa (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446;

(g)

is-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni mill-operaturi ekonomiċi jew minn persuni oħrajn mitluba mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 186(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

2.   L-ICS2 għandha tintuża biex tappoġġa l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-implimentazzjoni tal-kriterji u tal-istandards komuni tar-riskju għas-sikurezza u s-sigurtà u tal-miżuri ta’ kontroll u tal-oqsma prijoritarji ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 46(3) tal-Kodiċi.

3.   Sabiex il-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju jiġu appoġġati ulterjorment, minbarra d-data msemmija fil-paragrafu 1, l-ICS2 għandha tintuża biex tiġbor, taħżen, tipproċessa u tanalizza l-elementi ta’ informazzjoni li ġejjin:

(a)

informazzjoni oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu;

(b)

informazzjoni dwar ir-riskju u riżultati tal-analiżi tar-riskju skambjati skont l-Artikolu 46(5) tal-Kodiċi;

(c)

data skambjata skont l-Artikolu 47(2) tal-Kodiċi;

(d)

data miġbura mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni minn sorsi nazzjonali, tal-Unjoni jew internazzjonali skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(4) tal-Kodiċi.

Artikolu 44

Awtentikazzjoni u aċċess għall-ICS2

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-ICS2 għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS jew tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 45

Interfaċċa kondiviża tan-negozjanti

1.   L-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti għandha tkun punt ta’ dħul għall-ICS2 għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn għall-finijiet tal-Artikolu 182(1a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

2.   L-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti għandha tinteropera mar-repożitorju komuni tal-ICS2 imsemmi fl-Artikolu 46 ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti għandha tintuża għas-sottomissjonijiet, għat-talbiet għall-emendi, għat-talbiet għall-invalidazzjonijiet, għall-ipproċessar u għall-ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u n-notifiki tal-wasla, kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra.

Artikolu 46

Repożitorju komuni tal-ICS2

1.   Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-ipproċessar, il-ħżin u l-iskambju tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul, it-talbiet għall-emendi, it-talbiet għall-invalidazzjoni, in-notifiki tal-wasla, l-informazzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-merkanzija, l-informazzjoni dwar it-talbiet għall-analiżi tar-riskju u r-riżultati, ir-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll, id-deċiżjonijiet tal-kontroll u r-riżultati tal-kontroll u l-informazzjoni skambjata mal-operaturi ekonomiċi jew ma’ persuni oħrajn.

2.   Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-finijiet tal-istatistika u l-evalwazzjoni, u għall-iskambju tal-informazzjoni dwar id-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul bejn l-Istati Membri, u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

3.   Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jintuża mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-fini tal-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar u l-analiżi ta’ elementi addizzjonali ta’ informazzjoni flimkien mad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul biex jingħata appoġġ għall-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-Regolament permezz tal-funzjonalità tal-analitika tas-sikurezza u s-sigurtà tal-ICS2.

4.   Ir-repożitorju komuni tal-ICS2 għandu jinteropera mal-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti, mal-interfaċċi nazzjonali tan-negozjanti meta jkunu nħolqu mill-Istati Membri, u mas-sistemi ta’ dħul nazzjonali.

Artikolu 47

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri bl-użu tar-repożitorju komuni tal-ICS2

L-awtorità doganali ta’ Stat Membru għandha tuża r-repożitorju komuni tal-ICS2 biex tiskambja informazzjoni ma’ awtorità doganali ta’ Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 186(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 qabel ma tlesti l-analiżi tar-riskju primarjament għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza.

L-awtorità doganali ta’ Stat Membru għandha tuża wkoll ir-repożitorju komuni tal-ICS2 biex tiskambja l-informazzjoni ma’ awtorità dogonali ta’ Stat Membru ieħor dwar il-kontrolli rakkomandati, id-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tal-kontrolli rakkomandati u dwar ir-riżultati tal-kontrolli doganali f’konformità mal-Artikolu 186(7) u (7a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 48

Interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti

1.   L-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, meta tkun inħolqot mill-Istati Membri, għandha tkun punt ta’ dħul għall-ICS2 għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn f’konformità mal-Artikolu 182(1a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 meta s-sottomissjoni tkun indirizzata lill-Istat Membru li jopera l-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti.

2.   Fir-rigward ta’ sottomissjonijiet, emendi, invalidazzjoni, proċessar, ħżin tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u notifiki tal-wasla, kif ukoll skambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn jistgħu jagħżlu li jużaw l-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, meta tkun inħolqot, jew l-interfaċċa kondiviża tan-negozjant.

3.   L-interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, meta tkun inħolqot, għandha tinteropera mar-repożitorju komuni tal-ICS2.

4.   Meta Stat Membru joħloq interfaċċa nazzjonali tan-negozjanti, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 49

Sistema nazzjonali ta’ dħul

1.   Sistema nazzjonali ta’ dħul għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru rilevanti għall-finijiet li ġejjin:

(a)

l-iskambju ta’ dettalji ta’ dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul meħuda mid-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 130 tal-Kodiċi;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni u notifiki mar-repożitorju komuni tal-ICS2 għal informazzjoni dwar il-wasla ta’ bastiment li jbaħħar jew ta’ inġenju tal-ajru;

(c)

l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-preżentazzjoni tal-merkanzija;

(d)

l-ipproċessar ta’ talbiet għall-analiżi tar-riskju, l-iskambju u l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati tal-analiżi tar-riskju, tar-rakkomandazzjonijiet ta’ kontroll, tad-deċiżjonijiet ta’ kontroll u tar-riżultati ta’ kontroll.

Għandha tintuża wkoll f’każijiet meta awtorità doganali tirċievi aktar informazzjoni mingħand l-operaturi ekonomiċi u mingħand persuni oħra.

2.   Is-sistema ta’ dħul nazzjonali għandha tinteropera mar-repożitorju komuni tal-ICS2.

3.   Is-sistema ta’ dħul nazzjonali għandha tinteropera ma’ sistemi żviluppati fil-livell nazzjonali sabiex tiġi rkuprata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

KAPITOLU IX

Sistema Awtomatizzata tal-Esportazzjoni

Artikolu 50

Objettiv u struttura tal-AES

1.   L-AES għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għall-finijiet ta’ sottomissjoni u proċessar ta’ dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni u ta’ riesportazzjoni meta l-merkanzija tinħareġ ’il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. L-AES tista’ tippermetti wkoll komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ trażmissjoni tad-dettalji tad-dikjarazzjonijiet fil-qosor tal-ħruġ fis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi.

2.   L-AES għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

network ta’ komunikazzjoni komuni;

(b)

servizzi ċentrali.

3.   L-Istati Membri għandhom joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

sistema nazzjonali tal-esportazzjoni (“AES nazzjonali”);

(c)

interfaċċa komuni bejn l-AES u l-NCTS fil-livell nazzjonali;

(d)

interfaċċa komuni bejn l-AES u s-Sistema Kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli (EMCS) fil-livell nazzjonali.

Artikolu 51

Użu tal-AES

L-AES għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin meta l-merkanzija tinħareġ mit-territorju doganali tal-Unjoni jew tiġi mċaqilqa lejn jew ’il barra minn territorji fiskali speċjali biex:

(a)

tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-formalitajiet fl-esportazzjoni u tal-ħruġ stabbiliti mill-Kodiċi;

(b)

jiġu sottomessi u pproċessati d-dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni u ta’ riesportazzjoni;

(c)

jiġu ġestiti l-iskambji tal-messaġġi bejn l-uffiċċju doganali ta’ esportazzjoni u l-uffiċċju doganali tal-ħruġ u, fil-każ ta’ Żdoganar Ċentralizzat fl-Esportazzjoni, bejn l-uffiċċju doganali ta’ superviżjoni u l-uffiċċju doganali ta’ preżentazzjoni;

(d)

jiġu ġestiti skambji ta’ messaġġi bejn l-uffiċċju doganali tal-preżentazzjoni u l-uffiċċju doganali tal-ħruġ fis-sitwazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 271(1) tal-Kodiċi.

Artikolu 52

Awtentikazzjoni u aċċess għall-AES

1.   L-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għandu jkollhom aċċess biss għall-AES nazzjonali permezz tal-portal nazzjonali tan-negozjanti. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-AES għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-AES għandhom isiru bl-użu tal-UUM&DS jew tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 53

Network komuni ta’ komunikazzjoni tal-AES

1.   In-network komuni ta’ komunikazzjoni għandu jiżgura l-komunikazzjoni elettronika bejn l-AES nazzjonali tal-Istati Membri.

2.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw in-network komuni ta’ komunikazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 51(1)(c) u (d) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 54

Portal nazzjonali tan-negozjanti

1.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi jew persuni oħrajn, u l-AES nazzjonali tal-awtorità doganali tal-Istati Membri.

2.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mal-AES nazzjonali.

Artikolu 55

Sistema Nazzjonali tal-Esportazzjoni

1.   L-AES nazzjonali tinteropera mal-portal nazzjonali tan-negozjanti u għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru biex tipproċessa d-dikjarazzjonijiet tal-esportazzjoni u tar-riesportazzjoni.

2.   L-AESs nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod elettroniku permezz tan-network komuni ta’ komunikazzjoni u għandhom jipproċessaw l-informazzjoni dwar l-esportazzjoni u l-ħruġ li jirċievu minn Stati Membri oħra.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu u jżommu interfaċċa fil-livell nazzjonali bejn l-AES nazzjonali tagħhom u l-EMCS għall-finijiet tal-Artikolu 280 tal-Kodiċi u l-Artikoli 21 u 25 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (8).

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu u jżommu interfaċċa fil-livell nazzjonali bejn l-AES nazzjonali tagħhom u l-NCTS għall-finijiet tal-Artikolu 280 tal-Kodiċi, l-Artikolu 329(5) u (6) u l-Artikolu 333(2)(b) u (c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 56

Tranżizzjoni tal-IT

1.   Matul il-perjodu ta’ użu tal-AES kif definit fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b’komponenti komuni addizzjonali, bir-regoli tranżizzjonali u bil-mekkaniżmi ta’ appoġġ biex jiġi stabbilit ambjent operazzjonali li l-Istati Membri li jkunu għadhom ma bdewx jużaw is-sistema l-ġdida jkunu jistgħu jkomplu jinteroperaw fih fuq bażi temporanja mal-Istati Membri li diġà jkunu bdew jużaw is-sistema l-ġdida.

2.   Il-Kummissjoni għandha toffri komponent komuni fil-forma ta’ konvertur ċentrali għall-iskambju ta’ messaġġi fuq in-network komuni ta’ komunikazzjoni. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimplimenta dan fil-livell nazzjonali.

3.   F’każ ta’ konnettività gradwali tal-operaturi ekonomiċi u persuni oħra, Stat Membru jista’ joffri konvertur nazzjonali għall-iskambju ta’ messaġġi bejn l-operatur ekonomiku u persuni oħrajn, u l-awtorità doganali.

4.   Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha tfassal ir-regoli tekniċi li għandhom jiġu applikati matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li huma ta’ natura kummerċjali u teknika biex jippermettu l-immappjar u l-interoperabbiltà bejn ir-rekwiżiti tal-iskambju tal-informazzjoni definiti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 (9) u fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 flimkien mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

KAPITOLU X

Sistema ta’ Tranżitu Kompjuterizzata Ġdida

Artikolu 57

Objettiv u struttura tal-NCTS

1.   L-NCTS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra, għall-finijiet ta’ sottomissjoni u ta’ proċessar tad-dikjarazzjoni doganali u tan-notifika meta l-merkanzija titqiegħed skont il-proċedura ta’ tranżitu.

2.   L-NCTS għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

network ta’ komunikazzjoni komuni;

(b)

servizzi ċentrali.

3.   L-Istati Membri għandhom joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

sistema nazzjonali ta’ tranżitu (“NCTS nazzjonali”);

(c)

interfaċċa komuni bejn l-NCTS u l-AES fil-livell nazzjonali.

Artikolu 58

Użu tal-NCTS

L-NCTS għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin meta l-merkanzija tiġi mċaqilqa skont proċedura ta’ tranżitu:

(a)

sabiex tiżgura l-formalitajiet ta’ tranżitu determinati mill-Kodiċi;

(b)

sabiex tiżgura l-formalitajiet tal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu (10);

(c)

li tippreżenta u tipproċessa dikjarazzjonijiet ta’ tranżitu;

(d)

li tippreżenta dikjarazzjoni ta’ tranżitu li jkun fiha d-dettalji meħtieġa għall-analiżi tar-riskju għal finijiet ta’ sigurtà u sikurezza f’konformità mal-Artikolu 263(4) tal-Kodiċi;

(e)

li tippreżenta dikjarazzjoni ta’ tranżitu minflok dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul kif imsemmi fl-Artikolu 130(1) tal-Kodiċi.

Artikolu 59

Awtentikazzjoni u aċċess għall-NCTS

1.   L-operaturi ekonomiċi għandhom aċċess biss għas-sistema nazzjonali ta’ tranżitu permezz ta’ portal nazzjonali tan-negozjanti. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-NCTS għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tal-NCTS għandhom isiru bl-użu tal-UUM&DS jew tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 60

Network komuni ta’ komunikazzjoni tal-NCTS

1.   In-network komuni ta’ komunikazzjoni għandu jiżgura l-komunikazzjoni elettronika bejn l-NCTS nazzjonali tal-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu.

2.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw in-network komuni ta’ komunikazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni relatata mal-formalitajiet ta’ tranżitu.

Artikolu 61

Portal nazzjonali tan-negozjanti

1.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra, u l-NCTS nazzjonali tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.

2.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mal-NCTS nazzjonali.

Artikolu 62

Sistema nazzjonali ta’ tranżitu

1.   L-NCTS nazzjonali għandha tinteropera mal-portal nazzjonali tan-negozjanti u għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru jew minn Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu biex jippreżentaw u jipproċessaw id-dikjarazzjoni ta’ tranżitu.

2.   L-NCTS nazzjonali għandha tikkomunika b’mod elettroniku permezz tan-network komuni ta’ komunikazzjoni mal-applikazzjonijiet nazzjonali kollha ta’ tranżitu tal-Istati Membri u l-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu u għandha tipproċessa l-informazzjoni dwar tranżitu li tasal minn Stati Membri oħra u minn Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu u jżommu interfaċċa bejn is-sistemi nazzjonali tal-NCTS u l-AES tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 329(5) u (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 63

Tranżizzjoni tal-IT

1.   Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-NCTS kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2151, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri b’komponenti komuni addizzjonali, b’regoli tranżizzjonali u b’mekkaniżmi ta’ appoġġ biex jiġi stabbilit ambjent operazzjonali fejn l-Istati Membri li jkunu għadhom ma bdewx jużaw is-sistema l-ġdida jkunu jistgħu jkomplu jinteroperaw fuq bażi temporanja mal-Istati Membri li diġà jkunu bdew jużaw is-sistema l-ġdida.

2.   Il-Kummissjoni għandha toffri komponent komuni fil-forma ta’ konvertur ċentrali għall-iskambju ta’ messaġġi fuq in-network komuni ta’ komunikazzjoni. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jimplimenta dan fil-livell nazzjonali.

3.   F’każ ta’ konnettività gradwali tal-operaturi ekonomiċi u persuni oħra, Stat Membru jista’ joffri konvertur nazzjonali għall-iskambju ta’ messaġġi bejn l-operatur ekonomiku u persuni oħrajn, u l-awtorità doganali.

4.   Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, għandha tfassal ir-regoli tekniċi li għandhom jiġu applikati matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni u li huma ta’ natura kummerċjali u teknika biex jippermettu l-immappjar u l-interoperabbiltà bejn ir-rekwiżiti tal-iskambju tal-informazzjoni definiti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/341 u r-rekwiżiti tal-iskambju tal-informazzjoni definiti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 flimkien mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

KAPITOLU XI

Sistema ta’ Proċeduri Speċjali tal-INF

Artikolu 64

Objettiv u struttura tas-sistema tal-INF SP

1.   Is-sistema tal-INF SP għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għall-iskop tal-ħruġ u l-immaniġġjar tad-data tal-INF fil-qasam tal-Proċeduri Speċjali.

2.   Is-sistema tal-INF SP għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-INF;

(b)

sistema ċentrali tal-INF SP.

Artikolu 65

Użu tas-sistema tal-INF SP

1.   Is-sistema tal-INF SP għandha tintuża biex l-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn jissottomettu t-talbiet tal-INF u jsegwu l-istatus ta’ dawn it-talbiet u biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jipproċessaw talbiet bħal dawn u jiġġestixxu l-INFs.

2.   Is-sistema tal-INF SP għandha tippermetti l-ħolqien ta’ INF mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fejn meħtieġ.

3.   Is-sistema tal-INF SP għandha tippermetti l-kalkolu tal-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni li għandu jsir f’konformità mal-Artikolu 86(3) tal-Kodiċi.

Artikolu 66

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema tal-INF SP ċentrali

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-INF SP għandha ssir billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS.

Biex ir-rappreżentanti doganali jkunu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-komponenti komuni tas-sistema tal-INF SP, l-għoti tas-setgħa tagħhom biex jaġixxu f’dik il-kapaċità għandu jkun irreġistrat fis-sistema tal-UUM&DS jew f’sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-INF SP għandha ssir billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-INF SP għandha ssir billi tintuża s-sistema tal-UUM&DS jew billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 67

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-INF

1.   L-EUCTP għandu jipprovdi aċċess għall-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-INF kif imsemmi fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, fejn il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għandu jkun punt ta’ dħul għas-sistema tal-INF SP għall-operaturi ekonomiċi u persuni oħra.

2.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-INF għandu jinteropera mas-sistema ċentrali tal-INF SP.

Artikolu 68

Sistema ċentrali tal-INF SP

1.   Is-sistema ċentrali tal-INF SP għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jiskambjaw u jaħżnu l-informazzjoni li tappartjeni għall-INFs sottomessi.

2.   Is-sistema ċentrali tal-INF SP għandha tinteropera mal-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għall-INF.

KAPITOLU XII

Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali

Artikolu 69

Objettiv u struttura tas-CRMS

1.   Is-CRMS għandha tippermetti l-komunikazzjoni, il-ħżin u l-iskambju tal-informazzjoni dwar ir-riskju bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju.

2.   Meta jinħoloq, jista’ jintuża servizz web għas-sistemi nazzjonali, li jippermetti l-iskambju tad-data mas-sistemi nazzjonali permezz ta’ interfaċċa tal-web. Is-CRMS għandha tinteropera mal-komponenti komuni tal-ICS2.

Artikolu 70

Użu tas-CRMS

1.   Is-CRMS għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin skont l-Artikolu 46(3) u (5) tal-Kodiċi:

(a)

għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(5) tal-Kodiċi u fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u l-ħżin u l-ipproċessar ta’ din l-informazzjoni;

(b)

għall-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni tal-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-kriterji komuni tar-riskju, l-azzjonijiet ta’ kontroll prijoritarji, il-ġestjoni tal-kriżijiet kif imsemmi fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 u s-sottomissjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ dik l-informazzjoni inkluż l-iskambju ta’ informazzjoni relatata mar-riskju u l-analiżi tar-riżultati ta’ dawk l-azzjonijiet;

(c)

biex tippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirkupraw mis-sistema b’mod elettroniku, rapporti tal-analiżi tar-riskju dwar ir-riskji eżistenti u x-xejriet ġodda biex jikkontribwixxu għall-qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju u għas-sistema nazzjonali ta’ ġestjoni tar-riskju.

2.   Meta t-trasferiment tad-data bejn is-CRMS u s-sistemi nazzjonali jista’ jkun awtomatizzat, is-sistemi nazzjonali għandhom jiġu adattati biex jużaw is-servizz web tas-CRMS.

Artikolu 71

Awtentikazzjoni u aċċess għas-CRMS

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-CRMS għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-CRMS għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS jew tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 72

Komponent komuni tas-CRMS

1.   Is-CRMS għandha tipprovdi formoli ta’ informazzjoni dwar ir-riskju u formoli ta’ feedback dwar l-analiżi tar-riskju u r-riżultati tal-kontroll li għandhom jimtlew online fis-sistema, jiġu pproċessati għar-rapportar u maħżuna fis-sistema. L-utenti awtorizzati għandhom ikunu jistgħu jirkupraw il-formoli u jużawhom għal finijiet ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji nazzjonali.

2.   Is-CRMS għandha tipprevedi mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni li jippermettu lill-utenti (individwalment jew bħala parti minn unità organizzazzjonali) li jipprovdu u jiskambjaw informazzjoni dwar ir-riskju, li jirrispondu għal talbiet speċifiċi minn utenti oħrajn u li jipprovdu lill-Kummissjoni b’fatti u b’analiżi tar-riżultati tal-azzjonijiet tagħhom matul l-implimentazzjoni tal-kriterji komuni tar-riskju, bl-azzjonijiet ta’ kontroll prijoritarji u bil-ġestjoni tal-kriżijiet.

3.   Is-CRMS għandha tipprovdi għal għodod li jippermettu l-analiżi u l-aggregazzjoni tad-data minn formoli ta’ informazzjoni dwar ir-riskju maħżuna fis-sistemi.

4.   Is-CRMS għandha tipprovdi għal pjattaforma fejn għandha tinħażen l-informazzjoni, li tinkludi gwidi, informazzjoni u data ta’ teknoloġija ta’ skoperta u links għal bażi tad-data oħra, rilevanti għall-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli u din għandha titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-utenti awtorizzati għal skopijiet ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskju.

KAPITOLU XIII

Żdoganar Ċentralizzat għall-Importazzjoni

Artikolu 73

Objettiv u struttura tas-CCI

1.   Is-CCI għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi għall-finijiet ta’ sottomissjoni u ta’ proċessar ta’ dikjarazzjonijiet doganali fil-kuntest tal-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni meta jkun hemm involut aktar minn Stat Membru wieħed.

2.   Is-CCI għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

network ta’ komunikazzjoni komuni;

(b)

servizzi ċentrali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sistemi tas-CCI nazzjonali tagħhom jikkomunikaw permezz tan-network komuni ta’ komunikazzjoni għas-CCI mas-sistemi tas-CCI nazzjonali tal-Istati Membri l-oħrajn u li jinkludi l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

applikazzjoni nazzjonali għas-CCI;

(c)

interfaċċa mal-EMCS/Sistema għall-Iskambju ta’ Data dwar id-Dazji tas-Sisa fil-livell nazzjonali.

Artikolu 74

Użu tas-CCI

Is-Sistema tas-CCI għandha tintuża għall-finijiet li ġejjin:

(a)

biex tiżgura l-formalitajiet tal-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni stabbiliti fil-Kodiċi, meta jkun involut aktar minn Stat Membru wieħed;

(b)

għall-preżentazzjoni u għall-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali standard skont l-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni;

(c)

għall-preżentazzjoni u għall-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali simplifikati u dikjarazzjonijiet supplimentari rispettivi skont l-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni;

(d)

għall-preżentazzjoni u għall-ipproċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali rispettivi u n-notifiki ta’ preżentazzjoni pprovduti fl-awtorizzazzjoni għad-dħul fir-rekords tad-dikjarant skont l-iżdoganar ċentralizzat għall-importazzjoni.

Artikolu 75

Awtentikazzjoni u aċċess għas-CCI

1.   L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom aċċess biss għas-sistemi tas-CCI nazzjonali permezz ta’ portal nazzjonali tan-negozjanti żviluppat mill-Istati Membri. L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess għandhom jiġu ddeterminati mill-Istati Membri.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-CCI għandhom isiru billi jintużaw is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema tal-CCI għandhom isiru bl-użu tal-UUM&DS jew tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 76

Network komuni ta’ komunikazzjoni tas-CCI

1.   In-network komuni ta’ komunikazzjoni għandu jiżgura l-komunikazzjoni elettronika bejn l-applikazzjonijiet tas-CCI nazzjonali tal-Istati Membri.

2.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw in-network komuni ta’ komunikazzjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-formalitajiet tal-importazzjoni relatati mas-CCI.

Artikolu 77

Portal nazzjonali tan-negozjanti

1.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi u s-sistemi nazzjonali tas-CCI tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri.

2.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mal-applikazzjonijiet nazzjonali tas-CCI.

Artikolu 78

Sistema Nazzjonali tas-CCI

1.   Is-sistema nazzjonali tas-CCI għandha tintuża mill-awtorità doganali tal-Istat Membru li jkun ħoloqha għall-finijiet ta’ proċessar tad-dikjarazzjonijiet doganali skont is-CCI.

2.   Is-sistemi nazzjonali tas-CCI tal-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ma’ xulxin b’mod elettroniku permezz tad-dominju komuni u għandhom jipproċessaw l-informazzjoni dwar l-importazzjoni li jirċievu minn Stati Membri oħrajn.

KAPITOLU XIV

Is-sistema tal-ESPORTATURI REĠISTRATI

Taqsima 1

Is-sistema REX għall-Istati Membri

Artikolu 79

Objettiv u struttura tas-sistema REX għall-Istati Membri

1.   Is-sistema REX għall-Istati Membri għandha tippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jirreġistraw l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Unjoni bil-għan li tiġi ddikjarata l-oriġini preferenzjali tal-merkanzija, kif ukoll biex jiġu ġestiti dawk ir-reġistrazzjonijiet, jiġifieri l-modifiki tar-reġistrazzjonijiet, ir-revoki tar-reġistrazzjonijiet, il-kanċellazzjoni tar-revoki u r-rapportar tar-reġistrazzjonijiet.

2.   Is-sistema REX għall-Istati Membri għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għas-sistema REX għall-Istati Membri;

(b)

sistema ċentrali REX għall-Istati Membri.

3.   l-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

sistema nazzjonali ta’ Esportaturi Rreġistrati (“sistema nazzjonali REX”).

Artikolu 80

Użu tas-sistema REX għall-Istati Membri

Is-sistema REX għall-Istati Membri għandha tintuża mill-esportaturi u mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ għall-finijiet tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni.

Artikolu 81

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema REX għall-Istati Membri

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn għall-finijiet ta’ aċċess għall-Portal Speċifiku tan-Negozjanti tal-UE għas-sistema REX għall-Istati Membri għandhom isiru permezz tas-sistema tal-UUM&DS.

Sabiex ir-rappreżentanti doganali jiġu awtentikati u jkunu jistgħu jaċċessaw il-Portal Speċifiku tan-Negozjanti tal-UE għas-sistema REX għall-Istati Membri, l-għoti tas-setgħa tagħhom biex jaġixxu f’dik il-kapaċità għandu jiġi rreġistrat fis-sistema tal-UUM&DS jew f’sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ aċċess għas-sistema ċentrali REX għall-Istati Membri għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għas-sistema ċentrali REX għall-Istati Membri għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 82

Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għas-sistema REX għall-Istati Membri

1.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għas-sistema REX għall-Istati Membri għandu jinteropera mal-EUCTP, u l-EUCTP għandu jkun punt ta’ dħul għal talbiet minn operaturi ekonomiċi u persuni oħrajn għas-sistema ċentrali tar-REX għall-Istati Membri.

2.   Il-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għas-sistema REX għall-Istati Membri għandu jkun interoperabbli mas-sistema ċentrali tar-REX għall-Istati Membri u għandu jkun kapaċi jidderieġi mill-ġdid lill-utenti lejn il-portal nazzjonali tan-negozjanti, meta jinħoloq.

3.   Fl-Istati Membri meta ma jinħoloq l-ebda portal nazzjonali tan-negozjanti, għandu jintuża l-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għas-sistema REX għall-Istati Membri biex tiġi ppreżentata u skambjata informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjonijiet, u fir-rigward ta’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 83

Sistema REX ċentrali għall-Istati Membri

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema ċentrali REX għall-Istati Membri biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 82 ta’ dan ir-Regolament, biex jaħżnu r-reġistrazzjonijiet, jipproċessaw kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni oriġinali, jew għat-twettiq ta’ mistoqsijiet fir-reġistrazzjonijiet.

2.   Is-sistema ċentrali REX għall-Istati Membri għandha tkun interoperabbli mal-Portal tal-UE speċifiku tan-Negozjanti għas-sistema REX, is-servizzi ta’ referenza għall-klijenti, u sistemi rilevanti oħra.

Artikolu 84

Portal Nazzjonali tan-Negozjanti

1.   Meta Stat Membru jistabbilixxi portal nazzjonali tan-negozjanti, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jużaw dak il-portal biex jippreżentaw u jiskambjaw informazzjoni relatata mal-applikazzjonijiet għal reġistrazzjonijiet u deċiżjonijiet ta’ reġistrazzjonijiet, u fir-rigward ta’ kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 79 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tan-negozjanti, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwaru.

3.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mas-sistema nazzjonali REX.

Artikolu 85

Sistema Nazzjonali REX

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema nazzjonali REX, meta tinħoloq, biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 84 ta’ dan ir-Regolament, biex jaħżnu r-reġistrazzjonijiet, biex jipproċessaw kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni oriġinali, jew biex jagħmlu mistoqsijiet fir-reġistrazzjonijiet.

2.   Is-sistema nazzjonali REX għandha tinteropera u tibqa’ sinkronizzata mas-sistema ċentrali REX għall-Istati Membri.

Taqsima 2

Is-sistema REX għal pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali

Artikolu 86

L-objettiv u l-istruttura tas-sistema REX għal pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali

1.   Is-sistema REX għal pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali (is-sistema REX għal pajjiżi terzi) għandha tippermetti lill-operaturi ekonomiċi f’dawk il-pajjiżi jħejju applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni bħala esportaturi rreġistrati u awtoritajiet kompetenti f’dawk il-pajjiżi biex jipproċessaw dawk l-applikazzjonijiet, minbarra li jimmaniġġjaw dawk ir-reġistrazzjonijiet, jiġifieri l-modifiki tar-reġistrazzjonijiet, ir-revoki tar-reġistrazzjonijiet, il-kanċellazzjoni tar-revoki u r-rapportar tar-reġistrazzjonijiet.

2.   Is-sistema REX għal pajjiżi terzi għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

sistema ta’ preapplikazzjoni;

(b)

sistema ċentrali REX għal pajjiżi terzi.

Artikolu 87

Użu tas-sistema REX għal pajjiżi terzi

Is-sistema REX għal pajjiżi terzi għandha tapplika f’ċerti pajjiżi terzi, f’konformità mal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni.

Artikolu 88

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema REX għal pajjiżi terzi

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-uffiċjali ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ aċċess għas-sistema ċentrali REX għal pajjiżi terzi għandhom isiru bl-użu tal-Login tal-UE u s-sistema ta’ ġestjoni tal-utent għas-sistema REX għal pajjiżi terzi (T-REX).

2.   L-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra għas-sistema ta’ preapplikazzjoni msemmija fl-Artikolu 86(2)(a) ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun anonimu.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għas-sistema REX ċentrali għal pajjiżi terzi għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

4.   Meta l-arranġament kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni ma jibqax applikabbli għal pajjiż terz, l-awtoritajiet kompetenti f’dak il-pajjiż terz għandhom iżommu aċċess għas-sistema REX għal pajjiżi terzi sakemm dan ikun meħtieġ sabiex dawn l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

Artikolu 89

Il-protezzjoni tad-data fir-rigward tas-sistema REX għal pajjiżi terzi

Id-data personali tas-suġġetti tad-data stabbiliti f’pajjiżi terzi fis-sistema REX għal pajjiżi terzi rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi għandha tiġi pproċessata għall-fini tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-arranġament kummerċjali preferenzjali rilevanti mal-Unjoni.

Artikolu 90

Sistema REX Ċentrali għal pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali

1.   L-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi terzi għandhom jużaw is-sistema ċentrali REX għal pajjiżi terzi biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjonijiet, biex jaħżnu r-reġistrazzjonijiet, biex jipproċessaw kwalunkwe avveniment sussegwenti li jista’ jaffettwa l-applikazzjoni jew ir-reġistrazzjoni oriġinali, jew biex jagħmlu mistoqsijiet fir-reġistrazzjonijiet.

2.   Is-sistema ċentrali REX għal pajjiżi terzi għandha tkun interoperabbli mas-sistema ta’ preapplikazzjoni, mas-servizzi ta’ referenza għall-klijenti u ma’ sistemi rilevanti oħra.

Artikolu 91

Sistema ta’ preapplikazzjoni fis-sistema REX għal pajjiżi terzi li l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali magħhom

1.   Is-sistema ta’ preapplikazzjoni għandha tkun punt ta’ dħul għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħra biex jippreżentaw id-data elettronikament fl-applikazzjoni tagħhom biex isiru esportaturi rreġistrati. Is-sistema ta’ preapplikazzjoni ma għandhiex tintuża għas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-modifika jew ir-revoka ta’ reġistrazzjonijiet eżistenti.

2.   Is-sistema ta’ preapplikazzjoni għandha tinteropera mas-sistema ċentrali REX għal pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali.

KAPITOLU XV

Sistema ta’ prova tal-Istatus tal-Unjoni

Artikolu 92

Objettiv u struttura tas-sistema PoUS

1.   Is-sistema PoUS għandha tippermetti l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għall-fini ta’ ħruġ u ġestjoni ta’ dokumenti T2L/T2LF u ta’ manifesti doganali tal-merkanzija (CGM) bħala mezz biex jiġi ppruvat l-istatus doganali tal-merkanzija tal-Unjoni.

2.   Is-sistema PoUS għandha tikkonsisti mill-komponenti komuni li ġejjin:

(a)

Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS;

(b)

sistema ċentrali tal-PoUS.

3.   l-Istati Membri jistgħu joħolqu l-komponenti nazzjonali li ġejjin:

(a)

portal nazzjonali tan-negozjanti;

(b)

sistema nazzjonali tal-PoUS.

Artikolu 93

Użu tas-sistema PoUS

1.   L-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jużaw is-sistema PoUS biex jissottomettu talbiet għall-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni, jew reġistrazzjoni mingħajr approvazzjoni, ta’ prova tal-istatus tal-Unjoni fil-forma ta’ dokumenti T2L/T2LF u dokumenti CGM u biex jiġġestixxu l-użu tal-prova tal-istatus tal-Unjoni ta’ merkanzija mal-preżentazzjoni.

2.   Is-sistema PoUS għandha tippermetti l-approvazzjoni u r-reġistrazzjoni tat-talbiet tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħra u l-ġestjoni tal-użu tal-prova tal-istatus tal-Unjoni.

Artikolu 94

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema ċentrali tal-PoUS

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi u ta’ persuni oħrajn għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema PoUS għandhom isiru permezz tas-sistema tal-UUM&DS.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema PoUS għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ aċċess għas-sistema nazzjonali tal-PoUS għandhom isiru bl-użu ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-identità u tal-aċċess stabbilita mill-Istat Membru rilevanti.

3.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema PoUS għandhom isiru bl-użu tas-sistema tal-UUM&DS jew is-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 95

Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS

1.   Il-Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS għandu jikkomunika mal-EUCTP, meta l-EUCTP ikollu jkun punt ta’ dħul għas-sistema tal-PoUS għall-operaturi ekonomiċi u persuni oħra.

2.   Il-Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS għandu jinteropera mas-sistema tal-PoUS ċentrali.

Artikolu 96

Sistema ċentrali tal-PoUS

1.   Is-sistema ċentrali tal-PoUS għandha tintuża mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri biex jiskambjaw u jaħżnu l-informazzjoni li tappartjeni għad-dokumenti T2L/T2LF u CGM sottomessi.

2.   Is-sistema ċentrali tal-PoUS għandha tkun interoperabbli mal-Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS.

Artikolu 97

Portal Nazzjonali tan-Negozjanti

1.   Meta Stat Membru jkun ħoloq sistema nazzjonali tal-PoUS f’konformità mal-Artikolu 92(3)(b) ta’ dan ir-Regolament, il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jkun il-punt ewlieni ta’ dħul fis-sistema nazzjonali tal-PoUS għall-operaturi ekonomiċi u għal persuni oħrajn.

2.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jinteropera mas-sistema nazzjonali tal-PoUS, meta tkun inħolqot.

3.   Il-portal nazzjonali tan-negozjanti għandu jipprevedi l-funzjonalitajiet ekwivalenti għal dawk previsti mill-Portal tal-UE Speċifiku tan-Negozjanti għall-PoUS.

4.   Meta Stat Membru joħloq portal nazzjonali tan-negozjanti, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwaru.

Artikolu 98

Sistema nazzjonali tal-PoUS

Is-sistema nazzjonali tal-PoUS għandha tkun interoperabbli mas-sistema ċentrali tal-PoUS sabiex isiru disponibbli fis-sistema ċentrali provi maħluqa fis-sistema nazzjonali tal-PoUS.

KAPITOLU XVI

Sistema ta’ sorveljanza

Artikolu 99

Objettiv u struttura tas-sistema ta’ Sorveljanza

1.   Is-sistema ta’ Sorveljanza għandha, f’konformità mal-Artikolu 56(5) tal-Kodiċi u mal-atti tal-Unjoni li jipprevedu l-użu tagħha, tippermetti komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-finijiet tas-sorveljanza doganali, u l-ġbir ta’ data estratta mid-dikjarazzjoni doganali għad-dħul f’ċirkolazzjoni libera jew għall-esportazzjoni ta’ merkanzija.

2.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-informazzjoni mitluba mis-sistemi ta’ dikjarazzjoni doganali lis-sistema ta’ Sorveljanza b’mod awtomatizzat.

3.   Is-sistema ta’ Sorveljanza hija sistema ċentrali li tikkonsisti f’komponent komuni wieħed.

Artikolu 100

Użu tas-sistema ta’ Sorveljanza

Id-data fis-sistema ta’ Sorveljanza għandha tintuża għall-fini tas-sorveljanza tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera u tal-proċeduri ta’ esportazzjoni li tinvolvi:

(a)

l-appoġġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fl-iżgurar tal-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli doganali u tal-leġiżlazzjoni doganali;

(b)

l-imminimizzar tar-riskji, inkluż permezz tal-estrazzjoni tad-data u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju; u

(c)

l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi preskritti minn dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni li jridu jiġu implimentati mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fil-fruntiera.

Artikolu 101

Awtentikazzjoni u aċċess għas-sistema ta’ Sorveljanza

1.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema ta’ sorveljanza għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

2.   L-awtentikazzjoni u l-verifika tal-aċċess tal-persunal tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ aċċess għall-komponenti komuni tas-sistema ta’ Sorveljanza għandhom isiru bl-użu tas-servizzi tan-network ipprovduti mill-Kummissjoni.

Artikolu 102

Sistema Ċentrali ta’ Sorveljanza

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw is-sistema ċentrali ta’ Sorveljanza biex jiġbru, jaħżnu, jipproċessaw u janalizzaw id-data msemmija fl-Artikolu 100 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU XVII

Il-funzjonament tas-sistemi elettroniċi u t-taħriġ fl-użu tagħhom

Artikolu 103

L-iżvilupp, l-ittestjar, l-użu u l-ġestjoni tas-sistemi elettroniċi

1.   Il-komponenti komuni għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, użati u ġestiti mill-Kummissjoni, u jistgħu jiġu ttestjati mill-Istati Membri. Il-komponenti nazzjonali għandhom jiġu żviluppati, ittestjati, użati u ġestiti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-komponenti nazzjonali jinteroperaw mal-komponenti komuni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tfassal u żżomm l-ispeċifikazzjonijiet komuni għas-sistemi deċentralizzati f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw, joperaw u jżommu interfaċċi biex jipprovdu l-funzjonalità għas-sistemi deċentralizzati meħtieġa għall-iskambji tal-informazzjoni mal-operaturi ekonomiċi u ma’ persuni oħrajn permezz ta’ komponenti u interfaċċi nazzjonali, u ma’ Stati Membri oħrajn permezz ta’ komponenti komuni.

Artikolu 104

Manutenzjoni tas-sistemi elettroniċi u bidliet fihom

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-manutenzjoni tal-komponenti komuni u l-Istati Membri għandhom iwettqu l-manutenzjoni tal-komponenti nazzjonali tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw tħaddim mingħajr interruzzjoni tas-sistemi elettroniċi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tibdel il-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi biex tikkoreġi l-ħsarat, biex iżżid funzjonalitajiet ġodda jew biex tibdel dawk eżistenti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bil-bidliet u bl-aġġornamenti tal-komponenti komuni.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-bidliet u bl-aġġornamenti tal-komponenti nazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tal-komponenti komuni.

6.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni dwar il-bidliet u l-aġġornamenti fis-sistemi elettroniċi stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5 disponibbli pubblikament.

Artikolu 105

Nuqqas ta’ funzjonament temporanju fis-sistemi elettroniċi

1.   F’każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament temporanju fis-sistemi elettroniċi kif imsemmi fl-Artikolu 6(3)(b) tal-Kodiċi, l-operaturi ekonomiċi u persuni oħra għandhom jippreżentaw l-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfaw il-formalitajiet kkonċernati bil-mezzi stabbiliti mill-Istati Membri, inkluż mezzi għajr it-tekniki elettroniċi tal-ipproċessar tad-data.

2.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppreżentata f’konformità mal-paragrafu 1 tkun disponibbli fis-sistemi elettroniċi rispettivi fi żmien 7 ijiem minn meta s-sistemi elettroniċi rispettivi jerġgħu jsiru disponibbli.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistemi elettroniċi li jirriżulta minn nuqqas ta’ funzjonament temporanju.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lil xulxin dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sistemi tal-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-ICS2.

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fil-każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament temporanju fl-ICS2, fl-AES, fis-CRMS jew fis-CCI, għandu japplika l-pjan għall-kontinwità tal-operat miftiehem bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

5.   Fir-rigward tal-ICS2, kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-attivazzjoni tal-pjan għall-kontinwità tal-operat meta dak l-Istat Membru jkun affettwat min-nuqqas ta’ funzjonament temporanju tas-sistema jew meta operatur ekonomiku msemmi fl-Artikolu 127(4) u (6) tal-Kodiċi obbligat li jippreżenta d-dikjarazzjoni fil-qosor tad-dħul jew id-dettalji tagħha ma jkunx jista’ jippreżentahom.

6.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, fil-każ ta’ nuqqas ta’ funzjonament temporanju fis-sistema tal-NCTS, il-proċedura tal-kontinwità tan-negozju għandha tapplika kif imsemmi fl-Anness 72-04 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 106

Appoġġ ta’ taħriġ dwar l-użu u l-funzjonament tal-komponenti komuni

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri fl-użu u l-funzjonament tal-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi billi tipprovdi l-materjal xieraq għat-taħriġ.

KAPITOLU XVIII

Protezzjoni tad-data, il-ġestjoni tad-data u s-sjieda u s-sigurtà tas-sistemi elettroniċi

Artikolu 107

Protezzjoni ta’ data personali

1.   Id-data personali rreġistrata fis-sistemi elettroniċi għandha tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u leġiżlazzjoni oħra kif imsemmija fil-Kodiċi b’kont meħud tal-objettivi speċifiċi ta’ kull waħda mis-sistemi elettroniċi kif stabbilit fl-Artikolu 4, l-Artikoli 7(1), 16(1), 21(1), l-Artikolu 30, l-Artikoli 35(1), 42(1), 50(1), 57(1), 64(1), 69(1), 73(1), 79(1), 86(1), 92(1) u 99(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità superviżorja nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jikkooperaw, f’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament (UE) 2018/1725, biex jiżguraw superviżjoni kkoordinata tal-ipproċessar tad-data personali rreġistrata fis-sistemi elettroniċi.

3.   Kwalunkwe talba minn suġġett tad-data rreġistrat fis-sistema REX biex jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont il-Kapitolu III tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 għandha l-ewwel tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz jew lill-awtoritajiet doganali fl-Istat Membru li jkun irreġistra d-data personali.

Meta suġġett tad-data jkun issottometta talba bħal din lill-Kummissjoni mingħajr ma jkun ipprova jikseb id-drittijiet tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz jew mill-awtoritajiet doganali fl-Istat Membru li jkun irreġistra d-data personali, il-Kummissjoni għandha tibgħat dik it-talba lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz jew lill-awtoritajiet doganali fl-Istat Membru rispettivament li jkun irreġistra dik id-data.

Jekk l-esportatur irreġistrat jonqos milli jikseb id-drittijiet tiegħu/tagħha mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż terz jew mill-awtoritajiet doganali fl-Istat Membru li jkun irreġistra d-data personali, l-esportatur irreġistrat għandu jissottometti tali talba lill-Kummissjoni li taġixxi bħala kontrollur kif definit fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 108

Aġġornament tad-data fis-sistemi elettroniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data rreġistrata fil-livell nazzjonali tikkorrispondi għad-data rreġistrata fil-komponenti komuni u tinżamm aġġornata.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward tal-ICS2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data li ġejja tinżamm aġġornata u tikkorrispondi għad-data fir-repożitorju komuni tal-ICS2:

(a)

data rreġistrata fil-livell nazzjonali u kkomunikata mis-sistema ta’ dħul nazzjonali lir-repożitorju komuni tal-ICS2;

(b)

data riċevuta mis-sistema ta’ dħul nazzjonali mir-repożitorju komuni tal-ICS2.

Artikolu 109

Limitazzjoni tal-aċċess għad-data u l-ipproċessar tad-data

1.   Id-data rreġistrata fil-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi minn Stat Membru tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-Istat Membru. Tista’ tiġi aċċessata u pproċessata wkoll minn Stat Membru ieħor involut fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni jew fil-ġestjoni ta’ deċiżjoni li għaliha tirreferi d-data.

2.   Id-data rreġistrata fil-komponenti komuni tas-sistemi elettroniċi minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew dik il-persuna. Tista’ tiġi aċċessata u pproċessata wkoll minn Stat Membru involut fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni jew fil-ġestjoni ta’ deċiżjoni li għaliha tirreferi d-data.

3.   Id-data fil-komponent komuni tal-ICS2 li tiġi kkomunikata jew irreġistrata fl-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew dik il-persuna l-oħra.

4.   Id-data rreġistrata fis-sistema ċentrali tal-EBTI minn Stat Membru tista’ tiġi pproċessata minn dak l-Istat Membru. Tista’ tiġi pproċessata wkoll minn Stat Membru ieħor li jkun involut fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni li magħha tkun relatata d-data, inkluż permezz ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 26 ta’ dan ir-Regolament. Dan jista’ jiġi aċċessat mill-awtoritajiet doganali kollha tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 25(2) u mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-Regolament.

5.   Id-data rreġistrata fis-sistema ċentrali tal-EBTI minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-operatur ekonomiku jew minn dik il-persuna. Dan jista’ jiġi aċċessat mill-awtoritajiet doganali kollha tal-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 25(2) u mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-Regolament.

6.   Id-data fil-komponenti komuni tal-ICS2:

(a)

ikkomunikata lil Stat Membru minn operatur ekonomiku jew minn persuna oħra permezz ta’ interfaċċa kondiviża tan-negozjanti fir-repożitorju komuni tal-ICS2 tista’ tiġi aċċessata u pproċessata minn dak l-Istat Membru fir-repożitorju komuni tal-ICS2. Meta meħtieġ, dak l-Istat Membru jista’ jaċċessa wkoll din l-informazzjoni rreġistrata fl-interfaċċa kondiviża tan-negozjanti;

(b)

ikkomunikata lir-repożitorju komuni tal-ICS2 jew irreġistrata fih minn Stat Membru tista’ tiġi aċċessata jew ipproċessata minn dak l-Istat Membru;

(c)

imsemmija fil-punti (a) u (b) tista’ tiġi aċċessata u pproċessata wkoll minn Stat Membru ieħor f’każ li dan tal-aħħar ikun involut fl-analiżi tar-riskju jew fil-proċess ta’ kontroll li miegħu tkun relatata d-data f’konformità mal-Artikolu 186(2)(a), (b) u (d), l-Artikolu 186(5), (7) u (7a) u l-Artikolu 189(3) u (4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, bl-eċċezzjoni tad-data rreġistrata fis-sistema mill-awtoritajiet doganali ta’ Stati Membri oħra fir-rigward ta’ informazzjoni dwar riskji ta’ sigurtà u sikurezza kif imsemmi fl-Artikolu 186(2)(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447;

(d)

tista’ tiġi pproċessata mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 43(2) ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 182(1)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447. Ir-riżultati ta’ pproċessar bħal dan jistgħu jiġu aċċessati mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;

(e)

tista’ tiġi aċċessata u pproċessata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-Regolament, skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 112 ta’ dan ir-Regolament u skont il-ftehimiet speċifiċi dwar proġetti li jagħtu dettalji dwar l-operazzjonijiet ta’ proċessar bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

7.   Id-data fil-komponent komuni tal-ICS2 li hija rreġistrata fir-repożitorju komuni tal-ICS2 mill-Kummissjoni tista’ tiġi aċċessata u pproċessata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

8.   Id-data fis-sistema ta’ Sorveljanza tista’ tiġi aċċessata u pproċessata mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri.

9.   Id-data rreġistrata fis-sistema ċentrali REX għall-Istati Membri tal-UE tista’ tiġi aċċessata għall-fini tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni.

10.   Id-data rreġistrata fis-sistema ċentrali REX għall-pajjiżi terzi, li l-Unjoni għandha arranġament kummerċjali preferenzjali magħhom, tista’ tiġi aċċessata minn dawn li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li fih tkun ġiet irreġistrata d-data;

(b)

l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għall-fini tat-twettiq ta’ verifiki tad-dikjarazzjonijiet doganali skont l-Artikolu 188 tal-Kodiċi jew ta’ kontroll wara r-rilaxx skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi;

(c)

il-Kummissjoni għall-fini ta’ implimentazzjoni u monitoraġġ tal-arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni.

11.   Meta l-Istati Membri jirrapportaw inċidenti u problemi fil-proċessi operazzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-sistemi li il-Kummissjoni taġixxi bħala proċessur tagħhom, il-Kummissjoni jista’ jkollha aċċess għad-data biss għall-fini li ssolvi inċident irreġistrat jew problema rreġistrata. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kunfidenzjalità ta’ tali data f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Kodiċi.

Artikolu 110

Sjieda tas-sistema

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun is-sid tas-sistema tal-komponenti komuni.

2.   L-Istati Membri għandhom ikunu s-sidien tas-sistema tal-komponenti nazzjonali rispettivi.

Artikolu 111

Sigurtà tas-sistema

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sigurtà tal-komponenti komuni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-komponenti nazzjonali.

Għal dawk il-finijiet, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex:

(a)

jipprevjenu kwalunkwe persuna mhux awtorizzata milli jkollha aċċess għall-installazzjonijiet li jintużaw għall-ipproċessar tad-data;

(b)

jipprevjenu l-inklużjoni ta’ data u kull konsultazzjoni, modifika jew tħassir ta’ data minn persuni mhux awtorizzati;

(c)

jidentifikaw kwalunkwe waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bi kwalunkwe attività li tista’ tirriżulta fi ksur jew f’suspett ta’ ksur tas-sigurtà tas-sistemi elettroniċi.

3.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta’ sigurtà li jikkonċernaw is-sistemi kollha.

Artikolu 112

Kontrollur u Proċessur għas-sistemi

Għas-sistemi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament u fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

l-Istati Membri għandhom jaġixxu bħala kontrolluri kif definit fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE) 2016/679 u jikkonformaw mal-obbligi f’dak ir-Regolament,

(b)

il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala proċessur kif definit fl-Artikolu 3(12) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u għandha tikkonforma mal-obbligi f’dak ir-Regolament,

(c)

b’deroga mill-punt (b), il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala kontrollur konġunt flimkien mal-Istati Membri fl-ICS2,

meta tipproċessa d-data għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kriterji u tal-istandards komuni tar-riskju għas-sigurtà u s-sikurezza u tal-miżuri ta’ kontroll u tal-kontroll prijoritarju f’konformità mal-Artikolu 109(6)(d) ta’ dan ir-Regolament;

meta ipproċessa d-data għall-fini ta’ ġbir, ta’ ħżin, ta’ proċessar u ta’ analiżi ta’ elementi addizzjonali ta’ informazzjoni flimkien ma’ dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u għall-għoti ta’ appoġġ għall-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 43(3) ta’ dan ir-Regolament, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 109(6)(e) ta’ dan ir-Regolament.

(d)

b’deroga mill-punt (b), il-Kummissjoni għandha taġixxi wkoll bħala kontrollur konġunt flimkien mal-Istati Membri fis-CRMS.

(e)

b’deroga mill-punt (b), il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala kontrollur konġunt flimkien mal-Istati Membri fis-sistema REX,

meta tipproċessa d-data għas-sinkronizzazzjoni ma’ sistema nazzjonali;

meta tipproċessa d-data għall-fini ta’ aċċess għad-data għall-verifiki tad-dikjarazzjonijiet doganali skont l-Artikolu 188 tal-Kodiċi jew għall-kontroll ta’ wara r-rilaxx skont l-Artikolu 48 tal-Kodiċi;

meta tipproċessa d-data għall-finijiet ta’ statistika u ta’ monitoraġġ dwar l-użu tas-sistema REX għall-Istati Membri tal-UE;

meta tipproċessa d-data għall-finijiet ta’ statistika u ta’ monitoraġġ dwar l-użu tas-sistema REX għal pajjiżi terzi.

(f)

b’deroga mill-punt (b), il-Kummissjoni għandha taġixxi bħala kontrollur konġunt flimkien mal-Istati Membri fis-sistema ta’ Sorveljanza.

Artikolu 113

Perjodu taż-żamma tad-data

1.   Il-perjodu taż-żamma tad-data għas-sistemi li l-Istati Membri jkunu l-kontrolluri tagħhom, kif definit fl-Artikolu 112 ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi definit minn dawk l-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni doganali, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan il-perjodu.

2.   Il-perjodu taż-żamma tad-data għas-sistemi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu l-kontrolluri konġunti tagħhom, għandu jiġi definit kif ġej:

(a)

L-ICS2: 10 snin, li jibdew mill-mument li d-data tiġi pproċessata fis-sistema ċentrali għall-ewwel darba;

(b)

REX: 10 snin, wara li r-reġistrazzjoni tkun ġiet revokata;

(c)

CRMS: 10 snin, li jibdew mill-mument li d-data tiġi pproċessata fis-sistema ċentrali għall-ewwel darba;

(d)

Sorveljanza: 10 snin, mill-mument li d-data tiġi pproċessata fis-sistema ċentrali għall-ewwel darba.

3.   Il-perjodu taż-żamma tad-data għandu jkun applikabbli għad-data kollha koperta mis-sistemi elettroniċi.

4.   Minkejja l-paragrafu 2, meta jkun ġie ppreżentat appell jew meta jkunu bdew proċedimenti tal-qorti li jinvolvu data maħżuna fis-sistemi elettroniċi, dik id-data għandha tinżamm sakemm jintemmu l-proċedura ta’ appell jew il-proċedimenti tal-qorti.

KAPITOLU XIX

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 114

Valutazzjoni tas-sistemi elettroniċi

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-komponenti li huma responsabbli għalihom u għandhom b’mod partikolari janalizzaw is-sigurtà u l-integrità ta’ dawk il-komponenti u l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata f’dawk il-komponenti.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

Artikolu 115

Tħassir

Jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/414.

Ir-referenzi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni mħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 116

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2151 tat-13 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-programm ta’ ħidma relatat mal-iżvilupp u t-tnedija tas-sistemi elettroniċi previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 168).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/414 tat-8 ta’ Marzu 2021 dwar l-arranġamenti tekniċi għall-iżvilupp, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta’ sistemi elettroniċi għall-iskambju u l-ħżin tal-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 81, 9.3.2021, p. 37).

(7)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabblixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4).

(9)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/341 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli tranżizzjonali għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fejn is-sistemi elettroniċi rilevanti għadhom ma sarux operazzjonali u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 (ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1).

(10)  Il-Konvenzjoni dwar proċedura komuni ta’ tranżitu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tal-Iżvezja, u l-Konfederazzjoni Żvizzera (ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2).