22.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/28


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/980

tas-16 ta’ Mejju 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 fir-rigward ta’ takografu intelliġenti tranżizzjonali u l-użu tiegħu għall-Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni b’Servizz Miftuħ ta’ Galileo u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 introduċa takografi intelliġenti, li jinkludu konnessjoni mas-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita (“GNSS”).

(2)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-installazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija tat-takografi u l-komponenti tagħhom huma stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (2).

(3)

Ir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) introduċa rekwiżiti ġodda għat-takografu intelliġenti, li kienu jesiġu li jiġu emendati l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1228 (4) għalhekk emenda r-Regolament (UE) 2016/799 biex jintroduċi t-tieni verżjoni tat-takografu intelliġenti.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228 introduċa l-użu obbligatorju tal-Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni b’Servizz Miftuħ (“OSNMA”) ta’ Galileo minn takografi intelliġenti, biex jippermetti l-awtentikazzjoni tal-pożizzjonijiet irreġistrati mit-takografu permezz tal-użu tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) ta’ Galileo.

(5)

L-OSNMA bħalissa tinsab f’fażi ta’ ttestjar pubbliku, b’dikjarazzjoni tas-servizz mistennija biss wara d-data tal-introduzzjoni tat-tieni verżjoni tat-takografu intelliġenti f’vetturi rreġistrati ġodda. Dan jagħmel l-approvazzjoni tat-tip tal-unitajiet tal-vettura inċerta, kif ukoll l-imġiba tat-takografi intelliġenti tat-tieni verżjoni wara bidla fil-futur tas-sinjali fl-ispazju fi ħdan l-OSNMA.

(6)

Sabiex tiġi żgurata armonija fil-kundizzjonijiet tal-ittestjar u tal-approvazzjoni tat-tip kif ukoll fl-imġiba tal-unitajiet tal-vetturi, hemm bżonn li jiġi żgurat funzjonament komuni tat-takografi intelliġenti tat-tieni verżjoni, kemm qabel kif ukoll wara d-dikjarazzjoni tas-servizz tal-OSNMA.

(7)

It-tieni verżjoni inizjali tat-takografi intelliġenti jenħtieġ li tkun approvata għat-tip abbażi tas-sinjali fl-ispazju u tal-materjal kriptografiku disponibbli għall-fażi tal-ittestjar pubbliku tas-servizz. Sabiex jiġi żgurat li wara l-bidla għas-sinjal fl-ispazju operazzjonali s-sewwieq ma jiġix imfixkel, jenħtieġ li dawn it-takografi jinjoraw l-OSNMA sakemm ikunu jistgħu jiġu aġġornati biex jużaw bis-sħiħ is-servizz tal-OSNMA. Dan joħloq perjodu tranżizzjonali għat-takografi intelliġenti tat-tieni verżjoni fir-rigward tal-użu tal-OSNMA.

(8)

Dawn it-takografi tranżizzjonali jenħtieġ li jiżguraw il-funzjonalitajiet kollha stabbiliti fil-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 165/2014.

(9)

Huwa mistenni li ma tkun meħtieġa l-ebda bidla fil-hardware ladarba d-dikjarazzjoni tas-servizz tal-OSNMA sseħħ biex it-takografu jiffunzjona bis-servizz operazzjonali OSNMA. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli li s-software ta’ takografu tranżizzjonali jiġi aġġornat biex jagħmel użu sħiħ mill-OSNMA ladarba jkun disponibbli.

(10)

Fid-dawl ta’ żviluppi futuri rigward id-disponibbiltà u l-funzjonament tal-OSNMA, il-fattibbiltà tal-aġġornament tat-takografu f’workshop, jew tekniki possibbli ta’ manipulazzjoni identifikati mat-takografu fuq il-post, il-Kummissjoni tista’ tevalwa mill-ġdid jekk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġx li jiġu riveduti, inkluż jekk huwiex meħtieġ rekwiżit biex it-takografu intelliġenti tranżizzjonali jagħmel użu sħiħ mill-kapaċità tal-OSNMA tiegħu.

(11)

Jenħtieġ li l-industrija tingħata biżżejjed żmien biex timplimenta l-miżuri tranżizzjonali. Għalhekk jenħtieġ li t-talba għall-approvazzjoni tat-tip ta’ takografi tranżizzjonali tkun possibbli mill-inqas sal-31 ta’ Diċembru 2023. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li t-takografi tranżizzjonali jkomplu jiġu installati għal perjodu limitat ta’ żmien wara d-Dikjarazzjoni tas-Servizz tal-OSNMA.

(12)

Jenħtieġ li ladarba jintemm il-perjodu tranżizzjonali, l-awtoritajiet tal-infurzar ikunu jistgħu jirrikonoxxu jekk it-takografu intelliġenti installat ikunx mgħammar b’verżjoni tas-software li tippermettilu jagħmel użu mill-OSNMA ta’ Galileo.

(13)

Id-data attwali tal-applikazzjoni stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228 tipprevjeni lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip milli jagħtu approvazzjoni tat-tip lit-tagħmir skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 f’konformità mal-emendi stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228 qabel il-21 ta’ Awwissu 2023. Madankollu, skont l-Artikoli 8(1) u 11 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, minn dik id-data l-vetturi rreġistrati għall-ewwel darba fi Stat Membru għandhom ikunu mgħammra bil-verżjoni l-ġdida tat-takografu intelliġenti. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228 jiġi emendat biex hekk kif dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ, jippermetti li tingħata l-approvazzjoni tat-tip.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness IC tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-paragrafu li ġej jiżdied fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228:

“Madankollu, mill-25 ta’ Mejju 2023, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE għal tip ġdid ta’ takografu, komponent tat-takografu, jew kard tat-takografu, jew jagħtu estensjoni għal tip eżistenti ta’ takografu, komponent tat-takografu, jew kard tat-takografu, jew jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta’ takografu, komponent tat-takografu, jew kard tat-takografu ġodda meta t-tagħmir ikkonċernat ikun jikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 kif emendat b’dan ir-Regolament, jekk manifattur jitlob dan.”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ Awwissu 2023.

Madankollu, mill-25 ta’ Mejju 2023, l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE għal tip ġdid ta’ takografu, komponent tat-takografu, jew kard tat-takografu, jew jagħtu estensjoni għal tip eżistenti ta’ takografu jew komponent tat-takografu, jew kard tat-takografu, jew jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew id-dħul fis-servizz ta’ takografu, komponent tat-takografu, jew kard tat-takografu ġodda meta t-tagħmir ikkonċernat ikun jikkonforma mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1228 u dan ir-Regolament, jekk manifattur jitlob dan.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1228 tas-16 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-installazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi intelliġenti u l-komponenti tagħhom (ĠU L 273, 30.7.2021, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness IC tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799 jiżdied l-Appendiċi 17 li ġej:

“Appendiċi 17

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI RELATATI mal-UŻU TAL-OSNMA MIT-TAKOGRAFI

1.   DEFINIZZJONIJIET U AKRONIMI

1.1.   Definizzjonijiet

Dikjarazzjoni tas-Servizz tal-Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni b’Servizz Miftuħ (OSNMA) ta’ Galileo hija d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li OSNMA ta’ Galileo daħlet fil-fażi operazzjonali tagħha.

Unità tranżizzjonali tal-vettura Unità tal-vettura li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Appendiċi.

L-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura jinbnew f’konformità mas-SIS ICD u mal-linji gwida tar-riċevitur tal-OSNMA applikabbli għall-fażi tal-ittestjar pubbliku tal-OSNMA. Fihom riċevitur tal-GNSS li huwa kapaċi juża l-OSNMA disponibbli matul il-fażi tal-ittestjar pubbliku tiegħu.

Madankollu, l-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura ma jistgħux jawtentikaw il-messaġġi ta’ navigazzjoni disponibbli wara d-Dikjarazzjoni tas-Servizz tal-OSNMA, minħabba aġġornament meħtieġ tal-materjal kriptografiku fl-unità tal-vettura. Hemm bżonn li jiġi applikat aġġornament xieraq tas-software, sabiex ikunu jistgħu jibdew jużaw l-OSNMA, u jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha tal-Anness IC u l-Appendiċijiet 1 sa 16 tiegħu. Qabel ma jiġu aġġornati, l-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura jimplimentaw il-funzjonalitajiet relatati mal-OSNMA kif speċifikat f’dan l-Appendiċi. Il-funzjonalitajiet mhux relatati mal-OSNMA jibqgħu l-istess.

Jekk jiġi applikat l-aġġornament xieraq tas-software, l-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura jimplimentaw is-SIS ICD u l-linji gwida tar-riċevitur tal-OSNMA applikabbli għall-fażi operazzjonali tal-OSNMA, u jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha tal-Anness IC u l-Appendiċijiet 1 sa 16 tiegħu, bl-użu tal-OSNMA disponibbli matul il-fażi operazzjonali.

Takografu tranżizzjonali: takografu li jinkludi unità tranżizzjonali tal-vettura.

1.2.   Akronimi

ICD

Dokument ta’ Kontroll tal-Interfaċċa

OSNMA

Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni b’Servizz Miftuħ ta’ Galileo

SIS

Sinjal fl-Ispazju

VU

Unità tal-Vettura

2.   KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI RELATATI MAL-OSNMA

Sabiex il-vetturi rreġistrati għall-ewwel darba jkunu jistgħu jiġu mgħammra bil-verżjoni 2 tat-takografi tat-tieni ġenerazzjoni, sa mid-data ta’ introduzzjoni mitluba kif definit fil-punt (ccc) tat-Taqsima 1 tal-Anness IC tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799, hemm bżonn li l-unitajiet tal-vettura jiġu approvati għat-tip, prodotti u kkummerċjalizzati qabel id-Dikjarazzjoni tas-Servizz tal-OSNMA. Għal dawn l-unitajiet tal-vettura, imsejħa unitajiet tranżizzjonali tal-vettura, hemm bżonn li r-rekwiżiti relatati mal-OSNMA tal-Anness IC u l-Appendiċijiet 1 sa 16 tiegħu jiġu adattati, sabiex ikunu jistgħu jiġu approvati għat-tip u jintużaw fil-qasam.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Appendiċi jiddefinixxu r-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura. Dawn japplikaw biss għall-unitajiet tal-vettura b’riċevitur tal-GNSS intern.

3.   REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦAR-RIĊEVITUR TAL-GNSS TA’ TAKOGRAFI TRANŻIZZJONALI

TRA_001

L-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura għandhom jinkludu riċevitur tal-GNSS li kapaċi juża l-OSNMA disponibbli matul il-fażi tal-ittestjar pubbliku tiegħu.

TRA_002

Ir-rekwiżiti tal-Appendiċi 12 japplikaw għar-riċevitur tal-GNSS inkluż fl-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura, bl-interpretazzjonijiet li ġejjin:

Is-SIS ICD u l-linji Gwida tar-Riċevitur tal-OSNMA msemmija huma d-dokumenti disponibbli għall-fażi tal-ittestjar pubbliku:

Galileo Open Service Navigation Message Authentication (OSNMA) User ICD for the Test Phase, Verżjoni 1.0, Novembru 2021,

Galileo Open Service Navigation Message Authentication (OSNMA) Receiver Guidelines for the Test Phase, Verżjoni 1.0, Novembru 2021,

OSNMA huwa s-servizz disponibbli matul il-fażi tal-ittestjar pubbliku,

SIS huwa s-Sinjal fl-Ispazju disponibbli matul il-fażi tal-ittestjar pubbliku,

TRA_003

Ir-riċevitur tal-GNSS inkluż fl-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura għandu jkun iddisinjat b’tali mod li wara l-aġġornament tas-software tiegħu, applikat permezz ta’ aġġornament tas-software tal-unità tal-vettura, ikun jikkonforma bis-sħiħ mar-rekwiżiti tal-Anness 12, bl-użu tal-OSNMA disponibbli matul il-fażi operazzjonali tiegħu.

4.   REKWIŻITI APPLIKABBLI GĦALL-UNITAJIET TRANŻIZZJONALI TAL-VETTURA

L-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura jistgħu jipproċessaw is-sinjal tal-OSNMA disponibbli matul il-fażi tal-ittestjar pubbliku tiegħu, iżda ma jistgħux jirrapportaw l-Istatus tal-Awtentikazzjoni tal-Messaġġi ta’ Navigazzjoni mis-SIS disponibbli matul il-fażi operazzjonali tal-OSNMA, sakemm jiġi applikat aġġornament xieraq tas-software. Għalhekk jassumu li l-pożizzjonijiet standard ipprovduti mir-riċevitur tal-GNSS ikunu dejjem awtentikati.

Ir-rekwiżiti tal-Anness IC u l-Appendiċijiet 1 sa 16 tiegħu japplikaw, bl-interpretazzjonijiet li ġejjin.

TRA_004

L-Anness IC, 3.9.15 l-event ta’ “Kunflitt tal-ħin”, ir-rekwiżit 86, għandu jinftiehem bħala:

Dan l-event għandu jiġi attivat, meta l-modalità tal-kalibrazzjoni ma tkunx qed topera, meta l-VU tidentifika diskrepanza bejn il-ħin tal-funzjoni tal-kejl tal-ħin tal-unità tal-vettura u l-ħin li joriġina mill-pożizzjonijiet standard trażmessi mir-riċevitur tal-GNSS jew mill-faċilità tal-GNSS esterna. Tiġi identifikata “diskrepanza fil-ħin” jekk id-differenza fil-ħin taqbeż ± 3 sekondi li jikkorrespondu għall-akkuratezza tal-ħin stabbilita fir-rekwiżit 41a, b’din tal-aħħar tkun żdiedet bil-ħin massimu ta’ deriva kull ġurnata. Dan l-event għandu jiġi rrekordjat flimkien mal-valur tal-arloġġ intern tal-apparat tar-rekordjar. Il-VU għandha twettaq il-verifika għall-attivazzjoni tal-event ta’ “kunflitt tal-ħin” eżatt qabel ma l-VU terġa’ taġġusta awtomatikament l-arloġġ intern tal-VU, f’konformità mar-rekwiżit 211.

TRA_005

L-Anness IC, 3.9.18 l-event “anomalija tal-GNSS”, ir-rekwiżit 88a, għandu jinftiehem bħala:

Dan l-event għandu jiġi attivat, meta l-modalità tal-kalibrazzjoni ma tkunx qed topera, meta r-riċevitur tal-GNSS jidentifika attakk , kif speċifikat fl-Appendiċi 12. Wara li jkun ġie attivat event ta’ anomalija tal-GNSS, il-VU ma għandhiex tiġġenera eventi oħrajn ta’ anomalija tal-GNSS għall-10 minuti li jkun imiss.

TRA_006

Anness IC, 3.12.5 Reġistrazzjoni u ħżin fil-memorja tad-data, Postijiet u pożizzjonijiet fejn il-perjodi tax-xogħol ta’ kuljum jibdew, jintemmu, u/jew fejn jiġu akkumulati 3 sigħat ta’ ħin ta’ sewqan, ir-rekwiżit 110, għandu jinftiehem bħala:

Flimkien ma’ kull post jew pożizzjoni, l-apparat tar-rekordjar għandu jirrekordja u jaħżen fil-memorja tad-data tiegħu:

in-numru tal-kard tas-sewwieq u/jew tal-kosewwieq u l-Istat Membru li joħroġ il-kard,

il-ġenerazzjoni tal-kards,

id-data u l-ħin tal-entrata,

it-tip ta’ entrata (bidu, tmiem jew 3 sigħat ta’ ħin ta’ sewqan akkumulat),

l-akkuratezza, id-data u l-ħin tal-GNSS relatati, jekk applikabbli,

il-valur tal-odometru tal-vettura.

indikatur li jindika jekk il-pożizzjoni ġietx preżunta bħala awtentikata,

TRA_007

L-Anness IC, 3.12.17 Reġistrazzjoni u ħżin fil-memorja tad-data, Qsim tal-fruntieri, ir-rekwiżit 133b, għandu jinftiehem bħala:

Flimkien mal-pajjiżi u l-pożizzjoni, l-apparat tar-rekordjar għandu jirrekordja u jaħżen fil-memorja tad-data tiegħu:

in-numru tal-kard tas-sewwieq u/jew tal-kosewwieq u l-Istat Membru li joħroġ il-kard,

il-ġenerazzjoni tal-kards,

l-akkuratezza, id-data u l-ħin tal-GNSS relatati,

indikatur li jindika jekk il-pożizzjoni ġietx preżunta bħala awtentikata,

il-valur tal-odometru tal-vettura fil-ħin tad-detezzjoni tal-qsim tal-fruntiera.

TRA_008

Anness IC, 3.12.18 Reġistrazzjoni u ħżin fil-memorja tad-data, Operazzjonijiet ta’ tagħbija/ħatt, ir-rekwiżit 133 g, għandu jinftiehem bħala:

Flimkien mat-tip ta’ operazzjoni u pożizzjoni, l-apparat tar-rekordjar għandu jirrekordja u jaħżen fil-memorja tad-data tiegħu:

in-numru tal-kard tas-sewwieq u/jew tal-kosewwieq u l-Istat Membru li joħroġ il-kard,

il-ġenerazzjoni tal-kards,

id-data u l-ħin tal-operazzjoni ta’ tagħbija/ħatt,

l-akkuratezza, id-data u l-ħin tal-GNSS relatati, jekk applikabbli,

indikatur li jindika jekk il-pożizzjoni ġietx preżunta bħala awtentikata,

il-valur tal-odometru tal-vettura.

TRA_009

L-Anness IC, 3.23 l-event “Aġġustament tal-ħin”, ir-rekwiżit 211, għandu jinftiehem bħala:

L-issettjar tal-ħin tal-arloġġ intern tal-VU għandu jiġi aġġustat mill-ġdid awtomatikament f’intervalli ta’ ħin varjabbli. L-aġġustament mill-ġdid tal-ħin awtomatiku li jmiss għandu jiġi attivat bejn 72h u 168h wara dak preċedenti, u wara li l-VU tkun tista’ taċċessa l-ħin tal-GNSS permezz ta’ messaġġ validu ta’ pożizzjoni standard f’konformità mal-Appendiċi 12. Madankollu, l-aġġustament tal-ħin qatt ma għandu jkun akbar mid-deriva tal-ħin massima akkumulata għal kull jum, kif ikkalkolata mill-manifattur tal-VU f’konformità mar-rekwiżit 41b. Jekk id-differenza bejn il-ħin intern tal-arloġġ tal-VU u l-ħin tar-riċevitur tal-GNSS tkun akbar mid-deriva tal-ħin massima akkumulata għal kull jum, mela l-aġġustament tal-ħin għandu jġib l-arloġġ intern tal-VU qrib kemm jista’ jkun tal-ħin tar-riċevitur tal-GNSS. L-issettjar tal-ħin jista’ jsir biss jekk il-ħin ipprovdut mir-riċevitur tal-GNSS jinkiseb bl-użu ta’ messaġġi tal-pożizzjoni standard kif stabbilit fl-Appendiċi 12. Ir-referenza tal-ħin għall-issettjar awtomatiku tal-ħin tal-arloġġ intern tal-VU għandha tkun il-ħin ipprovdut fil-messaġġ tal-pożizzjoni standard.

TRA_010

L-Anness IC, 3.23 l-event “Aġġustament tal-ħin”, ir-rekwiżit 212, għandu jinftiehem bħala:

Il-funzjoni tal-aġġustament tal-ħin għandha tippermetti wkoll l-aġġustament attivat tal-ħin kurrenti fil-modalità tal-kalibrazzjoni.

Il-workshops jistgħu jaġġustaw il-ħin:

jew billi jiktbu valur taż-żmien fil-VU, billi jużaw is-servizz WriteDataByIdentifier f’konformità mat-taqsima 6.2 tal-Appendiċi 8,

jew inkella billi jitolbu allinjament tal-arloġġ tal-VU mal-ħin ipprovdut mir-riċevitur tal-GNSS. Dan jista’ jsir biss jekk il-ħin ipprovdut mir-riċevitur tal-GNSS jinkiseb bl-użu ta’ messaġġi ta’ pożizzjoni standard. F’dan l-aħħar każ, is-servizz RoutineControl għandu jintuża f’konformità mat-taqsima 8 tal-Appendiċi 8.

TRA_011

Appendiċi 4, 2. L-ispeċifikazzjoni tal-blokok tad-data, l-ewwel paragrafu, is-seba’ inċiż, għandu jinftiehem bħala:

Meta tiġi stampata wara l-lonġitudni u l-latitudni ta’ pożizzjoni rrekordjata, jew wara l-kronogramma meta tkun ġiet iddeterminata l-pożizzjoni, il-pittogramma

Image 1
tindika li din il-pożizzjoni ġiet ippreżunta awtentika.

TRA_012

Appendiċi 8, 8.1 Servizz ta’ RoutineControl (Aġġustament tal-ħin), Deskrizzjoni tal-messaġġ, ir-rekwiżit CPR_065a, għandu jinftiehem bħala:

Is-servizz ta’ RoutineControl (TimeAdjustment) jipprovdi l-kapaċità li jiġi attivat allinjament tal-arloġġ tal-VU mal-ħin ipprovdut mir-riċevitur tal-GNSS.

Għat-twettiq tas-servizz RoutineControl (TimeAdjustment), il-VU trid tkun fil-modalità ta’ KALIBRAZZJONI.

Prekundizzjoni: jiġi żgurat li l-VU tkun tista’ tirċievi messaġġi ta’ pożizzjoni standard mir-riċevitur tal-GNSS.

Sakemm l-aġġustament tal-ħin ikun għadu għaddej, il-VU għandha tirrispondi għat-talba RoutineControl, is-subfunzjoni requestRoutineResults, b’routineInfo = 0x78.

Nota: l-aġġustament tal-ħin jista’ jieħu xi żmien. It-tester dijanjostiku għandu jitlob l-istatus ta’ aġġustament tal-ħin billi juża s-subfunzjoni requestRoutineResults.

TRA_013

Fl-Appendiċi 12, 3 Sentenzi pprovduti mir-riċevitur tal-GNSS, ir-rekwiżit GNS_4a:

Id-data li tinsab fis-sentenzi tal-AMC ipprovduti mir-riċevitur tal-GNSS, jekk ikun hemm, ma għandhiex tintuża mill-unità tal-vettura, ħlief għall-valuri tal-Istatus li ġejjin:

J = jamming [imblukkar] jew O = other GNSS attack [attakk ieħor tal-GNSS] (permezz ta’ kontrolli ta’ konsistenza implimentati skont il-GNS_3a),

V = Void [null] (il-pożizzjoni awtentikata mhijiex disponibbli għal xi raġuni oħra).

TRA_014

Fl-Appendiċi 12, 3 Sentenzi pprovduti mir-riċevitur tal-GNSS, ir-rekwiżit GNS_5:

Id-data li tinsab fis-sentenzi tal-ASA pprovduti mir-riċevitur tal-GNSS, jekk ikun hemm, ma għandhiex tintuża mill-unità tal-vettura.

TRA_015

Fl-Appendiċi 12, 5.2 Unità tal-Vettura mingħajr faċilità tal-GNSS esterna, Trasferiment ta’ informazzjoni mir-riċevitur tal-GNSS lill-VU, ir-rekwiżiti GNS_34 u 36:

Il-proċessur tal-VU ma għandux juża informazzjoni estratta mis-sentenza tal-AMC, ħlief għall-valuri tal-Istatus li ġejjin:

J = jamming [imblukkar] jew O = other GNSS attack [attakk ieħor tal-GNSS] (permezz ta’ kontrolli ta’ konsistenza implimentati skont il-GNS_3a),

V = Void [null] (il-pożizzjoni awtentikata mhijiex disponibbli għal xi raġuni oħra).

Il-proċessur tal-VU ma għandux juża informazzjoni estratta mis-sentenza tal-ASA.

TRA_016

Appendiċi 12, 6 L-ipproċessar u r-reġistrazzjoni tad-data tal-pożizzjoni mill-VU, ir-rekwiżit GNS_39, għandu jinftiehem bħala:

Id-data dwar il-pożizzjoni għandha tinħażen fil-VU, flimkien ma’ indikatur li jindika jekk il-pożizzjoni ġietx preżunta bħala awtentikata. Meta jkun hemm bżonn li d-data dwar il-pożizzjoni tiġi rrekordjata fil-VU, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

Jekk il-pożizzjoni standard tkun valida, il-pożizzjoni standard u l-akkuratezza tagħha għandhom jiġu rrekordjati fil-VU u l-indikatur għandu jiġi ssettjat għal “awtentikat”.

TRA_017

Appendiċi 12, 6 L-ipproċessar u r-reġistrazzjoni tad-data tal-pożizzjoni mill-VU, ir-rekwiżit GNS_40, għandu jinftiehem bħala:

Meta l-valur tal-Istatus f’sentenza tal-AMC riċevuta jiġi ssettjat għal “J” jew “O” f’konformità mar-rekwiżit GNS_4a, il-VU għandha tiġġenera u tirrekordja event ta’ anomalija tal-GNSS, kif definit fir-rekwiżit 88a tal-Anness IC u l-Appendiċi 1 (EventFaultType), L-Unità tal-vettura tista’ twettaq kontrolli addizzjonali qabel taħżen l-event ta’ anomalija tal-GNSS wara li tirċievi setting ta’ “J” jew “O”.

TRA_018

Appendiċi 12, 8 Kunflitt fil-moviment tal-vettura, ir-rekwiżit GNS_42, Kundizzjoni ta’ attivazzjoni 2, l-ewwel u t-tieni inċiż wara l-formula għandhom jinftiehmu bħala:

GnssDistance hija d-distanza bejn il-pożizzjoni attwali tal-vettura u dik preċedenti, it-tnejn miksuba minn messaġġi validi ta’ pożizzjoni standard , mingħajr ma jiġi kkunsidrat l-għoli,

OdometerDifference hija d-differenza bejn il-valur attwali tal-odometru u l-valur tal-odometru li jikkorrispondi għall-messaġġ validu ta’ pożizzjoni standard preċedenti,

TRA_019

Ir-rekwiżiti tal-Protokoll tad-DSRC tal-Appendiċi 14, 5.4.5 għall-RTMElements tal-RtmData, l-azzjonijiet imwettqa u d-definizzjonijiet, ir-rekwiżit DSC_41, it-Tabella 14.3, it-tieni ċellola fir-ringiela tal-RTM20, għandha tinftiehem bħala:

Il-VU għandha tiġġenera valur ta’ numru sħiħ (timeReal mill-Appendiċi 1) għall-element tad-data RTM20.

Il-VU għandha tissettja l-valur tal-RTM20 għall-ħin li fih kienet disponibbli l-aħħar pożizzjoni tal-vettura standard mir-riċevitur tal-GNSS.

Jekk qatt ma kienet disponibbli pożizzjoni tal-vettura standard mir-riċevitur tal-GNSS, il-VU għandha tissettja l-valur tal-RTM20 għal 0.

TRA_020

Il-manifattur ta’ unità tranżizzjonali tal-vettura tranżizzjonali approvata għat-tip għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar il-verżjonijiet tas-software tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-verżjonijiet tas-software fuq sit web disponibbli għall-pubbliku.

5.   DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-APPROVAZZJONI TAT-TIP U GĦALL-UŻU TA’ TAKOGRAFI TRANŻIZZJONALI

TRA_021

L-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura għandhom ikunu approvati għat-tip skont ir-rekwiżiti tal-Anness IC u l-Annessi 1 sa 16 tiegħu, issupplimentati bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Appendiċi.

TRA_022

Iċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip tal-unitajiet tranżizzjonali tal-vettura u t-takografi tranżizzjonali jistgħu jintalbu biss sal-31 ta’ Diċembru 2023 jew sad-data tad-Dikjarazzjoni tas-Servizz tal-OSNMA, skont liema minnhom tkun l-aktar reċenti.

TRA_023

Jistgħu jitwaħħlu unitajiet tranżizzjonali tal-vettura f’vetturi rreġistrati għall-ewwel darba biss sal-31 ta’ Mejju 2024 jew 5 xhur wara d-data tad-Dikjarazzjoni tas-Servizz tal-OSNMA, skont liema minnhom tkun l-aktar riċenti.