16.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/105


REGOLAMENT (UE) 2023/957 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Mejju 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/757 sabiex tiġi prevista l-inklużjoni tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet u għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Pariġi (4), adottat fit-12 ta’ Diċembru 2015 fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) (il-“Ftehim ta’ Pariġi”), daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. Il-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi qablu li jżommu ż-żieda fit-temperatura medja globali sew taħt 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali u jagħmlu sforzi biex jillimitaw iż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Dak l-impenn issaħħaħ bl-adozzjoni, fl-ambitu tal-UNFCCC, tal-Patt Klimatiku ta’ Glasgow fit-13 ta’ Novembru 2021, li fih il-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC, li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi, tirrikonoxxi li l-impatti tat-tibdil fil-klima se jkunu ħafna aktar baxxi b’żieda fit-temperatura ta’ 1,5 °C, meta mqabbla ma’ 2 °C, u tiddeċiedi li twettaq sforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C.

(2)

L-urġenza tal-ħtieġa li l-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi ta’ 1,5 °C jibqa’ ħaj saret aktar sinifikanti wara s-sejbiet tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima fis-Sitt Rapport ta’ Valutazzjoni tiegħu li t-tisħin globali jista’ jiġi limitat għal 1,5 °C biss jekk isir minnufih tnaqqis qawwi u sostnut tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra f’dan id-deċennju.

(3)

L-indirizzar tal-isfidi relatati mal-klima u mal-ambjent u l-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi huma fil-qalba tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (il-“Patt Ekoloġiku Ewropew”).

(4)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jgħaqqad sett komprensiv ta’ miżuri u inizjattivi ta’ tisħiħ reċiproku bl-għan li, sal-2050, tinkiseb in-newtralità klimatika fl-Unjoni, u jistabbilixxi strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi. Huwa għandu wkoll l-għan li jipproteġi, jikkonserva u jsaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni, u jipproteġi s-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini minn riskji u impatti relatati mal-ambjent. Din it-tranżizzjoni taffettwa b’mod differenti lill-ħaddiema minn diversi setturi. Fl-istess waqt, dik it-tranżizzjoni għandha aspetti ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri kif ukoll impatt partikolari fuq xi gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħall-persuni akbar fl-età, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u l-individwi u l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u medju-baxx. Timponi wkoll sfidi akbar fuq ċerti reġjuni, b’mod partikolari r-reġjuni strutturalment żvantaġġati u dawk periferiċi, kif ukoll fuq il-gżejjer. Għalhekk, irid jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tkun ġusta u inklużiva, u ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura.

(5)

In-neċessità u l-valur li jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew komplew jikbru fid-dawl tal-effetti severi ħafna tal-pandemija tal-COVID-19 fuq is-saħħa, il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-benesseri taċ-ċittadini tal-Unjoni. Dawk l-effetti wrew li s-soċjetà tagħna u l-ekonomija tagħna jeħtieġ li jtejbu r-reżiljenza tagħhom fir-rigward tax-xokkijiet esterni u jaġixxu kmieni biex jevitaw jew itaffu l-effetti tax-xokkijiet esterni b’mod li jkun ġust u li jwassal biex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, inklużi dawk fir-riskju tal-faqar enerġetiku. Iċ-ċittadini Ewropej qed ikomplu jesprimu fehmiet qawwija li dan japplika b’mod partikolari għat-tibdil fil-klima.

(6)

Fil-kontribut aġġornat stabbilit fil-livell nazzjonali ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC fis-17 ta’ Diċembru 2020, l-Unjoni impenjat ruħha li, sal-2030, tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra fl-ekonomija kollha tal-Unjoni b’mill-inqas 55 % meta nmqabbla mal-livelli tal-1990.

(7)

Permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Unjoni stabbiliet fil-leġiżlazzjoni l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-ekonomija kollha sa mhux aktar tard mill-2050 u l-għan li jinkisbu emissjonijiet negattivi wara dik id-data. Dak ir-Regolament jistabbilixxi wkoll objettiv vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis intern tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra (emissjonijiet wara t-tnaqqis tal-assorbimenti) ta’ mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sal-2030, u jipprevedi li l-Kummissjoni obbligata li tagħmel l-almu tagħha biex tallinja l-abbozzi futuri kollha ta’ miżuri jew il-proposti leġiżlattivi futuri kollha, inklużi l-proposti baġitarji, mal-objettivi ta’ dak ir-Regolament u, fi kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ allinjament, tagħti r-raġunijiet għal tali nuqqas ta’ allinjament bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja dawk il-proposti.

(8)

Is-setturi kollha tal-ekonomija jeħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1119. Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għalhekk qed tiġi emendata biex tinkludi attivitajiet tat-trasport marittimu fis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) sabiex jiġi żgurat li dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu s-sehem ġust tagħhom għall-objettivi miżjuda tal-Unjoni dwar il-klima kif ukoll għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Għalhekk, jeħtieġ ukoll li r-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jiġi emendat biex titqies l-inklużjoni ta’ attivitajiet tat-trasport marittimu fl-EU ETS.

(9)

Barra minn hekk, sabiex jitqiesu l-objettivi miżjuda tal-Unjoni dwar il-klima kif ukoll l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757 jenħtieġ li jiġi emendat. Sistema robusta ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika hija prerekwiżit għal kwalunkwe miżura bbażata fuq is-suq, standard ta’ effiċjenza jew kwalunkwe miżura relevanti oħra, kemm jekk applikati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell globali. Filwaqt li l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) jirrappreżentaw il-maġġoranza l-kbira tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, l-emissjonijiet tal-metan (CH4) u tal-ossidu nitruż (N2O) jirrappreżentaw sehem rilevanti ta’ tali emissjonijiet. L-inklużjoni tal-emissjonijiet tas-CH4 u tal-N2O fir-Regolament (UE) 2015/757 tkun ta’ benefiċċju għall-integrità ambjentali u biex tinċentiva l-prattiki tajba, u jenħtieġ li tapplika mill-2024. Il-bastimenti tal-merkanzija ġenerali ta’ tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 jirrappreżentaw sehem sinifikanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-bastimenti tal-merkanzija ġenerali kollha. Sabiex tiżdied l-effettività ambjentali tas-sistema ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika, jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jitnaqqas ir-riskju ta’ ċirkomvenzjoni, il-bastimenti tal-merkanzija ġenerali ta’ tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 jenħtieġ li jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2015/757 mill-2025. Il-bastimenti offshore jemettu sehem rilevanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Għalhekk, jenħtieġ li dak ir-Regolament japplika wkoll għall-bastimenti offshore ta’ tunnellaġġ gross ta’ 400 jew aktar mill-2025. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta qabel il-31 ta’ Diċembru 2024 jekk tipi addizzjonali ta’ bastimenti ta’ tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 għandhomx jiġu inklużi fir-Regolament (UE) 2015/757.

(10)

Jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/757 jiġi emendat biex jobbliga lill-kumpaniji jirrapportaw id-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji u jippreżentaw tali data lill-awtorità amministrattiva responsabbli u jippreżentaw għall-approvazzjoni ta’ dik l-awtorità l-pjanijiet ta’ monitoraġġ ivverifikati tagħhom. Meta jwettaq verifika fil-livell tal-kumpaniji, jenħtieġ li l-verifikatur ma jivverifikax ir-rapporti dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-bastimenti jew ir-rapporti fil-livell tal-bastimenti li għandhom jiġu ppreżentati fejn ikun hemm bidla tal-kumpanija, billi dawk ir-rapporti fil-livell tal-bastimenti jkunu diġà ġew ivverifikati. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza fl-amministrazzjoni u l-infurzar, jenħtieġ li l-entità responsabbli għall-konformità mar-Regolament (UE) 2015/757 tkun l-istess bħall-entità responsabbli għall-konformità mad-Direttiva 2003/87/KE.

(11)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-EU ETS fil-livell amministrattiv u biex titqies l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O, kif ukoll l-inklużjoni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti offshore, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/757, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-metodi u r-regoli ta’ monitoraġġ u r-regoli ta’ rappurtar għall-emissjonijiet koperti mir-Regolament (UE) 2015/757, kif ukoll għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra stabbilita f’dak ir-Regolament, ir-regoli għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ, u l-bidliet tagħhom mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli, ir-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-preżentazzjoni ta’ data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji u r-regoli għall-verifika tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji u dwar il-ħruġ ta’ rapporti ta’ verifika fir-rigward tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(12)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jipprevedi regoli ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika li huma meħtieġa għal estensjoni tal-EU ETS għall-attivitajiet tat-trasport marittimu u li jipprevedi l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra addizzjonali u emissjonijiet minn tipi ta’ bastimenti addizzjonali ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2015/757 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2015/757

Ir-Regolament (UE) 2015/757 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE”;

(2)

tul ir-Regolament kollu, ħlief fl-Artikolu 2, l-Artikolu 5(2), u l-Artikolu 21(5) u l-Annessi I u II, it-terminu “CO2” huwa sostitwit b’“gass serra” u ssir kwalunkwe bidla grammatikali meħtieġa;

(3)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika preċiżi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ informazzjoni oħra rilevanti minn bastimenti li jaslu jew ikunu f’portijiet, jew jitilqu minn portijiet, taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, sabiex jippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu b’mod kosteffiċjenti.”

;

(4)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5 000 jew aktar fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom għat-trasport għal finijiet kummerċjali ta’ merkanzija jew passiġġieri mill-aħħar port ta’ waqfa ta’ tali bastimenti sa port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u minn port ta’ waqfa li jkun taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru għal port ta’ waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f’portijiet ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

1a.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-bastimenti tal-merkanzija ġenerali ta’ tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom għat-trasport ta’ merkanzija għal finijiet kummerċjali mill-aħħar port ta’ waqfa tagħhom sa port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, u minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru għal port ta’ waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f’portijiet ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, u għal bastimenti offshore ta’ tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom mill-aħħar port ta’ waqfa tagħhom sa port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru għal port ta’ waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f’portijiet ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

1b.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti offshore ta’ tunnellaġġ gross ta’ 5 000 jew aktar fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rilaxxati matul il-vjaġġi tagħhom mill-aħħar port ta’ waqfa tagħhom sal- port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru u minn port ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru għal port ta’ waqfa li jmiss tagħhom, kif ukoll f’portijiet ta’ waqfa taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

1c.   Il-gassijiet serra koperti minn dan ir-Regolament huma:

(a)

id-diossidu tal-karbonju (CO2);

(b)

fir-rigward tal-emissjonijiet rilaxxati mill-2024 ’il quddiem, il-metan (CH4); u

(c)

fir-rigward tal-emissjonijiet rilaxxati mill-2024 ’il quddiem, l-ossidu nitruż (N2O).

Meta dan ir-Regolament jirreferi għall-emissjonijiet aggregati totali ta’ gassijiet serra jew gassijiet serra aggregati totali emessi, għandu jinftiehem li jirreferi għall-ammonti aggregati totali ta’ kull gass separatament.”

;

(5)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) sa (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

“emissjonijiet ta’ gassijiet serra” tfisser ir-rilaxx ta’ gassijiet serra koperti b’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 2(1c), l-ewwel subparagrafu, minn bastimenti;

(b)

“port ta’ waqfa” tfisser port ta’ waqfa kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (z), tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(c)

“vjaġġ” tfisser kwalunkwe moviment ta’ bastiment li joriġina minn port ta’ waqfa jew li jintemm fih;

(d)

“kumpanija” tfisser il-kumpanija tat-tbaħħir kif definita fl-Artikolu 3, il-punt (w), tad-Direttiva 2003/87/KE;

(*1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).”;"

(b)

il-punt (m) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(m)

“perjodu ta’ rappurtar” tfisser il-perjodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru ta’ kwalunkwe sena partikolari; għall-vjaġġi li jibdew u jispiċċaw f’żewġ snin differenti, id-data rispettiva għandha titqies skont is-sena kkonċernata;”;

(c)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(p)

“awtorità amministrattiva responsabbli” tfisser l-awtorità amministrattiva fir-rigward ta’ kumpanija tat-tbaħħir imsemmija fl-Artikolu 3gf tad-Direttiva 2003/87/KE;

(q)

data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji” tfisser is-somma tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti mid-Direttiva 2003/87/KE b’rabta mal-attivitajiet tat-trasport marittimu f’konformità mal-Anness I għal dik id-Direttiva u li għandhom jiġu rrappurtati minn kumpanija skont dik id-Direttiva, fir-rigward tal-bastimenti kollha taħt ir-responsabbiltà tagħha matul il-perjodu ta’ rappurtar.”;

(6)

fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Il-kumpaniji għandhom jirrapportaw id-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji tal-bastimenti taħt ir-responsabbiltà tagħhom matul perjodu ta’ rappurtar skont l-Artikolu 11a.”

;

(7)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament biex temenda l-Annessi I u II ta’ dan ir-Regolament, sabiex tqis l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O, kif ukoll l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti offshore, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u l-emendi għad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll biex tallinja dawk l-Annessi mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 14(1) ta’ dik id-Direttiva, bir-regoli internazzjonali rilevanti, u bl-istandards internazzjonali u Ewropej. Il-Kummissjoni għandha wkoll is-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament biex temenda l-Annessi I u II għal dan ir-Regolament sabiex tirfina l-elementi tal-metodi ta’ monitoraġġ stabbiliti fihom, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi, u sabiex tiżgura t-tħaddim effettiv tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS) stabbilita skont id-Direttiva 2003/87/KE.

Sal-1 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati sabiex tqis l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O, kif ukoll l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti offshore, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Il-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O għandhom ikunu bbażati fuq l-istess prinċipji bħall-metodi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 kif stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, bi kwalunkwe aġġustament meħtieġ biex jirrifletti n-natura tal-gassijiet serra rilevanti. Il-metodi stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u r-regoli stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament għandhom, fejn xieraq, jiġu allinjati mal-metodi u r-regoli stabbiliti f’Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE.”

;

(8)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

l-isem tal-kumpanija u l-indirizz, id-dettalji tat-telefon u tal-posta elettronika ta’ persuna ta’ kuntatt u n-numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-IMO tal-kumpanija u tas-sid irreġistrat;”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-kumpaniji għandhom jużaw pjanijiet ta’ monitoraġġ standardizzati bbażati fuq mudelli, u għandhom jippreżentaw dawk il-pjanijiet bl-użu ta’ sistemi awtomatizzati u formats ta’ skambju tad-data. Dawk il-mudelli, inkluż ir-regoli tekniċi għall-applikazzjoni uniformi tagħhom, u r-regoli tekniċi għat-trasferiment awtomatiku tagħhom, għandhom jiġu ddeterminati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 24(2).”

;

(c)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   Sal-1 ta’ April 2024, il-kumpaniji għandhom, għal kull wieħed mill-bastimenti tagħhom li jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jippreżentaw lill-awtorità amministrattiva responsabbli pjan ta’ monitoraġġ li ġie vvalutat bħala konformi ma’ dan ir-Regolament mill-verifikatur u li jirrifletti l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   Minkejja l-paragrafu 6, għall-bastimenti li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Jannar 2024, il-kumpaniji għandhom jippreżentaw pjan ta’ monitoraġġ f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament lill-awtorità amministrattiva responsabbli mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-ewwel waqfa ta’ kull bastiment f’port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.

8.   Sas-6 ta’ Ġunju 2025, l-awtoritajiet amministrattivi responsabbli għandhom japprovaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ ippreżentati mill-kumpaniji f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Għall-bastimenti li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE għall-ewwel darba wara l-1 ta’ Jannar 2024, l-awtorità amministrattiva responsabbli għandha tapprova l-pjan ta’ monitoraġġ ippreżentat fi żmien erba’ xhur mill-ewwel waqfa tal-bastiment f’port taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Sal-1 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex temenda l-Artikoli 6 sa 10 fir-rigward tar-regoli li jinsabu f’dawk l-Artikoli għall-pjanijiet ta’ monitoraġġ, biex tqis l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O, kif ukoll l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti offshore, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tar-regoli għall-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ monitoraġġ mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli.”

;

(9)

l-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-modifiki għall-pjan ta’ monitoraġġ taħt il-paragrafu 2, il-punti (b), (c) u (d), ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjoni mill-verifikatur skont l-Artikolu 13(1). Wara l-valutazzjoni, il-verifikatur għandu jinnotifika lill-kumpanija dwar jekk dawk il-modifiki humiex konformi. Il-kumpanija għandha tippreżenta l-pjan ta’ monitoraġġ modifikat tagħha lill-awtorità amministrattiva responsabbli ladarba tkun irċeviet notifika mingħand il-verifikatur li l-pjan ta’ monitoraġġ huwa konformi.”

;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   L-awtorità amministrattiva responsabbli għandha tapprova l-modifiki tal-pjan ta’ monitoraġġ skont il-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d), f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-atti delegati adottati mill-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tar-regoli għall-approvazzjoni ta’ bidliet fil-pjanijiet ta’ monitoraġġ mill-awtoritajiet amministrattivi responsabbli.”

;

(10)

fl-Artikolu 10, l-ewwel paragrafu, jiżdied il-punt li ġej:

“(k)

l-emissjonijiet aggregati totali ta’ gassijiet serra koperti mid-Direttiva 2003/87/KE fir-rigward tal-attivitajiet tat-trasport marittimu f’konformità mal-Anness I għal dik id-Direttiva u li għandhom jiġu rrapportati skont dik id-Direttiva, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe deroga rilevanti mill-Artikolu 12(3) ta’ dik id-Direttiva prevista fl-Artikolu 12(3-e) sa (3-b) tagħha.”;

(11)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Mill-2025, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-kumpaniji għandhom, għal kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tagħhom, jippreżentaw lill-awtorità amministrattiva responsabbli, lill-awtoritajiet tal-Istati tal-bandiera kkonċernati għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru u lill-Kummissjoni rapport dwar l-emissjonijiet għall-perjodu kollu ta’ rappurtar tas-sena ta’ qabel, li jkun ġie vverifikat bħala sodisfaċenti minn verifikatur skont l-Artikolu 13. L-awtorità amministrattiva responsabbli tista’ titlob lill-kumpaniji jippreżentaw ir-rapporti dwar l-emissjonijiet tagħhom sa data aktar kmieni mill-31 ta’ Marzu, iżda mhux aktar kmieni mit-28 ta’ Frar.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn isseħħ bidla ta’ kumpanija, il-kumpanija preċedenti għandha tippreżenta lill-awtorità amministrattiva responsabbli tagħha, lill-awtoritajiet tal-Istati tal-bandiera kkonċernati għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, lill-kumpanija l-ġdida u lill-Kummissjoni, kemm jista’ jkun qrib il-jum tat-tlestija tal-bidla u mhux aktar tard minn tliet xhur wara, rapport verifikat li jkopri l-istess elementi bħar-rapport dwar l-emissjonijiet imsemmi fil-paragrafu 1, iżda limitat għall-perjodu li jikkorrispondi għall-attivitajiet imwettqa taħt ir-responsabbiltà tagħha.”

;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Sal-1 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex temenda l-Artikoli 11, 11a u 12 li jikkonċernaw ir-regoli għar-rappurtar biex tqis l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ CH4 u N2O, kif ukoll l-inklużjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn bastimenti offshore, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

;

(12)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Ir-rappurtar u l-preżentazzjoni tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji

1.   Il-kumpaniji għandhom jiddeterminaw id-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji matul perjodu ta’ rappurtar, abbażi tad-data tar-rapport dwar l-emissjonijiet u tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 11(2) għal kull bastiment li kien taħt ir-responsabbiltà tagħhom matul il-perjodu ta’ rappurtar, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Mill-2025, il-kumpaniji għandhom jippreżentaw lill-awtorità amministrattiva responsabbli, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, id-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji li tkopri l-emissjonijiet fil-perjodu ta’ rappurtar tas-sena ta’ qabel li għandu jiġi rrapportat skont id-Direttiva 2003/87/KE b’rabta mal-attivitajiet tat-trasport marittimu, f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u li ġew vverifikati f’konformità mal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-awtorità amministrattiva responsabbli tista’ titlob lill-kumpaniji jippreżentaw id-data aggregata u vverifikata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 sa data aktar kmieni mill-31 ta’ Marzu, iżda mhux aktar kmieni mit-28 ta’ Frar.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex tissupplimenta dan ir-Regolament bir-regoli għall-monitoraġġ u r-rappurtar tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji u għall-preżentazzjoni tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji lill-awtorità amministrattiva responsabbli.”

;

(13)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-format tar-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rappurtar tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Ir-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rappurtar tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji għandhom jiġu ppreżentati bl-użu ta’ sistemi awtomatizzati u formats għall-iskambju tad-data, inklużi mudelli elettroniċi.”

;

(14)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tar-rapport dwar l-emissjonijiet u tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 11(2) mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 12 u fl-Annessi I u II.”

;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“5.   Il-verifikatur għandu jivvaluta l-konformità tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji mar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 6.

Meta l-verifikatur jikkonkludi, b’assigurazzjoni raġonevoli, li d-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji tkun ħielsa minn dikjarazzjonijiet ħżiena materjali, il-verifikatur għandu joħroġ rapport ta’ verifika li jiddikjara li d-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji tkun ġiet ivverifikata bħala sodisfaċenti f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 6.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 23 biex tissupplimenta dan ir-Regolament bir-regoli għall-verifika tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, inklużi l-metodi ta’ verifika u l-proċedura ta’ verifika, u l-ħruġ ta’ rapport ta’ verifika.”

;

(15)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

il-kalkoli li jwasslu għad-determinazzjoni tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra u tal-emissjonijiet aggregati totali tal-gassijiet serra koperti bid-Direttiva 2003/87/KE b’rabta mal-attivitajiet tat-trasport marittimu skont l-Anness I għal dik id-Direttiva u li għandhom jiġu rrapportati skont dik id-Direttiva;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Meta jikkunsidra l-verifika tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, il-verifikatur għandu jivvaluta l-kompletezza tad-data rrapportata u l-konsistenza ta’ dik id-data rrapportata mal-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija, inklużi r-rapporti vverifikati dwar l-emissjonijiet tagħha u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 11(2).”

;

(16)

fl-Artikolu 15, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Fir-rigward tal-verifika tad-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, il-verifikatur u l-kumpanija għandhom jikkonformaw mar-regoli ta’ verifika stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 13(6). Il-verifikatur ma għandux jivverifika r-rapport dwar l-emissjonijiet u r-rapport imsemmi fl-Artikolu 11(2) ta’ kull bastiment taħt ir-responsabbiltà tal-kumpanija.”

;

(17)

fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-verifikaturi li jivvalutaw il-pjanijiet ta’ monitoraġġ, ir-rapporti dwar l-emissjonijiet, ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-Regolament u d-data aggregata dwar l-emissjonijiet fil-livell tal-kumpaniji, u li joħorġu r-rapporti ta’ verifika msemmija fl-Artikolu 13(3) u (5) ta’ dan ir-Regolament u d-dokumenti ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu akkreditati għal attivitajiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minn korp nazzjonali ta’ akkreditament skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008.”

;

(18)

l-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fil-każ ta’ bastiment li jkun naqas milli jikkonforma mal-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar għal żewġ perjodi ta’ rappurtar konsekuttivi jew aktar, u meta miżuri ta’ infurzar oħra jkunu naqqsu milli jiżguraw il-konformità, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-port ta’ dħul tista’, wara li tagħti l-opportunità lill-kumpanija kkonċernata biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, toħroġ ordni ta’ tkeċċija, li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), lill-Istati Membri l-oħra u lill-Istat tal-bandiera kkonċernat. B’riżultat tal-ħruġ ta’ tali ordni ta’ tkeċċija, kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Istat Membru li tiegħu l-bastiment itajjar il-bandiera, għandu jirrifjuta d-dħul tal-bastiment ikkonċernat fi kwalunkwe wieħed mill-portijiet tiegħu sakemm il-kumpanija tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar skont l-Artikoli 11 u 18. Meta tali bastiment itajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u jidħol jew jinstab f’wieħed mill-portijiet tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat għandu, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija kkonċernata biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, iżomm lill-bastiment sakemm il-kumpanija tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar.

Meta bastiment kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jinstab li kien f’wieħed mill-portijiet tal-Istat Membru li l-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat, wara li jagħti l-opportunità lill-kumpanija kkonċernata biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, jista’ joħroġ ordni ta’ detenzjoni tal-Istat tal-bandiera sakemm il-kumpanija tissodisfa l-obbligi tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar. Dan għandu jinforma lill-Kummissjoni, lill-EMSA u lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

It-twettiq ta’ dawk l-obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar għandu jiġi kkonfermat bin-notifika ta’ dokument ta’ konformità validu lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ħarġet l-ordni ta’ tkeċċija. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli marittimi internazzjonali applikabbli fil-każ ta’ bastimenti f’diffikultà.”

;

(b)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-possibbiltà ta’ deroga skont l-ewwel subparagrafu ma għandhiex tapplika għal Stat Membru li l-awtorità tiegħu hija l-awtorità amministrattiva responsabbli.”;

(19)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-identità tal-bastiment (l-isem, il-kumpanija, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-IMO u l-port tar-reġistrazzjoni jew il-port ta’ domiċilju);”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull sentejn l-impatt ġenerali tal-attivitajiet tat-trasport marittimu fuq il-klima globali, inkluż permezz ta’ emissjonijiet jew effetti ta’ gassijiet serra minbarra s-CO2 u ta’ partikoli b’potenzjal ta’ tisħin globali mhux kopert minn dan ir-Regolament.”

;

(20)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, tirrevedi dan ir-Regolament, filwaqt li tqis b’mod partikolari l-esperjenza ulterjuri miksuba fl-implimentazzjoni tiegħu, fost oħrajn, bil-għan li tinkludi l-bastimenti ta’ tunnellaġġ gross inqas minn 5 000 iżda mhux inqas minn 400 fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bil-ħsieb ta’ inklużjoni sussegwenti possibbli ta’ tali bastimenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE jew li tipproponi miżuri oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minn tali bastimenti. Dak ir-rieżami għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament.”

;

(21)

l-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Lulju 2015.

Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6(8), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 11a(4) u l-Artikolu 13(6) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-5 ta’ Ġunju 2023.

Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin rispettiv. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(8), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 11a(4), l-Artikolu 13(6), l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(3) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”

;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(8), l-Artikolu 7(5), l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 11a(4), l-Artikolu 13(6), l-Artikolu 15(5) jew l-Artikolu 16(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Madankollu, l-ewwel subparagrafu, l-aħħar sentenza, ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tapplika għall-atti delegati adottati sal-1 ta’ Ottubru 2023 skont l-Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 6(8), it-tieni subparagrafu, jew l-Artikolu 11(4).”

.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-5 ta’ Ġunju 2023. Madankollu, l-Artikolu 1, il-punt (5)(a) u l-punt (5)(b), ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-Artikolu 3, il-punti (b), (d) u (m), tar-Regolament (UE) 2015/757, għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  ĠU C 152, 6.4.2022, p. 175.

(2)  ĠU C 301, 5.8.2022, p. 116.

(3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ April 2023.

(4)  ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

(8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.