11.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 125/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/939

tal-10 ta’ Mejju 2023

li jirtira l-approvazzjoni tas-sustanza attiva ipkonażol f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 571/2014

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(3) u l-Artikolu 78(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 571/2014 (2) approva l-ipkonażol bħala sustanza attiva f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u elenkah fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (3).

(2)

Wara l-preżentazzjoni tad-data konfermatorja dwar ir-riskju fit-tul għall-għasafar granivori, kif meħtieġ mill-Artikolu 1 flimkien mal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 571/2014, l-Istat Membru relatur oriġinali, ir-Renju Unit (4), wettaq evalwazzjoni tad-data, li ġiet rieżaminata mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”). Abbażi tal-informazzjoni mressqa, l-Awtorità kkonkludiet li hemm riskju għoli fit-tul għall-għasafar għall-użi rappreżentattivi tal-ipkonażol (5).

(3)

Fid-9 ta’ Marzu 2018, il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi adotta opinjoni (6) f’konformità mal-Artikolu 37(4) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) fejn ikkonkluda, fost l-oħrajn, li l-ipkonażol jissodisfa l-kriterji biex jiġi kklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni kategorija 1B.

(4)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1182 (8) konsegwentement emenda l-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u kklassifika l-ipkonażol bħala tossiku għar-riproduzzjoni kategorija 1B.

(5)

F’konformità mal-Artikolu 4(3), il-punt (e)(ii), tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva tista’ tiġi approvata biss jekk prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih din is-sustanza ma jkollux effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent, b’mod partikolari fuq speċijiet mhux fil-mira, li jinkludu l-għasafar.

(6)

Skont il-punt 3.6.4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sustanza attiva għandha tiġi approvata biss jekk mhijiex jew ma għandhiex tiġi kklassifikata f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 bħala tossika għar-riproduzzjoni kategorija 1B, sakemm l-esponiment tal-bnedmin għal dik is-sustanza fi prodott għall-protezzjoni tal-pjanti fil-kundizzjonijiet tal-użu realistiċi proposti ma jkunx negliġibbli.

(7)

F’konformità mal-Artikolu 21(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri, lill-Awtorità u lill-applikant li hija tqis li l-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4(3), il-punt (e)(ii), ta’ dak ir-Regolament u fil-punt 3.6.4 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament jistgħu ma jibqgħux issodisfati minħabba li ġie identifikat riskju għoli fit-tul għall-għasafar u li l-ipkonażol huwa kklassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni kategorija 1B. Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu.

(8)

L-applikant ipprovda kummenti u informazzjoni addizzjonali li ġew ikkunsidrati u vvalutati mill-Istat Membru relatur il-ġdid, il-Belġju.

(9)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità tikkunsidra l-informazzjoni pprovduta mill-applikant, filwaqt li tqis il-valutazzjoni mill-Istat Membru relatur il-ġdid, u speċifikament tqis ir-riskji għall-għasafar mill-użi rappreżentattivi tal-ipkonażol u jekk ir-rekwiżiti dwar l-esponiment negliġibbli għall-bnedmin (esponiment djetetiku u mhux djetetiku) stabbiliti fil-punt 3.6.4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jistgħux jitqiesu ssodisfati.

(10)

Fl-1 ta’ Frar 2022, l-Awtorità kkomunikat lill-Kummissjoni d-dikjarazzjoni tagħha (9) li fiha indikat li għalkemm ir-residwi tal-ipkonażol fl-ikel huma taħt il-valur prestabbilit ta’ 0,01 mg/kg u għalhekk l-esponiment djetetiku għall-ipkonażol huwa mistenni li jkun negliġibbli, hemm inċertezzi dwar l-esponiment għall-operaturi u għall-ħaddiema minħabba l-limitazzjonijiet fl-istudji sottomessi. B’mod partikolari, għall-operaturi, il-kejl tal-esponiment matul it-tindif tat-tagħmir ma ġiex inkluż fl-istudju u l-esponiment matul l-ippakkjar ġie minimizzat minħabba proċess awtomatizzat ħafna, u għalhekk ġiet limitata r-rappreżentattività tal-istudju meta jitqiesu l-prattiki tat-trattament taż-żrieragħ użati b’mod komuni fl-Unjoni. Għalhekk, l-istudju kien ta’ użu limitat. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ħaddiema, l-istudju pprovdut kien ta’ valur limitat peress li kien jinkludi biss data għal żewġ ħaddiema. Addizzjonalment, għal wieħed minn dawk il-ħaddiema, l-esponiment ma setax jitqies negliġibbli, anki jekk jitqies l-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali.

(11)

Barra minn hekk, l-Awtorità kkonkludiet li hemm riskju għoli fit-tul għall-għasafar mill-użi rappreżentattivi tal-ipkonażol anki wara li jitqies l-irfinar xieraq kollu fil-valutazzjoni tar-riskji.

(12)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar id-dikjarazzjoni tal-Awtorità u dwar il-proposta tagħha li tirtira l-approvazzjoni tal-ipkonażol minħabba t-tħassib identifikat mill-Awtorità. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, li ġew eżaminati bir-reqqa.

(13)

Il-Kummissjoni tqis li l-ipkonażol ma għadux jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4(3), il-punt (e)(ii), tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u fil-punt 3.6.4 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(14)

Għalhekk jixraq li tiġi rtirata l-approvazzjoni tal-ipkonażol.

(15)

Għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 571/2014 jenħtieġ li jitħassar.

(16)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien biex jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ipkonażol.

(17)

Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ipkonażol, meta jingħata xi perjodu ta’ grazzja mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li dak il-perjodu jkun qasir kemm jista’ jkun u jiskadi mhux aktar tard minn 9 xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(18)

Dan ir-Regolament ma jipprevjenix is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni ġdida għall-approvazzjoni tal-ipkonażol skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(19)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Irtirar tal-approvazzjoni

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva ipkonażol hija rtirata.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

Fil-Parti B tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, titħassar ir-ringiela 73 dwar l-ipkonażol.

Artikolu 3

Miżuri tranżizzjonali

L-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ipkonażol bħala sustanza attiva sal-31 ta’ Awwissu 2023.

Artikolu 4

Perjodu ta’ grazzja

Kwalunkwe perjodu ta’ grazzja mogħti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandu jiskadi sad-29 ta’ Frar 2024.

Artikolu 5

Tħassir

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 571/2014 jitħassar.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 571/2014 tas- 26 ta’ Mejju 2014 li japprova s-sustanza attiva ipkonażol, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU L 157, 27.5.2014, p. 96).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(4)  Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, il-Belġju nħatar bħala l-Istat Membru relatur għall-ipkonażol bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/155 tal-31 ta’ Jannar 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 686/2012 li jalloka lill-Istati Membri, għall-finijiet tal-proċedura ta’ tiġdid, l-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi (ĠU L 29, 1.2.2018, p. 8).

(5)  EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2017. Technical report on the outcome of the consultation with Member States, the applicant and EFSA on the pesticide risk assessment for ipconazole in light of confirmatory data. Pubblikazzjoni ta’ sostenn tal-EFSA 2017: EN-1260.; doi:10.2903/sp.efsa.2017.EN-1260.

(6)  Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskji, Opinion proposing harmonised classification and labelling at EU level of ipconazole (ISO); (1RS,2SR,5RS;1RS,2SR,5SR)-2-(4-chlorobenzyl)-5-isopropyl-1-(1H-1,2,4-triazol-1-ylmethyl)cyclopentanol [CAS No. 125225-28-7 (all stereoisomers); CAS No. 115850-69-6 (cis-cis racemate); CAS No. 115937-89-8 (cis-trans racemate)] EC Number: - CAS Number: - CLH-O-0000001412-86-198/F.

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1182 tad-19 ta’ Mejju 2020 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, il-Parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u tat-taħlitiet (ĠU L 261, 11.8.2020, p. 2).

(9)  Il-Bord tal-EFSA (l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2022. Statement concerning the review of the approval of the active substance ipconazole. EFSA Journal 2022;20(8):7133, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7133.