28.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 113/5 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/866
tal-24 ta’ Frar 2023
li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jimplimenta l-impenji tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (2) (“il-Konvenzjoni”) u skont il-Protokoll għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfini u fit-Tul tal-Arja fuq Pollutanti Organiċi Persistenti (3). |
(2) |
L-Anness A tal-Konvenzjoni fih lista ta’ sustanzi kimiċi li kull Parti għall-Konvenzjoni hija meħtieġa li tipprojbixxi jew li tieħu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa għall-eliminazzjoni tal-produzzjoni, tal-użu, tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni tagħhom, filwaqt li tqis l-eżenzjonijiet speċifiċi applikabbli stabbiliti f’dak l-Anness. |
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/784 (4) emenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 biex jinkludi l-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA. |
(4) |
L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 fih limitu ta’ kontaminant fi traċċi mhux intenzjonat (UTC) għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu fil-mikrotrabijiet tal-politetrafluworoetilen (PTFE) ta’ 1 mg/kg, li għandu jiġi rieżaminat sal-5 ta’ Lulju 2022. |
(5) |
Il-Kumitat għall-Istima tar-Riskju u l-Kumitat għall-Analiżi Soċjoekonomika tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) adottaw opinjoni (5) (“l-opinjoni tal-ECHA”), li kienet tinkludi l-valutazzjoni ta’ żewġ limiti ta’ UTC stabbiliti għall-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA. |
(6) |
L-opinjoni tal-ECHA kkonkludiet li ġew żviluppati proċessi biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA għal livell taħt il-limitu ġeneriku tal-UTC ta’ 0,025 mg/kg stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1021. Dawk il-proċessi ġew implimentati b’suċċess mill-biċċa l-kbira tal-manifatturi tal-mikrotrabijiet tal-politetrafluworoetilen (PTFE). Il-bqija tal-manifatturi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-limitu ta’ 0,025 mg/kg sal-5 ta’ Lulju 2022. Għalhekk, il-limitu speċifiku attwali tal-UTC għall-PFOA u l-imlieħ tiegħu fil-mikrotrabijiet tal-PTFE ta’ 1 mg/kg m’għadux meħtieġ u jenħtieġ li jiskadi fid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(7) |
Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jirreferi għall-Artikolu 3(12) u (24) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) biex jiddefinixxi “tqegħid fis-suq” u “użu”. It-trattament tal-mikrotrabijiet tal-PTFE jikkwalifika bħala “użu” u t-trasferiment lil entità ġuridika differenti għat-trattament jikkwalifika bħala “tqegħid fis-suq”. |
(8) |
F’mill-inqas każ wieħed hemm bżonn li l-mikrotrabijiet tal-PTFE jiġu ttrasportati lejn faċilità differenti għat-trattament sabiex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA u l-imlieħ tiegħu biex jikkonformaw mal-limitu tal-UTC ta’ 0,025 mg/kg. Għalhekk, il-limitu speċifiku kurrenti tal-UTC ta’ 1 mg/kg jenħtieġ li jinżamm biex ikopri l-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-PFOA u l-imlieħ tiegħu fil-mikrotrabijiet tal-PTFE biss għall-finijiet tat-trasport u t-trattament tal-mikrotrabijiet tal-PTFE biex titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-PFOA. |
(9) |
Il-komposti relatati mal-PFOA huma preżenti bħala impurità f’sustanzi intermedji iżolati ttrasportati użati fil-manifattura ta’ fluworosustanzi kimiċi b’tul tal-katina tal-perfluworokarbur daqs jew iqsar minn sitt atomi. Sabiex jippermetti l-manifattura u l-użu ta’ sustanzi intermedji iżolati trasportati bħal dawn, ir-Regolament (UE) 2019/1021 jistabbilixxi limitu tal-UTC ta’ 20 mg/kg, li għandu jiġi rieżaminat mhux aktar tard mill-5 ta’ Lulju 2022. |
(10) |
L-opinjoni tal-ECHA kkonkludiet li l-livell attwali tal-UTC huwa l-aktar baxx li jista’ jiġi osservat, filwaqt li jitqiesu s-soluzzjonijiet teknoloġiċi disponibbli. Għalhekk, ir-rieżami tal-limitu tal-UTC jenħtieġ li jiġi pospost. |
(11) |
Is-C9-C14 PFCAs huma preżenti wkoll bħala impuritajiet f’sustanzi intermedji iżolati ttrasportati użati fil-manifattura ta’ fluworosustanzi kimiċi b’tul tal-katina tal-perfluworokarbur daqs jew iqsar minn sitt atomi (“alternattivi ta’ C6”). Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1297 (7) jipprevedi restrizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 li tistabbilixxi limitu fuq il-konċentrazzjoni tagħhom, li għandha tiġi rieżaminata mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2023. It-twaqqit tar-rieżami tal-UTC għall-komposti relatati mal-PFOA f’sustanzi intermedji użati għall-produzzjoni ta’ alternattivi ta’ C6 skont ir-Regolament (UE) 2019/1021 jenħtieġ li jiġi modifikat biex jiġi allinjat mar-rieżami previst fir-restrizzjoni għas-C9-C14 PFCAs skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
(12) |
L-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 jinkludi eżenzjoni għall-użu tal-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA fil-manifattura tal-PTFE u tal-fluworur tal-poliviniliden (PVDF) għall-produzzjoni ta’ diversi prodotti. |
(13) |
Matul il-konsultazzjoni pubblika għat-tħejjija tal-opinjoni tal-ECHA, il-produtturi tal-fluworopolimeri kkummentaw li l-PFOA, l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA ma għadhomx jintużaw għall-manifattura tal-PTFE u tal-PVDF fl-Unjoni. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, dik l-eżenzjoni speċifika ma għadhiex meħtieġa u għalhekk jenħtieġ li titħassar. |
(14) |
L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita biex il-partijiet ikkonċernati jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-rekwiżiti l-ġodda. |
(15) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1021 jiġi emendat bix-xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I għar-Regolament (UE) 2019/1021 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-18 ta’ Awwissu 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45.
(2) ĠU L 209, 31.7.2006, p. 3.
(3) ĠU L 81, 19.3.2004, p. 37.
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/784 tat-8 ta’ April 2020 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-elenkar tal-aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA (ĠU L 188 I, 15.6.2020, p. 1).
(5) https://echa.europa.eu/documents/10162/13579/art77_3c_pfoa_pfca_derogations_compiled_rac_seac_opinions_en.pdf/6582d9a1-56b2-3e88-a70f-cdf3ab33d421
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1297 tal-4 ta’ Awwissu 2021 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aċidi perfluworokarbossiliċi li fihom minn 9 sa 14-il atomu tal-karbonju fil-katina (C9-C14 PFCAs), l-imlieħ tagħhom u s-sustanzi relatati mas-C9-C14 PFCAs (ĠU L 282, 5.8.2021, p. 29).
ANNESS
Fir-Regolament (UE) 2019/1021, il-Parti A tal-Anness I, fit-tabella, fl-entrata “Aċidu perfluworoottanojku (PFOA), l-imlieħ tiegħu u l-komposti relatati mal-PFOA”, ir-raba’ kolonna hija emendata kif ġej:
(1) |
fil-punt 3, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej: “Din l-eżenzjoni għandha tiġi rieżaminata u vvalutata mill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-25 ta’ Awwissu 2023.”; |
(2) |
il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
(3) |
fil-punt 5, is-subpunt (e) jitħassar. |