28.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 113/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/865

tat-23 ta’ Frar 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/907 fir-rigward taċ-ċertifikati ta’ kompetenza u tal-kwalifiki professjonali f’ċerti Stati Membri

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49b(4) tagħha,

Billi:

(1)

Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala għodda elettronika pprovduta mill-Kummissjoni biex tiffaċilita l-kooperazzjoni amministrattiva fost l-atturi tal-IMI.

(2)

Fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, l-Artikolu 56 tad-Direttiva 2005/36/KE jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u tal-Istat Membru domiċiljari jużaw l-IMI għall-finijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

(3)

L-IMI ġiet żviluppata aktar biex tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali joħorġu ċertifikati ta’ kompetenza għall-istrutturi tal-iski introdotti mill-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/907 (3). Għaldaqstant, ir-rekwiżit skont l-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-Regolament Delegat li ċ-ċertifikat ta’ kompetenza jkun akkumpanjat minn stiker li għandha titwaħħal fuq il-kard nazzjonali tal-istruttur tal-iski, ma għadux validu. Għalhekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/907 jenħtieġ li jiġi emendat biex jirrikjedi l-użu tal-IMI għall-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ kompetenza għall-istrutturi tal-iski u biex titħassar ir-referenza għall-istiker.

(4)

Minħabba l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (4), mill-1 ta’ Jannar 2021 ma tista’ tinħareġ l-ebda prova ta’ kwalifiki formali fir-Renju Unit, kif definit fl-Artikolu 3(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2005/36/KE. Madankollu, il-prova ta’ kwalifiki formali mogħtija qabel l-1 ta’ Jannar 2021 għadha valida.

(5)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jkollhom kwalifiki maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2021 fir-Renju Unit huma eliġibbli biex jieħdu s-CTT.

(6)

Sabiex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà, jenħtieġ li jkun possibbli għal kwalunkwe entità kompetenti fi Stat Membru u elenkata fl-Anness I li tirreġistra l-informazzjoni fl-IMI. B’mod ġenerali, din jenħtieġ li tkun l-entità kompetenti responsabbli għas-CTT, inkluż fuq talba minn ċittadin tal-Unjoni fil-pussess ta’ kwalifiki maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2021 fir-Renju Unit, iżda tista’ tkun kwalunkwe entità kompetenti oħra, pereżempju fil-każ ta’ drittijiet miksuba, inkluż fuq talba minn ċittadin tal-Unjoni fil-pussess ta’ kwalifiki maħruġa qabel l-1 ta’ Jannar 2021 fir-Renju Unit.

(7)

Il-Finlandja talbet li jitneħħa l-“Istitut tal-Isports Vuokatti” mill-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/907 peress li dik l-entità ma tagħtix lill-Finlandja l-kwalifika tal-Livell 3 elenkata f’dak l-Anness.

(8)

Ir-Reġjuni u l-Provinċji Awtonomi ta’ Trento u Bolzano għandhom il-kompetenza esklużiva biex jagħtu l-kwalifika “Maestro di Sci” u jistgħu jiddelegawha lill-entitajiet Taljani l-oħra elenkati fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/907.

(9)

L-Assoċjazzjoni Litwana tal-Istrutturi tal-Isport fil-Borra twaqqfet fl-2018. Din tagħti l-Kwalifika “Struttur tal-Iski Livell 4”. L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/907 jenħtieġ li jiġi emendat biex jirrifletti din il-kwalifika u b’hekk jiġi żgurat li l-istrutturi tal-iski li jkunu temmew b’suċċess it-taħriġ korrispondenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-Test ta’ Taħriġ Komuni. Min-naħa l-oħra, il-Litwanja talbet li l-Federazzjoni Nazzjonali Russa tal-Istrutturi (National Russian League of Instructors, NRLI) titneħħa minn dak l-Anness.

(10)

Jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/907 jirrifletti l-fatt li l-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Istrutturi tal-Isport fil-Borra (British Association of Snow sport Instructors, BASI), elenkata bħala entità kompetenti għar-Renju Unit ma għadhiex kompetenti biex torganizza s-CTT.

(11)

Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2019/907 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/907 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-istrutturi tal-iski li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li għaddew b’suċċess mis-CTT jew qed igawdu d-drittijiet miksuba skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu jinħarġilhom ċertifikat ta’ kompetenza permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012. Iċ-ċertifikat għandu jieħu l-forma ta’ prova ta’ CTT u għandu jinħareġ minn entità kompetenti fi Stat Membru.”

;

(b)

jitħassar il-paragrafu 3;

(2)

L-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/907 tal-14 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi Test ta’ Taħriġ Komuni għall-istrutturi tal-iski skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (ĠU L 145, 4.6.2019, p. 7).

(4)   ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2019/907, it-tabella hija emendata kif ġej:

(1)

fl-entrata għall-Finlandja, fit-tielet kolonna, jitħassar it-tieni inċiż;

(2)

fl-entrata għall-Italja, fit-tielet kolonna, jiżdied l-inċiż li ġej:

“—

Regioni e le Province autonome di Trento e Bolzano”;

(3)

l-entrata għal-Litwanja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-Litwanja

Istruttur tal-iski Livell 4

L-Assoċjazzjoni Litwana tal-Istrutturi tal-Isport fil-borra (LSIA)”;

(4)

l-entrata għar-Renju Unit hija sostitwita b’dan li ġej:

“Ir-Renju Unit

Livell 4 tal-Alpi — Diploma ta’ Għalliem tal-Iski Internazzjonali*

BASI — L-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Istrutturi tal-Isport fil-Borra**”;

(5)

jiżdiedu n-noti li ġejjin:

“Noti:

*

Inħarġet qabel l-1 ta’ Jannar 2021.

**

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-BASI ma għadhiex kompetenti sabiex torganizza s-CTT.”.