|
24.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 109/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/842
tas-17 ta’ Frar 2023
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali għat-trasport tal-annimali bil-bastimenti tal-bhejjem
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(8), il-punti (a) u (c), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi l-qafas għall-kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħrajn biex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. |
|
(2) |
L-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-kontrolli uffiċjali u għall-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali, inklużi dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (2). |
|
(3) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni wettqet sensiela ta’ awditi dwar is-sistemi ta’ konformità tal-Istati Membri biex tipproteġi l-benessri tal-annimali matul it-trasport lejn pajjiżi terzi jekk parti mill-vjaġġ tinvolvi l-użu ta’ bastimenti tal-bhejjem. Waħda mill-konklużjonijiet ewlenin mill-awditi tal-Kummissjoni hija li l-mod li bih l-Istati Membri jwettqu spezzjonijiet dwar it-tagħbija u l-ħatt tal-annimali f’konformità mal-Artikolu 20 ta’ dak ir-Regolament, ġeneralment mhuwiex biżżejjed biex jimminimizza r-riskju għall-benessri tal-annimali inerenti f’dak it-tip ta’ trasport. |
|
(4) |
L-awditi tal-Kummissjoni sabu dgħufijiet fis-sistemi ta’ konformità tal-Istati Membri fir-rigward tal-pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ ta’ emerġenzi. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet kompetenti fil-post tat-tluq jenħtieġ li jiżguraw li t-trasportatur ikollu pjan ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi u li l-pjan ta’ kontinġenza jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. |
|
(5) |
Skont id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri kollha b’portijiet marittimi għandhom iwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port ta’ bastimenti li jidħlu fil-portijiet tagħhom. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port jistgħu jkunu rilevanti għall-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, bħal nuqqasijiet misjuba relatati mal-impermeabbiltà, mal-ventilazzjoni, mal-kapaċità ta’ żamma f’wiċċ l-ilma jew mat-tagħmir għat-tifi tan-nar. Huwa għalhekk meħtieġ li l-awtorità kompetenti tqis ir-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet meta tispezzjona l-bastimenti tal-bhejjem matul it-tagħbija u l-ħatt. |
|
(6) |
L-ispetturi mill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu spezzjonijiet fuq il-bastimenti tal-bhejjem huma fil-biċċa l-kbira veterinarji uffiċjali. Il-kompetenza veterinarja waħedha mhijiex biżżejjed biex tivverifika l-funzjonament tas-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni tal-bastimenti tal-bhejjem li jista’ jkollhom impatt fuq il-benessri tal-annimali li jkunu qed jiġu ttrasportati. Kif propost fid-dokument (4) tan-Network, it-timijiet li jwettqu spezzjonijiet fuq it-tagħbija ta’ kunsinni ta’ annimali ħajjin, previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jenħtieġ li jkunu jikkonsistu minn veterinarji uffiċjali u esperti marittimi b’għarfien espert xieraq dwar dawk is-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni u esperjenza prattika tal-operat tal-bastimenti tal-bhejjem. |
|
(7) |
Meta l-bhejjem jiġu ppreżentati għat-tagħbija u l-ħatt fuq bastimenti tal-bhejjem f’punti ta’ ħruġ fil-portijiet, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed żmien biex jivvalutaw jekk il-bastimenti tal-bhejjem jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u fl-Artikolu 21(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2017/625. L-organizzatur ta’ vjaġġ jenħtieġ għalhekk jipprovdi lil dawk l-awtoritajiet kompetenti d-dokumentazzjoni rilevanti mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data tal-ispezzjoni jew id-data tal-kontrolli uffiċjali tal-bastiment tal-bhejjem. |
|
(8) |
L-awtoritajiet kompetenti fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet jenħtieġ li jwettqu wkoll spezzjoni fiżika wara li jgħabbu l-annimali fuq il-bastiment tal-bhejjem biex jivverifikaw li d-distribuzzjoni tal-annimali fl-imwieqel tkun konformi mal-kwoti ta’ spazju stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. |
|
(9) |
Sabiex jinżamm rekord viżiv tal-istat tal-bastiment tal-bhejjem u l-bhejjem maħsubin għat-tagħbija, l-ispetturi mill-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jieħdu evidenza permezz ta’ ritratti jew filmati ta’ nuqqas ta’ konformità abbord u kwalunkwe element ieħor li x’aktarx jaffettwa b’mod negattiv it-trattament xieraq tal-annimali. Dawk ir-ritratti jew filmati jenħtieġ li jinżammu mill-awtoritajiet kompetenti għat-tul tal-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-bastiment tal-bhejjem. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali kif imsemmi fl-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2017/625, u b’mod partikolari, għall-ispezzjonijiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005.
2. “spezzjoni ta’ kontroll tal-Istat tal-Port” tfisser spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port skont id-Direttiva 2009/16/KE.
Artikolu 3
Kontrolli dokumentarji fuq pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi
Meta l-annimali jiġu ttrasportati lejn pajjiżi terzi u parti mill-vjaġġ tinvolvi l-użu ta’ bastimenti tal-bhejjem, l-awtoritajiet kompetenti fil-post tat-tluq għandhom jivverifikaw li l-pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/372 (5).
Artikolu 4
Riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll tal-Istat tal-port
Sabiex iwettqu deċiżjonijiet infurmati sew meta jispezzjonaw il-bastimenti tal-bhejjem matul it-tagħbija u l-ħatt għall-finijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu r-riżultati rilevanti disponibbli pubblikament tal-ispezzjonijiet tal-kontroll tal-Istat tal-port.
Artikolu 5
Timijiet ta’ spetturi għall-bastimenti tal-bhejjem
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet mat-tagħbija tal-bastimenti tal-bhejjem, previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, u l-kontrolli uffiċjali fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet, previsti fl-Artikolu 21(2), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2017/625, jitwettqu minn tim ta’ spetturi.
2. Tim ta’ spetturi għandu jinkludi mill-inqas:
|
(a) |
veterinarju uffiċjali; kif ukoll |
|
(b) |
espert marittimu awtorizzat mill-awtoritajiet marittimi tal-Istat Membru. |
3. L-espert marittimu msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b) għandu jissodisfa, bħala minimu, wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:
|
(a) |
kwalifiki xierqa minn istituzzjoni marittima jew nawtika rikonoxxuta mill-Istati Membri u esperjenza rilevanti ta’ tbaħħir bħala uffiċjal ta’ bastiment iċċertifikat li għandu ċertifikat validu ta’ kompetenza STCW II/2 jew III/2 previst fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandard ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) u li mhuwiex limitat fir-rigward taż-żona operattiva, il-qawwa tal-propulsjoni jew it-tunnellaġġ; |
|
(b) |
wettaq eżami bħala perit navali, inġinier mekkaniku jew inġinier relatat mal-qasam marittimu, li huwa rikonoxxut mill-awtoritajiet marittimi responsabbli, u ħadem f’dik il-kapaċità għal mill-inqas ħames snin; jew |
|
(c) |
lawrja universitarja rilevanti jew lawrja ekwivalenti minn istituzzjoni terzjarja, fi ħdan qasam rilevanti tal-inġinerija jew tax-xjenza, rikonoxxuta mill-Istat Membru. |
Artikolu 6
Spezzjonijiet ta’ bastimenti tal-bhejjem mat-tagħbija u l-ħatt f’punti ta’ ħruġ fil-portijiet tal-baħar
1. Meta l-bhejjem jiġu ppreżentati għat-tagħbija u l-ħatt fuq bastimenti tal-bhejjem fil-punti ta’ ħruġ, l-organizzatur għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti fil-punti ta’ ħruġ id-dokumenti li ġejjin mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data ta’ spezzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem previsti fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jew id-data tal-kontrolli uffiċjali previsti fl-Artikolu 21(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2017/625:
|
(a) |
kopja tal-awtorizzazzjoni tat-trasportatur għall-parti tal-vjaġġ bil-baħar kif previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005; |
|
(b) |
għal vjaġġi twal, kopja tal-awtorizzazzjoni tat-trasportatur u l-pjanijiet ta’ kontinġenza għall-parti tal-vjaġġ bil-baħar fil-każ ta’ emerġenzi previsti fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. |
2. L-awtoritajiet kompetenti fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet marittimi għandhom:
|
(a) |
jivverifikaw li l-pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi previsti fl-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/372; kif ukoll |
|
(b) |
jivverifikaw, permezz ta’ spezzjoni fiżika, li d-distribuzzjoni tal-annimali fl-imwieqel tissodisfa r-rekwiżiti għall-kwoti ta’ spazju stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. |
Artikolu 7
Evidenza viżiva tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli uffiċjali
1. Meta jwettqu spezzjonijiet u kontrolli uffiċjali skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-port marittimu fejn l-annimali jinħattu u jitgħabbew f’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, għandhom jieħdu ritratti jew filmati ta’ dawn li ġejjin:
|
(a) |
kwalunkwe element jew tagħmir tal-kostruzzjoni stabbilit fil-Kapitolu IV, it-Taqsima 1, tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 li ma jkunx konformi ma’ dik it-Taqsima, and |
|
(b) |
kwalunkwe element ieħor li jippreżenta nuqqasijiet, li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti, jew li x’aktarx jaffettwa b’mod negattiv it-trattament xieraq tal-annimali. |
2. Ir-ritratti jew il-filmati meħuda matul l-ispezzjonijiet u l-kontrolli uffiċjali previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mehmuża mal-fajls ta’ spezzjoni u jinżammu mill-awtoritajiet kompetenti għat-tul tal-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni tal-bastiment tal-bhejjem.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).
(3) Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).
(4) Network Document on Livestock Vessels, disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/ui/group/f41c4e1d-22a1-4e7b-aa31-cd16f126037d/library/d1bdd5a7-2e73-4f9a-97e2-c0975fc713a1/details.
(5) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/372 tas-17 ta’ Frar 2023 li jistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ reġistrazzjonijiet miktuba ta’ kontrolli uffiċjali mwettqa fuq bastimenti tal-bhejjem, fuq pjanijiet ta’ kontinġenza għall-bastimenti tal-bhejjem f’każijiet ta’ emerġenza, fuq l-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem u fuq rekwiżiti minimi applikabbli għal punti ta’ ħruġ (ĠU L 51, 20.2.2023, p. 32).