21.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 107/29


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/840

tal-25 ta’ Novembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġija għall-kalkolu u ż-żamma tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati li għandhom jintużaw f’konformità mal-Artikolu 9(14) ta’ dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(15), ir-raba’ subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

L-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati li għandhom jintużaw mis-CCPs f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà jenħtieġ li jiġi ddeterminat filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi individwali ta’ kull CCP.

(2)

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati li għandhom jintużaw minn CCP wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza jenħtieġ li għalhekk tippermetti li ssir distinzjoni bejn CCPs bi profil tar-riskju kumpless li għalih l-ammont ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali jenħtieġ li jkun ogħla, u CCPs bi profili tar-riskju inqas kumplessi jew b’ġestjoni aktar konservattiva tar-riskji li għalihom l-ammont ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali jenħtieġ li jkun aktar baxx.

(3)

Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati li għandhom jintużaw minn kontroparti ċentrali wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza jenħtieġ li jkun fiha parametri ċari u oġġettivi biżżejjed biex jiġu evitati diffikultajiet fil-valutazzjoni u jenħtieġ li tippermetti applikazzjoni konsistenti fost is-CCPs. Jenħtieġ li dawk il-parametri jagħmluha possibbli wkoll li jiġi adattat l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati għall-istruttura u l-organizzazzjoni interna tas-CCP, in-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, u l-istruttura tal-inċentivi tal-azzjonisti, tal-membri maniġerjali u tal-ikklerjar tagħha, u tal-klijenti ta’ dawk il-membri tal-ikklerjar. Kull parametru jenħtieġ li jiġi assenjat valur espress f’punti perċentwali. Is-somma tal-parametri kollha jenħtieġ li trendi l-livell perċentwali tal-kapital ibbażat fuq ir-riskju tas-CCP użat bħala l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati li għandhom jintużaw minn kontropartijiet ċentrali wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza.

(4)

Sabiex jitqiesu l-istruttura u l-organizzazzjoni interna tas-CCP u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, is-CCP jenħtieġ li tivvaluta n-natura u l-kumplessità tal-klassijiet tal-assi kklerjati, l-għadd u l-kumplessità tal-interdipendenzi tagħha ma’ infrastrutturi u istituzzjonijiet finanzjarji oħra tas-suq finanzjarju, l-effiċjenza tal-organizzazzjoni interna tagħha, ir-robustezza tal-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tagħha, u l-għadd ta’ azzjonijiet materjali pendenti ta’ rimedju wara s-sejbiet mill-awtorità kompetenti tas-CCP.

(5)

Sabiex titqies l-istruttura tal-inċentivi tal-azzjonisti, tal-maniġment u tal-membri tal-ikklerjar tas-CCPs u tal-klijenti tal-membri tal-ikklerjar, jenħtieġ li CCP tivvaluta r-riskji marbuta mas-sjieda diretta jew indiretta u mal-istruttura kapitali tagħha, l-inċentivi finanzjarji inkorporati fir-remunerazzjoni tal-maniġment superjuri tas-CCP, kif ukoll il-grad ta’ involviment tal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti fil-governanza tar-riskju tas-CCP.

(6)

Jenħtieġ li s-CCPs jirrieżaminaw regolarment l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati sabiex jiżguraw li dak l-ammont jibqa’ f’livell adegwat, inkluż wara bidla materjali fir-rekwiżiti kapitali bbażati fuq ir-riskju ta’ CCP ikkalkulata f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(7)

Sabiex jiġu evitati piżijiet bla bżonn, CCP ma għandhiex tkun meħtieġa twettaq il-kalkolu bbażat fuq parametri speċifiċi tal-metodoloġija meta tiddeċiedi li tapplika volontarjament l-ammont massimu ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali ta’ 25 %.

(8)

Huwa importanti li f’xenarju ta’ inadempjenza l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati jiġi allokat b’mod ekwu. Is-CCPs li stabbilixxew aktar minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji li jikklerjaw għandhom għalhekk jallokaw l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati għal kull fond tal-inadempjenza fi proporzjon mad-daqs tiegħu. F’xenarju mhux ta’ inadempjenza, l-ammont sħiħ ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali jenħtieġ li jkun disponibbli biex ikopri t-telf.

(9)

L-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati li għandhom jintużaw minn kontropartijiet ċentrali wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza jenħtieġ li jirrifletti l-importanza relattiva ta’ parametri differenti li jirriflettu l-organizzazzjoni interna tas-CCP, in-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, u l-istruttura tal-inċentivi tal-partijiet ikkonċernati tagħha fit-tisħiħ tal-inċentivi għall-ġestjoni xierqa tar-riskju. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għall-perċentwali minimi u massimi li għandhom jiġu applikati għad-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati, il-kalkolu tal-perċentwal li għandu jiġi applikat għad-determinazzjoni tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati jenħtieġ li jkun somma kumulattiva tal-punti perċentwali kollha assenjati għal kull parametru. Il-perċentwal li għandu jiġi applikat għal kull parametru għandu jkun is-somma tal-indikaturi kwantitattivi rilevanti. Jenħtieġ li tiġi assenjata firxa wiesgħa għall-indikaturi kwantitattivi lill-parametri l-aktar sinifikanti fil-valutazzjoni tar-riskji u l-kumplessità ta’ CCP, filwaqt li jenħtieġ li tiġi assenjata firxa iżgħar għal parametri li jirreferu għal aspett speċifiku tar-riskju tas-CCP.

(10)

Il-metodoloġija għaż-żamma ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali jenħtieġ li tippermetti lis-CCPs jimmitigaw l-impatt tar-rekwiżit għal tali riżorsi addizzjonali billi tippermettilhom jinvestu dawk ir-riżorsi addizzjonali f’assi għajr dawk ikkunsidrati fil-politika ta’ investiment tas-CCPs imsemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dment li dawk is-CCPs jimplimentaw il-proċeduri xierqa għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ rkupru biex jimmitigaw ir-riskju li tali assi ma jkunux disponibbli mill-ewwel.

(11)

Huwa meħtieġ li jittaffa l-impatt tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali fuq is-CCPs. Għalhekk, il-possibbiltajiet ta’ investiment tas-CCPs għaż-żamma ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali jenħtieġ li jkunu parzjalment allinjati mal-lista ta’ assi eliġibbli bħala kollateral aċċettat mis-CCPs mill-membri tal-ikklerjar. Dak l-approċċ xorta waħda jiggarantixxi li s-CCPs ikollhom il-qafas u l-proċeduri xierqa biex jimmaniġġjaw ir-riskji assoċjati ma’ dawk l-assi u l-likwidazzjoni tagħhom fi żminijiet ta’ stress. Madankollu, xi assi li huma eliġibbli bħala kollateral jenħtieġ li jibqgħu esklużi mil-lista ta’ investimenti eliġibbli peress li ma jistgħux jitqiesu bħala likwidi biżżejjed, jew jesponu r-riżorsi proprji tas-CCP għal riskju eċċessiv ta’ kreditu u tas-suq, u għalhekk ma jistgħux jitqiesu xierqa għall-investiment ta’ CCP.

(12)

Meta l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati investiti f’assi għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jkunx disponibbli mill-ewwel, is-CCPs jenħtieġ li, wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza, jinformaw lill-awtorità kompetenti tagħhom u lill-membri tal-ikklerjar tagħhom b’dan. F’każ bħal dan, is-CCPs jenħtieġ li jkunu intitolati li jkopru l-ammont addizzjonali mhux disponibbli ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati billi jitolbu kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti tagħhom. Tali kontribuzzjonijiet jenħtieġ li jiġu allokati b’mod ekwu u proporzjonat.

(13)

Jenħtieġ li s-CCPs jirrimborżaw lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja li dawk il-membri tal-ikklerjar ipprovdew biex ikopru l-ammont addizzjonali mhux disponibbli ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati. Sabiex tiġi limitata l-iskopertura tal-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti tas-CCPs, u sabiex jiġi żgurat li jkunu kapaċi jifilħu għal kwalunkwe kontribuzzjoni futura fi flus, tali rimborż jenħtieġ li jiġi pprovdut fi żmien raġonevoli, fi flus u fl-istess munita li fiha tkun ġiet ipprovduta l-kontribuzzjoni finanzjarja. Jenħtieġ li r-rimborż jitħallas biss wara li s-CCPs ikunu kkonformaw mal-obbligi ta’ pagament l-oħra tagħhom. Meta r-rimborż ma jsirx f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, jenħtieġ li s-CCPs, bħala inċentiv biex jirkupraw l-ammonti dovuti, jintalbu jħallsu imgħax annwali fuq dawk l-ammonti.

(14)

Sabiex tippreserva l-kompetittività internazzjonali tas-CCPs tal-Unjoni, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, ESMA), meta żviluppat l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, analizzat ir-regoli applikabbli għal CCPs ta’ pajjiżi terzi u l-prattiki tagħhom, flimkien mal-iżviluppi internazzjonali fl-irkupru u r-riżoluzzjoni tas-CCPs. Abbażi ta’ dawk l-analiżijiet, l-ESMA kkonkludiet li l-metodoloġija proposta għall-kalkolu ta’ ammonti addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati għas-CCPs tal-Unjoni jenħtieġ li ma taffettwax b’mod negattiv il-kompetittività tas-CCPs tal-Unjoni attivi internazzjonalment.

(15)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-ESMA.

(16)

L-ESMA żviluppat l-abbozz ta’ standards tekniċi f’kooperazzjoni mal-Awtorità Bankarja Ewropea u wara li kkonsultat is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali. F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar dan l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kalkolu u allokazzjoni tal-ammont addizzjonali tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati tas-CCP

1.   Is-CCPs għandhom jikkalkulaw l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati msemmija fl-Artikolu 9(14) tar-Regolament (UE) 2021/23 billi jimmultiplikaw ir-rekwiżiti kapitali bbażati fuq ir-riskju kkalkulati f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 (4) bil-perċentwal tal-livell “P” tal-ammont addizzjonali tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati tas-CCPs iddeterminati f’konformità mal-Artikolu 2.

2.   Is-CCPs għandhom jirrieżaminaw id-determinazzjoni tal-livell perċentwali u l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati kkalkulati f’konformità mal-paragrafu 1 wara kull bidla materjali fir-rekwiżiti kapitali bbażati fuq ir-riskju tagħhom ikkalkulati f’konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u mill-inqas darba fis-sena.

3.   Is-CCPs li jiddeċiedu li volontarjament japplikaw il-perċentwal massimu ta’ 25 % biex jikkalkulaw l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati msemmija fl-Artikolu 9(14) tar-Regolament (UE) 2021/23 ma għandhomx ikunu meħtieġa jiddeterminaw il-livell perċentwali msemmi fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Is-CCPs li jkunu stabbilixxew aktar minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji li jikklerjaw, għandhom jallokaw l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati kkalkulati f’konformità mal-paragrafu 1 għal kull wieħed mill-fondi tal-inadempjenza fi proporzjon mad-daqs ta’ kull fond tal-inadempjenza. Is-CCPs għandhom jindikaw l-allokazzjoni separatament fil-karti tal-bilanċ tagħhom. Is-CCPs għandhom jużaw l-ammonti addizzjonali allokati għal fond tal-inadempjenza għal inadempjenzi li jirriżultaw fis-segmenti tas-suq li għalihom jirreferi l-fond tal-inadempjenza. Fil-każ ta’ event mhux ta’ inadempjenza, is-CCPs għandhom jallokaw l-ammont sħiħ tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati kkalkulati f’konformità mal-paragrafu 1 kontra t-telf imġarrab bħala riżultat tal-event mhux ta’ inadempjenza.

Artikolu 2

Determinazzjoni tal-livell perċentwali tal-ammont addizzjonali tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati tas-CCP

Is-CCPs għandhom jikkalkulaw il-livell perċentwali tal-ammont addizzjonali tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati tas-CCP imsemmija fl-Artikolu 1(1) f’konformità mal-formuli stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Żamma tal-ammont addizzjonali tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati tas-CCPs

1.   Is-CCPs għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtorità kompetenti tagħhom bil-miktub meta l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati jaqa’ taħt l-ammont addizzjonali meħtieġ ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 1(1), u fil-każ ta’ kwalunkwe tnaqqis sussegwenti ta’ dak l-ammont addizzjonali. Dik in-notifika bil-miktub għandha tistabbilixxi fid-dettall l-ammont addizzjonali li jifdal ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati u tinforma lill-awtorità kompetenti dwar jekk huwiex mistenni xi tnaqqis ulterjuri għal dak l-ammont fil-ħamest ijiem ta’ negozju wara dik in-notifika. In-notifika bil-miktub għandha tistabbilixxi wkoll għaliex l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati waqa’ taħt l-ammont addizzjonali meħtieġ u jkun fiha deskrizzjoni komprensiva tal-miżuri u l-iskeda ta’ żmien għar-rikostituzzjoni ta’ dak l-ammont.

2.   Is-CCPs għandhom jużaw biss l-ammont residwu tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati għall-finijiet tal-Artikolu 9(14) tar-Regolament (UE) 2021/23 meta inadempjenza sussegwenti ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew aktar jew event mhux ta’ inadempjenza jseħħ qabel ma s-CCP ikkonċernata tkun irriforniet l-ammont addizzjonali sħiħ tar-riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati tagħha kif ikkalkulat f’konformità mal-Artikolu 1(1).

3.   Is-CCPs għandhom jirrikostitwixxu l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati sa mhux aktar tard minn 20 jum ta’ xogħol mill-ewwel notifika bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1.

4.   Meta l-livell perċentwali ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 2 ikun ogħla minn 10 %, is-CCPs jistgħu jinvestu l-ammont żejjed mitlub ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati addizzjonali fid-deheb u fi strumenti finanzjarji meqjusa bħala kollateral likwidu ħafna f’konformità mal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dment li:

(a)

tali assi huma inklużi fil-politika kollaterali tas-CCPs;

(b)

tali assi mhumiex garanziji bankarji, derivattivi jew ekwitajiet;

(c)

is-CCPs ikkonċernati jkollhom fis-seħħ il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Proċedura għall-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ rkupru fejn l-ammont addizzjonali ma jkunx disponibbli mill-ewwel

1.   Is-CCPs għandhom jinformaw mill-ewwel lill-awtorità kompetenti tagħhom u lill-membri tal-ikklerjar tagħhom dwar il-fatt li, wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza, l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 1 ma jkunx disponibbli mill-ewwel. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-awtorità kompetenti tagħhom u lill-membri tal-ikklerjar tagħhom b’deskrizzjoni dettaljata tal-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati mhux disponibbli, u r-raġuni għal dik l-indisponibbiltà.

2.   Meta, wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza, is-CCPs jiġbru riżorsi finanzjarji minn membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti, l-ammont għandu jkun ugwali għall-ammont addizzjonali mhux disponibbli ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati u s-CCPs ikkonċernati għandhom iqassmu dak l-ammont fost il-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza tagħhom.

Artikolu 5

Proċedura għall-kumpens ta’ membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti li pprovdew kontribuzzjoni finanzjarja meta l-ammont addizzjonali ma jkunx disponibbli mill-ewwel

1.   Is-CCPs għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jirrimborżaw lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti li jkunu kkontribwew finanzjarjament lis-CCP f’konformità mal-Artikolu 4(2). Huma għandhom jagħmlu dan billi jimmonetizzaw l-assi użati biex jiġi investit l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 1(1) sa mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara n-notifika tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-fondi msemmija fl-Artikolu 4(1).

2.   Soġġett għall-paragrafu 4, is-CCPs għandhom jirrimborżaw lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u jkomplu sakemm l-ammonti kollha jkunu ġew irkuprati.

3.   Ir-rimborż tal-ammonti kollha dovuti lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti għandu jsir fi flus kontanti, fl-istess munita li fiha l-membru tal-ikklerjar mhux inadempjenti kkontribwixxa finanzjarjament lis-CCP.

4.   Is-CCPs għandhom iħallsu lill-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti l-ammonti dovuti tagħhom wara li jkun seħħ dan kollu li ġej:

(a)

il-kostijiet operazzjonali jkunu ġew imħallsa;

(b)

kwalunkwe obbligu ta’ dejn dovut u pagabbli jkun tħallas;

(c)

kwalunkwe kumpens li għandu jitħallas fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/450 (5) ikun tħallas.

5.   Is-CCPs għandhom iħallsu imgħax annwali fuq l-ammonti dovuti meta r-rimborż sħiħ jieħu aktar minn 120 jum ta’ xogħol mid-data tal-miżura ta’ rkupru inizjali li kienet teħtieġ il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti. Ir-rata tal-imgħax għandha tiġi stabbilita bir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 99 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti kapitali għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 37).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/450 tal-25 ta’ Novembru 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ordni li fih is-CCPs għandhom iħallsu l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, l-għadd massimu ta’ snin li matulhom dawn is-CCPs għandhom jużaw sehem mill-profitti annwali tagħhom għal tali pagamenti lill-pussessuri ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tagħhom u s-sehem massimu ta’ dawn il-profitti li għandu jintuża għal dawn il-pagamenti (ĠU L 67, 3.3.2023.p. 5).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.


ANNESS

1.   Struzzjonijiet ġenerali

Il-livell perċentwali tal-ammont addizzjonali tar-riżorsi proprji dedikati prefinanzjati tas-CCP imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandu jiġi kkalkulat mis-CCP f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula
)

fejn:

‘A’ = il-parametri A1 sa A5 li s-CCP għandha tikkalkula f’konformità mal-Artikoli 2 sa 6 ta’ dan l-Anness;

‘B’ = il-parametri B1 sa B3 li s-CCP għandha tikkalkula f’konformità mal-Artikoli 7 sa 9 ta’ dan l-Anness.

Il-parametri A 1 sa A 5 li jirriflettu l-istruttura, l-organizzazzjoni interna kif ukoll in-natura tal-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet ta’ CCP, u l-parametri B 1 sa B 3 li jirriflettu l-istruttura tal-inċentivi tal-azzjonisti tas-CCP, tal-membri tal-maniġment u tal-ikklerjar, inklużi l-klijenti ta’ dawk il-membri tal-ikklerjar.

Il-livell perċentwali finali (P) għandu jitqarreb għall-eqreb numru sħiħ.

2.   In-natura u l-kumplessità tal-klassijiet ta’ assi kklerjati

Il-parametru A 1jirreferi għan-natura u l-kumplessità tal-klassijiet tal-assi kklerjati. Il-parametru A 1 għandu jvarja minn 1 % sa 7 %. Il-parametru A 1 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I assets jirrifletti l-għadd ta’ klassijiet ta’ assi differenti kklerjati mis-CCP. Il-valur ta’ I assets għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula
,

fejn N assets = l-għadd ta’ klassijiet ta’ assi differenti kklerjati mis-CCP;

I FX jirrifletti l-għadd ta’ muniti kklerjati mis-CCP. Il-valur ta’ I FX għandu jkun ta’ 1 % meta s-CCP tikklerja assi mmarkati f’aktar minn munita waħda jew toffri saldu f’aktar minn munita waħda, u 0 % f’każijiet oħra;

I settl jirrifletti l-mod tas-saldu tad-derivattivi. Il-valur ta’ I settl għandu jkun ta’ 1 % meta s-CCP toffri saldu fiżiku ta’ kuntratti tad-derivattivi, u 0 % f’każijiet oħra.

3.   Ir-relazzjonijiet u l-interdipendenzi tas-CCP ma’ infrastrutturi oħra tas-suq finanzjarju u istituzzjonijiet finanzjarji oħra

Il-parametru A 2 jirreferi għar-relazzjonijiet u l-interdipendenzi tas-CCP ma’ infrastrutturi oħra tas-suq finanzjarju u istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Il-parametru A 2 għandu jvarja minn 0 % sa 2 %. Il-parametru A 2 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I FMI jirrifletti l-għadd ta’ interdipendenzi. Il-valur ta’ I FMI għandu jkun ta’ 1 % meta s-CCP ikollha aktar minn ħames interdipendenzi ma’ ċentri tan-negozjar, sistemi ta’ pagament u sistemi tas-saldu, u 0 % f’każijiet oħra;

I CMs jirrifletti l-konċentrazzjoni tas-sħubija tal-ikklerjar tas-CCP. Il-valur ta’ I CMs għandu jkun ta’ 1 % meta l-ewwel ħames membri tal-ikklerjar tas-CCP jirrappreżentaw aktar minn 40 % tar-riżorsi prefinanzjati totali tas-CCP, aggregati fis-servizzi u l-fondi tal-inadempjenza kollha, u 0 % f’każijiet oħra. Is-CCP tiddetermina s-sehem tar-riżorsi tal-ogħla ħames membri tal-ikklerjar abbażi ta’ medja annwali.

4.   L-organizzazzjoni interna tas-CCP

Il-parametru A 3 jirreferi għall-effiċjenza tal-organizzazzjoni interna tas-CCP. Il-valur A 3 għandu jvarja minn 0 % sa 5 %. Il-parametru A 3 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I Riskco jirrifletti l-interazzjoni bejn il-bord u l-kumitat tar-riskju stabbilit skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Il-valur ta’ I RiskCo għandu jkun ta’ 2 % meta l-Bord tas-CCP ikun ħa aktar minn tliet (3) deċiżjoni matul l-aħħar tliet (3) snin meta r-rakkomandazzjoni jew il-pożizzjoni rakkomandata tal-kumitat tar-riskju ma tkunx ġiet segwita, u 0 % b’xi mod ieħor;

I reporting jirrifletti l-livell ta’ rapportar għall-validazzjoni tal-mudell. Il-valur ta’ I reporting għandu jkun ta’ 0 % meta l-validazzjoni tal-mudell tkun strutturalment indipendenti mill-iżvilupp tal-mudell, u 1 % f’każijiet oħra;

I Riskstaff jirrifletti l-proporzjon ta’ persunal allokat għall-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju. Il-valur ta’ I Riskstaff għandu jvarja bejn 0 % u 2 % u għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

fejn P risk = il-proporzjon ta’ ekwivalenti full-time tal-ġestjoni tar-riskju bħala parti mill-ekwivalenti full-time tas-CCP totali, inklużi l-funzjonijiet esternalizzati. Il-valur ta’ I Riskstaff għandu jkun ta’ 2 % fejn il-P risk hija ugwali għal 0 %, u 0 % fejn il-P risk hija ugwali għal 20 %.

5.   Ir-robustezza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tas-CCP

Il-parametru A 4 jirreferi għar-robustezza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tas-CCP. Il-valur ta’ A 4 għandu jvarja minn 0 % sa 8 %. Il-parametru A 4 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I BT jirrifletti l-adegwatezza tal-marġnijiet tas-CCP kif ivvalutati mit-testijiet retrospettivi tagħha. Il-valur ta’ I BT għandu jvarja bejn 0 % u 4 % u għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

fejn P BT = il-perċentwal tal-kontijiet tal-ikklerjar tas-CCP, ikkalkulat bħala l-għadd ta’ kontijiet tal-ikklerjar li jissodisfaw il-kriterju mqabbel mal-għadd totali ta’ kontijiet tal-ikklerjar tas-CCP, li għalihom il-prestazzjoni tat-testijiet retroattivi tal-marġni hija taħt ir-rekwiżit minimu tal-EMIR kif speċifikat fl-Artikolu 24 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (1) matul l-aħħar 12-il xahar. Il-valur ta’ I BT għandu jkun ta’ 4 % fejn P BT tkun ta’ 100 %;

I incident jirrifletti r-robustezza operazzjonali tas-CCP, abbażi tal-għadd ta’ inċidenti kummerċjali. Il-valur ta’ I incident għandu jvarja bejn 0 % u 2 % u għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

fejn N days = l-għadd ta’ jiem li fihom is-CCP ma setgħetx tipproċessa tranżazzjonijiet ġodda għal sagħtejn jew aktar matul l-aħħar 12-il xahar. Il-valur ta’ I incident għandu jkun ta’ 2 % fejn N days = 10 ijiem;

I payments jirrifletti r-robustezza operazzjonali tas-CCP, abbażi tal-għadd ta’ inċidenti ta’ pagament. Il-valur ta’ I payments għandu jvarja bejn 0 % u 2 % u jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

fejn N days = l-għadd ta’ jiem li fihom is-CCP ma setgħetx tipproċessa jew tirċievi pagamenti għal sagħtejn jew aktar matul l-aħħar 12-il xahar. Il-valur ta’ I payments għandu jkun ta’ 2 % fejn N days = 10 ijiem;

6.   Azzjonijiet ta’ rimedju pendenti wara s-sejbiet mill-awtorità kompetenti tas-CCP

Il-parametru A 5 jirreferi għall-għadd ta’ azzjonijiet ta’ rimedju pendenti materjali wara s-sejbiet mill-awtorità kompetenti tas-CCP. Il-valur ta’ A 5 għandu jvarja minn 0 % sa 2 %. Il-valur ta’ A 5 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I reco jirrifletti l-azzjonijiet pendenti dwar kwistjonijiet prudenzjali. Il-valur ta’ I reco għandu jkun ta’ 2 % meta s-CCP ikollha mill-inqas azzjoni ta’ rimedju materjali pendenti waħda wara sejbiet mill-awtorità kompetenti tagħha li għalihom is-CCP tkun qabżet l-iskadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti fil-pjan ta’ rimedju, u 0 % f’każijiet oħra;

Għall-finijiet ta’ din il-formula, azzjoni ta’ rimedju għandha titqies materjali meta s-CCP jew l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun allokat dik l-azzjoni ta’ rimedju l-ogħla prijorità, ibbażata fuq il-matriċi ta’ materjalità interna tas-CCP jew fuq il-klassifikazzjoni proprja tal-awtorità kompetenti.

7.   Is-sjieda, l-istruttura tal-kapital u l-profittabbiltà tas-CCP

Il-parametru B 1 jirreferi għas-sjieda u l-istruttura tal-kapital tas-CCP. Il-valur ta’ B 1 għandu jvarja minn 0 % sa 4 %. Il-valur ta’ B 1 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I majority jirrifletti n-natura tal-impriża prinċipali tas-CCP. Il-valur ta’ I majority għandu jkun ta’ 2 % meta s-CCP ikollha impriża prinċipali, għajr gruppi bi sjieda pubblika, mhux ikklassifikata jew ikklassifikata taħt il-grad ta’ investiment, u 0 % f’każijiet oħra. Il-klassifikazzjoni għandha tkun l-agħar klassifikazzjoni tal-entità pprovduta minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu awtorizzata;

I support jirrifletti l-appoġġ mill-impriża prinċipali tas-CCPs. Il-valur ta’ I support għandu jkun ta’ 0 % meta s-CCP tibbenefika minn appoġġ finanzjarju materjali miftiehem kuntrattwalment mill-impriża prinċipali tagħha f’event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza, inklużi linji impenjati jew kuntratti tal-assigurazzjoni, u 2 % f’każijiet oħra.

8.   Remunerazzjoni tal-maniġment superjuri

Il-parametru B 2 jirreferi għall-punt sa fejn ir-remunerazzjoni tal-maniġment superjuri tista’ tiġi affettwata kuntrattwalment wara event ta’ inadempjenza jew mhux ta’ inadempjenza. Il-valur ta’ B 2 għandu jvarja minn 0 % sa 2 %. Il-valur ta’ B 2 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I %amount jirrifletti s-sehem tar-remunerazzjoni varjabbli totali tal-maniġment superjuri soġġetta għal klawżoli ta’ rkupru. Il-valur ta’ I %amount għandu jvarja bejn 0 % u 1 % u għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

fejn P amount = il-perċentwal tar-remunerazzjoni varjabbli annwali totali tal-maniġment superjuri tas-CCP soġġetta għal klawżoli ta’ rkupru f’event ta’ inadempjenza / jew mhux ta’ inadempjenza. Il-valur ta’ I %amount għandu jkun ta’ 1 % fejn P amount ikun ta’ 0 %

I %staff jirrifletti l-perċentwal tal-persunal tal-maniġment superjuri soġġett għal klawżoli ta’ rkupru f’każ ta’ inadempjenza jew telf mhux ta’ inadempjenza. Il-valur ta’ I %staff għandu jvarja bejn 0 % u 1 % u għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

fejn P %staff = il-perċentwal tal-maniġment superjuri tas-CCP, espress bħala % tal-FTEs medji annwali tal-maniġment superjuri, soġġett għal klawżola ta’ rkupru tar-remunerazzjoni varjabbli.

9.   L-involviment tal-membri tal-ikklerjar u tal-klijenti fil-governanza tar-riskju tas-CCP

Il-parametru B 3 jirreferi għall-involviment tal-membri tal-ikklerjar u tal-klijenti fil-governanza tar-riskju tas-CCP. Il-valur ta’ B 3 għandu jvarja minn 0 % sa 2 %. Il-valur ta’ B 3 għandu jiġi kkalkulat f’konformità mal-formola li ġejja:

Formula

fejn:

I investment jirrifletti l-involviment tal-membri tal-ikklerjar u tal-klijenti fil-proċess ta’ deċiżjoni dwar l-investiment. Il-valur ta’ I investment għandu jkun ta’ 0 % meta l-membri tal-ikklerjar ikunu involuti fid-deċiżjoni tal-investiment u jġarrbu parti mit-telf potenzjali, u 1 % f’każijiet oħra. Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur tal-I investment , is-CCPs għandhom jikkunsidraw li l-membri tal-ikklerjar ikunu involuti fid-deċiżjoni dwar l-investiment meta jiġu kkonsultati jew fil-proċess ta’ approvazzjoni tal-politika ta’ investiment tas-CCP, jew f’kull deċiżjoni separata ta’ investiment;

I incentives jirrifletti l-inċentivi għall-membri tal-ikklerjar fil-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza. Il-valur ta’ I incentives għandu jkun ta’ 0 % meta jkun hemm inċentivi għall-membri tal-ikklerjar biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza, u 1 % f’każijiet oħra


(1)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41).