17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/814

tal-14 ta’ April 2023

dwar arranġamenti dettaljati għat-tmexxija ta’ ċerti proċedimenti mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 46(1) il-punti (a), (d), (e), (f), (h), (i), (j), (k) u (m) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv għas-Swieq Diġitali,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2022/1925 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ ċerti aspetti tar-Regolament imsemmi. F’konformità mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju taċ-ċertezza legali, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw b’mod partikolari n-notifiki, it-talbiet, ir-rapporti u sottomissjonijiet oħra ta’ informazzjoni, inkluż id-determinazzjoni ta’ dati effettivi għan-notifiki u s-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni, u l-ftuħ ta’ proċedimenti skont ir-Regolament (UE) 2022/1925. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl mid-destinatarji tal-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni.

(2)

Sabiex tiġi żgurata proċedura ġusta u effiċjenti kif ukoll l-infurzar effettiv u sħiħ tar-Regolament (UE) 2022/1925 u biex tiġi pprovduta ċertezza legali għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha kkonċernati, huwa importanti li jiġi stabbilit, fost l-oħrajn, il-qafas għall-forniment ta’ dokumenti skont ir-Regolament (UE) 2022/1925. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli fir-rigward tal-format u t-tul massimu tad-dokumenti, l-użu tal-lingwi u l-proċedura għat-trażmissjoni u l-wasla tad-dokumenti. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar l-informazzjoni li jeħtieġ li tiġi inkluża mill-impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin tal-pjattaforma fin-notifika li għandha tiġi ppreżentata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(3), jew fi preżentazzjoni ta’ informazzjoni wara talba tal-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Fil-proċess tat-tħejjija ta’ notifika skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925 u l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament u fi żmien raġonevoli qabel din in-notifika, jenħtieġ li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin tal-pjattaforma tista’ tinvolvi ruħha f’kuntatti ta’ qabel in-notifika mal-Kummissjoni b’ħarsa lejn l-iżgurar ta’ proċedura ta’ notifika effettiva skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2022/1925. Fit-twettiq tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni se jkollha toqgħod fuq l-informazzjoni pprovduta mill-impriżi kkonċernati. Għalhekk, huwa partikolarment importanti li l-informazzjoni tkun korretta, kompluta u mhux qarrieqa u tiġi pprovduta fil-limiti ta’ żmien, fejn applikabbli.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2022/1925 jirrikjedi qafas proċedurali awtonomu ddedikat li jqis l-ispeċifiċitajiet ta’ dak ir-Regolament. Dak il-qafas jenħtieġ li jkollu l-għan li jistabbilixxi proċess ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar rapidu u effettiv, filwaqt li jiżgura li d-dritt tal-partijiet fil-proċedimenti li jinstemgħu jkun protett b’mod effettiv. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ċari u proporzjonati dwar l-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jinstema’, inkluż l-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li lilha l-Kummissjoni tkun innotifikat is-sejbiet preliminari tagħha jkollha d-dritt li tipprovdi l-fehmiet tagħha bil-miktub f’limitu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tirrikonċilja l-effiċjenza u l-effettività tal-proċedura, minn naħa waħda, u l-possibbiltà li jiġi eżerċitat id-dritt li tinstema’, min-naħa l-oħra. Id-destinatarju tas-sejbiet preliminari jenħtieġ li jkollu d-dritt li jistabbilixxi fil-qosor il-fatti rilevanti u li jipprovdi dokumenti ta’ sostenn. Filwaqt li d-destinatarju tas-sejbiet preliminari jenħtieġ li dejjem ikollu d-dritt li jikseb mingħand il-Kummissjoni l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kollha msemmija fis-sejbiet preliminari, għandu jingħata wkoll aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajl tal-Kummissjoni, mingħajr ebda redazzjoni, skont it-termini li għandhom jiġu stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan l-aċċess jista’ jkun limitat f’ċerti sitwazzjonijiet, inkluż meta l-iżvelar ta’ ċerti dokumenti jkun ta’ ħsara għall-parti li tkun ippreżentathom jew fejn jipprevalu interessi oħra.

(4)

Meta l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jingħataw aċċess għall-fajl, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra b’mod proporzjonat. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jippreżentaw jew li jkunu ppreżentaw dokumenti, inklużi dikjarazzjonijiet, biex jidentifikaw sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-valutazzjoni tal-kummenti ta’ partijiet terzi għal pubblikazzjonijiet jew konsultazzjonijiet skont l-Artikoli 8(6), 18(5) u (6), u l-Artikoli 19(2) u 29(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, jenħtieġ li tali kummenti jiġu ttrattati bħala mhux kunfidenzjali għall-fini tal-għoti ta’ aċċess għall-fajl u għat-tħejjija tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, filwaqt li l-partijiet terzi jingħataw id-dritt li jitolbu r-redazzjoni tal-isem tal-awtur u tal-ispeditur jew ta’ informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni qabel ma l-kummenti jiġu kondiviżi mad-destinatarju tas-sejbiet preliminari jew ma’ kwalunkwe parti terza oħra.

(5)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, qabel ma tqiegħed id-dokumenti għad-dispożizzjoni tad-destinatarju tas-sejbiet preliminari tagħha, tivvaluta jekk, bil-ħsieb ta’ eżerċizzju effettiv tad-dritt għal smigħ, il-ħtieġa ta’ żvelar hijiex akbar mill-ħsara lill-parti terza li tista’ tirriżulta mill-iżvelar.

(6)

Fl-interess taċ-ċertezza legali, il-limiti ta’ żmien skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 u dan ir-Regolament, inklużi l-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni skont dawk ir-Regolamenti, jenħtieġ li jkunu rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (2). Madankollu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar il-limiti ta’ żmien sa fejn ikun meħtieġ.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi arranġamenti dettaljati fir-rigward ta’:

1.

Il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3, tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 8(3), 9 u 10, tar-rapporti regolatorji skont l-Artikolu 11, tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) 2022/1925;

2.

proċedimenti skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2022/1925;

3.

l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ smigħ u għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2022/1925;

4.

skadenzi ta’ żmien.

KAPITOLU II

NOTIFIKI, TALBIET U SOTTOMISSJONIJIET OĦRA

Artikolu 2

Notifiki u sottomissjonijiet ta’ informazzjoni wara talbiet tal-Kummissjoni

1.   In-notifiki skont l-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/1925 għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha, inklużi d-dokumenti, mitluba fil-formola stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Is-sottomissjonijiet ta’ informazzjoni wara talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni skont l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/1925 għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha, inklużi d-dokumenti, stabbiliti fit-talba tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista’ tispeċifika, fit-talba tagħha għall-informazzjoni, liema mit-taqsimiet tal-formola stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għandhom jimtlew.

3.   Jekk, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) 2022/1925, l-impriża notifikanti tixtieq tissottometti man-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fl-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament, għandha tipprovdi tali argumenti fl-anness għan-notifika tagħha. Għandu jiġi ppreżentat anness separat għal kull servizz ewlieni distint tal-pjattaforma li għalih l-impriża notifikanti tixtieq tipprovdi argumenti sostanzjati. L-impriża notifikanti għandha tidentifika wkoll b’mod ċar ma’ liema mit-tliet rekwiżiti kumulattivi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 huma relatati l-argumenti tagħha u, għal kull argument, għandha tispjega għaliex is-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti b’mod eċċezzjonali ma jissodisfax dan ir-rekwiżit, għalkemm jilħaq il-limitu korrispondenti fl-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament.

4.   L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tkun korretta, kompluta u mhux qarrieqa. Għandha tiġi ppreżentata b’mod ċar, strutturat tajjeb u intelliġibbli.

5.   Meta l-impriża notifikanti titlob li kwalunkwe biċċa informazzjoni pprovduta ma għandhiex tiġi ppubblikata jew żvelata b’xi mod ieħor lil partijiet oħra, hija għandha tissottometti din il-biċċa informazzjoni f’dokument separat, b’kull paġna tkun immarkata b’mod ċar “Sigrieti Kummerċjali”, u tipprovdi r-raġunijiet.

6.   In-notifiki u s-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu abbozzati f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-lingwa tal-proċedura għandha tkun il-lingwa tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 jew, fin-nuqqas tagħha, tas-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, sakemm il-Kummissjoni u l-impriża kkonċernata ma jaqblux mod ieħor. Kwalunkwe anness skont il-paragrafu 1 għandu jiġi ppreżentat bil-lingwa oriġinali tiegħu u, meta l-lingwa oriġinali tiegħu ma tkunx waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, għandu jkun akkumpanjat minn traduzzjoni fidila fil-lingwa tal-proċedura.

7.   In-notifiki u s-sottomissjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu akkumpanjati minn prova bil-miktub li l-persuni li jissottomettuhom huma awtorizzati li jaġixxu f’isem l-impriża kkonċernata.

8.   Il-Kummissjoni tista’, fuq talba motivata, teżenta impriża mill-obbligu li tipprovdi dokumenti speċifiċi jew biċċiet ta’ informazzjoni meħtieġa għan-notifika msemmija fil-paragrafu 1, meta l-Kummissjoni tqis li l-konformità ma’ dawk l-obbligi ma tkunx meħtieġa għall-valutazzjoni tagħha tan-notifika skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

9.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien żejjed, tirrikonoxxi bil-miktub lill-impriża kkonċernata jew lir-rappreżentanti tagħha li rċeviet in-notifiki jew is-sottomissjonijiet tagħha msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.

Artikolu 3

Data effettiva tan-notifiki u s-sottomissjonijiet tal-informazzjoni

1.   Meta l-informazzjoni li tinsab f’notifika jew f’sottomissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ argumenti sostanzjati msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) u (3) ta’ dan ir-Regolament ma tkunx kompluta fi kwalunkwe aspett materjali, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-impriża kkonċernata jew lir-rappreżentanti tagħha bil-miktub mingħajr dewmien żejjed. F’każ bħal dan, in-notifika jew is-sottomissjoni għandha ssir effettiva fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni kompluta jew fid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriża kkonċernata li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi rilevanti, l-informazzjoni mitluba ma għadhiex meħtieġa.

2.   Jekk notifika, jew sottomissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ argumenti sostanzjati msemmija fl-Artikolu 2(1) (2) u (3) ikopru aktar minn servizz ewlieni wieħed tal-pjattaforma, il-Kummissjoni tista’ tispeċifika li l-informazzjoni li tinsab fin-notifika jew fis-sottomissjoni mhijiex kompluta biss fir-rigward ta’ wieħed jew aktar minn dawk is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma. F’każ bħal dan, fir-rigward ta’ dawn is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma biss, in-notifika jew is-sottomissjoni għandha ssir effettiva fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni kompluta jew fid-data li fiha l-Kummissjoni tinforma lill-impriża kkonċernata li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi rilevanti, l-informazzjoni mitluba ma għadhiex meħtieġa.

3.   Waqt li notifika tkun qed tiġi riveduta, l-impriża notifikanti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed.

(a)

kwalunkwe bidla materjali fil-fatti ppreżentati fin-notifika jew fis-sottomissjoni ta’ informazzjoni jew ta’ argumenti sostanzjati msemmija fl-Artikolu 2(1), (2) jew (3) li jirriżultaw sussegwentement għan-notifika jew sottomissjoni rilevanti, li l-impriża taf jew kellha tkun taf;

(b)

kwalunkwe informazzjoni ġdida li toħroġ wara n-notifika jew is-sottomissjoni, li l-impriża taf jew kellha tkun taf u li kien ikollha tiġi sottomessa jekk tkun magħrufa fiż-żmien tan-notifika jew is-sottomissjoni tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-impriża kkonċernata bil-wasla tal-komunikazzjoni li tikkonċerna l-bidliet materjali jew l-informazzjoni ġdida skont il-paragrafu 3 bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed. Fejn tali bidliet jew informazzjoni jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tan-notifika, tal-preżentazzjoni tal-informazzjoni jew tal-argumenti sostanzjati msemmija fl-Artikolu 2(1) (2) jew (3), in-notifika jew is-sottomissjoni għandha titqies li tkun effettiva fid-data li fiha l-Kummissjoni tirċievi l-informazzjoni rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-impriża b’dan.

5.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, informazzjoni parzjalment jew totalment skorretta jew qarrieqa għandha titqies li tikkostitwixxi informazzjoni mhux kompluta.

Artikolu 4

Format u tul tad-dokumenti

1.   Id-dokumenti ppreżentati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 għandhom ikunu konformi mal-format u l-limiti tal-paġni stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fuq talba motivata, tawtorizza impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi biex taqbeż dawk il-limiti ta’ paġni meta u sa fejn l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tissostanzja li huwa oġġettivament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jiġu ttrattati kwistjonijiet legali jew fattwali partikolarment kumplessi fil-limiti tal-paġni rilevanti.

3.   Meta dokument sottomess minn impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi skont dan ir-Regolament jew ir-Regolament (UE) 2022/1925 ma jikkonformax mal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi biex jirregolarizzaw id-dokument.

KAPITOLU III

FTUĦ TAL-PROĊEDIMENTI

Artikolu 5

Ftuħ tal-proċedimenti

1.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tiftaħ proċedimenti bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2022/1925 fi kwalunkwe ħin, iżda mhux aktar tard mid-data li fiha toħroġ is-sejbiet preliminari skont l-Artikolu 29(3) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ftuħ tal-proċedimenti.

KAPITOLU IV

DRITT TA’ SMIGĦ U TA’ AĊĊESS GĦALL-FAJL

Artikolu 6

Osservazzjonijiet dwar is-sejbiet preliminari

Id-destinatarju tas-sejbiet preliminari skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 jista’, fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(2) ta’ dak ir-Regolament, fil-qosor u f’konformità mar-rekwiżiti tal-format u t-tul tad-dokumenti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament jinforma lill-Kummissjoni dwar il-fehmiet tiegħu bil-miktub u jressaq evidenza li ssostni dan. Il-Kummissjoni mhijiex obbligata tqis sottomissjonijiet miktuba rċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

Artikolu 7

Identifikazzjoni u protezzjoni ta’ informazzjoni konfidenzali

1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament (UE) 2022/1925 jew fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, l-informazzjoni jew id-dokumenti miġbura jew miksuba mill-Kummissjoni ma għandhomx jiġu żvelati jew magħmula aċċessibbli mill-Kummissjoni sa fejn ikun fihom sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika.

2.   Meta titlob informazzjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2022/1925 jew twettaq intervisti skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li billi tipprovdi informazzjoni lill-Kummissjoni, huma jaqblu li din l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 għandhom japplikaw għal kwalunkwe dokument ippreżentat b’mod spontanju lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 jew dan ir-Regolament.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ titlob lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu l-oriġinaturi tad-dokumenti fil-fajl tagħha biex jidentifikaw id-dokumenti, id-dikjarazzjonijiet jew partijiet minnhom li huma jqisu li jkun fihom sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra. Il-Kummissjoni tista’ titlob ukoll li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jidentifikaw kwalunkwe parti minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li fil-fehma tagħhom ikun fiha sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-persuni fiżiċi jew ġuridiċi biex:

(a)

jissostanzjaw b’mod speċifiku t-talbiet tagħhom għal sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għal kull dokument individwali, dikjarazzjoni jew parti minnha;

(b)

jipprovdu lill-Kummissjoni b’verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dokumenti jew dikjarazzjonijiet li fihom is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra jiġu redatti b’mod ċar u li jinftiehem;

(c)

ipprovdi deskrizzjoni konċiża, mhux kunfidenzjali u ċara ta’ kull biċċa informazzjoni redatta.

5.   Jekk il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jonqsu milli jikkonformaw mal-iskadenza ta’ żmien stabbilita mill-Kummissjoni b’talba skont il-paragrafi 3 jew 4, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li d-dokumenti jew id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati ma fihomx sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

6.   Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li ċerta informazzjoni li tiġi ddikjarata kunfidenzjali minn persuna fiżika jew ġuridika tista’ tiġi żvelata, jew minħabba li din l-informazzjoni ma tikkostitwixxix sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra, jew minħabba li hemm interess prevalenti fl-iżvelar tagħha, hija għandha tinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata li biħsiebha tiżvela tali informazzjoni sakemm ma tirċevix oġġezzjonijiet fi żmien ġimgħa. Jekk il-persuna fiżika jew ġuridika inkwistjoni toġġezzjona, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni motivata li tispeċifika d-data li warajha se tiġi żvelata l-informazzjoni. Din id-data m’għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika. Id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-persuna fiżika jew ġuridika kkonċernata.

7.   Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-Kummissjoni, kwalunkwe kumment minn partijiet terzi għal pubblikazzjonijiet jew konsultazzjonijiet skont l-Artikoli 8(6), 18(5) u (6), 19(2) u 29(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925 għandu jiġi ttrattat bħala mhux kunfidenzjali. Il-partijiet terzi interessati li jissottomettu l-kummenti għandu jkollhom id-dritt li jitolbu r-redazzjoni tal-isem tal-awtur u tal-ispeditur jew informazzjoni oħra ta’ identifikazzjoni qabel ma l-kummenti jiġu kondiviżi mad-destinatarju tas-sejbiet preliminari jew ma’ kwalunkwe parti terza oħra. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel dawk il-kummenti, jew kwalunkwe verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom, disponibbli għall-pubbliku, sakemm tkun indikat din il-possibbiltà fil-kuntest tal-pubblikazzjoni jew tal-konsultazzjoni.

Artikolu 8

Aċċess għall-fajl

1.   Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-impriża li lilha tkun indirizzat is-sejbiet preliminari skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2022/1925 (id- “destinatarju”). L-aċċess għall-fajl ma għandux jingħata qabel in-notifika tas-sejbiet preliminari.

2.   Meta tipprovdi aċċess għall-fajl, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lid-destinatarju bid-dokumenti kollha msemmija fis-sejbiet preliminari, soġġetti għal redazzjonijiet li jkunu saru skont l-Artikolu 7(3) sabiex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll aċċess għad-dokumenti kollha fil-fajl tagħha, mingħajr ebda redazzjoni, skont it-termini li għandhom jiġu stabbiliti f’deċiżjoni tal-Kummissjoni. It-termini tal-iżvelar għandhom jiġu ddeterminati skont dan li ġej:

(a)

L-aċċess għad-dokumenti skont dan il-paragrafu għandu jingħata biss lil numru limitat ta’ konsulenti legali u ekonomiċi speċifikati u esperti tekniċi mqabbda mid-destinatarju u li l-ismijiet tagħhom għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni minn qabel.

(b)

Konsulenti legali u ekonomiċi speċifiċi u esperti tekniċi jridu jkunu impriżi, impjegati ta’ impriżi jew f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-impjegati tal-impriżi. Kollha kemm huma għandhom ikunu marbuta bit-termini tal-iżvelar.

(c)

Il-persuni elenkati bħala konsulenti legali u ekonomiċi u esperti tekniċi speċifikati m’għandhomx, fid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi t-termini ta’ divulgazzjoni, ikunu f’relazzjoni ta’ impjieg mad-destinatarju jew f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ impjegat tad-destinatarju tas-sejbiet preliminari. Jekk il-konsulent legali jew ekonomiku estern jew l-esperti tekniċi esterni speċifikati sussegwentement jidħlu f’tali relazzjoni mad-destinatarju jew ma’ impriżi oħra attivi fl-istess swieq bħad-destinatarju matul l-investigazzjoni jew matul it-tliet snin wara t-tmiem tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, il-konsulent legali jew ekonomiku estern jew l-espert tekniku estern speċifikat u d-destinatarju għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni dwar it-termini ta’ tali relazzjoni. Il-konsulent legali jew ekonomiku estern speċifikat jew l-espert tekniku estern inkwistjoni għandu jipprovdi wkoll lill-Kummissjoni b’assigurazzjoni li ma għadx għandu aċċess għall-informazzjoni jew għad-dokumenti fil-fajl li għalih ingħataw aċċess skont il-punt (a) u li ma kinux disponibbli għad-destinatarju mill-Kummissjoni. Huma għandhom jipprovdu wkoll assigurazzjonijiet lill-Kummissjoni li se jkomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fil-punt (d) ta’ dan il-paragrafu.

(d)

Konsulenti legali u ekonomiċi esterni speċifikati u esperti tekniċi esterni ma għandhom jiżvelaw l-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti jew il-kontenut tagħhom lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex marbuta bit-termini tal-iżvelar u ma għandhom jużaw l-ebda wieħed mid-dokumenti pprovduti jew il-kontenut tagħhom ħlief għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 8(8) hawn taħt.

(e)

Il-Kummissjoni għandha tispeċifika, f’termini ta’ żvelar, il-mezzi tekniċi tal-iżvelar u t-tul ta’ żmien tiegħu. L-iżvelar jista’ jsir b’mezzi elettroniċi jew (għal xi wħud mid-dokumenti jew id-dokumenti kollha) fiżikament fil-bini tal-Kummissjoni.

4.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix aċċess għal ċerti dokumenti jew li tagħti aċċess għal dokumenti parzjalment redatti skont it-termini tad-divulgazzjoni msemmija fil-paragrafu (3) jekk, tqis li l-ħsara li l-parti li ssottomettiet id-dokumenti inkwistjoni x’aktarx issofri mill-iżvelar skont it-termini tal-iżvelar, tegħleb l-importanza tal-iżvelar tad-dokument sħiħ għall-eżerċizzju tad-dritt li wieħed jinstema’. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ u l-ħames sentenza tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) 2022/1925, il-Kummissjoni tista’ għall-istess raġuni tiddeċiedi li ma tiżvelax jew ma tiżvelax parzjalment korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew ta’ pajjiżi terzi u tipi oħra ta’ dokumenti sensittivi.

5.   Il-konsulent legali u ekonomiku u l-esperti tekniċi speċifikati msemmija fil-paragrafu 3 jistgħu, fi żmien ġimgħa minn meta jirċievu l-aċċess skont it-termini tal-iżvelar, jagħmlu talba motivata lill-Kummissjoni għal aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument fil-fajl tal-Kummissjoni li ma jkunx diġà pprovdut lid-destinatarju skont il-paragrafu 2, bil-ħsieb li dik il-verżjoni mhux kunfidenzjali ssir disponibbli għad-destinatarju, jew għal estensjoni tat-termini tal-iżvelar għal individwi speċifikati addizzjonali li jirrappreżentaw id-destinatarju jew impriża oħra li tagħti pariri lid-destinatarju bħala espert. Tali aċċess jew estensjoni addizzjonali jistgħu jingħataw biss b’mod eċċezzjonali u dment li jintwera li huma indispensabbli għall-eżerċizzju xieraq tad-dritt tad-destinatarju li jinstema’.

6.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafu 4 jew 5, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-parti li ssottomettiet id-dokumenti inkwistjoni biex tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 7(3) u (4).

7.   Meta l-Kummissjoni tqis li talba skont il-paragrafu 5 għandha bażi soda fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat li d-destinatarju jkun f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema’ b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tagħżel li jew titlob lill-parti li ssottomettiet id-dokument inkwistjoni biex taqbel li tagħmel verżjoni mhux kunfidenzjali disponibbli lid-destinatarju jew li taqbel mal-estensjoni tat-termini tal-iżvelar għal individwu/i jew impriżi speċifikati għad-dokumenti inkwistjoni biss. F’każ li l-parti li ssottomettiet id-dokumenti inkwistjoni ma taqbilx, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi t-termini tal-iżvelar għad-dokumenti inkwistjoni.

8.   Id-dokumenti miksuba permezz tal-aċċess għall-fajl ipprovdut skont dan l-Artikolu għandhom jintużaw biss għall-finijiet tal-proċedimenti rilevanti li fihom ingħata l-aċċess għal dawk id-dokumenti jew ta’ proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi relatati mal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1925 li huma relatati ma’ dawk il-proċedimenti.

9.   Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, il-Kummissjoni tista’ minflok jew flimkien mal-metodu ta’ għoti ta’ aċċess għall-fajl skont il-paragrafu 3 hawn fuq, tagħti aċċess għal xi wħud mid-dokumenti jew għad-dokumenti kollha redatti skont l-Artikolu 7(3) sabiex jiġi evitat dewmien sproporzjonat jew piż amministrattiv.

KAPITOLU V

TERMINI

Artikolu 9

Bidu tal-perjodi ta’ żmien

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-limiti ta’ żmien skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 u dan ir-Regolament għandhom jiġu kkalkulati skont ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-perjodi ta’ żmien għandhom jibdew jiddekorru mill-jum tax-xogħol ta’ wara l-avveniment li għalih tirreferi d-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament (UE) 2022/1925 jew ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta dokument ma jkunx konformi mar-rekwiżiti rigward il-format u t-tul stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament, il-perjodi ta’ żmien ma għandhomx jibdew jiddekorru qabel ma d-dokument jiġi rranġat f’konformità ma’ talba mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(3).

Artikolu 10

Stabbiliment ta’ termini

1.   Fejn tistabbilixxi limitu ta’ żmien skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 jew dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis kif xieraq l-elementi rilevanti kollha tal-fatti u tal-liġi u l-interessi kollha kkonċernati, b’mod partikolari l-possibbiltà li l-individwi jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu u l-espedjenza tal-proċedimenti.

2.   Fejn xieraq u fuq talba motivata mill-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati magħmula qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 jew dan ir-Regolament, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi. Meta tiddeċiedi jekk tagħtix tali estensjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk it-talba motivata hijiex sostanzjata biżżejjed u jekk l-estensjoni mitluba tistax tipperikola l-konformità mal-limiti ta’ żmien proċedurali applikabbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/1925.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 11

It-trażmissjoni u l-wasla tad-dokumenti

1.   It-trażmissjoni ta’ dokumenti lill-Kummissjoni u mingħandha skont ir-Regolament (UE) 2022/1925 u dan ir-Regolament għandha ssir b’mezzi diġitali. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-mezzi ta’ trażmissjoni u l-firma jistgħu jiġu ppubblikati u aġġornati regolarment mill-Kummissjoni.

2.   Id-dokumenti trażmessi b’mezzi diġitali jridu jiġu ffirmati bl-użu ta’ mill-inqas Firma Elettronika Kwalifikata waħda li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

3.   Id-dokumenti trażmessi lill-Kummissjoni b’mezzi diġitali għandhom jitqiesu li jkunu waslu fil-jum meta tkun intbagħtet konferma tar-riċevuta mill-Kummissjoni.

4.   Dokument trażmess lill-Kummissjoni b’mezzi diġitali għandu jitqies li ma ġiex riċevut jekk tkun seħħet waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

id-dokument jew partijiet tiegħu huma inoperabbli jew ma jistgħux jintużaw;

(b)

id-dokument fih viruses, malware jew theddid ieħor;

(c)

id-dokument fih firma elettronika li l-validità tagħha ma tistax tiġi vverifikata mill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-mittent mingħajr dewmien żejjed jekk isseħħ waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 4 u tagħtih il-possibbiltà li jesprimi l-fehmiet tiegħu f’limitu ta’ żmien raġonevoli.

6.   B’deroga mill-paragrafu 1, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmlu t-trasmissjoni b’mezzi diġitali impossibbli jew eċċessivament diffiċli, id-dokumenti jistgħu jiġu trasmessi lill-Kummissjoni bil-posta reġistrata. Dawk id-dokumenti għandhom jitqiesu li jkunu waslu għand il-Kummissjoni fil-jum tal-konsenja tagħhom fl-indirizz tas-servizz responsabbli tal-Kummissjoni kif ippubblikat mill-Kummissjoni fuq is-sit web tagħha.

7.   B’deroga mill-paragrafu 1, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmlu t-trasmissjoni b’mezzi diġitali jew bil-posta reġistrata impossibbli jew eċċessivament diffiċli, id-dokumenti jistgħu jiġu trasmessi lill-Kummissjoni bil-posta bl-idejn. Dawk id-dokumenti għandhom jitqiesu li jkunu waslu fil-jum tal-konsenja tagħhom fl-indirizz tas-servizz responsabbli tal-Kummissjoni kif ippubblikat mill-Kummissjoni fuq is-sit web tagħha. Il-konsenja għandha tiġi kkonfermata f’konferma tal-wasla għand il-Kummissjoni.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-2 ta’ Mejju 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Diretiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).


ANNESS I

FORMOLA RELATATA MAN-NOTIFIKAZZJONI F’KONFORMITA’ MAL-ARTIKOLU 3(3) TAR-REGOLAMENT (UE) 2022/1925 GĦALL-ISKOPIJIET TA’ DEŻINJAZZJONI TAL-GWARDJANI (“Formola GD”)

TAQSIMA 1

Informazzjoni dwar l-impriża notifikanti

1.1.

Ipprovdi l-informazzjoni li ġejja dwar l-impriża notifikanti:

1.1.1.

l-isem tal-impriża;

1.1.2.

Deskrizzjoni tal-istruttura korporattiva tal-impriża notifikanti, inkluża l-identità ta: (i) l-entitajiet li joperaw kull servizz tal-pjattaforma ewlenija identifikati skont it-Taqsima 2.1.1 hawn taħt u (ii) l-entitajiet li jikkontrollaw weħedhom jew b’mod konġunt, direttament jew indirettament, l-entrati preċedenti (1); u

1.1.3.

dettalji ta’ kuntatt, inklużi:

1.1.3.1.

l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefon, il-posta elettronika, il-pożizzjoni okkupata minn, il-persuna xierqa tal-kuntatt; l-indirizz mogħti għandu jkun indirizz għan-notifika li lilu jistgħu jiġu nnotifikati d-dokumenti u, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u dokumenti proċedurali oħra, u l-persuna ta’ kuntatt mogħtija għandha titqies li hija awtorizzata li taċċetta n-notifika;

1.1.3.2.

jekk jinħatar rappreżentant estern awtorizzat wieħed jew iktar tal-impriża, ir-rappreżentant jew rappreżentanti li lilhom jistgħu jiġu notifikati dokumenti u, b’mod partikolari, deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u dokumenti proċedurali oħrajn; l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-posta elettronika ta’ kull rappreżentant, u l-kariga okkupata minn kull wieħed minnhom; u l-oriġinali tal-provi bil-miktub li kull rappreżentant huwa awtorizzat jaġixxi (fuq il-bażi tal-mudell tal-Prokura li tinsab fuq is-sit web tal-Kummissjoni).

1.2.

Indika jekk l-impriża notifikanti ġietx maħtura qabel bħala gwardjan skont ir-Regolament (UE) 2022/1925. Jekk iva, speċifika s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma kkonċernati mid-deżinjazzjoni u n-numru u d-data tad-deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni tal-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

Informazzjoni dwar is-servizzi ewlenin tal-pjattaforma

Għall-iskopijiet ta’ din il-Formola GD, delinjazzjoni alternattiva plawżibbli ta servizz ewlieni ta’ pjattaforma huwa delinjazzjoni ta’ dak is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma li huwa differenti fil-kamp ta’ applikazzjoni mid-delinjazzjoni li dik l-impriża notifikanti tqis rilevanti u li hija plawżibbli fid-dawl tad- dispożizzjonijiet kollha rilevanti tar-Regolament (UE) 2022/1925, b’mod partikolari t-Taqsima D, paragrafu 2, u Taqsima E tal-Anness u premessa 14 ta’ dak ir-Regolament.

Delineazzjonijiet alternattivi plawżibbli ta’ servizz ewlieni tal-pjattaforma jistgħu jinkludu: (i) delineazzjonijiet li huma usa’ minn dawk li l-impriża notifikanti tqis rilevanti (pereżempju, meta l-impriża notifikanti tqis li ċerti servizzi ewlenin tal-pjattaforma huma distinti għar-raġuni li huma pprovduti b’tipi differenti ta’ apparat), jew (ii) delineazzjonijiet li huma idjaq fil-kamp ta’ applikazzjoni minn dak li l-impriża notifikanti tqis rilevanti (pereżempju, meta l-impriża notifikanti tqis rilevanti (pereżempju meta l-impriża notifikanti tqis li ċerti servizzi li hija toffri u tikkummerċjalizza separatament jiffurmaw parti minn servizz ewlieni uniku tal-pjattaforma).

2.1.

Għal kull kategorija rilevanti tal-pjataforma ewlenija ekenkata fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2022/1925, ipprovdi:

2.1.1.

lista eżawrjenti tas-servizzi rilevanti kollha tal-pjattaforma provduti mill-impriża notifikanti, inkluż kwalunkwe delinjazzjoni alternattiva plawżibbli ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma; u

2.1.2.

spjega dettaljata tal-konfini bejn is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma distinti, inkluż il-mod kif il-metodoloġija stabbilita fit-Taqsima D, il-paragrafu 2, u Taqsima E tal-Anness tar-Regolament (UE) 2022/1925, li tikkunsidra d-dispożizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari l-premessa 14, jiġu applikati għall-iskopijiet ta’ identifikazzjoni tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma distinti u alterlattivi plawżibbli ta’ dawn is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma.

2.2.

Għas-servizzi ewlenin kollha tal-pjattaforma pprovduti mill-impriża notifikanti, indika abbażi tal-informazzjoni pprovduta fit-Taqsimiet 4.1 u 4.2 ta’ din il-Formola:

2.2.1.

liema servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, skont kwalunkwe delinjazzjoni ta’ alternattiva plawżibbli, jilħqu l-limiti massimi fl-Artikolu 3(2), il-punti (b) u (c), tar-Regolament (UE) 2022/1925; u

2.2.2.

liema servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, skont kwalunkwe delinjazzjoni ta’ alternattiva plawżibbli, jilħqu l-limiti massimi fl-Artikolu 3(2), il-punt (b), iżda mhux (c) tar-Regolament (UE) 2022/1925.

2.3.

Għal kull servizz ewlieni tal-pjattaforma pprovdut mill-impriża notifikanti li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament (UE) 2022/1925, skont kwalunkwe delineazzjoni alternattiva plawżibbli, ipprovdi deskrizzjoni qasira tal-attivitajiet tal-impriża notifikanti f’dak ir-rigward, inkluż in-natura tan-negozju tagħha, is-sussidjarji, il-marki, l-ismijiet tal-prodotti, it-trademarks ewlenin tagħha.

2.4.

Indika jekk, f’konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) 2022/1925, l-impriża notifikanti hijiex qed tippreżenta, man-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fl-Artikolu 3(2) ta’ dak ir-Regolament, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni tal-pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament. Jekk iva, jekk jogħġbok speċifika s-servizzi ewlenin tal-pjattaforma rilevanti u rreferi għall-annessi rispettivi.

TAQSIMA 3

Informazzjoni relatata mal-limiti massimi kwaltitattivi fl-Artikolu 3(2), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2022/1925

Agħti l-informazzjoni li ġejja dwar l-impriża notifikanti:

3.1.

Il-fatturat totali annwali fl-Unjoni fl-aħħar tliet snin finanzjarji (2);

3.2.

Il-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tagħha jew il-valur tas-suq ġust ekwivalenti tagħha fl-aħħar sena finanzjarja;

3.3.

għal kull servizz ewlieni tal-pjattaforma pprovdut mill-impriża notifikanti, skont kwalunkwe delineazzjoni alternattiva plawżibbli, lista tal-Istati Membri li fihom tipprovdi dak is-servizz;

3.4.

spjegazzjonijiet preċiżi u konċiżi dwar il-metodoloġija użata biex wieħed jasal għall-informazzjoni pprovduta fit-Taqsimiet 3.1 sa 3.3 ta’ din il-Formola.

TAQSIMA 4

Informazzjoni relatata mal-limiti massimi kwaltitattivi fl-Artikolu 3(2), il-punti (b) u (c) tar-Regolament (UE) 2022/1925

Għal kull servizz ewlieni tal-pjattaforma pprovdut mill-impriża notifikanti, skont kwalunkwe delineazzjoni alternattiva plawżibbli, li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2022/1925, jipprovdi l-informazzjoni li ġejja separatament, f’konformità mal-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fit-Taqsimiet A, B, C u D u E, tal-Anness tar-Regolament (UE) 2022/1925:

4.1.

l-għadd ta’ utenti finali attivi fis-sena (3) stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji;

4.2.

l-għadd ta’ utenti kummerċjali attivi fis-sena stabbiliti fl-Unjoni f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji;

4.3.

spjegazzjonijiet preċiżi u konċiżi dwar il-metodoloġija użata biex tiġi ddeterminata l-informazzjoni pprovduta fit-Taqsimiet 4.1 u 4.2 ta’ din il-Formola;

4.4.

kwalunkwe rapport estern u dokument intern użat biex tiġi ddeterminata l-informazzjoni pprovduta taħt it-Taqsimiet 4.1 u 4.2 ta’ din il-Formola.

TAQSIMA 5

Dikjarazzjoni

In-notifika għandha tispiċċa b’din id-dikjarazzjoni li ġejja li għandha tkun iffirmata minn, jew f’isem, l-impriża notifikanti:

“L-impriża notifikanti tiddikjara li l-informazzjoni li tat f’din in-notifika inkluż fl-annessi tagħha hija vera, korretta, sħiħa u mhux qarrieqa sa fejn taf hi, li ġew ipprovduti kopji veri, sħaħ u mhux qarrieqa tad-dokumenti meħtieġa mill-Formola, li l-istimi kollha huma identifikati bħala tali u li dawn huma l-aħjar stimi tagħhom tal-fatti sottostanti, u li l-fehmiet espressi kollha huma sinċiera. Hija konxja tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(3)(a) tar-Regolament (UE) 2022/1925.”

Għal formoli ffirmati diġitalment, il-qasam li ġej huwa għal fini ta’ informazzjoni biss. Jenħtieġ li dan jikkorrispond mal-metadata tal-firma elettronika korrispondenti.

Data:

[firmatarju]

Isem:

Organizzazzjoni:

Pożizzjoni:

Indirizz:

Numru tat-telefown:

Email:

[“firma elettronika”/firma]


(1)  Dwar id-definizzjoni ta “impriża u “kontroll” ara l-Artikolu 2, il-punti (27) u (28), tar-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar is-Swieq Diġitali) (ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1).

(2)  Dwar il-kalkolu tal-fatturat ara l-Avviż Ġuriżdizzjonali Konsolidat tal-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU C 95, 16.4.2008, p. 1).

(3)  Kif provdut fit-Taqsima B, il-paragrafu 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2022/1925, l-utenti aħħarin attivi ta’ kull xahar għandhom jirreferu għall-għadd medju ta’ utenti aħħarin attivi ta’ kull xahar tul l-akbar parti tas-sena finanzjarja.


ANNESS II

IL-FORMAT U T-TUL TAD-DOKUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU PPREŻENTATI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2022/1925

FORMAT TAD-DOKUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU PPREŻENTATI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2022/1925

Id-dokumenti mressqa lill-Kummissjoni skont l-Artikoli 3, 8(3), 9, 10, 11, 14, 15, 17, 18, 19, 24, 25, 29 u 34 tar-Regolament (UE) 2022/1925 għandhom jiġu ppreżentati f’format li jippermetti lill-Kummissjoni tipproċessahom b’mod elettroniku u, b’mod partikolari, tippermetti d-diġitalizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-karattri tagħhom.

Għal dan l-għan, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:

(a)

it-test, f’format A4, għandu jkun jista’ jinqara faċilment u għandu jidher biss fuq naħa waħda tal-paġna;

(b)

id-dokumenti prodotti fuq karta għandhom ikunu miġbura flimkien b’mod li jkun jista’ faċilment jitneħħa (mingħajr legatura u mingħajr mezzi fissi oħra bħalma huma l-kolla, l-istaples, eċċ.);

(c)

it-test għandu jkun miktub b’ittri ta’ tipa komuni (bħal Times New Roman, Courier jew Arial) b’daqs ta’ minn tal-inqas 12-il punt fit-test u minn tal-inqas 10 punti fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, bi spazju ta’ 1 bejn il-linji u b’marġnijiet, fuq il-parti ta’ fuq, ta’ isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna ta’ minn tal-inqas 2,5 cm (massimu 4 700 karattru kull paġna);

(d)

il-paġni u l-paragrafi ta’ kull dokument għandhom jiġu nnumerati konsekuttivament.

IT-TUL TAD-DOKUMENTI LI GĦANDHOM JIĠU PPREŻENTATI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) 2022/1925

Ir-regoli li ġejjin dwar il-limiti tal-paġni japplikaw għat-tipi rispettivi ta’ dokumenti stabbiliti hawn taħt. Bħala eċċezzjoni, kwalunkwe anness li jakkumpanja dawk id-dokumenti ma għandux jgħodd għal-limiti tal-paġni applikabbli, sakemm dawk l-annessi jkollhom funzjoni purament evidenzjali u strumentali u jkunu proporzjonati fin-numru u fit-tul.

(a)   Notifiki skont l-Artikolu 3(3), l-ewwel subparagrafu, u sottomissjonijiet ta’ informazzjoni wara talba tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2022/1925

L-informazzjoni kollha dwar il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925 għandha tiġi ppreżentata fil-korp tal-Formola GD ipprovduta fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

Għal kull servizz ewlieni distint tal-pjattaforma, inklużi d-delineazzjonijiet alternattivi plawżibbli kollha tiegħu, li fir-rigward tagħhom l-impriża notifikanti tilħaq il-limiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925, l-għadd massimu ta’ paġni fin-notifika kkonċernata għandu jkun 50. Dan il-limitu ta’ paġna japplika għall-informazzjoni pprovduta b’rabta mas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma fit-Taqsima 2 u fit-Taqsima 4 tal-Formola GD. Fil-mili tat-Taqsimiet 2, 3 u 4 ta’ din il-Formula, il-partijiet notifikanti huma mistiedna li jikkonsidraw jekk, għall-iskopijiet taċ-ċarezza, li dawn it-taqsimiet huma l-aħjar ippreżentati f’ordni numerika, jew jekk ikunu jistgħu jinġabru flimkien għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma distint.

(b)   Argumenti sostanzjati skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) 2022/1925

Għal kull servizz ewlieni distint tal-pjattaforma li għalih l-impriża notifikanti tagħżel li tippreżenta argumenti sostanzjati skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) 2022/1925, l-għadd massimu ta’ paġni għandu jkun 30.

(c)   Talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2022/1925

Għal talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2022/1925, in-numru massimu ta’ paġni għandu jkun ta’ 30.

(d)   Tweġibiet għas-sejbiet preliminari skont ir-Regolament (UE) 2022/1925

Meta l-Kummissjoni infurmat lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata bil-miktub dwar is-sejbiet preliminari tagħha bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 8, 9(1), 10(1), 17, 18, 24, 25, 29, 30 jew 31(2) tar-Regolament (UE) 2022/1925, in-numru massimu ta’ paġni tat-tweġiba bil-miktub għandu jkun ta’ 50 paġna jew in-numru ta’ paġni tas-sejbiet preliminari, skont liema jkun l-ogħla.