14.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/808

tal-5 ta’ April 2023

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ April 2023,

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Evaporatur (“atomizzatur”) riutilizzabbli (li jista’ jerġa’ jimtela), għal sigarett elettroniku, li jikkonsisti fi:

bażi b’fetħa għar-regolazzjoni tal-arja u konnettur għall-konnessjoni mal-apparat tal-provvista tal-elettriku (mhux ippreżentat mal-atomizzatur),

ħiter b’wajer tal-metall u qoton,

kontenitur tal-ħġieġ, u

bokkin.

L-atomizzatur jiġi ppreżentat mingħajr likwidu elettroniku.

L-atomizzatur huwa konness mal-apparat tal-provvista tal-elettriku permezz ta’ konnettur bil-kamin li jistabbilixxi wkoll il-konnessjoni elettrika. L-elettriku fornut isaħħan il-wajer tal-ħiter li mbagħad isaħħan u jivvaporizza l-likwidu elettroniku. Dan jipproduċi raxx tal-fwar li l-utent jiġbed man-nifs.

8543 40 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata skont ir-regoli ġenerali 1, 2(a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (GIR), u skont il-kliem tal-kodiċijiet NM 8543 u 8543 40 00 .

Għalkemm l-atomizzatur huwa adattat għall-użu ma’ sigarett elettroniku biss, il-klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 8543 90 00 , bħala parti mis-sigarett elettroniku, hija eskluża peress li l-atomizzatur huwa assemblaġġ ta’ partijiet tant avvanzat li diġà għandu l-karatteristiċi essenzjali tal-oġġett komplut, is-sigarett elettroniku (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tat-Taqsima XVI, Ġenerali, (IV) Magni mhux kompluti).

B’mod aktar speċifiku, l-atomizzatur jinkludi l-elementi kollha neċessarji biex jitwettqu l-funzjonijiet li għalihom huwa ddisinjat sigarett elettroniku, jiġifieri, li jsaħħan u jivvaporizza l-likwidu elettroniku, biex b’hekk l-utent ikun jista’ jiġbed ir-raxx tal-fwar, prodott mill-bokkin, man-nifs. Konsegwentement, għandu l-karattru essenzjali tal-oġġett komplut, u għalhekk għandu jitqies bħala sigarett elettroniku mhux komplut skont it-tifsira tal-GIR 2(a).

Għaldaqstant, il-prodott għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8543 40 00 , bħala sigarett elettroniku.

(Ara l-istampa) (*1)

 

Image 1

(Minn isfel sa fuq: bażi, ħiter, kontenitur tal-ħġieġ, bokkin)


(*1)  L-istampa għandha tintuża biss għal raġunijiet ta’ informazzjoni.