|
14.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 101/16 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/807
tal-15 ta’ Diċembru 2022
dwar ir-reviżjoni tal-fattur tal-enerġija primarja għall-elettriku fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(2) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Skont id-dispożizzjoni fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna fl-Anness IV tad-Direttiva 2012/27/UE, sal-25 ta’ Diċembru 2022 u kull erba’ snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-koeffiċjent awtomatiku abbażi ta’ data osservata. |
|
(2) |
Il-Kummissjoni wettqet studju dwar ir-reviżjoni tal-fattur tal-enerġija primarja (PEF) sabiex tirrifletti l-progress teknoloġiku u s-sehem dejjem jikber tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku sa mill-2018. |
|
(3) |
L-istudju jappoġġa l-metodoloġija stabbilita fil-Premessa 40 tad-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li tuża l-metodu ta’ kontabbiltà tal-“kontenut tal-enerġija fiżika” għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana nukleari, il-metodu tal-“effiċjenza tal-konverżjoni teknika” għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana mill-fjuwils fossili u mill-bijomassa, u l-metodu ekwivalenti dirett ibbażat fuq l-approċċ tal-“enerġija primarja totali” għall-enerġija rinnovabbli mhux kombustibbli. |
|
(4) |
L-istudju jirrikonoxxi l-ħtieġa li jintuża PEF li jħares ’il quddiem sabiex jirrifletti l-impatt tal-effiċjenza fl-enerġija fil-futur. Għalhekk, ir-reviżjoni tal-koeffiċjent awtomatiku ssegwi l-metodoloġija stabbilita fil-Premessa 40 tad-Direttiva (UE) 2018/2002, u abbażi ta’ data osservata, tagħżel bħala l-koeffiċjent awtomatiku l-valur medju tal-PEF għall-2024 u l-2025. |
|
(5) |
Għalhekk, l-Anness IV tad-Direttiva 2012/27/UE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness IV tad-Direttiva 2012/27/UE huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.
(2) Id-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).
ANNESS
Fl-Anness IV tad-Direttiva 2012/27/UE, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(3) |
Applikabbli meta l-iffrankar tal-enerġija jiġi kkalkolat f’termini ta’ enerġija primarja fejn jintuża approċċ minn isfel għal fuq ibbażat fuq il-konsum tal-enerġija finali. Għall-iffrankar f’kWh ta’ elettriku, l-Istati Membri għandhom japplikaw koeffiċjent stabbilit permezz ta’ metodoloġija trasparenti fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi nazzjonali li jaffetwaw il-konsum tal-enerġija primarja, sabiex jiġi żgurat kalkolu preċiż ta’ kemm jiġi ffrankat fil-verità. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom ikunu sostanzjati, verifikabbli u bbażati fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Għall-iffrankar f’kWh ta’ elettriku l-Istati Membri jistgħu japplikaw koeffiċjent awtomatiku ta’ 1,9 jew jużaw id-diskrezzjoni tagħhom biex jiddefinixxu koeffiċjent differenti, bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu jiġġustifikawh. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw it-taħlita ta’ enerġetika inkluża fil-pjani nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima li għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1999. Sal-25 ta’ Diċembru 2022 u kull erba’ snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-koeffiċjent awtomatiku abbażi ta’ data osservata. Dik ir-reviżjoni għandha ssir filwaqt li jitqiesu l-effetti tagħha fuq liġijiet oħra tal-Unjoni bħad-Direttiva 2009/125/KE u r-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 1).” |