|
5.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 96/4 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/736
tal-31 ta’ Marzu 2023
dwar id-definizzjoni tad-dettalji tekniċi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq għal derivattivi marbuta ma’ punti ta’ negozjar virtwali fl-Unjoni għajr it-TFF
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2022/2578 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin (ir-“Regolament MCM”) jistabbilixxi mekkaniżmu temporanju ta’ korrezzjoni tas-suq (“MCM”) għal ordnijiet imqiegħda għan-negozjar ta’ derivattivi tal-Faċilità ta’ Trasferiment ta’ Titoli (TTF) u derivattivi marbuta ma’ punti ta’ negozjar virtwali (“VTPs”) oħra b’maturitajiet ta’ bejn xahar bil-quddiem u sena bil-quddiem. Dan ifisser li l-MCM japplika għal kwalunkwe derivattiv ta’ komodità, innegozjat f’suq regolat, li l-bażi tiegħu hija tranżazzjoni fil-gass fi kwalunkwe VTP fl-Unjoni. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament MCM, l-MCM japplika għal ordnijiet magħmula għan-negozjar tat-TTF u derivattivi marbuta ma’ punti ta’ negozjar virtwali oħrajn li jinsabu fl-Unjoni. |
|
(3) |
Ir-Regolament MCM jistabbilixxi d-dettalji tekniċi tal-applikazzjoni tal-MCM biss fir-rigward tal-ordnijiet magħmula għad-derivattivi tat-TTF, u mhux għal ordnijiet magħmula għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra. Dan minħabba l-ħtieġa urġenti li l-MCM jiġi applikat għad-derivattivi tat-TTF, li ta’ spiss jitqies bħala l-indikatur tal-ipprezzar standard fis-swieq Ewropej tal-gass, u minħabba li l-applikazzjoni tal-MCM għal ordnijiet għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra kienet teħtieġ preparazzjoni addizzjonali. Għalhekk, ir-Regolament MCM jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tiddefinixxi d-dettalji tekniċi tal-applikazzjoni tal-MCM għal derivattivi marbuta ma’ tali VTPs oħra, jiġifieri fir-rigward tal-okkorrenza ta’ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq u l-applikazzjoni ta’ limitu dinamiku għall-offerti fir-rigward ta’ tali derivattivi. Ir-Regolament MCM jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li teskludi eċċezzjonalment ċerti derivattivi fost dawk marbuta ma’ VTPs oħra. |
|
(4) |
Id-definizzjoni tad-dettalji tekniċi tal-applikazzjoni tal-MCM għal derivattivi marbuta ma’ tali VTPs oħra, kif ukoll l-esklużjoni possibbli mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MCM ta’ ċerti derivattivi fost dawk marbuta ma’ VTPs oħra, jenħtieġ li tiġi infurmata mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament MCM, jiġifieri l-likwidità u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet tad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra, u l-impatt li l-estensjoni tal-MCM għad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra jkollha fuq il-flussi intra-Unjoni tal-gass u s-sigurtà tal-provvista u fuq l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Tali definizzjoni u esklużjoni possibbli jenħtieġ li jiġu infurmati wkoll mir-rapporti tal-valutazzjoni tal-effetti mill-ACER u mill-ESMA sottomessi sal-1 ta’ Marzu 2023 skont l-Artikolu 8(2), tar-Regolament MCM. |
|
(5) |
L-MCM għad-derivattivi tat-TTF jattiva ruħu meta jseħħ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, jiġifieri, meta l-prezz tas-saldu tad-derivattivi tat-TTF front-month, kif ippubblikat minn ICE Endex B.V., jaqbeż EUR 180/MWh u jkun EUR 35 ogħla mill-prezz ta’ referenza għal 3 ijiem xogħol. L-MCM għad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi attivat fl-istess ħin, meta jseħħ l-istess avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq. Dan minħabba żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel nett, jekk jitqabblu mad-derivattiv tat-TTF, ħafna mid-derivattivi marbuta ma’ VTPs għajr it-TTF huma inqas likwidi. Li kieku l-attivazzjoni tal-MCM kellha tkun ibbażata fuq futuri illikwidi, il-mekkaniżmu jista’ jkun vulnerabbli għall-manipulazzjoni u jirriżulta f’attivazzjonijiet mhux meħtieġa jew f’attivazzjonijiet tard. It-tieni, li kieku l-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq kellu jiġi attivat għal xi derivattivi tal-VTPs biss, in-negozjar jista’ jaqleb għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra li jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet fis-swieq tal-enerġija jew finanzjarji tal-Unjoni, pereżempju permezz ta’ arbitraġġ mill-parteċipanti fis-suq bejn derivattivi kkoreġuti u mhux ikkoreġuti, għad-detriment tal-konsumaturi. Din il-valutazzjoni hija kondiviża mir-rapport ta’ valutazzjoni tal-ACER, li jiddikjara li anke l-MCM għad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra fl-Unjoni jenħtieġ li jiġi attivat abbażi tal-prezz tas-saldu tad-derivattivi tat-TTF front-month, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament MCM. |
|
(6) |
Malli jseħħ avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq, ir-regolament MCM jistabbilixxi limitu dinamiku għall-offerti, skont liema l-operaturi tas-suq jenħtieġ li ma jaċċettawx u l-parteċipanti fis-suq tad-derivattivi tat-TTF jenħtieġ li ma jissottomettux ordnijiet għad-derivattivi tat-TTF li għandhom jiskadu fil-perjodu mid-data ta’ skadenza tad-derivattiv tat-TTF front-month sad-data ta’ skadenza tad-derivattiv tat-TTF front-month bi prezzijiet ta’ EUR 35/MWh ogħla mill-prezz ta’ referenza ppubblikat mill-ACER fil-jum ta’ qabel. Dan il-limitu dinamiku tal-offerti huwa xieraq ukoll għall-ordnijiet għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra u ma jeħtieġx modifiki. Bħal fil-każ tad-derivattivi tat-TTF, primjum tas-sigurtà tal-provvista ta’ EUR 35/MWh jirrappreżenta d-differenza medja bejn il-prezz ta’ referenza u l-prezz tal-futuri ta’ xahar bil-quddiem għal għadd ta’ derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra fis-sajf tal-2022 u dan jirrifletti l-kostijiet tal-konġestjonijiet possibbli tal-infrastruttura meta jiġi mċaqlaq il-gass mit-terminal tal-LNG lejn l-Ewropa kontinentali f’reġjuni oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-istess limitu massimu ta’ sikurezza fid-derivattivi kollha tal-VTPs jenħtieġ li tillimita r-riskju ta’ negozjar li jiċċaqlaq bla bżonn bejn il-VTPs u r-riskju ta’ distorsjoni tal-kundizzjonijiet ekwi bejn reġjuni differenti fl-Unjoni biex jattiraw l-LNG, u dan jista’ jwassal għal frammentazzjoni tas-swieq fl-Unjoni. Fir-rapport ta’ valutazzjoni tagħha, l-ACER taqbel li l-limitu dinamiku tal-offerti li japplika għall-ordnijiet għad-derivattivi tat-TTF huwa xieraq ukoll għall-ordnijiet għad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-MCM jenħtieġ li japplika għad-derivattivi kollha marbuta ma’ VTPs oħra, u li dan jenħtieġ li ma jkun soġġett għall-ebda eċċezzjoni. Fir-rapporti ta’ valutazzjoni tal-effetti tagħhom, l-ACER u l-ESMA kkonfermaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri li l-inklużjoni tal-VTPs l-oħra ma twassalx għal effetti negattivi sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji jew tal-gass. Kemm l-ACER kif ukoll l-ESMA nnotaw li l-estensjoni tal-MCM għad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra tista’ ġġib magħha benefiċċji addizzjonali limitati, li l-biċċa l-kbira ta’ dawk id-derivattivi ma għandhomx biżżejjed likwidità, u li xi kontropartijiet ċentrali tal-ikklirjar (“CCPs”) jistgħu jġarrbu kostijiet addizzjonali biex ibiddlu l-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tagħhom. Madankollu, fid-dawl tal-implimentazzjoni tar-regolament MCM, kemm l-ACER kif ukoll l-ESMA qablu mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni tal-MCM għad-derivattivi kollha marbuta ma’ VTPs oħra ma twassalx għal effetti negattivi sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji jew tal-gass. Fil-valutazzjoni tagħha u f’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament MCM, il-Kummissjoni analizzat b’mod partikolari l-kriterji li ġejjin. |
|
(8) |
L-ewwel nett, l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra koperti minn dan l-att ta’ implimentazzjoni hija faċilment disponibbli peress li dawn id-derivattivi huma nnegozjati fi swieq regolati li regolarment jipprovdu informazzjoni dwar il-prezzijiet. |
|
(9) |
It-tieni, in-nuqqas ta’ likwidità ta’ xi derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra ma jwassalx għal problemi sinifikanti ta’ implimentazzjoni fil-prattika, peress li l-Kummissjoni għażlet deliberatament il-futuri b’likwidità għolja tat-TTF ta’ xahar bil-quddiem bħala kawża għall-attivazzjoni tal-MCM għal VTPs oħra. |
|
(10) |
It-tielet, l-estensjoni għad-derivattivi marbuta ma’ ċentri oħra x’aktarx li ma jkollha l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq is-sigurtà tal-provvista. Dan għaliex l-istrument ewlieni għall-prevenzjoni ta’ problemi fis-sigurtà tal-provvista, il-“primjum” inkluż fil-limitu tal-offerti (żieda vis-à-vis il-prezzijiet tas-suq tal-LNG, jew “limitu massimu ta’ sikurezza”, kif imsemmi fil-Premessa 19 tar-Regolament MCM) se japplika għad-derivattivi kollha u se jiżgura li l-MCM ma jfixkilx il-kapaċità tal-Unjoni li tattira l-LNG. X’aktarx li l-estensjoni ma jkollha l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-flussi tal-gass intra-UE minħabba l-applikazzjoni temporanja tal-MCM u l-fatt li l-flussi tal-gass fl-Unjoni huma r-riżultat ta’ sett kumpless ta’ pożizzjonijiet li jirriżultaw mhux biss minn kuntratti tad-derivattivi, iżda wkoll minn ħafna impatti oħra, li ma humiex influwenzati mill-MCM, bħal impenji ta’ provvista fit-tul, negozji spot u fuq perjodu ta’ żmien qasir, u tranżazzjonijiet konklużi barra l-borża. |
|
(11) |
Fl-aħħar, ma huwa mistenni l-ebda impatt sinifikanti fuq l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji mill-estensjoni tal-MCM, minħabba li aktar minn 90 % tad-derivattivi tal-gass naturali nnegozjati fi swieq regolati fl-Unjoni huma derivattivi tat-TTF. Fir-rigward tal-kostijiet addizzjonali potenzjali li xi CCPs jistgħu jiffaċċjaw biex ibiddlu l-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tagħhom, l-ESMA nnotat li fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ valutazzjoni tal-effetti tagħha, l-ebda CCP ma pprovda informazzjoni li jistgħu jkunu meħtieġa bidliet sinifikanti minħabba r-Regolament MCM. |
|
(12) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ebda derivattiv marbut ma’ VTPs oħra ma jenħtieġ li jiġi eskluż b’mod eċċezzjonali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-MCM. |
|
(13) |
Sabiex jiġi ppreservat il-funzjonament tajjeb tas-swieq tad-derivattivi u sabiex il-parteċipanti fis-suq ikunu jistgħu jimmaniġġaw b’mod adegwat l-iskoperturi għar-riskju tagħhom, huwa ta’ importanza kbira li dan ir-Regolament ma jfixkilx il-kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għall-istess raġuni, il-parteċipanti fis-suq jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkumpensaw b’mod effettiv il-pożizzjonijiet f’derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra miftuħa qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-limitu dinamiku tal-offerti ma japplikax għal kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u lanqas għal tranżazzjonijiet li jippermettu lill-parteċipanti fis-suq jikkumpensaw jew inaqqsu l-pożizzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti tad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, is-CCPs għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar tal-funzjonament ordnat tas-swieq għad-derivattivi tat-TTF billi jimmitigaw ir-riskju tal-kontroparti. Huwa daqstant importanti li jiġi żgurat li l-estensjoni tal-mekkaniżmu għal VTPs oħra ma tpoġġix lis-CCPs li jikklirjaw l-istrumenti rilevanti f’riskju f’każ ta’ inadempjenza ta’ membru tal-ikklirjar. Għalhekk, jenħtieġ li dawk is-CCPs ikunu jistgħu jimplimentaw proċessi ta’ ġestjoni tal-inadempjenza mingħajr ma jkunu soġġetti għal-limitu tal-offerti. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-limitu dinamiku tal-offerti ma japplikax għal tranżazzjonijiet eżegwiti bħala parti minn proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza organizzat minn CCP. |
|
(14) |
Ma hemm l-ebda raġuni konċepibbli għaliex ma jiġux applikati karatteristiċi oħra tad-disinn tal-MCM għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra. Dan jinkludi r-regoli li jiddixxiplinaw is-sospensjoni tal-MCM. Jenħtieġ li jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 4(8), f’każ ta’ indikazzjonijiet konkreti li avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq ikun imminenti, l-attivazzjoni tal-MCM jenħtieġ li tiġi sospiża jekk dan jikkawża disturbi mhux intenzjonati fis-suq. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 6, l-MCM jenħtieġ li jiġi sospiż fi kwalunkwe ħin jekk il-limitu massimu dinamiku tas-sikurezza jwassal għal tfixkil serju fis-suq, li jaffettwa s-sigurtà tal-provvista, il-miri obbligatorji għat-tnaqqis tad-domanda, jew l-istabbiltà u l-funzjonament ordnat tas-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, il-flussi tal-gass ġewwa l-Unjoni, id-differenzi sostanzjali bejn il-prezzijiet tas-suq tal-gass fl-Unjoni jew imqabbla ma’ żoni oħra fid-dinja, jew il-validità tal-kuntratti eżistenti tal-provvista tal-gass. Il-valutazzjoni ta’ tfixkil mhux intenzjonat fis-suq jenħtieġ li tikkunsidra l-impatt fuq is-suq Ewropew kollu kemm hu u wkoll speċifikament fuq kull VTP li għalih japplika l-MCM; f’każ ta’ tali disturb mhux intenzjonat fis-suq, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tapplika skont l-Artikolu 6 tar-Regolament MCM. |
|
(15) |
Is-sitwazzjoni volatili u imprevedibbli tas-suq tal-gass naturali tagħmilha importanti li jiġi żgurat li l-MCM jista’ jiġi applikat għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra mill-aktar fis possibbli, jekk il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-attivazzjoni tiegħu jiġu ssodisfati. Għalhekk, id-dettalji tekniċi tal-applikazzjoni tal-MCM għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra jenħtieġ li jiġu ddefiniti sal-31 ta’ Marzu 2023. Madankollu, sabiex il-kumpaniji li joperaw il-VTPs fl-Unjoni għajr it-TTF bi żmien biżżejjed biex jagħmlu l-aġġustamenti meħtieġa, dan l-att ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li japplika biss mill-1 ta’ Mejju 2023. |
|
(16) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-MCM. |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jiddefinixxi d-dettalji tekniċi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq għal derivattivi marbuta ma’ punti ta’ negozjar virtwali (“VTPs”) fl-Unjoni minbarra l-punt ta’ negozjar virtwali tal-Faċilità ta’ Trasferiment ta’ Titoli (TFF) f’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2022/2578.
Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:
|
(1) |
“derivattiv front-month marbut ma’ VTPs oħra” tfisser derivattiv marbut ma’ VTPs oħra li d-data ta’ skadenza tiegħu hija l-eqreb fost id-derivattivi b’maturità ta’ xahar innegozjati f’suq regolat partikolari; |
|
(2) |
“derivattiv front-year marbut ma’ VTPs oħra” tfisser derivattiv marbut ma’ VTPs oħra li d-data ta’ skadenza tiegħu hija l-eqreb fost id-derivattivi b’maturità ta’ 12-il xahar innegozjati f’suq regolat partikolari. |
Artikolu 3
Applikazzjoni tal-MCM għal VTPs oħra
Dan ir-Regolament japplika għal ordnijiet magħmula għal derivattivi tan-negozjar marbuta ma’ VTPs li jinsabu fl-Unjoni, minbarra t-TFF.
Artikolu 4
Avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq fir-rigward ta’ VTPs oħra fl-Unjoni
(1) Avveniment ta’ korrezzjoni tas-suq relatat ma’ derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra għandu jseħħ meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet definiti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2022/2578.
(2) Il-limitu dinamiku tal-offerti skont l-Artikolu 4(5) u (7) tar-Regolament MCM għandu japplika għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra li se jiskadu fil-perjodu mid-data ta’ skadenza tad-derivattivi front-month sad-data ta’ skadenza tad-derivattivi front-year.
(3) L-operaturi tas-suq fis-suq għad-derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra u l-parteċipanti fis-suq f’tali derivattivi għandhom jimmonitorjaw is-sit web tal-ACER kuljum.
Artikolu 5
Sospensjoni u diżattivazzjoni tal-MCM fir-rigward ta’ derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra
Din is-sospensjoni u d-diżattivazzjoni tal-MCM fir-rigward ta’ derivattivi marbuta ma’ VTPs oħrajn għandha ssir f’konformità mal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament MCM.
Artikolu 6
Anterjorità
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal dawn li ġejjin:
|
(a) |
kuntratti għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament; |
|
(b) |
ix-xiri u l-bejgħ ta’ derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra sabiex jiġu paċuti jew imnaqqsa l-kuntratti għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra konklużi qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament; |
|
(c) |
ix-xiri u l-bejgħ ta’ kuntratti għal derivattivi marbuta ma’ VTPs oħra bħala parti minn proċedura CCP ta’ ġestjoni tal-inadempjenza, inkluż negozjati OTC irreġistrati fis-suq regolat għall-finijiet tal-ikklirjar. |
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Mejju 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2578 tat-22 ta’ Diċembru 2022 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq biex jipproteġi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-ekonomija kontra prezzijiet eċċessivament għoljin (ĠU L 335, 29.12.2022, p. 45.)