3.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/722

tal-31 ta’ Marzu 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2023/427 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/427 tal-25 ta’ Frar 2023 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1, il-punt (20) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2023/427, li emenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 (2) u introduċa aktar miżuri restrittivi biex jiġu sospiżi l-attivitajiet tax-xandir fl-Unjoni, jew diretti lejn l-Unjoni, ta’ ċerti strumenti tal-media. Dawk l-istrumenti tal-media huma stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2023/427. Skont l-Artikolu 1, il-punt (20), tar-Regolament (UE) 2023/427, l-applikabbiltà ta’ tali miżuri fir-rigward ta’ wieħed jew diversi minn dawk l-istrumenti tal-media hija soġġetta għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kunsill.

(2)

Wara li eżamina l-każijiet rispettivi, il-Kunsill ikkonkluda li l-miżuri restrittivi msemmija fl-Artikolu 2f tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 jenħtieġ li japplikaw mill-10 ta’ April 2023 fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2023/427,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 2f tar-Regolament (UE) Nru 833/2014 għandhom japplikaw mill-10 ta’ April 2023 fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2023/427.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 59I, 25.2.2023, p. 6.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1).