3.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/10


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/721

tal-31 ta’ Marzu 2023

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' April 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 359/2011.

(2)

Abbażi ta' rieżami tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK (2), il-Kunsill iddeċieda li l-miżuri restrittivi li jinsabu fiha jenħtieġ li jiġġeddu sat-13 ta' April 2024.

(3)

L-entrata fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 li tikkonċerna persuna waħda ddeżinjata jenħtieġ li titneħħa minn dak l-Anness. Il-Kunsill ikkonkluda wkoll li l-entrati li jikkonċernaw 18-il persuna u tliet entitajiet inklużi fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jenħtieġ li jiġu aġġornati.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  ĠU L 100, 14.4.2011, p.1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta' April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).


ANNESS

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 359/2011 ("Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2(1)") huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata 82 (li tikkonċerna lil SARAFRAZ Mohammad (Dr.)) fil-lista intitolata "Persuni" titħassar;

(2)

l-entrati għat-18-il persuna li ġejja huma sostitwiti b'dan li ġej:

 

Persuni

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“17.

SOLTANI Hodjatoleslam Seyed Mohammad

Sess: raġel

Hodjatoleslam Seyed Mohammad Soltani ilu mill-2018 iservi bħala viċi prosekutur fir-Revolutionary Prosecution Office, Mashhad. Kap tal-Organisation for Islamic Propaganda fil-provinċja ta' Khorasan-Razavi. Eks Imħallef, Qorti Rivoluzzjonarji ta' Mashhad (2013-2019). Proċessi taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li bosta sentenzi ta' eżekuzzjoni nqatgħu kollha flimkien, ingħataw pieni tal-mewt mingħajr osservanza xierqa ta' proċeduri ta' smigħ ġust. Huwa responsabbli li ta sentenzi ħorox ta' ħabs lil ċittadini tal-minoranza Baħai, minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom, permezz ta' proċessi inġusti neqsin mill-proċess korrett tal-liġi, u l-użu ta' proċeduri extraġudizzjarji.

12.4.2011

19.

JAFARI-DOLATABADI Abbas

Post tat-twelid: Yazd (Iran)

Data tat-twelid: 1953

Sess: raġel

Eks konsulent għas-Supreme Disciplinary Court for Judges (29 ta' April 2019 sa mill-inqas l-2020). Eks Prosekutur Ġenerali ta' Tehran (Awwissu 2009-April 2019). L-uffiċċju ta' Abbas Jafari-Dolatabadi akkuża għadd kbir ta' dimostranti, inkluż individwi li ħadu sehem fil-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta' Karroubi f'Settembru 2009 u l-arrest ta' diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f'Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw b'"Muharebeh", jew "mibegħda kontra Alla", li ġġorr il-piena tal-mewt, u ċaħad il-proċess dovut tal-liġi lil dawk li kienu qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt. Bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika, l-uffiċċju tiegħu kellu wkoll fil-mira tiegħu u arresta riformisti, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, u membri tal-media.

F'Ottubru 2018, huwa ħabbar lill-media li l-erba' attivisti ambjentali Iranjani li ġew arrestati kellhom jiġu akkużati bi "trawwim tal-korruzzjoni fid-dinja", akkuża li ġġorr il-piena tal-mewt.

12.4.2011

21.

MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein

Post tat-twelid: Ejiyeh (Iran)

Data tat-twelid: madwar 1956

Sess: raġel

Prim Imħallef minn Lulju 2021. Membru tal-Kunsill ta' Espedjenza. Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 sal-2014. Eks Viċi Kap tal-Ġudikatura (2014 sa Lulju 2021) u kelliem għall-Ġudikatura (2010-2019). Ministru għall-Intelligence mill-2005 sal-2009. Waqt li kien Ministru għall-Intelligence matul l-elezzjoni tal-2009, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni u t-tortura, u l-akkwist ta' stqarrijiet foloz taħt pressjoni mingħand mijiet ta' attivisti, ġurnalisti, dissidenti u politiċi riformisti. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjoni insopportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatt, u t-theddid ta' membri tal-familja. Matul il-protesti tal-2022 u l-2023, Gholam-Hossein Mohseni-Ejei ddikjara li mhux ser ikun hemm klemenza mad-dimostranti.

12.4.2011

25.

SALAVATI Abdolghassem

Sess: raġel

Imħallef tal-Ispecial Court for Financial Crimes, fergħa 4, mill-2019. Eks Kap tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Tehran, fergħa 15. Imħallef fit-Tribunal ta' Tehran. Inkarigat mill-kawżi ta' wara l-elezzjoni, huwa kien l-Imħallef li ppresieda l-"proċessi spettaklu" fis-sajf tal-2009, huwa kkundanna għall-mewt żewġ monarkisti li dehru fil-proċessi spettaklu. Huwa kkundanna aktar minn mitt priġunier politiku, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, u dimostranti għal sentenzi ta' priġunerija fit-tul.

Fl-2018, ir-rapporti wrew li kompla jagħti sentenzi simili mingħajr l-osservanza xierqa tal-proċeduri ta' smigħ ġust.

Matul il-protesti tal-2022, Abdolghassem Salavati kkundanna għall-mewt bosta dimostranti, inkluż lil Mohammad Beroghani u Saman Seydi.

12.4.2011

43.

JAVANI Yadollah

Sess: raġel

Nazzjonalità: Iranjana

Grad: Brigadier Ġeneral

Viċi kmandant tal-IRGC għall-affarijiet politiċi. Għamel diversi tentattivi biex joħnoq il-libertà tal-kelma u d-diskors ħieles permezz tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu b'appoġġ għall-arrest u l-kastig tad-dimostranti u dawk li ma jaqblux. Wieħed mill-ewwel uffiċjali għolja li fl-2009 talbu l-arrest ta' Moussavi, Karroubi u Khatami. Appoġġa l-użu ta' tekniki li jiksru d-dritt għal proċess ġust, fosthom konfessjonijiet pubbliċi u ħareġ il-kontenut tal-interrogazzjonijiet qabel il-proċess. L-evidenza tindika wkoll li approva l-użu tal-vjolenza fuq dimostranti u bħala membru integrali tal-IRGC x'aktarx li kien jaf bl-użu ta' tekniki ħorox ta' interrogazzjoni għal konfessjonijiet sfurzati.

10.10.2011

57.

HAJMOHAM- MADI Aziz (magħruf ukoll bħala Aziz Hajmohammadi, Noorollah Azizmohammadi)

Post tat-twelid: Tehran (Iran)

Data tat-twelid: 1948

Sess: raġel

Imħallef fil-fergħa 71 tal-Qorti Kriminali fil-Provinċja ta' Tehran. Matul il-ħidma tiegħu fil-ġudikatura sa mill-1971, huwa kien involut f'diversi kawżi kontra dimostranti, fosthom dik ta' Abdol-Reza Ghanbari, għalliem arrestat f'Jannar 2010 u kkundannat għall-mewt għall-attivitajiet politiċi tiegħu.

10.10.2011

58.

BAGHERI Mohammad-Bagher

Sess: raġel

Fl-2019, Mohammad-Bagher Bagheri nħatar Viċi Kap tal-Ġudikatura għall-Affarijiet Internazzjonali u Segretarju tal-Persunal tad-Drittijiet tal-Bniedem minflok Mohammad Javad Larijani f'din il-pożizzjoni b'digriet ta' Ebrahim Raisi. Huwa kien imħallef fil-Qorti Suprema bejn Diċembru 2015 u l-2019. Eks viċi president tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-provinċja ta' Khorasan tan-Nofsinhar, responsabbli għall-prevenzjoni tal-kriminalità. Minbarra li f'Ġunju 2011 irrikonoxxa 140 eżekuzzjoni, bejn Marzu 2010 u Marzu 2011, għal reati li jġorru l-piena tal-mewt, huwa rrappurtat li twettqu madwar 100 eżekuzzjoni oħra fl-istess perjodu u fl-istess provinċja ta' Khorasan tan-Nofsinhar, mingħajr ma ġew avżati l-familji jew l-avukati. Għaldaqstant huwa kompliċi fi ksur gravi tad-dritt għal proċess ġust u kkontribwixxa għal għadd kbir ta' pieni tal-mewt.

10.10.2011

60.

HOSSEINI Dr Seyyed Mohammad (magħruf ukoll bħala HOSSEYNI Dr Seyyed Mohammad; Seyed, Sayyed u Sayyid)

دکتر سيد محمد حسيني

Post tat-twelid: Rafsanjan, Kerman (Iran)

Data tat-twelid: 23.7.1961

Sess: raġel

Viċi President għall-affarijiet parlamentari taħt il-President Raisi minn Awwissu 2021. Eks konsulent tal-President Mahmoud Ahmadinejad u kelliem għall-fazzjoni politika estremista YEKTA. Ministru għall-Kultura u l-Gwida Iżlamika (2009-2013). Eks Viċi Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB). Eks konsulent għad-Direttur tal-Islamic Culture and Relations Organisation (ICRO). Eks IRGC, kompliċi fir-repressjoni ta' ġurnalisti.

10.10.2011

66.

MIRHEJAZI Ali Ashgar

Data tat-twelid: 8 ta' Settembru 1946

Post tat-twelid: Isfahan

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Konsulent dwar l-intelligence tal-Mexxej Suprem. Parti miċ-ċirku intern tal-Mexxej Suprem, wieħed minn dawk responsabbli li ppjanaw it-trażżin tal-protesti, li ilu jiġi implimentat sa mill-2009, u huwa assoċjat ma' dawk responsabbli sabiex irażżnu l-protesti.

Huwa kien responsabbli wkoll għall-ippjanar tat-trażżin tal-inkwiet pubbliku f'Diċembru 2017/2018 u Novembru 2019.

23.3.2012

69.

MORTAZAVI Seyyed Solat

Post tat-twelid: Farsan, Tchar Mahal-o-Bakhtiari (South) - (Iran)

Data tat-twelid: 1967

Sess: raġel

Mid-19 ta' Ottubru 2022 (aġent) Ministru għall-Kooperattivi, ix-Xogħol u l-Protezzjoni Soċjali. Minn Settembru 2021 sa Ottubru 2022, Viċi President għall-Affarijiet Eżekuttivi tal-Iran u Kap tal-Uffiċċju Presidenzjali. Kap tal-fergħa tal-proprjetà immobbli tal-Fondazzjoni Mostazafan, li kienet immexxija direttament mill-Mexxej Suprem Khamenei mis-16 ta' Settembru 2019 sa Settembru 2021. Sa Novembru 2019, Direttur tal-fergħa ta' Tehran tal-Fondazzjoni Astan Qods Razavi. Eks sindku tat-tieni l-akbar belt tal-Iran, Mashhad, fejn regolarment jitwettqu eżekuzzjonijiet pubbliċi. Eks Viċi Ministru għall-Intern għall-Affarijiet Politiċi, maħtur fl-2009. F'dik il-kapaċità, kien responsabbli biex imexxi r-repressjoni ta' persuni li tkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluż il-libertà tal-espressjoni. Aktar tard maħtur bħala Kap tal-Kumitat Elettorali Iranjan għall-elezzjonijiet parlamentari fl-2012 u għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-2013.

23.3.2012

77.

JAFARI Reza

Data tat-twelid: 1967

Sess: raġel

Eks konsulent għad-Disciplinary Court for Judges (2012-2022). Membru tal-"Committee for Determining Criminal Web Content", korp responsabbli miċ-ċensura tas-siti web u tal-media soċjali. Eks Kap tal-prosekuzzjoni speċjali taċ-ċiberkriminalità bejn l-2007 u l-2012. Kien responsabbli għar-repressjoni tal-libertà ta' espressjoni, inkluż permezz tal-arrest, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' bloggers u ġurnalisti. Persuni arrestati fuq suspett ta' ċiberkriminalità kienu maltrattati u soġġetti għal proċess ġudizzjarju inġust.

23.3.2012

81.

MOUSSAVI Seyed Mohammad Bagher (magħruf ukoll bħala MOUSAVI Sayed Mohammed Baqir)

محمدباقر موسوی

Sess: raġel

Imħallef tal-Qorti Rivoluzzjonarja ta' Ahwaz, Fergħa 2 (2011-2015), li ikkundanna għall-mewt għadd ta' persuni, inkluż ħames Għarab minn Ahwaz, Mohammad Ali Amouri, Hashem Sha'bani Amouri, Hadi Rashedi, Sayed Jaber Alboshoka, Sayed Mokhtar Alboshoka, fis-17 ta' Marzu 2012 għal "attivitajiet kontra s-sigurtà nazzjonali" u "mibegħda kontra Alla". Il-kundanni ġew aċċettati mill-Qorti Suprema tal-Iran fid-9 ta' Jannar 2013. Il-ħamsa li huma ġew arrestati mingħajr ma ġew mixlija għal aktar minn sena, ġew ittorturati u kkundannati mingħajr proċess korrett tal-liġi. Hadi Rashedi u Hashem Sha'bani Amouri ġew iġġustizzjati fl-2014.

12.3.2013

83.

JAFARI Asadollah

Sess: raġel

Bħalissa Avukat Ġenerali f'Isfahan. F'din il-pożizzjoni, ordna reazzjonijiet vjolenti kontra d-dimostranti li ħarġu fit-toroq f'Novembru 2021 biex jipprotestaw kontra l-iskarsezzi tal-ilma. Skont xi rapporti, Asadollah Jafari ħabbar il-formazzjoni ta' uffiċċju speċjali biex jinvestiga d-dimostranti arrestati.

Mill-2017 sal-2021, huwa okkupa l-kariga ta' Avukat Ġenerali fil-Provinċja ta' Khorasan tat-Tramuntana.

Bħala eks Prosekutur tal-Provinċja ta' Mazandaran (2006-2017), Jafari rrakkomanda l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt f'kawżi mmexxija minnu, li rriżulta f'ħafna eżekuzzjonijiet fosthom eżekuzzjonijiet pubbliċi, u f'ċirkostanzi fejn l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt tmur kontra d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, fosthom billi kien sproporzjonat u l-kastig eċċessiv. Jafari kien ukoll responsabbli għall-arresti illegali u l-ksur tad-drittijiet tad-detenuti ta' Baha'i mill-arrest inizjali saż-żamma tagħhom f'iżolament fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni tal-Intelligence.

12.3.2013

84.

EMADI, Hamid Reza (magħruf ukoll bħala: Hamidreza Emadi)

Post tat-twelid: Hamedan (Iran)

Data tat-twelid: madwar 1973

Post ta' residenza: Tehran

Post tax-xogħol: Press TV HQ, Tehran

Sess: raġel

Eks Direttur ta' Press TV Newsroom. Eks Produttur Għoli ta' Press TV.

Responsabbli għall-produzzjoni u x-xandir tal-konfessjonijiet furzati tad-detenuti, fosthom ġurnalisti, attivisti politiċi u persuni li jagħmlu parti mill-minoranza Kurda u dik Għarbija, il-ksur ta' drittijiet internazzjonali rikonoxxuti għal smigħ ġust u proċess korrett tal-liġi. Ir-regolatur indipendenti tax-xandir OFCOM ta multa lil Press TV fir-Renju Unit ta' GBP 100 000 talli xandar il-konfessjoni furzata mill-ġurnalist u produttur tal-films Iranjan-Kanadiż Maziar Bahari fl-2011, li ġiet iffilmjata fil-ħabs waqt li Bahari kien mhedded. L-NGOs irrapportaw aktar każijiet ta' konfessjonijiet furzati fuq it-TV minn Press TV. Emadi għalhekk huwa assoċjat mal-ksur tad-dritt għal proċess korrett tal-liġi u smigħ ġust.

Fl-2016, huwa għadda minn proċeduri dixxiplinari għal fastidju sesswali kontra l-kollega tiegħu Sheena Shirani, li wasslu għas-sospensjoni tiegħu mis-servizz.

12.3.2013

92.

ASHTARI Hossein

Post tat-twelid: Isfahan (magħruf ukoll bħala: Esfahan, Ispahan)

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Pożizzjoni: Kap Kmandant tal-forza tal-pulizija Iranjana

Hossein Ashtari kien il-Kap Kmandant tal-forza tal-pulizija Iranjana minn Marzu 2015 sa Jannar 2023 u huwa membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali. Il-forza tal-pulizija tinkludi l-Unitajiet Emdad u l-Unitajiet Speċjali. Il-forza tal-pulizija ordinarja tal-Iran, l-Unitajiet Emdad u l-Unitajiet Speċjali użaw forza letali biex irażżnu l-protesti ta' Novembru 2019 fl-Iran, u kkawżaw imwiet u korrimenti ta' dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra f'ħafna bliet madwar il-pajjiż. Bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali, Ashtari ħa sehem fis-sessjonijiet li rriżultaw fl-ordnijiet biex tintuża forza letali sabiex jitrażżnu l-protesti ta' Novembru 2019. Ashtari għalhekk iġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.4.2021

95.

VASEGHI Leyla (magħrufa wkoll bħala VASEQI Layla, VASEGHI Leila, VASEGHI Layla)

Post tat-twelid: Sari, Mazandaran Province (Iran)

Data tat-twelid: 1352 (Kalendarju Hijri Iranjan), 1972 jew 1973 (kalendarju Gregorjan)

Sess: mara

Pożizzjoni: Eks gvernatur ta' Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt

Bħala gvernatur ta' Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt minn Settembru 2019 sa Novembru 2021, Leyla Vaseghi ordnat lill-pulizija u lil forzi armati oħra biex jużaw forza letali matul il-protesti ta' Novembru 2019, li kkawżat imwiet u korrimenti ta' dimostranti mhux armati u persuni ċivili oħra. Bħala l-gvernatur ta' Shahr-e Qods u Kap tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Belt, Vaseghi ġġorr ir-responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran. Fil-kuntest tal-protesti tal-2022 u l-2023, l-Iranjani għadhom jiftakruha għar-rwol ewlieni tagħha fir-repressjoni vjolenti, b'dak li qalet fil-pubbliku jaqbel mar-repressjoni attwali.

12.4.2021

137.

REZVANI Ali (magħruf wkoll bħala REZWANI Ali)

رضوانی علی |

Data tat-twelid: 1984

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Kariga: Reporter u preżentatur tal-aħbarijiet rigward affarijiet politiċi u ta' sigurtà tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

Ali Rezvani huwa reporter għall-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB) u preżentatur tal-aħbarijiet fuq il-programm tal-aħbarijiet ta' kull filgħaxija tat-20:30 tal-IRIB.

L-IRIB hija organizzazzjoni tal-media Iranjana kkontrollata mill-istat u inkarigata mit-tixrid ta' informazzjoni mill-gvern. Ix-xandir tal-aħbarijiet ta' kull filgħaxija tat-20:30 tal-IRIB, li jiġi trażmess fuq il-Kanal 2, huwa l-programm ewlieni tal-aħbarijiet u huwa meqjus bħala l-pjattaforma ewlenija tal-IRIB għall-implimentazzjoni tal-aġendi tal-forzi tas-sigurtà, inkluż il-Ministeru għall-Intelligence (MOIS) u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC). Każijiet dokumentati juru li l-aħbarijiet tat-20:30 ixandru ammissjonijiet ta' ħtija furzati.

Fil-kapaċità tiegħu bħala reporter tal-IRIB, Ali Rezvani jieħu sehem f'interrogazzjonijiet li jwasslu għal ammissjonijiet ta' ħtija furzati, b'hekk jinvolvi ruħu direttament u jiffaċilita ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem. Fil-kapaċità tiegħu bħala preżentatur tal-aħbarijiet tat-20:30, Rezvani jippromwovi l-aġenda tal-forzi tas-sigurtà Iranjani, li tiġġustifika l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem bħat-tortura u l-arresti u d-detenzjonijiet arbitrarji. Rezvani jippromwovi wkoll b'mod persistenti l-propaganda kontra persuni li jikkritikaw ir-reġim sabiex jintimidahom u biex jiġġustifika u jħeġġeġ it-trattament ħażin tagħhom, u b'hekk jikser il-libertà tal-espressjoni ħielsa tagħhom.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022

142.

BORMAHANI Mohsen (magħruf wkoll bħala BARMAHANI Mohsen)

محسن برمهانی

Data tat-twelid: 24.5.1979

Post tat-twelid: Neishabur, l-Iran

Nazzjonalità: Iranjana

Sess: raġel

Nru tal-passaport: A54062245 (Iran), jiskadi fit-12.7.2026

Numru tal-identità nazzjonali: 1063893488 (Iran)

Kariga: Viċi Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB)

Mohsen Bormahani huwa l-Viċi Direttur tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB), li jaġixxi bħala leħen ir-reġim.

Fil-pożizzjoni tiegħu, Bormahani jġorr ir-responsabbiltà għall-kontenut tal-IRIB. L-IRIB jillimita serjament u jċaħħad il-fluss liberu tal-informazzjoni lejn il-poplu Iranjan. Barra minn hekk, l-IRIB huwa involut attivament fl-organizzazzjoni u x-xandir ta' "ammissjonijiet ta' ħtija" furzati minn persuni li jikkritikaw ir-reġim, miksuba permezz ta' intimidazzjoni u vjolenza ħarxa. Dawn l-"ammissjonijiet ta' ħtija" ta' spiss jixxandru wara protesti pubbliċi, jew qabel eżekuzzjoni bħala mezz biex jitnaqqsu r-reazzjonijiet mill-pubbliku.

Filwaqt li diversi membri tal-persunal tax-xandir statali ta' profil għoli rriżenjaw reċentement u ċaħdu r-reazzjoni vjolenti tar-reġim Iranjan għall-protesti tal-2022 fl-Iran, Bormahani jkompli jaġixxi fil-pożizzjoni tiegħu bħala Viċi Direttur u f’dikjarazzjonijiet reċenti tiegħu ddefenda r-reġim.

Għalhekk iġorr responsabbiltà għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

12.12.2022”

(3)

l-entrati għat-tliet entitajiet li ġejjin huma sostitwiti b'dan li ġej:

 

Entitajiet

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“2.

Il-Ħabs ta' Evin

Indirizz: Tehran Province, Tehran, District 2, Dasht-e Behesht (Iran)

Il-Ħabs ta' Evin huwa ċentru ta' detenzjoni fejn inżammu priġunieri politiċi u fejn fl-aħħar snin u deċennji saru ripetutament abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura.

Id-dimostranti ta' Novembru 2019 kienu, u għall-inqas sa ċertu punt għadhom, detenuti fil-Ħabs ta' Evin bħala priġunieri politiċi. Il-priġunieri fil-Ħabs ta' Evin qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet proċedurali bażiċi, xi drabi miżmuma f'iżolament jew f'ċelloli ffullati żżejjed b'kundizzjonijiet iġjeniċi ħżiena. Hemm rapporti dettaljati dwar tortura fiżika u psikoloġika. Id-detenuti huma mċaħħda mill-kuntatt mal-familja u l-avukati kif ukoll minn trattament tas-saħħa adegwat.

Fil-kuntest tal-protesti tal-2022 u l-2023, għadhom qed jiġu rrappurtati każijiet ta' tortura. Il-kawża tan-nirien li wasslu għal diversi mwiet u korrimenti f'Ottubru 2022 ma saritx pubblika u l-ħabs jirrifjuta kwalunkwe inkjesta internazzjonali. Fil-kuntest tan-nirien, deher ċar ukoll li l-ħabs juża mini tal-art ikkundannati internazzjonalment biex jipprevjeni ħarbiet mill-ħabs. Diversi ċittadini ta' stati terzi ġew detenuti arbitrarjament fil-Ħabs ta' Evin.

12.4.2021

3.

Il-Ħabs ta' Fashafouyeh (magħruf ukoll bħala: il-Penitenzjarju Ċentrali ta' Greater Tehran, il-Ħabs ta' Hasanabad-e Qom, il-Ħabs ta' Greater Tehran)

Indirizz: Tehran Province, Hasanabad, Bijin Industrial Zone, Tehran, Qom Old Road (Iran)

Telefown: +98 21 5625 8050

Il-Ħabs ta' Fashafouyeh huwa ċentru ta' detenzjoni magħżul oriġinarjament biex jinżammu trasgressuri ta' reati relatati mad-droga u dan l-aħħar żamm ukoll priġunieri politiċi u, f'xi każijiet, ġiegħluhom jaqsmu ċ-ċella ma' persuni dipendenti fuq id-droga. Il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-iġjene huma ħżiena ħafna, neqsin minn ħtiġijiet bażiċi bħall-ilma tax-xorb nadif.

Matul il-protesti ta' Novembru 2019, diversi dimostranti inżammu fil-Ħabs ta' Fashafouyeh, inkluż minorenni. Ir-rapporti jindikaw li d-dimostranti ta' Novembru 2019 kienu soġġetti għal tortura u trattament inuman fil-Ħabs ta' Fashafouyeh, pereżempju billi korrewhom deliberatament bl-ilma jagħli u billi ċaħduhom minn trattament mediku. Skont rapport ta' Amnesty International dwar it-trażżin tal-protesti ta' Novembru 2019, tfal sa 15-il sena ġew detenuti flimkien ma' adulti fil-Ħabs ta' Fashafouyeh. Tliet dimostranti ta' Novembru 2019, li bħalissa qed jinżammu fil-Ħabs ta' Fashafouyeh, ġew ikkundannati għall-mewt minn qorti f'Tehran.

Mill-bidu tal-protesti tal-2022 u l-2023, ġie rrappurtat li 3 000 persuna ġew trasferiti fil-ħabs ta' Fashafouyeh u li bħalissa 835 għadhom hemm. Ġew irrapportati diversi każijiet ta' tortura u konfessjonijiet furzati.

12.4.2021

4.

Il-Ħabs ta' Rajaee Shahr (magħruf ukoll bħala: il-Ħabs ta' Rajai Shahr, Rajaishahr, Raja'i Shahr, Reja'i Shahr, Rajayi Shahr, il-Ħabs ta' Gorhardasht, il-Ħabs ta' Gohar Dasht)

Indirizz: Alborz Province, Karaj, Gohardasht, Moazzen Blvd (Iran)

Telefown: +98 26 3448 9826

Il-ħabs ta' Rajaee Shahr ilu, sa mir-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979, magħruf għaċ-ċaħda tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż it-tortura fiżika u psikoloġika severa ta' priġunieri politiċi u priġunieri minħabba twemmin kif ukoll eżekuzzjonijiet tal-massa mingħajr proċess ġust.

Mijiet ta' detenuti, inkluż tfal, ġew maltrattati severament fil-Ħabs ta' Rajaee Shahr wara l-protesti ta' Novembru 2019. Hemm rapporti kredibbli dwar bosta każijiet ta' tortura u forom oħra ta' kastig krudili, inkluż każijiet li jinvolvu minorenni.

Sa mill-bidu tal-protesti tal-2022 u l-2023, bosta avversarji ġew mibgħuta l-ħabs hemmhekk b'mod arbitrarju f'kondizzjonijiet li xi ġurnalisti ħabsin ddeskrivew bħala perikolużi u kważi intollerabbli.

12.4.2021”