31.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/706

tat-30 ta’ Marzu 2023

li jemenda r-Regolament (UE) 2022/1369 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda tal-gass, u t-tisħiħ tar-rapportar u tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 (1) għandu l-għan li jnaqqas b’mod volontarju, u jekk neċessarju b’mod obbligatorju, id-domanda tal-gass tal-Unjoni, li jiffaċilita l-mili tal-faċilitajiet għall-ħżin tal-gass u li jiżgura tħejjija aħjar għal kwalunkwe interruzzjoni ulterjuri tal-provvista. Ir-Regolament (UE) 2022/1369 ġie adottat abbażi tal-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) fid-dawl tal-kriżi imminenti tal-provvista tal-gass ikkawżata mill-invażjoni Russa mhux provokata u mhux ġustifikata fl-Ukrajna fi Frar 2022 u l-ħtieġa li l-Unjoni tirreaġixxi b’miżuri temporanji fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri.

(2)

Skont ir-Regolament (UE) 2022/1369, l-Istati Membri kellhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex inaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom bi 15 % fil-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2022 sal-31 ta' Marzu 2023. F’każ li l-miżuri volontarji tat-tnaqqis fid-domanda ma jkunux biżżejjed biex jindirizzaw ir-riskju ta’ skarsezza serja fil-provvista, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, ingħata s-setgħa li jiddikjara allert tal-Unjoni, li jiskatta l-obbligu ta’ tnaqqis obbligatorju fid-domanda. F’dawn l-aħħar xhur, l-Istati Membri ħadmu bil-għaqal u adottaw miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu d-domanda rispettiva tagħhom għall-gass bi 15 %, fi spirtu ta’ solidarjetà. Dan diġà rriżulta fi tnaqqis effettiv ta’ iktar minn 15 % fid-domanda għall-gass madwar l-Unjoni minn Awwissu 2022 sa Jannar 2023.

(3)

Madankollu, għad hemm diffikultajiet serji għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Is-sitwazzjoni globali fis-suq tal-gass ma tjibitx minn Frar 2022 sal-lum, u l-Unjoni għadha tiddependi fuq ċerti volumi ta’ gass Russu biex tissodisfa d-domanda kumplessiva tagħha għall-gass, minkejja t-tnaqqis fid-domanda miksub skont ir-Regolament (UE) 2022/1369. It-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija għaċ-ċittadini tal-Unjoni ġie evitat matul is-sena li għaddiet bis-saħħa ta’ miżuri effettivi għall-mili mill-ġdid tal-ħażniet u tnaqqis fid-domanda. Madankollu, 11-il Stat Membru għadhom qed jiddikjaraw twissija bikrija u wieħed minnhom livell ta’ allert f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Għalhekk, peress li l-prezzijiet tal-gass għadhom eċċezzjonalment għoljin u peress li s-sitwazzjoni tal-provvista globali ma tjibitx minn Awwissu 2022 meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2022/1369 sal-lum, hemm ħtieġa urġenti biex jiġu estiżi l-miżuri li għenu biex titrażżan il-kriżi, speċjalment it-tnaqqis kontinwu fid-domanda. Kieku kellhom jitwaqqfu l-miżuri tat-tnaqqis fid-domanda, dan il-waqfien jikkawża bidliet fis-sitwazzjoni stabbli iżda fraġli li l-Unjoni kisbet sal-lum, u jipperikola r-reżiljenza tagħha li jirreaġixxi għal żviluppi futuri possibbli, fosthom il-waqfien totali tal-importazzjonijiet mir-Russja. Għalhekk huwa ta' importanza kbira li jkompli jiġi evitat l-esponiment tal-Unjoni għal skarsezza tal-gass u għal volatilità għolja tal-prezzijiet.

(4)

Minħabba t-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-gass Russu mill-pipelines matul is-sena li għaddiet, il-kapaċità tal-Unjoni li terġa’ timla l-ħażniet attwalment naqset b’mod konsiderevoli, inkluż meta mqabbla mas-sitwazzjoni fis-sajf tal-2022. Minkejja l-fatt li l-kriżi tal-enerġija bdiet fl-2022, l-Unjoni setgħet timporta madwar 60 bcm ta’ gass mir-Russja biex timla l-faċilitajiet ta' ħżin matul dik is-sena, inkluż permezz tal-pipeline NordStream 1. Madankollu, matul is-sajf tal-2022, ir-Russja interrompiet u eventwalment waqqfet għalkollox il-provvisti tal-gass permezz ta' dak il-pipeline, li saritlu ħsara minn atti ta’ sabotaġġ qawwijin f'Settembru 2022 tant li attwalment ma jista’ jittrasporta l-ebda gass u mhux se jkun jista’ jagħmel dan fil-futur prevedibbli. B'kunsiderazzjoni tal-livelli attwali ta’ importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines, l-Unjoni se tirċievi biss massimu ta’ 20 bcm ta’ importazzjonijiet mill-pipelines Russi, dejjem jekk dawk l-importazzjonijiet mhux affidabbli ma jiġux interrotti għalkollox. Għalhekk, hemm riskju serju li jkun hemm skarsezzi tal-gass fl-Unjoni matul ix-xitwa tal-2023-2024.

(5)

Dawn id-diffikultajiet serji huma aggravati minn għadd ta’ riskji addizzjonali u fatturi ġodda, inkluż l-irpiljar fid-domanda Asjatika għall-gass naturali likwifikat (LNG) li jnaqqas id-disponibbiltà tal-gass fis-suq globali tal-gass, il-kundizzjonijiet tat-temp li reċentement komplew jiddeterjoraw, u b’hekk affettwaw il-ħżin tal-enerġija idroelettrika u l-produzzjoni nukleari minħabba livelli baxxi tal-ilma, żviluppi tekniċi ġodda li l-livell ta’ inċertezza fir-rigward tad-disponibbiltà tal-produzzjoni nukleari eżistenti, u li jeħtieġu jirrikorru iktar għall-ġenerazzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass, u iktar possibbiltà ta’ interruzzjonijiet fil-provvista tal-gass, inkluż il-waqfien totali tal-importazzjonijiet tal-gass mir-Russja.

(6)

Dawn id-diffikultajiet serji persistenti u ġodda jaffettwaw il-kapaċità tal-Unjoni li tissodisfa d-domanda għall-gass, b’mod partikolari l-mili fil-ħin u b’mod effiċjenti tal-faċilitajiet tal-ħżin taħt l-art għax-xitwa tal-2023-2024, kif ukoll l-adegwatezza bejn il-provvista u d-domanda matul ix-xitwa tal-2023-2024.

(7)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1369, il-Kummissjoni wettqet rieżami ta’ dak ir-Regolament u r-riżultati tiegħu nġabru fil-qosor f'-rapport ippreżentat mill-Kummissjoni lill-Kunsill. Ir-rapport janalizza xenarji differenti, b’estensjoni u mingħajr estensjoni tal-isforzi għat-tnaqqis fid-domanda skont ir-Regolament (UE) 2022/1369, inkluż estensjoni ta’ seba’ xhur minn April sa Ottubru 2023, estensjoni ta’ tmien xhur minn Awwissu 2023 sa Marzu 2024, u estensjoni ta’ sena minn April 2023 sa Marzu 2024. Ir-rapport jikkonkludi li mingħajr tnaqqis kontinwu fid-domanda, il-livelli tal-ħażniet jilħqu biss 69 bcm sa tmiem Ottubru 2023, li huwa ferm taħt il-mira ta’ 90 % (89,4 bcm) għall-1 ta’ Novembru stabbilit fir-Regolament (UE) 2017/1938 u li l-livelli tal-ħażniet se jiġu eżawriti għalkollox sa Frar 2024.

(8)

Fir-rigward tax-xenarji differenti vvalutati fir-rapport, f’każ ta’ estensjoni ta’ seba’ xhur minn April sa Ottubru 2023, il-faċilitajiet ta' ħżin ikunu mtlew biżżejjed sa tmiem is-sajf tal-2023 (95 bcm sa tmiem Ottubru 2023, u b’hekk tintlaħaq il-mira ta’ 90 %). Madankollu, minħabba li d-domanda għall-gass, anke fi xtiewinormali, hija d-doppju ta’ dik fis-sajf, il-faċilitajiet ta' ħżin ikunu ġew eżawriti kważi għalkollox sa tmiem ix-xitwa tal-2023-2024 (9 bcm sa tmiem Marzu 2024). Dan jimplika tħassib serju ħafna fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u jagħmilha diffiċli ħafna li l-faċilitajiet ta' ħżin jimtlew biżżejjed għax-xitwa ta’ wara. F’każ ta’ estensjoni ta’ tmien xhur minn Awwissu 2023 sa Marzu 2024, il-faċilitajiet ta' ħżin jimtlew bil-mod wisq, u b'hekk jilħqu 80 bcm biss sa tmiem Ottubru 2023, li huwa ferm inqas mill-mira, u l-livelli tal-ħażniet kieku jonqsu għal inqas minn 30 % sa tmiem ix-xitwa tal-2023-2024 (inqas minn 28 bcm), u dan jikkawża tħassib serju fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u jagħmilha diffiċli li l-faċilitajiet ta' ħżin jimtlew biżżejjed għax-xitwa ta’ wara. Huwa biss f’każ ta’ estensjoni ta’ sena bi tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 % minn April 2023 sa Marzu 2024, li l-livelli tal-ħażniet ikunu jissodisfaw il-mira tal-ħżin tal-1 ta’ Novembru 90 % u jilħqu d-89,4 bcm sal-1 ta’ Novembru 2023, fejn l-Istati Membri jkunu fit-triq it-tajba għal provvista żgurata tal-gass għax-xitwa tal-2023-2024 b’43 bcm maħżuna fil-livell tal-Unjoni sa tmiem Marzu 2024.

(9)

Fid-dawl ta' dawk ix-xenarji, ir-rapport jikkonkludi li huwa neċessarju tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 % fuq perjodu ta’ 12-il xahar sa tmiem Marzu 2024 sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkonformaw mal-mira tal-ħżin ta’ 90 % stabbilita fir-Regolament (UE) 2017/1938, li hija kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, u biex tiġi evitata kwalunkwe interruzzjoni fil-provvista matul ix-xitwa tal-20223-2024.

(10)

Filwaqt li l-Istati Membri kapaċi jiddeċiedu liema miżuri huma l-iktar xierqa biex jiżguraw li l-miri tal-ħżin jintlaħqu, dan ma jistax jinkiseb mingħajr miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda. Ir-rapport jikkonkludi li m'hemmx biżżejjed volumi ta’ gass fis-suq biex jiġi ssodisfat dak l-obbligu fl-Istati Membri kollha. Dan ifisser li mhux l-Istati Membri kollha huma fiżikament kapaċi jimlew il-faċilitajiet ta' ħżin għal livelli adegwati, u dan se jirriżulta f’diffikultajiet serji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass sa tmiem ix-xitwa tal-2023-2024.

(11)

Ir-rapport jindika wkoll li huwa meħtieġ tnaqqis fil-konsum tal-gass proporzjonat għal dak previst fir-Regolament (UE) 2022/1369 matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024. It-tnaqqis estiż meħtieġ ikun jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 15 % għall-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta' Marzu 2024 meta mqabbel ma’ perjodu ta’ referenza mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022. L-estensjoni tal-miżuri ta’ tnaqqis fid-domanda u l-estensjoni tal-perjodu tat-tnaqqis jipprovdu wkoll il-flessibbiltà fis-suq sabiex irażżan il-volatilità tal-prezz tal-gass u jipprevjeni żidiet qawwija fil-prezzijiet bħal dawk osservati fl-2022.

(12)

Minħabba l-bilanċ magħfus attwali bejn il-provvista u d-domanda, anke interruzzjoni moderata għall-provvista tal-gass jista’ jkollha impatt drammatiku fuq is-suq tal-gass u tista' toħloq ħsara serja u dejjiema lill-ekonomija u liċ-ċittadini tal-Unjoni. L-obbligu tal-mili tal-ħażniet tal-gass japplika sakemm ma tiġix iddikjarata emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1938. Għalhekk, interruzzjoni f’daqqa ta’ 10 % tal-importazzjonijiet tal-gass mill-pipelines lejn l-Unjoni twassal biex jiġu imposti miżuri iżolati drastiċi fuq l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligu tal-mili tal-ħażniet tagħhom jew twassal biex tiġi ddikjarata emerġenza reġjonali jew tal-Unjoni, sakemm ma jitkompliex it-tnaqqis ikkoordinat volontarju fid-domanda. Tali tkomplija tat-tnaqqis ikkoordinat fid-domanda mill-Istati Membri kollha fi spirtu ta’ solidarjetà hija essenzjali għall-mili mill-ġdid tal-kapaċitajiet tal-ħżin b’mod effiċjenti u bi tfixkil minimu fis-suq, li jibqa’ kruċjali għas-sigurtà tal-provvista tal-gass qabel ix-xitwa tal-2023-2024.

(13)

L-estensjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369 tikkostitwixxi miżura ta’ emerġenza b’rispons għad-diffikultajiet serji persistenti u ġodda fil-provvista tal-enerġija li jirrappreżentaw riskju ta’ kriżi imminenti u li jeħtieġu li l-perjodu tat-tnaqqis fid-domanda għall-gass jiġi adattat kemm sabiex jiġi estiż it-tnaqqis volontarju fid-domanda għall-gass, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni u jiskatta t-tnaqqis obbligatorju korrispondenti fid-domanda għall-gass wara Marzu 2023.

(14)

Il-kriżi attwali qed tesponi lill-Unjoni kollha għal riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u għal prezzijiet għoljin tal-enerġija. Peress li l-Unjoni hija suq uniku, skarsezza tal-gass fi Stat Membru wieħed ikollha konsegwenzi serji fl-Istati Membri l-oħra kollha minħabba l-iskarsezza fiżika fil-provvista tal-gass, il-volatilità tal-prezzijiet jew it-tfixkil tal-ktajjen industrijali li jirriżultaw minn interruzzjonijiet possibbli ta’ industriji speċifiċi fi Stat Membru. Barra minn hekk, fi spirtu ta’ solidarjetà, l-Istati Membri kollha jistgħu jikkontribwixxu biex ikomplu jnaqqsu r-riskji ta’ skarsezza tal-enerġija u jistgħu jrażżnu l-volatilità tal-prezzijiet tal-gass billi jnaqqsu d-domanda tagħhom. L-impatt pożittiv ta’ dan l-ispirtu ta’ solidarjetà żdied b’mod konsiderevoli matul is-sena li għaddiet bl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ interkonnessjoni lejn il-Lvant u ta' kapaċitajiet addizzjonali ta’ importazzjoni tal-LNG li jikkollegaw aħjar lill-Istati Membri mal-faċilitajiet tar-rigassifikazzjoni tal-LNG, fiżikament jew virtwalment. Għalhekk, it-tkomplija ta' azzjoni kkoordinata permezz ta' miżuri meħuda fil-livell tal-Unjoni biex tonqos id-domanda tkun ta' ġid għall-Istati Membri kollha billi tnaqqas ir-riskju ta' impatt aktar sostanzjali fuq l-ekonomiji tagħhom.

(15)

Il-ħtieġa li tittieħed azzjoni hija urġenti peress li l-istaġun tal-mili tal-faċilitajiet ta' ħżin jibda f’April. Minħabba d-diffikultajiet serji persistenti u ġodda deskritti hawn fuq, in-nuqqas ta’ estensjoni fil-ħin tat-tnaqqis ikkoordinat fid-domanda qabel il-mili tal-faċilitajiet ta' ħżin ikollu effetti immedjati fuq it-trajettorji għall-mili tal-faċilitajiet ta' ħżin, fuq il-kundizzjonijiet tas-suq li jkollhom impatt fuq is-sigurtà tal-provvista u fuq il-volatilità tal-prezzijiet.

(16)

L-Artikolu 122(1) tat-TFUE jippermetti lill-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni u fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar il-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika, b’mod partikolari jekk ikun hemm diffikultajiet serji fil-provvista ta’ ċerti prodotti, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-kriżi attwali fil-provvista tal-gass, prodott tal-enerġija, tikkostitwixxi sitwazzjoni ta’ dan it-tip. Għaldaqstant, estensjoni temporanja tar-Regolament (UE) 2022/1369 kif ukoll emendi mmirati għalih huma neċessarji bħala rispons għas-sitwazzjoni attwali fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri. Għalhekk hu ġġustifikat li l-Artikolu 122(1) tat-TFUE jkun il-bażi legali ta' dan ir-Regolament.

(17)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2022/1369 li jagħrfu ċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi fil-każ ta' tnaqqis obbligatorju fid-domanda skattat minn allert tal-Unjoni jibqgħu japplikaw. L-Istati Membri jibqgħu jkunu jistgħu jillimitaw temporanjament it-tnaqqis obbligatorju fid-domanda meta Stat Membru jiffaċċa kriżi tal-elettriku, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Xenarju bħal dan jista' jinkludi limitazzjoni proporzjonali għal żieda sinifikanti fl-użu tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, meħtieġa biex jiġi esportat sostanzjalment aktar elettriku lejn Stat Membru ġar, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal disponibbiltà baxxa ta' enerġija idroelettrika jew nukleari fl-Istat Membru kkonċernat, jew fl-Istat Membru ġar li lejh jiġi esportat sostanzjalment aktar elettriku. Dik il-limitazzjoni m'għandhiex taqbeż il-volum ta' gass li jikkorrispondi għall-esportazzjonijiet addizzjonali msemmija hawn fuq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu dik il-limitazzjoni meta jirrapportaw id-diżaggregazzjoni tagħhom tal-konsum tal-gass għal kull settur.

(18)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li jintroduċu miżuri sinifikanti ta' dekarbonizzazzjoni billi jaqilbu mill-faħam għall-gass fit-tisħin distrettwali jkunu jistgħu jnaqqsu dawk il-volumi tal-gass mill-obbligu tagħhom ta' tnaqqis fid-domanda dment li dawk il-volumi ta' gass ikunu direttament attribwibbli għall-bidla mill-faħam għall-gass.

(19)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw lill-Kummissjoni mill-inqas kull xahrejn dwar il-konsum ta' gass tagħhom, mhux aktar tard mill-15-il jum tax-xahar ta' wara, permezz tal-Eurostat. Sabiex jipprovdu ċifri aġġornati, l-Istati Membri huma mħeġġa jirrapportaw il-konsum tal-gass tagħhom sabiex jiġi vvalutat it-tnaqqis fid-domanda kull xahar. Jekk jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni, jenħtieġ li r-rapportar isir kull xahar. Sabiex jiġu mmirati aħjar il-miżuri għal tnaqqis fid-domanda u jittejjeb il-monitoraġġ tal-konsum tal-gass, l-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu fir-rapport tagħhom diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għal kull settur, inkluż l-input tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, għall-konsum tal-gass fl-industrija u għall-konsum tal-gass fl-unitajiet domestiċi u fis-servizzi, skont id-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(20)

F’konformità mar-Regolament (UE) 2022/1369, il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami li abbażi tas-sejbiet tiegħu l-Kummissjoni hija intitolata li tipproponi estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament. Sabiex titqies l-estensjoni ulterjuri tal-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/1369, jenħtieġ li tiġi stabbilita data ġdida tar-rieżami għall-1 ta’ Marzu 2024.

(21)

Il-miżuri estiżi u mmodifikati ta’ tnaqqis fid-domanda jenħtieġ li jkunu temporanji u jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ sa tmiem ix-xitwa tal-2023-2024. Abbażi tar-rieżami l-ġdid li għandu jitwettaq sal-1 ta’ Marzu 2024, jekk ikun xieraq, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipproponi l-estensjoni tal-perjodu ta’ applikazzjoni tagħhom.

(22)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' April 2023 sabiex jiġi żgurat tnaqqis kontinwu fid-domanda ta’ 15 % fuq perjodu ta’ 12-il xahar mill-1 ta' April 2023 sal-31 ta' Marzu 2024 u sabiex l-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jilħqu dak l-objettiv.

(23)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(24)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2022/1369 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) 2022/1369

Ir-Regolament (UE) 2022/1369 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punti (5) u (6) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(5)

‘konsum tal-gass ta’ referenza’ tfisser il-volum tal-konsum medju tal-gass ta’ Stat Membru matul il-perjodu ta’ referenza; għall-Istati Membri li żiedu l-konsum tal-gass b’mill-inqas 8 % fil-perjodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022 meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta’ referenza, “il-konsum tal-gass ta’ referenza” tfisser biss il-volum tal-konsum tal-gass fil-perjodu mill-1 ta’ April 2021 sal-31 ta’ Marzu 2022;

(6)

‘perjodu ta’ referenza’ tfisser il-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022;”;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Tnaqqis volontarju fid-domanda

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-konsum tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 b’mill-inqas 15 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass tagħhom fil-perjodu mill-1 ta’ April 2017 sal-31 ta’ Marzu 2022 (‘tnaqqis volontarju fid-domanda’). L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom japplikaw għal dawk il-miżuri ta’ tnaqqis volontarju fid-domanda.”;

(3)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Għall-fini tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda, tul il-perjodu meta jiġi ddikjarat l-allert tal-Unjoni, il-konsum tal-gass f’kull Stat Membru matul il-perjodu mill-1 ta’ April 2023 sal-31 ta’ Marzu 2024 (il-‘perjodu tat-tnaqqis’) għandu jkun 15 % inqas meta mqabbel mal-konsum tal-gass ta’ referenza tiegħu. Kwalunkwe tnaqqis fid-domanda miksub mill-Istati Membri matul il-perjodu qabel ma ġie ddikjarat l-allert tal-Unjoni għandu jitqies għall-fini tat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda.”

;

(4)

fl-Artikolu 5, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“6a.   Stat Membru jista' jaġġusta l-konsum tal-gass ta' referenza użat biex jikkalkula l-mira għat-tnaqqis obbligatorju fid-domanda skont il-paragrafu 2 bil-volum ta' żieda fil-konsum tal-gass li tirriżulta mill-bidla mill-faħam għall-gass użat għat-tisħin distrettwali, jekk dik iż-żieda tkun mill-inqas 8 % fil-perjodu mill-1 ta' Awwissu 2023 sal-31 ta' Marzu 2024 meta mqabbel mal-konsum medju tal-gass matul il-perjodu ta' referenza u sal-punt li din iż-żieda tkun attribwibbli direttament għall-bidla.”

;

(5)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' tnaqqis fid-domanda fit-territorju tiegħu. Tal-inqas kull xahrejn u sa mhux iktar tard mill-15-il jum tax-xahar ta' wara, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar il-konsum tal-gass tagħhom (f'terajoules, TJ). Jekk jiġi ddikjarat allert tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(1), ir-rapportar għandu jiġi ppreżentat kull xahar.

Fir-rapportar tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jinkludu diżaggregazzjoni tal-konsum tal-gass għal kull settur, inkluż il-konsum tal-gass għas-setturi li ġejjin:

(a)

l-input tal-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana;

(b)

il-konsum tal-gass fl-industrija;

(c)

il-konsum tal-gass fl-unitajiet domestiċi u fis-servizzi.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet u l-konvenzjonijiet tal-istatistika stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

Il-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tat-tnaqqis volontarju u obbligatorju fid-domanda.

(*1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).”;"

(6)

fl-Artikolu 9, id-data “l-1 ta' Mejju 2023” hija sostitwita bi “l-1 ta' Marzu 2024”;

(7)

fl-Artikolu 10, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta' Marzu 2024.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1369 tal-5 ta’ Awwissu 2022 dwar miżuri kkoordinati għal tnaqqis fid-domanda għall-gass (ĠU L 206, 8.8.2022, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/941 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar it-tħejjija għar-riskji fis-settur tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2005/89/KE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1).