|
30.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 92/5 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/700
tad-29 ta’ Marzu 2023
li jdaħħal isem fir-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (“Plăcintă dobrogeană” (IĠP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 15(2) u 52(3)(b) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tar-Rumanija biex l-isem “Plăcintă dobrogeană” jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Fis-27 ta’ April 2021, il-Kummissjoni rċeviet l-avviż ta’ oppożizzjoni mill-Bulgarija. Il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta’ oppożizzjoni lir-Rumanija fid-29 ta’ April 2021. Fit-23 ta’ Ġunju 2021, il-Bulgarija ppreżentat dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni lill-Kummissjoni. |
|
(3) |
Wara li eżaminat id-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni u sabet li hija ammissibbli, f’konformità mal-Artikolu 51(3) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni stiednet lir-Rumanija u lill-Bulgarija, permezz ta’ ittra datata l-20 ta’ Lulju 2021, biex jipparteċipaw f’konsultazzjonijiet xierqa bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim. |
|
(4) |
Il-konsultazzjonijiet bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija ntemmu mingħajr ma ntlaħaq ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li tqis ir-riżultati ta’ dawn il-konsultazzjonijiet. |
|
(5) |
F’konformità mal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Bulgarija allegat li r-reġistrazzjoni tal-“Plăcintă dobrogeană” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun ta’ theddida għall-eżistenza tal-prodott bl-isem “Dobrudzhanska banitsa”, li ilu jiġi ppreparat bħala prodott tradizzjonali tal-għaġina fil-Bulgarija għal sekli sħaħ u huwa parti mill-wirt gastronomiku u kulturali Bulgaru. Fil-fatt, bil-Bulgaru “Dobrudzhanska banitsa” għandha l-istess tifsira bħal “Plăcintă dobrogeană”. Barra minn hekk, il-Bulgarija ddikjarat li dan l-isem jindika prodotti li għandhom ingredjenti, stadji ta’ preparazzjoni u karatteristiċi tal-prodott finali simili, u għalhekk l-elementi essenzjali kemm tad-“Dobrudzhanska banitsa” kif ukoll tal-“Plăcintă dobrogeană” jistgħu jitqiesu bħala identiċi. Dawn is-similaritajiet huma dovuti għal raġunijiet storiċi, billi Dobrudzha, bħala reġjun storiku u ġeografiku, huwa maqsum bejn iż-żewġ pajjiżi, eż. Dobrudzha ta’ Fuq jinsab fir-Rumanija, u Dobrudzha ta’ Isfel jinsab fil-Bulgarija. Għalhekk, iż-żewġ reġjuni, minkejja li jinsabu f’żewġ pajjiżi differenti, jaqsmu tradizzjonijiet u drawwiet kulinarji simili. Minħabba dan, il-Bulgarija poġġiet f’dubju r-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika. |
|
(6) |
Finalment, il-Bulgarija ġibdet l-attenzjoni għal effett negattiv fuq l-interessi ekonomiċi tal-produtturi tad-“Dobrudzhanska banitsa” fil-Bulgarija li jkollha r-reġistrazzjoni tal-“Plăcintă dobrogeană” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta, u ddikjarat li din tista’ tqarraq bil-konsumaturi fir-rigward tal-oriġini tal-prodott. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti esposti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni mill-Bulgarija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, filwaqt li qieset ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet xierqa li saru bejn l-applikant u l-avversarju. |
|
(8) |
Il-prodott bl-isem ta’ “Plăcintă dobrogeană” fir-Rumanija għandu similaritajiet mal-prodott li huwa f’użu legali fil-Bulgarija u li jġib l-isem ta’ “Dobrudzhanska banitsa”. Madankollu, minkejja t-tradizzjonijiet u d-drawwiet kulinarji komuni marbuta mar-reġjun ġeografiku u storiku ta’ Dobrogea/Dobrudzha, dawn it-tradizzjonijiet u d-drawwiet evolvew b’mod distint fir-Rumanija u fil-Bulgarija, u dan wassal għal differenzi fil-preparazzjoni, ir-reputazzjoni u l-użu tal-ismijiet li jiddenominaw il-prodotti. L-ewwel nett, il-prodott bl-isem “Plăcintă dobrogeană” għandu karatteristiċi speċifiċi li jagħmluh distintiv, meta mqabbel mal-prodott bl-isem ta’ “Dobrudzhanska banitsa”. Fir-Rumanija, huma permessi bħala mili l-ġobon, il-jogurt u l-bajd biss, filwaqt li għall-produzzjoni tad-“Dobrudzhanska banitsa” fil-Bulgarija jistgħu jintużaw ukoll il-laħam u/jew il-ħxejjex, kif ukoll il-ħalib frisk. Differenzi oħra jikkonċernaw l-użu tal-baqta — li huwa obbligatorju fir-Rumanija, iżda fakultattiv fil-Bulgarija. Distinzjoni oħra tikkonċerna l-folji tal-għaġina, li fir-Rumanija jinqarsu u jiġu rrumblati, filwaqt li fil-Bulgarija jintwew bħal akkordjan. Ir-Rumanija wriet ukoll reputazzjoni stabbilita tal-isem “Plăcintă dobrogeană”, li jirreferi għall-prodott magħmul fiż-żona ġeografika, iddefinita fid-Dokument Uniku bħala l-Kontej ta’ Tulcea u Constanța, magħrufa wkoll bħala “Dobrogea”. Fil-Bulgarija, la ġiet iddikjarata u lanqas ma ġiet murija b’mod suffiċjenti reputazzjoni parallela tal-isem “Dobrudzhanska banitsa”. Fl-aħħar nett, b’kuntrast mal-“Plăcintă dobrogeană”, il-prodott bl-isem ta’ “Dobrudzhanska banitsa” huwa primarjament maħsub għall-produzzjoni lokali u domestika. |
|
(9) |
L-isem “Plăcintă dobrogeană” huwa assoċjat b’mod indiskutibbli mal-prodott tal-għaġina magħmul mill-folji tal-għaġina mimlija b’ġobon artab immellaħ (telemea) imħallat mal-baqta u l-bajd prodott fiż-żona ġeografika. Il-prodott għalhekk għandu kwalitajiet u reputazzjoni li huma attribwiti għall-oriġini ġeografika tiegħu. Fid-dawl ta’ dan, ir-rabta bejn il-prodott bl-isem ta’ “Plăcintă dobrogeană” u ż-żona ġeografika ma tistax tiġi kkontestata. |
|
(10) |
It-terminu “Dobrudzhanska banitsa” huwa t-traduzzjoni bil-Bulgaru tal-isem “Plăcintă dobrogeană”. Peress li l-ismijiet huma identiċi fit-traduzzjoni, il-protezzjoni tal-isem irreġistrat “Plăcintă dobrogeană”, kif previst mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, ikollha r-riżultat li tipprevjeni lill-produtturi Bulgari milli jużaw it-terminu “Dobrudzhanska banitsa” biex jikkummerċjalizzaw il-prodotti komparabbli tagħhom. |
|
(11) |
L-użu tat-terminu “Dobrudzhanska banitsa” ma kellux l-għan li jisfrutta r-reputazzjoni tal-isem “Plăcintă dobrogeană”. Il-konsumaturi ma ġewx, u lanqas ma setgħu jiġu mqarrqa fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodotti. Fil-fatt, is-sitwazzjoni fiż-żewġ swieq kienet differenti għaż-żewġ prodotti. “Plăcintă dobrogeană” jirreferi għal prodott bis-suq distint tiegħu, fejn igawdi reputazzjoni għall-kwalitajiet u l-karatteristiċi proprji tiegħu marbuta mal-oriġini ġeografika. “Dobrudzhanska banitsa” tirreferi għal prodott li jiġi kkunsmat prinċipalment bħala produzzjoni lokali jew anke domestika. |
|
(12) |
Il-prodott “Dobrudzhanska banitsa” normalment jiġi ppreparat u kkunsmat direttament fl-istess jum. Dan il-prodott ma ġiex ikkummerċjalizzat f’pajjiż ieħor, peress li ma jiġix offrut iffriżat u, għalhekk, il-konsumaturi ma ġewx, u ma setgħux jiġu mqarrqa fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott. B’mod partikolari, id-“Dobrudzhanska banitsa” ma huwiex, u qatt ma kien orjentat lejn l-esportazzjoni. |
|
(13) |
Għal dawn ir-raġunijiet, u billi ntwera li l-isem “Dobrudzhanska banitsa” ilu jintuża b’mod konsistenti, legali u ġust, għal mill-inqas 25 sena qabel ma tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-“Plăcintă dobrogeană” lill-Kummissjoni, fl-interess tal-ekwità u tal-użu tradizzjonali, u fid-dawl tal-ftehim li ntlaħaq bejn l-applikant u l-avversarju f'dan ir-rigward, jenħtieġ li jingħata l-perjodu tranżizzjonali ta’ 10 snin. |
|
(14) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, jenħtieġ li l-isem “Plăcintă dobrogeană” jiddaħħal fir-Reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika dwar il-Kwalità tal-Prodotti Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-isem “Plăcintă dobrogeană” (IĠP) huwa rreġistrat.
L-isem fl-ewwel paragrafu jidentifika prodott mill-Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara, kif stipulat fl-Anness XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).
Artikolu 2
It-terminu “Dobrudzhanska banitsa” (“Добруджанска баница”) jista’ jintuża biex jindika prodott tal-għaġina li ma jikkonformax mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-IĠP “Plăcintă dobrogeană” għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Unjoni, dment li l-prinċipji u r-regoli applikabbli fl-ordni ġuridiku tiegħu jiġu rrispettati.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Marzu 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).