21.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/647

tat-13 ta’ Jannar 2023

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/686 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 160(1) u (2), u l-Artikoli 162(4) u 164(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard tal-annimali li huwa trażmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin, inkluż ir-regoli għar-reġistrazzjoni u għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali, u għar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġerminali fl-Unjoni. Ir-Regolament (UE) 2016/429 jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta r-regoli li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dak ir-Regolament permezz ta’ atti delegati.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 (2) jistabbilixxi r-regoli ta’ supplimentazzjoni għall-approvazzjoni ta’ istabbilimenti tal-prodotti ġerminali, għaż-żamma tar-rekords u għat-traċċabbiltà tal-prodotti ġerminali, kif ukoll ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma.

(3)

Ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament huma meħtieġa li jissupplimentaw dawk stabbiliti fil-Parti IV, Titolu I, Kapitolu 5, tar-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali u r-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma sabiex jiġi evitat it-tixrid ta’ mard trażmissibbli tal-annimali fl-Unjoni minn dawk il-prodotti.

(4)

Dawn ir-regoli huma sostanzjalment marbutin u ħafna minnhom huma intiżi biex jiġu applikati flimkien. Għal aktar sempliċità u trasparenza, kif ukoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom u biex tiġi evitata multiplikazzjoni tar-regoli, dawn għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’att wieħed pjuttost milli f’għadd ta’ atti separati b’ħafna referenzi inkroċjati bir-riskju li ssir duplikazzjoni.

(5)

Matul l-implimentazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 diversi Stati Membri u partijiet ikkonċernati indikaw li wara l-iżviluppi reċenti u l-ispeċjalizzazzjonijiet fis-settur tal-prodotti ġerminali, id-definizzjoni tal-grupp għall-ġbir tal-embrijuni jenħtieġ li tinkludi wkoll grupp li jiġbor u jimmaniġġa biss ooċiti mhux fertilizzati. Għalhekk, jenħtieġ li dik id-definizzjoni u r-rekwiżiti relatati jiġu emendati biex ikopru grupp bħal dan.

(6)

L-istabbilimenti tal-ipproċessar tal-prodotti ġerminali jistgħu jinvolvu ruħhom fi proċessi oħrajn għajr is-sessaġġ tas-semen. Fl-interess tat-traċċabbiltà tal-prodotti proċessati, ir-rekwiżiti supplimentari ta’ traċċabbiltà li qabel kienu applikabbli biss għas-semen sessat jenħtieġ li jiġu estiżi bl-istess mod għall-prodotti proċessati kollha.

(7)

L-Artikolu 19 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 jistabbilixxi deroga mir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini donaturi li jinġarru minn ċentral tal-ġbir tas-sena għal ieħor. L-esperjenza mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati bl-implimentazzjoni ta’ dak l-Artikolu indikat inċertezza legali fir-rigward tal-grad ta’ involviment tal-veterinarji uffiċjali. Għalhekk, jenħtieġ li dak l-Artikolu jiġi ċċarat.

(8)

L-Artikolu 36 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni ta’ prodotti ġerminali ta’ klieb u qtates, prinċipalment biex tittaffa r-rabja u tiġi promossa l-konformità ma’ miżuri preventivi tas-saħħa tal-annimali kontra l-Echinococcus multilocularis. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati qajmu dubji dwar ir-rilevanza u l-proporzjonalità ta’ dawn ir-rekwiżiti. Peress li l-istandards internazzjonali rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (WOAH) ma fihomx rekwiżiti komparabbli, l-Artikolu 36 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 u l-formulazzjoni relatata fir-rekwiżiti dwar iċ-ċertifikazzjoni uffiċjali u n-notifika tal-moviment ta’ prodotti ġerminali ta’ klieb u qtates bejn l-Istati Membri jenħtieġ li jitħassru.

(9)

Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali tas-saħħa tal-annimali għall-annimali porċini donaturi. F’konformità mal-Parti 2, il-Kapitolu I, il-punt 1(c)(iv), ta’ dak l-Anness, l-annimali pożittivi għal infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer għandhom jitneħħew minnufih mill-akkomodazzjoni ta’ kwarantina. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati qajmu dubji dwar il-proporzjonalità ta’ dan ir-rekwiżit fid-dawl ta’ diffikultajiet prattiċi u mixhuda xjentifikament bi prova bil-metodi dijanjostiċi attwali. Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/686 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jipprevedi possibbiltajiet differenti ta’ segwitu meta jintużaw tipi differenti ta’ metodi dijanjostiċi biex jiġu kkonfermati jew esklużi każijiet suspettati f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 (3).

(10)

Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali tas-saħħa tal-annimali, inkluż l-ittestjar għad-deni klassiku tal-ħnieżer tal-annimali porċini miżmuma f’ċentri għall-ġbir tas-semen. Madankollu, l-istandards internazzjonali rilevanti tad-WOAH ma jirrikjedux l-ittestjar ta’ annimali bħal dawn f’pajjiżi fejn ma ġewx irrapportati tifqigħat tad-deni klassiku tal-ħnieżer u t-tilqim kontra din il-marda ma ġiex ipprattikat fit-12-il xahar ta’ qabel. Għalhekk, l-ittestjar għal dik il-marda tal-annimali porċini miżmuma f’ċentri għall-ġbir tas-semen jenħtieġ li jitwaqqaf f’dawk il-pajjiżi li la rrapportaw deni klassiku tal-ħnieżer, u lanqas ma laqqmu kontrih fit-12-il xahar ta’ qabel.

(11)

Jenħtieġ li r-referenzi għall-virus tal-marda emorraġika epiżootika jiġu emendati biex jiġu allinjati mar-referenzi għal dak il-virus f’atti oħrajn tal-Unjoni u biex jiġi ċċarat li s-serotipi kollha ta’ dak il-virus huma koperti mir-regoli. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti relatati mal-infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika jenħtieġ li jsegwu aktar mill-qrib l-istandards internazzjonali tad-WOAH biex jipprevedu l-possibbiltà ta’ perjodu ħieles mill-vetturi bħala miżura fakultattiva u addizzjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju relatata ma’ dik l-infezzjoni, biex jiġi żgurat il-kummerċ sikur tal-prodotti ġerminali tal-annimali bovini, ovini u kaprini.

(12)

L-Anness III tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 jistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali tas-saħħa tal-annimali fir-rigward taż-żieda ta’ antibijotiċi mas-semen, inkluża ż-żieda obbligatorja tagħhom mas-semen ta’ annimali bovini u porċini. Filwaqt li dawk ir-rekwiżiti huma f’konformità mal-istandards internazzjonali tad-WOAH, dawk l-istandards internazzjonali jinsabu fil-proċess li jiġu emendati, lejn l-użu volontarju, aktar flessibbli u prudenti tal-antibijotiċi. Barra minn hekk, l-informazzjoni mil-letteratura xjentifika, mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati tindika ħtiġijiet simili. Għalhekk, ir-rekwiżiti rilevanti jenħtieġ li jiġu ssimplifikati u jkunu magħmulin fakultattivi.

(13)

Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ġew identifikati xi żbalji sostanzjali. B’mod partikolari, il-formulazzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni tad-dħul ta’ persuni mhux awtorizzati f’ċentri għall-ġbir tas-semen u fi stabbilimenti għall-ipproċessar tal-prodotti ġerminali ħolqot inċertezza legali. Barra minn hekk, referenza mhux korretta fit-test applikabbli għal ċerti annimali ekwini li jidħlu f’ċentri għall-ġbir tas-semen għall-annimali ekwini biddlet b’mod mhux intenzjonat ir-rekwiżiti li l-veterinarji taċ-ċentru għandhom jiżguraw is-sodisfar tagħhom. Fl-interess taċ-ċertezza u taċ-ċarezza legali, dawk l-iżbalji jenħtieġ li jiġu kkoreġuti.

(14)

Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2020/686 jenħtieġ li jiġi emendat u kkoreġut skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2020/686 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(7), jitħassar il-punt (a);

(2)

fl-Artikolu 2, il-punt (12) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(12)

‘grupp għall-ġbir tal-embrijuni’ tfisser stabbiliment tal-prodotti ġerminali magħmul minn grupp ta’ professjonisti jew struttura approvata mill-awtorità kompetenti għall-ġbir, għall-ipproċessar, għall-ħżin u għat-trasport ta’ ooċiti jew embrijuni derivati in vivo ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini intiżi biex jinġarru lejn Stat Membru ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 4;”

;

(3)

fl-Artikolu 3, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

il-grupp ta’ professjonisti jew l-istruttura ssorveljata minn veterinarju tal-grupp li huwa kompetenti li jwettaq il-ġbir, l-ipproċessar u l-ħżin ta’ ooċiti jew embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini għall-approvazzjoni bħala grupp għall-ġbir tal-embrijuni;”;

(4)

fl-Artikolu 4(1), il-punt (b)(ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

fil-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness I, fir-rigward tal-ġbir, l-ipproċessar, il-ħżin u t-trasport tal-ooċiti jew tal-embrijuni ta’ annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini;”;

(5)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fil-każ ta’ prodott ġerminali proċessat fi stabbiliment tal-prodotti ġerminali għajr l-istabbiliment tal-ġbir tal-prodotti ġerminali, l-operatur tal-istabbiliment tal-ipproċessar tal-prodotti ġerminali għandu jissupplimenta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 b’informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tan-numru tal-approvazzjoni uniku tal-istabbiliment tal-ipproċessar ta’ dak il-prodott ġerminali.”

;

(6)

fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-operaturi għandhom iġorru biss annimali donaturi, kif imsemmi fil-frażi introduttorja tal-paragrafu 1, bil-kunsens minn qabel tal-veterinarju taċ-ċentru tal-ġbir tas-semen tad-destinazzjoni.”

;

(7)

l-Artikolu 36 jitħassar;

(8)

l-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jitħassar;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq il-kontrolli u l-eżamijiet kif previst fil-paragrafi 2 u 3 u għandu joħroġ iċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali fil-perjodu tat-72 siegħa qabel il-ħin tad-dispaċċ tal-konsenja tal-prodotti ġerminali.”

;

(9)

l-Artikolu 40 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 40

Rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġerminali tal-annimali terrestri miżmuma għajr tal-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini bejn l-Istati Membri

Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti bejn l-Istati Membri ta’ konsenji ta’ prodotti ġerminali ta’ annimali terrestri għajr tal-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini miżmuma fi stabbilimenti konfinati jew ta’ annimali tal-familja Camelidae jew Cervidae, għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni stabbilita fil-punt 2 tal-Anness IV.”

;

(10)

l-Artikolu 41 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Rekwiżit għal notifika bil-quddiem mill-operaturi tal-movimenti ta’ konsenji ta’ prodotti ġerminali ta’ annimali terrestri miżmuma għajr tal-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini bejn l-Istati Membri

Meta jinġarru lejn Stat Membru ieħor, il-konsenji ta’ prodotti ġerminali ta’ annimali terrestri għajr tal-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini li jinżammu fi stabbilimenti konfinati, jew ta’ annimali tal-familja Camelidae jew Cervidae, l-operatur għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini tal-konsenji dwar il-moviment maħsub qabel ma jinġarru l-konsenji tal-prodotti ġerminali.”.

Artikolu 2

L-Annessi I u IV tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 huma emendati f’konformità mal-Parti A tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 huwa kkoreġut f’konformità mal-Parti B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Jannar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/686 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ stabbilimenti tal-prodotti ġerminali u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà u tas-saħħa tal-annimali għall-movimenti fl-Unjoni tal-prodotti ġerminali ta’ ċerti annimali terrestri miżmuma (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 1.).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/689 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għas-sorveljanza, għall-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-istat ta’ ħelsien mill-mard għal ċertu mard elenkat u emerġenti (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 211).


ANNESS

PARTI A

L-Annessi I sa IV tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Parti 2 hija emendata kif ġej:

(i)

il-punt 1(a)(v) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(v)

l-immarkar tat-tubi straw u ta’ pakketti oħrajn fejn jitqiegħdu l-ooċiti jew l-embrijuni derivati in vivo f’konformità mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10(1) u (5);”;

(ii)

il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.

Il-faċilitajiet, it-tagħmir u l-proċeduri operattivi tal-grupp għall-ġbir tal-embrijuni, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(b)(ii), għandhom ikunu konformi mal-punti (a) u (b) li ġejjin:

(a)

il-grupp għall-ġbir tal-embrijuni jrid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu laboratorju fejn ikunu jistgħu jiġu eżaminati, ipproċessati u ppakkjati l-ooċiti jew l-embrijuni derivati in vivo, b’tagħmir adegwat, u dak il-laboratorju jrid ikun:

(i)

laboratorju li jkun jinsab f’post permanenti, li jrid ikollu dawn li ġejjin:

kamra għall-ipproċessar tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo, li tkun fiżikament separata miż-żona li tintuża għall-immaniġġar tal-annimali donaturi waqt il-ġbir,

kamra jew żona għall-istrumenti tat-tindif u l-isterilizzazzjoni użati għall-ġbir u l-ipproċessar tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo, ħlief meta jintuża biss tagħmir ġdid li jintuża darba,

kamra għall-ħżin ta’ ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo;

jew

(ii)

laboratorju mobbli li jrid:

ikollu parti mill-vettura mgħammra b’mod speċjali li tikkonsisti f’żewġ partijiet separati: parti waħda għall-eżaminazzjoni u għall-ipproċessar tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo, li trid tkun il-parti n-nadifa; u parti oħra fejn jinżammu t-tagħmir u l-materjali li jintużaw f’kuntatt mal-annimali donaturi,

juża biss tagħmir ġdid li jintuża darba, sakemm l-isterilizzazzjoni tat-tagħmir tiegħu u l-forniment ta’ fluwidi u ta’ prodotti oħrajn meħtieġa għall-ġbir u għall-ipproċessar tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo ma jitwettqux f’laboratorju li jkun jinsab f’post permanenti.

Il-laboratorji msemmija fil-punti (i) u (ii) iridu jkunu ddisinjati u mqassmin b’tali mod li ma jippermettux il-kontaminazzjoni kroċjata tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo, u l-operazzjonijiet tal-grupp għandhom jitwettqu b’mod li tiġi evitata tali kontaminazzjoni kroċjata;

(b)

il-grupp għall-ġbir tal-embrijuni jrid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu bini għall-ħżin konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ikun fih mill-inqas kamra waħda li tissakkar għall-ħżin tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo;

(ii)

irid ikun jista’ jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat faċilment;

(iii)

irid ikollu rekords permanenti tal-ooċiti jew tal-embrijuni derivati in vivo kollha li jidħlu u joħorġu;

(iv)

irid ikollhom kontenituri tal-ħżin għall-ooċiti jew għall-embrijuni derivati in vivo.”;

(b)

fil-paragrafu 5, jitħassar il-punt 2(d);

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jitħassar il-punt 1(c)(iii) tal-Kapitolu I;

(b)

fil-Parti 2, il-Kapitoli I, il-punt 1(c)(iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

fir-rigward tal-infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer, test seroloġiku (IPMA, IFA, jew ELISA) jew test għall-ġenoma tal-virus (traskrizzjoni inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi (RT-PCR), RT-PCR b’sett ta’ primers imbejta, RT-PCR f’ħin reali).

Jekk ikun hemm annimali li jagħtu riżultat pożittiv fit-testijiet seroloġiċi għall-infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer, l-awtorità kompetenti għandha tikklassifika l-annimali kollha fl-akkomodazzjoni ta’ kwarantina bħala każ suspettat f’konformità mal-Artikolu 9(1)(b), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689. L-operatur għandu jiżola l-annimali pożittivi minnufih minn annimali oħra fl-akkomodazzjoni ta’ kwarantina. L-awtorità kompetenti għandha twettaq investigazzjoni biex tikkonferma jew teskludi infezzjoni bil-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer f’konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689.

Jekk ikun hemm annimali li jagħtu riżultat pożittiv fit-testijiet għall-ġenoma tal-virus għall-virus tas-sindrome riproduttiva u respiratorja tal-ħnieżer, l-awtorità kompetenti għandha tikklassifika l-annimali kollha fl-akkomodazzjoni ta’ kwarantina bħala każ konfermat f’konformità mal-Artikolu 9(2)(b), tar-Regolament Delegat (UE) 2020/689. L-operatur għandu jneħħi dawk l-annimali minnufih mill-akkomodazzjoni ta’ kwarantina u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti.”;

(c)

fil-Parti 2, il-Kapitoli I, il-punt 2(a)(iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

fir-rigward tad-deni klassiku tal-ħnieżer, test ELISA għall-antikorpi jew test tan-newtralizzazzjoni tas-serum, fil-każ ta’ annimali fi Stat Membru jew żona tiegħu fejn ikun ġie rrapportat deni klassiku tal-ħnieżer jew ikun ġie pprattikat tilqim kontra din il-marda għall-perjodu tat-12-il xahar preċedenti;”;

(d)

fil-Parti 5, il-Kapitolu III huwa sostitwit b’dan li ġej:

Kapitolu III

Rekwiżiti għall-annimali bovini, ovini u kaprini rigward l-infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika

1.

L-annimali bovini, ovini u kaprini li huma donaturi tas-semen iridu jissodisfaw mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-ġbir tas-semen u waqt li jkun qed isir il-ġbir ikunu nżammu fi Stat Membru jew f’żona ta’ Stat Membru fejn ma ġietx irrappurtata l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-emorraġija epiżootika għal perjodu ta’ mill-inqas is-sentejn preċedenti f’erja b’radjus ta’ 150 km madwar l-istabbiliment;

(b)

ikunu nżammu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-ġbir tas-semen u waqtu li dan ikun qed isir fi Stat Membru jew żona tiegħu staġjonalment ħielsa minn infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika;

(c)

ikunu nżammu fi stabbiliment protett mill-vetturi għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-ġbir tas-semen u waqt li dan ikun qed isir;

(d)

ikun sarilhom test seroloġiku għall-individwazzjoni ta’ antikorpi għall-infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika, b’riżultati negattivi, mill-inqas kull 60 jum matul il-perjodu tal-ġbir u bejn 28 u 60 jum mid-data tal-aħħar ġbir tas-semen;

(e)

ikun sarilhom test ta’ identifikazzjoni tal-aġenti għall-infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika, b’riżultati negattivi, fuq kampjuni tad-demm li ttieħdu mal-ewwel u mal-aħħar ġabra tas-semen u matul il-perjodu tal-ġbir tas-semen b’intervalli ta’:

(i)

mill-inqas kull 7 ijiem, fil-każ tat-test għall-iżolament tal-virus; jew

(ii)

mill-inqas kull 28 jum, fil-każ tar-reazzjoni katina bil-polimerażi.

2.

L-annimali bovini, ovini u kaprini li huma donaturi tal-ooċiti għall-produzzjoni in vitro ta’ embrijuni u donaturi ta’ embrijuni derivati in vivo jridu jissodisfaw mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-ġbir tal-ooċiti jew tal-embrijuni u waqt li dan jkun qed isir ikunu nżammu fi Stat Membru jew f’żona ta’ Stat Membru fejn ma ġietx irrappurtata l-infezzjoni bil-virus tal-marda tal-emorraġija epiżootika għal perjodu ta’ mill-inqas is-sentejn preċedenti f’erja b’radjus ta’ 150 km madwar l-istabbiliment;

(b)

ikunu nżammu għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-ġbir tal-ovoċiti jew tal-embrijuni u waqt li dan ikun qed isir fi Stat Membru jew żona tiegħu staġjonalment ħielsa minn infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika;

(c)

ikunu nżammu fi stabbiliment protett minn vetturi għal perjodu ta’ mill-inqas 60 jum qabel il-ġbir tal-ooċiti jew tal-embrijuni u waqt li dan qed isir;

(d)

ikunu sarilhom test seroloġiku għall-individwazzjoni ta’ antikorpi għall-infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika, b’riżultati negattivi fuq kampjun tad-demm li ttieħed bejn 28 u 60 jum mid-data tal-ġbir tal-ooċiti jew tal-embrijuni;

(e)

ikun sarilhom test ta’ identifikazzjoni tal-aġenti għall-infezzjoni bil-virus tal-marda emorraġika epiżootika, b’riżultati negattivi fuq kampjun tad-demm meħud fid-data tal-ġbir tal-ooċiti jew tal-embrijuni.

3.

Is-semen li jintuża għall-fertilizzazzjoni tal-ooċiti jrid jinġabar minn annimali li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1.”;

(3)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti 1, il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.

Fejn ikun hemm bżonn, jistgħu jiżdiedu mas-semen jew ikunu fid-dilwenti tas-semen l-antibijotiċi jew it-taħlitiet ta’ antibijotiċi.”;

(b)

fil-Parti 1, jitħassru il-punt 4 u 5;

(4)

fl-Anness IV, il-punt 2, il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali għall-prodotti ġerminali tal-annimali terrestri, għajr tal-annimali bovini, porċini, ovini, kaprini jew ekwini, miżmuma fi stabbilimenti konfinati u ta’ annimali tal-familji Camelidae jew Cervidae, li jinġarru minn Stat Membru għal ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 40, għandu jkun fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:”.

PARTI B

L-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2020/686 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

fil-Parti 1, il-punt 1(a)(iii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iii)

ma jkunx permess b’mod effettiv id-dħul ta’ persuni mhux awtorizzati”;

(2)

fil-Parti 1, il-punt 1(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

iċ-ċentru veterinarju tal-ġbir tas-semen għall-annimali ekwini li jkun jinsab fil-perimetri ta’ stabbiliment irreġistrat li jkun fih ukoll ċentru tal-inseminazzjoni artifiċjali jew ċentru tat-tgħammir naturali, għandu jiżgura li l-annimali ekwini li jidħlu fl-istabbiliment jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23(1)(a) u jista’ jiddeċiedi li jekk ma jkunx jista’ jiġi eskluż il-kuntatt dirett ta’ annimali ekwini donaturi maskili ma’ annimali ekwini femminili jew ma’ annimali ekwini maskili kkastrati li jintużaw biex iħajru lill-oħrajn jitgħammru, jew ma’ annimali ekwini mhux ikkastrati li jintużaw għat-tgħammir naturali fl-istabbiliment barra ċ-ċentru tal-ġbir tas-semen, dawk l-annimali ekwini femminili u maskili jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 23(1).”;

(3)

fil-Parti 4, il-punt 1(a)(ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

ma jkunx permess b’mod effettiv id-dħul ta’ persuni mhux awtorizzati;”.