17.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/54


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/593

tas-16 ta’ Marzu 2023

li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea fir-rigward tal-Grupp Hansol u li jemenda d-dazju residwu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ir-“Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 14(1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Wara investigazzjoni anti-dumping f’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku, fit-2 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 (2) li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerta karta termali ħafifa (lightweight thermal paper, “LWTP”) li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (“il-pajjiż ikkonċernat”) (“ir-Regolament inkwistjoni”). Il-miżuri ħadu l-forma ta’ rati ta’ dazju fissi: EUR 104,46 għal kull tunnellata netta kemm għall-grupp Hansol kif ukoll għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

1.1.   Is-sentenzi fil-kawżi T-383/17 (3) u C-260/20 P (4)

(2)

Il-grupp Hansol (Hansol Paper Co. Ltd. u Hansol Artone Paper Co. Ltd.) (“Hansol”) ikkontesta r-Regolament inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fit-2 ta’ April 2020, il-Qorti Ġenerali ħarġet is-sentenza tagħha fil-Kawża T-383/17 li tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 sa fejn kien jikkonċerna lil Hansol. Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni għamlet appell għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Kawża C-260/20 P). Fit-12 ta’ Mejju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell.

(3)

Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball meta stabbiliet il-valur normali għal mill-anqas tip wieħed ta’ prodott mibjugħ minn Hansol Artone Paper Co. Ltd. (“Artone”). Fin-nuqqas ta’ bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, ħadmet valur normali għal Artone fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni ta’ Artone. Peress li Hansol Paper Co. Ltd. (“Hansol Paper”) kellha bejgħ domestiku rappreżentattiv fl-andament normali tal-kummerċ ta’ dak it-tip ta’ prodott, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kien jenħtiġilha li tuża l-prezz tal-bejgħ domestiku ta’ dik il-parti bħala valur normali, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku.

(4)

Il-Qorti Ġenerali sabet ukoll li l-Kummissjoni kienet għamlet żball evidenti ta’ valutazzjoni fil-ponderazzjoni tal-bejgħ fl-Unjoni Ewropea ta’ rombli jumbo lil klijenti indipendenti meta mqabbel mal-bejgħ lil konvertituri relatati għall-konverżjoni f’rombli żgħar. Il-Kummissjoni kienet applikat din il-ponderazzjoni biex tirrifletti kif xieraq l-imġiba ġenerali ta’ dumping ta’ Hansol filwaqt li Hansol, fuq talba tagħha, kienet ingħatat eżenzjoni għal tlieta mill-konvertituri relatati tagħha biex tlesti kwestjonarju. Il-Qorti Ġenerali sabet li, billi ma kkunsidratx ċertu volum ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ Schades Nordic, wieħed minn dawn it-tliet konvertituri relatati fl-Unjoni, il-Kummissjoni kienet issottovalutat il-ponderazzjoni tal-bejgħ ta’ Hansol ta’ rombli jumbo lil klijenti indipendenti li kellhom marġni ta’ dumping ferm aktar baxx mill-bejgħ tagħha lil konvertituri relatati għall-bejgħ mill-ġdid fil-forma ta’ rombli żgħar lil negozjanti indipendenti. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku peress li l-kalkoli li saru mill-Kummissjoni ma kinux jirriflettu l-firxa sħiħa tad-dumping prattikat minn Hansol.

(5)

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali sabet li l-iżball ta’ ponderazzjoni deskritt fil-premessa (4) affettwa wkoll il-kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u tad-dannu, peress li l-Kummissjoni kienet użat l-istess ponderazzjoni għal dawn il-kalkoli. Għalhekk, din sabet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 3(2) u 3(3) tar-Regolament bażiku.

(6)

Dawn is-sejbiet ġew ikkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja (5).

1.2.   Implimentazzjoni tas-sentenzi

(7)

Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti tal-Unjoni. F’każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħall-investigazzjoni anti-dumping f’dan il-każ, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonsisti mis-sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, fejn l-illegalità identifikata mill-Qorti Ġenerali hija eliminata (6).

(8)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni ta’ att annullat tista’ titkompla fil-punt eżatt li fih seħħet l-illegalità (7). Dan jimplika, b’mod partikolari, li f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, dak l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-bidu tal-proċedura anti-dumping. Pereżempju, fejn jiġi annullat regolament li jimponi miżuri anti-dumping definittivi, il-proċediment jibqa’ miftuħ minħabba li huwa biss l-att li jikkonkludi l-proċediment li jisparixxi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (8), ħlief f’każijiet fejn l-illegalità tkun seħħet fl-istadju tal-bidu. It-tkomplija tal-proċedura amministrattiva bl-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet li kienu saru matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regolament annullat ma tistax titqies li tmur kontra r-regola ta’ nonretroattività (9).

(9)

Fil-kawża attwali, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament inkwistjoni fir-rigward ta’ Hansol għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi (3) sa (5).

(10)

Is-sejbiet fir-Regolament inkwistjoni, li ma ġewx ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda miċħuda mill-Qorti Ġenerali jew ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali, u għalhekk ma wasslux għall-annullament tar-Regolament inkwistjoni, jibqgħu kompletament validi (10).

(11)

Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P, il-Kummissjoni ddeċidiet li terġa’ tiftaħ parzjalment l-investigazzjoni anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li twassal għall-adozzjoni tar-Regolament inkwistjoni u li tkompli l-investigazzjoni mill-punt li fih seħħew l-irregolaritajiet. Ġie ppubblikat Avviż (“l-Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid”) f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Ġunju 2022 (11). Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ Hansol.

(12)

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea u prodotta minn Hansol soġġetta għal reġistrazzjoni u talbet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni li jimponi mill-ġdid id-dazji qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba għal ħlas lura u remissjoni ta’ dazji anti-dumping sa fejn kienu kkonċernati l-importazzjonijiet li jikkonċernaw il-prodotti ta’ Hansol (12) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

(13)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar il-ftuħ mill-ġdid u stednithom jikkummentaw.

2.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI WARA L-FTUĦ MILL-ĠDID

(14)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn Hansol u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Karta Termali (“ETPA”) u mill-membri tagħha.

(15)

Hansol innotat li fir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, il-Kummissjoni kienet ibbażat fuq is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T-440/20 u T-441/20 (“Jindal Saw”) (13) biex tikkonkludi li r-reġistrazzjoni kienet għodda sabiex ikunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra l-importazzjonijiet mid-data tar-reġistrazzjoni. Hansol sostniet li dawn is-sentenzi kienu għadhom mhux finali u li ma kinux japplikaw għas-sitwazzjoni preżenti, għaliex fil-Kawża T-383/17 il-Qorti Ġenerali kienet iddikjarat li r-regolament kien illegali filwaqt li ma kinitx iddikjarat hekk fil-Kawżi T-440/20 u T-441/20. Din argumentat ukoll li f’Jindal Saw il-kumpanija kkonċernata, Jindal Saw, kienet waħda minn diversi produtturi esportaturi u kien hemm diversi pajjiżi kkonċernati, filwaqt li Hansol hija l-uniku produttur esportatur fil-kawża inkwistjoni li tikkonċerna biss il-Korea. Fuq dik il-bażi, Hansol sostniet li l-Kummissjoni għalhekk ma tistax tibbaża fuq is-sentenzi ta’ Jindal Saw biex tiġbor b’mod retroattiv ir-responsabbiltà finali għall-ħlas tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn Hansol.

(16)

Fir-rigward tal-fatt li s-sentenza ta’ Jindal Saw kienet għadha tista’ tiġi appellata, l-ETPA sostniet li dawn is-sentenzi jirreplikaw ġurisprudenza stabbilita fit-tul. L-ETPA kkontestat ukoll id-differenzi allegati minn Hansol bejn is-sentenzi f’Jindal Saw u li f’T-383/17, bħal fil-parti operattiva tas-sentenzi f’T-300/16 u T-301/16 (il-kawżi ta’ qabel T-440/20 u T-441/20 li permezz tagħhom ir-regolamenti oriġinali f’Jindal Saw ġew annullati), bħal f’T-383/17, il-Qorti Ġenerali annullat ir-regolament ikkontestat fl-intier tiegħu, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent. Skont l-ETPA, il-fatt li s-sentenza annullat ir-Regolament inkwistjoni għal Hansol biss kien ifisser ukoll li, għall-kuntrarju tal-pretensjoni ta’ Hansol, ir-regolament inkwistjoni xorta waħda jifforma parti mill-ordni ġuridiku tal-Unjoni.

(17)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-fatt li s-sentenza fil-Kawża T-440/20 kienet għadha mhux finali meta ġie ppubblikat ir-regolament dwar ir-reġistrazzjoni ma jimplikax li r-reġistrazzjoni ma kinitx possibbli f’din il-kawża. F’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali approvat il-prattika tal-Kummissjoni li tirreġistra l-importazzjonijiet meta timplimenta s-sentenzi, u appoġġat il-fatt li l-Kummissjoni tista’ tabilħaqq tirreġistra l-importazzjonijiet f’sitwazzjonijiet bħal dawn. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Artikolu 14 tar-Regolament bażiku, li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li titlob lill-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, huwa ta’ applikazzjoni ġenerali. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali nnotat li “l-Artikolu 14(5) ta’ dak ir-regolament ma huwiex soġġett għal xi restrizzjoni fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom il-Kummissjoni għandha s-setgħa li titlob lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jirreġistraw il-merkanzija”. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ukoll li “t-tneħħija tad-dritt lill-Kummissjoni li tirrikorri għar-reġistrazzjoni bħala parti mill-proċedimenti għall-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju anti-dumping definittiv jista’ jimmina l-effettività tar-regolamenti li jista’ jwassal għal tali impożizzjoni mill-ġdid”. Fi kwalunkwe każ, is-sentenza, sadanittant, saret finali. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(18)

Fir-rigward tat-talba ta’ Hansol li r-Regolament inkwistjoni ma kienx għadu jgħodd billi Hansol, li għaliha kien ġie annullat ir-regolament, kienet l-uniku produttur esportatur ikkonċernat minn dak ir-Regolament, il-Kummissjoni, mingħajr ma daħlet fir-rilevanza ġuridika tat-talba, ġibdet l-attenzjoni li t-talba kienet fattwalment skorretta. Tabilħaqq, il-fatt li fil-perjodu ta’ investigazzjoni ma ġie identifikat l-ebda produttur ieħor mir-Repubblika tal-Korea li jesporta lejn l-Unjoni ma jfissirx li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 japplika biss għal Hansol. Tabilħaqq, fir-Regolament inkwistjoni, il-Kummissjoni imponiet ukoll dazji fuq produtturi esportaturi oħrajn permezz tad-dazju residwu (14). Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ikkontestat biss “sa fejn jikkonċerna lil Hansol Paper Co. Ltd.”. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(19)

Hansol indikat ukoll tħassib li l-Kummissjoni possibbilment ma tifhimx b’mod korrett kif tikkoreġi l-kwistjoni tal-ponderazzjoni. Hansol sostniet li, skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-perċentwal li jirrappreżenta l-bejgħ mill-ġdid tar-rombli jumbo minn Schades Ltd. fil-bejgħ totali tar-rombli jumbo minn Hansol Paper, Artone, u n-negozjant relatat tagħha Hansol Europe man-negozjant relatat tagħha Schades Ltd., jenħtieġ li jiġi applikat għall-kwantità ta’ bejgħ ta’ rombli jumbo lill-konvertituri relatati tagħha (Schades Nordic, Heipa u R+S) għall-bejgħ mill-ġdid. Il-kwantità li tirriżulta jenħtieġ li tiżdied mal-kwantità ta’ bejgħ ta’ rombli jumbo (diretti u indiretti) użati għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping u mnaqqsa mill-kwantità ta’ bejgħ ta’ rombli jumbo għal Schades Nordic, Heipa u R+S għall-konverżjoni. Fuq dik il-bażi, Hansol ipprovdiet kalkolu mill-ġdid tal-ponderazzjoni bejn il-bejgħ dirett u indirett ta’ rombli jumbo lil klijenti indipendenti meta mqabbel mal-bejgħ lil konvertituri relatati għal bejgħ mill-ġdid fil-forma ta’ rombli żgħar lil klijenti indipendenti. L-ETPA ssottolinjat li matul l-investigazzjoni, flimkien ma’ Schades Ltd., l-uniku konvertitur relatat ma’ Hansol li biegħ mill-ġdid ukoll ir-rombli jumbo kien Schades Nordic u li għalhekk għal dik ir-raġuni biss, approċċ bħal dan ma jkunx konformi mal-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni. Enfasizzat ukoll li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali identifikat ċerti żbalji fl-approċċ adottat mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni oriġinali, din ma imponietx approċċ għal kalkolu tal-ponderazzjoni rivedut, u ċċarat li huwa f’idejn il-Kummissjoni li tiddeċiedi liema miżuri huma xierqa biex tiġi żgurata l-konformità mas-sentenza.

(20)

Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni nnotat li l-metodu propost minn Hansol huwa fundamentalment differenti mill-metodu użat mill-Kummissjoni fil-kalkolu tad-dumping tagħha għar-Regolament inkwistjoni. F’dak il-kalkolu li jistabbilixxi l-marġnijiet ta’ Hansol, il-Kummissjoni kkwantifikat il-bejgħ dirett u indirett totali ta’ rombli jumbo lil klijenti mhux relatati li sar mill-grupp Hansol kollu kemm hu kif huwa rrapportat fit-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-entitajiet differenti tal-grupp fit-tabelli tal-bejgħ tagħhom. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet il-piż ta’ dan il-bejgħ meta mqabbel mal-piż tar-rombli jumbo għall-konverżjoni għal rombli żgħar. Il-proposta ta’ Hansol li jiġi applikat is-sehem ikkalkolat ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ rombli jumbo minn Schades Ltd. meta mqabbel mal-volumi totali ta’ xiri ta’ Schades Ltd lit-tliet konvertituri relatati l-oħrajn hija metodu fundamentalment differenti u mhux daqstant bir-reqqa, fid-dawl tal-volumi tal-bejgħ mill-ġdid ta’ rombli jumbo tat-tliet konvertituri relatati li ma weġbux għall-kwestjonarju, kif ġie rrapportat minn Hansol matul il-proċediment.

(21)

Il-Kummissjoni ċċarat ukoll li, filwaqt li l-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni wettqet żball billi fil-kalkolu ma inkludietx il-volumi tal-bejgħ mill-ġdid ta’ rombli jumbo rrapportati fil-proċediment minn Schades Nordic (15), hija ma kinitx skwalifikat il-metodoloġija tal-Kummissjoni bħala tali. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet strettament mad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali billi żammet il-metodoloġija għall-istabbiliment tal-ponderazzjoni rispettiva mhux mibdula, ħlief għall-fatt li issa żiedet il-volumi ta’ rombli jumbo mibjugħa minn Schades Nordic, Heipa u R+S, kif meħtieġ mill-Qorti Ġenerali. Dak il-kalkolu ġie spjegat aktar fid-divulgazzjoni limitata speċifika għall-kumpanija.

3.   RIEŻAMI TAL-KWISTJONIJIET IDENTIFIKATI MILL-QORTI ĠENERALI U KKONFERMATI MILL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

3.1.   Marġni tad-dumping

3.1.1.   Valur normali

(22)

Għal żewġ tipi ta’ prodotti esportati lejn l-Unjoni minn Artone, il-Kummissjoni, fil-kalkolu tagħha tad-dumping, kienet ħadmet il-valur normali fin-nuqqas ta’ bejgħ domestiku rappreżentattiv ta’ dik il-parti. Fil-punt 148 u fil-punti 152-158 tas-sentenza fil-Kawża T-383/17 u fil-punti 79 u 85 tas-sentenza fil-Kawża C-260/20 P, il-Qrati tal-Unjoni sabu li, kemm skont il-formulazzjoni kif ukoll l-istruttura tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, kien il-prezz effettivament imħallas jew pagabbli fl-andament normali tal-kummerċ li jrid, bħala kwistjoni ta’ prijorità, jitqies biex jiġi stabbilit il-valur normali. Meta l-esportatur ma jbigħx il-prodott simili domestikament, il-valur normali għandu jiġi stabbilit abbażi tal-prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħrajn bħala kwistjoni ta’ prijorità, u mhux abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni tal-kumpanija kkonċernata.

(23)

Wieħed miż-żewġ tipi ta’ prodotti msemmija fil-premessa (22) fil-fatt inbigħ fis-suq domestiku fi kwantitajiet rappreżentattivi u fl-andament normali tal-kummerċ mill-kumpanija relatata Hansol Paper u, għalhekk, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali ta’ Artone.

(24)

Għalhekk, il-Kummissjoni rrevediet il-kalkolu tal-valur normali għal dak it-tip ta’ prodott billi ssostitwiet il-valur normali maħdum ta’ Artone bil-valur normali ta’ Hansol Paper fir-rigward ta’ dak it-tip ta’ prodott.

(25)

It-tip ta’ prodott l-ieħor esportat minn Artone li għalih inħadem il-valur normali ma kellux bejgħ domestiku rappreżentattiv minn Hansol Paper lanqas. Tabilħaqq, il-volumi tal-bejgħ domestiku ta’ Hansol Paper naqsu ferm taħt il-limitu ta’ 5 % tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Konsegwentement, u skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ta’ dak it-tip ta’ prodott kien maħdum ukoll għal Hansol Paper. Fin-nuqqas ta’ prezzijiet tal-bejgħ rappreżentattivi fl-andament normali tal-kummerċ ta’ bejjiegħa jew produtturi oħrajn fil-pajjiż esportatur, il-ħidma tal-valur normali ta’ Artone għal dan it-tip ta’ prodott għalhekk inżammet.

3.1.2.   Ponderazzjoni

(26)

Fl-investigazzjoni li wasslet għar-Regolament inkwistjoni, il-Kummissjoni kienet irċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn Hansol, Artone, Hansol Europe (negozjant relatat fl-Unjoni) u Schades UK Ltd., negozjant/konvertitur relatat li jinsab fl-Unjoni. Tliet konvertituri li jinsabu fl-Unjoni u relatati mal-Grupp Hansol, jiġifieri Schades Nordic, Heipa u R+S, kienu talbu eżenzjoni biex jimlew il-kwestjonarju għall-kumpaniji relatati mal-produttur esportatur (l-Anness I tal-kwestjonarju). Dawn il-partijiet ikkonvertew il-prodott ikkonċernat għall-bejgħ mill-ġdid, f’rombli żgħar, lil klijenti indipendenti. Il-Kummissjoni aċċettat it-talba għal eżenzjoni tagħhom, li kienet ibbażata fuq in-nuqqas jew il-volum limitat ta’ bejgħ tal-prodott ikkonċernat minn dawn il-partijiet.

(27)

Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni hija obbligata li tqis it-tranżazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni meta tikkalkula l-marġni tad-dumping. Sabiex fil-kalkolu tad-dumping tagħha jiġi inkluż il-volum sinifikanti ta’ bejgħ mill-Grupp Hansol lill-konvertituri relatati li kienu ġew eżentati milli jimlew kwestjonarju, il-Kummissjoni kienet estendiet ir-riżultati tal-kalkolu tad-dumping billi applikat ponderazzjoni tal-marġnijiet tad-dumping ikkalkolati abbażi tat-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarju ta’ Hansol Paper, Artone, Hansol Europe u Schades UK Ltd. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni attribwiet ponderazzjoni ta’ bejn 15 % u 25 % għall-marġni tad-dumping stabbilit għall-bejgħ dirett u l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat permezz ta’ kumpaniji relatati u ponderazzjoni ta’ bejn 75 % u 85 % għall-marġni tad-dumping stabbilit għall-bejgħ lil konvertituri relatati għall-bejgħ mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati (16).

(28)

Il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja sabu li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikoli 2(11) u 9(4) tar-Regolament bażiku. Huma sabu li l-ponderazzjoni użata kienet ivvizzjata minn żball evidenti peress li ċertu volum ta’ prodott ikkonċernat mibjugħ mill-ġdid minn Schades Nordic kien ġie injorat. Għalhekk, il-volum tal-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat ma kienx iddikjarat biżżejjed fil-kalkolu tal-ponderazzjoni u l-firxa sħiħa tad-dumping konsegwentement ma kinitx ġiet riflessa fil-kalkoli. (17)

(29)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-Qrati tal-Unjoni kif miġbura fil-qosor fil-premessa (28), il-Kummissjoni rrieżaminat il-kalkolu tal-ponderazzjoni. Hija għamlet dan billi żiedet mal-volum tal-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat użat għal dik il-komputazzjoni, il-volum ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ rombli jumbo ta’ Hansol permezz ta’ Schades Nordic kif ġie rrapportat minn Hansol matul l-investigazzjoni. Il-ponderazzjoni tal-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat ta’ Hansol meta mqabbel mal-bejgħ totali tiegħu lejn l-Unjoni konsegwentement żdied b’0,7 punti perċentwali, filwaqt li l-ponderazzjoni tal-bejgħ tiegħu lil konvertituri relatati għall-bejgħ mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati naqas bl-istess perċentwal.

3.1.3.   Marġni tad-dumping

(30)

Il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid il-marġni tad-dumping għal Hansol, billi ssostitwiet il-valur normali maħdum ta’ tip ta’ prodott wieħed mibjugħ minn Artone b’valur normali bbażat fuq il-prezz tal-bejgħ domestiku ta’ dak it-tip ta’ prodott miksub minn Hansol Paper, kif inhu spjegat fil-premessa (24), u billi rrevediet il-ponderazzjoni tal-marġnijiet tad-dumping stabbiliti għaż-żewġ tipi ta’ bejgħ, kif spjegat fil-premessa (29).

(31)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping definittiv medju ponderat rivedut tal-Grupp Hansol, espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, tnaqqas minn 10,3 % għal 10,2 %.

3.2.   Marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u l-analiżi tal-impatt

(32)

Fir-Regolament inkwistjoni, l-istess ponderazzjoni li kienet ġiet applikata għall-marġnijiet tad-dumping għall-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat, minn naħa waħda, u għall-bejgħ lil konvertituri relatati għall-bejgħ mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati, min-naħa l-oħra, ġiet applikata wkoll biex jiġi kkalkolat il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Hansol.

(33)

Il-Qrati tal-Unjoni sabu li l-iżball li jaffettwa l-kalkolu tal-ponderazzjoni tal-bejgħ affettwa wkoll il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u l-valutazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni (18).

(34)

Fir-rigward tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni implimentat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi applikat ir-rati ta’ ponderazzjoni riveduti, kif spjegat fil-premessa (29), anki għall-marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezz għall-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat, minn naħa waħda, u għall-bejgħ lil konvertituri relatati għall-bejgħ mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati, min-naħa l-oħra.

(35)

Ir-riżultat tat-tqabbil, espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kien marġni tat-twaqqigħ tal-prezz medju ponderat ta’ 9,3 %.

(36)

Il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz li nstab matul l-investigazzjoni li wasslet għar-regolament inkwistjoni kien ta’ 9,4 %. Fid-dawl tad-differenza immaterjali bejn dak il-marġni u l-marġni ta’ twaqqigħ rivedut, il-Kummissjoni kkonkludiet li dik il-bidla ma kinitx teħtieġ ir-rivalutazzjoni tal-analiżi tad-dannu jew tal-kawżalità. Għalhekk, hija kkonfermat is-sejbiet f’dak ir-rigward kif miġbura fil-qosor fit-taqsimiet 4 u 5 tar-Regolament li jimponi miżuri provviżorji (19) u l-premessa (102) tar-Regolament inkwistjoni.

4.   DIVULGAZZJONI

(37)

Fl-14 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha bis-sejbiet ta’ hawn fuq li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li tipproponi li timponi mill-ġdid id-dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea u manifatturata minn Hansol u li taġġusta d-dazju residwu, abbażi tal-fatti miġbura u ppreżentati relatati mal-investigazzjoni oriġinali. Wara d-divulgazzjoni finali, waslu kummenti mingħand Hansol, l-ETPA u l-Gvern tar-Repubblika tal-Korea (“GOK”).

(38)

Il-GOK esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-mod kif il-Kummissjoni kienet implimentat is-sentenzi tal-Qrati tal-Unjoni peress li fehem li l-kalkoli tad-dumping riveduti ma rrettifikawx għal kollox l-iżbalji identifikati f’dawn is-sentenzi. Madankollu, il-GOK ma speċifikax ulterjorment f’liema sens il-Kummissjoni kellha żball.

(39)

L-ETPA appoġġat bis-sħiħ il-kors ta’ azzjoni maħsub tal-Kummissjoni.

(40)

Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni, Hansol sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx ikkoreġiet l-iżball fir-rigward tal-kalkolu tal-valur normali. Hansol sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma rrettifikatx l-iżball ta’ ponderazzjoni identifikat mill-Qorti Ġenerali u kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.1.   Valur normali

(41)

Hansol sostniet li hija qablet mal-fatt li l-Kummissjoni kienet implimentat is-sentenzi tal-Qrati tal-Unjoni billi użat, għat-tqabbil mal-prezz tal-esportazzjoni ta’ Artone, il-prezz tal-bejgħ domestiku ta’ Hansol Paper għal tip ta’ prodott li dik il-parti kienet biegħet fis-suq domestiku fi kwantitajiet rappreżentattivi u fl-andament normali tal-kummerċ (ara l-premessi (23) u (24)). Madankollu, Hansol ma qablitx mal-fatt li l-Kummissjoni, kif huwa spjegat fil-premessa (25), ma kinitx għamlet dan għal tip ieħor ta’ prodott li ma nbiegħx fis-suq domestiku minn Artone.

(42)

Hansol sostniet li l-Kummissjoni xorta waħda kien jenħtiġilha li tuża l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “tip ta’ prodott X” (in-numru attwali tat-tip ta’ prodott huwa kunfidenzjali). Hija argumentat li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ partijiet oħrajn, jekk disponibbli, “bħala kwistjoni ta’ prijorità”. F’dan ir-rigward, hija sostniet li l-bejgħ domestiku ta’ Hansol tat-tip ta’ prodott X kien kollu profittabbli u, b’riżultat ta’ dan, il-valur normali maħdum ta’ Hansol Paper għal dak it-tip ta’ prodott kien ugwali għal valur normali bbażat fuq il-prezzijiet tal-bejgħ. Billi l-valur normali maħdum kien ugwali għall-prezz tal-bejgħ, Hansol sostniet li l-Kummissjoni kienet taħt l-obbligu li tuża l-prezz tal-bejgħ ta’ Hansol Paper.

(43)

Il-Kummissjoni ma qablitx. L-ewwel nett, hija ċċarat li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonfermat li, skont l-Artikolu 2(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament bażiku, jekk ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew jekk ikun hemm bejgħ insuffiċjenti tal-prodott simili fl-andament normali tal-kummerċ, il-Kummissjoni għandha tidderoga mill-prinċipju tal-użu tal-prezzijiet tal-bejgħ biex tistabbilixxi l-valur normali, u għandha tibbaża l-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħrajn jew, jekk dawn ma jkunux disponibbli, tikkalkola l-valur normali abbażi tal-kost tal-produzzjoni. Hija speċifikat, fil-punt 150 tas-sentenza fil-Kawża T-383/17, li insuffiċjenza tal-bejgħ tkopri s-sitwazzjoni li fiha l-bejgħ tal-prodott simili fil-pajjiż esportatur jikkostitwixxi anqas minn 5 % tal-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Unjoni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li, f’dan ix-xenarju, il-Kummissjoni ma għandhiex tuża l-prezzijiet tal-bejgħ domestiku (20). F’dan il-każ, il-volumi tal-bejgħ domestiku ta’ Hansol Paper tat-tip ta’ prodott X kienu jikkostitwixxu anqas minn 1 % tal-bejgħ ta’ dak it-tip ta’ prodott lill-Unjoni, li huwa ferm anqas mil-limitu ta’ 5 % imsemmi fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, u għalhekk, il-valur normali tiegħu ta’ dak it-tip ta’ prodott inħadem mill-Kummissjoni. Hija fakkret ukoll li matul l-investigazzjoni, Hansol qatt ma sostniet li l-Kummissjoni ma kienx messha ħadmet il-valur normali ta’ dak it-tip ta’ prodott għal Hansol Paper. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe produttur ieħor li kkoopera, peress li l-Kummissjoni kienet ħadmet il-valur normali tat-tip ta’ prodott X għal Hansol Paper, kif huwa spjegat hawn fuq, u għalhekk ma kien hemm disponibbli l-ebda prezz tal-bejgħ domestiku alternattiv ta’ dak it-tip ta’ prodott, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali tat-tip ta’ prodott X għal Artone.

(44)

It-tieni, is-sempliċi fatt li l-valur normali maħdum ta’ tip ta’ prodott partikolari huwa identiku għall-prezz tal-bejgħ tiegħu ma jbiddlux f’valur normali bbażat fuq il-prezzijiet tal-bejgħ. Valur normali stabbilit skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku huwa valur normali maħdum. Għalhekk, għall-fini tal-kalkolu tad-dumping, dan il-valur normali maħdum ma jistax jintuża għal tqabbil ma’ prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ partijiet oħrajn peress li ma hemm l-ebda dispożizzjoni biex isir dan fir-Regolament bażiku. Għalhekk, it-talba ta’ Hansol li s-sentenzi tal-Qrati tal-Unjoni kienu jobbligaw lill-Kummissjoni tuża l-prezz tal-bejgħ domestiku ta’ Hansol Paper fil-kalkolu tad-dumping ta’ Artone għal dak it-tip ta’ prodott partikolari, ġiet miċħuda.

4.2.   Ponderazzjoni

(45)

Hansol sostniet ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx fehmet b’mod korrett il-metodu li jenħtieġ li tadotta biex tikkoreġi l-iżball ta’ ponderazzjoni. Hija invokat il-punt 86 tas-sentenza fil-Kawża T-383/17 u l-punt 64 tas-sentenza fil-Kawża C-260/20 P biex issostni li l-Kummissjoni kien jenħtieġ li tirrifletti l-proporzjon ta’ bejgħ ta’ Schades UK Ltd. mingħajr konverżjoni fil-bejgħ ta’ Hansol lin-negozjanti relatati l-oħrajn tagħha u mhux sempliċiment iżżid il-volum tal-bejgħ ta’ Schades Nordic mingħajr konverżjoni għall-bejgħ dirett u indirett ta’ Hansol lil klijenti indipendenti. Hansol ippreżentat l-argument ukoll li kieku l-Qorti Ġenerali kienet qieset li l-Kummissjoni kienet se tirrettifika l-iżball ta’ ponderazzjoni kif spjegat fil-premessa (29), il-Kummissjoni, fid-dawl tal-impatt limitat, ma kinitx tilħaq il-konklużjoni li l-iżball ta’ ponderazzjoni seta’ affettwa l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u l-valutazzjoni tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni.

(46)

Bħala kumment preliminari, it-talba ta’ Hansol tissuġġerixxi li l-Kummissjoni kienet użat il-kampjunar, jiġifieri kienet applikat l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku meta ddeċidiet li tuża d-data ta’ Schades UK Ltd. sabiex tikkalkola l-marġni tad-dumping għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lil konvertituri relatati. Il-Kummissjoni nnotat li fil-punti 63 sa 69 tas-sentenza fil-Kawża T-383/17, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-istess talba. Tabilħaqq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkalkola l-marġni tad-dumping fuq il-bejgħ ta’ Hansol lit-tliet konvertituri relatati l-oħrajn fuq id-data dwar il-prezz tal-esportazzjoni minn Schades UK Ltd, minħabba li kienet meqjusa fl-aħjar pożizzjoni biex tipprovdi l-aktar ċifri bir-reqqa fir-rigward tal-maġġoranza tal-bejgħ tal-Grupp Hansol lil konvertituri relatati fl-Unjoni għal bejgħ mill-ġdid sussegwenti bħala rombli żgħar lil klijenti mhux relatati (21). Għall-finijiet tal-kalkolu tad-dumping tal-Grupp Hansol, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li Schades UK Ltd. kienet l-uniku konvertitur relatat mal-grupp Hansol li biegħet mill-ġdid il-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti. Din il-konklużjoni tqieset skorretta mill-Qrati tal-Unjoni fid-dawl tal-evidenza disponibbli fil-fajl fir-rigward ta’ Schades Nordic.

(47)

Tabilħaqq, il-Kummissjoni nnotat li Hansol, fl-investigazzjoni oriġinali, kienet irrapportat lill-Kummissjoni li Schades Nordic kienet biegħet mill-ġdid [170–190] tunnellata mingħajr konverżjoni lil klijenti indipendenti. Hija rrapportat ukoll li ż-żewġ konvertituri relatati l-oħrajn li kienu ġew eżentati, Heipa u R+S, ma kellhom l-ebda bejgħ mill-ġdid mingħajr konverżjoni (22). Hansol ma pprovdiet l-ebda evidenza ta’ bejgħ ta’ rombli jumbo minn Heipa jew minn R+S. Għalhekk, it-talba ta’ Hansol kienet f’kontradizzjoni diretta mal-informazzjoni li kienet ipprovdiet matul l-investigazzjoni.

(48)

Fis-sentenza fil-Kawża C-260/20 P, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li l-Kummissjoni ma tistax teskludi informazzjoni pprovduta mill-partijiet interessati purament minħabba l-fatt li din l-informazzjoni ġiet ipprovduta b’mod ieħor minflok permezz ta’ tweġiba għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping (23). Il-Kummissjoni, wara li reġgħet fetħet l-investigazzjoni, ikkonformat ma’ dik is-sejba għaliex qieset l-informazzjoni pprovduta minn Hansol, fl-investigazzjoni, dwar il-bejgħ mill-ġdid ta’ rombli jumbo minn Schades Nordic, Heipa u R+S. Billi Hansol kienet irrapportat li Heipa u R+S ma kellhom l-ebda bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat, ma kienet meħtieġa l-ebda korrezzjoni fir-rigward tal-volumi stabbiliti għal dawn il-partijiet

(49)

Barra minn hekk, Hansol ibbażat it-talba tagħha li skontha l-Kummissjoni kien jenħtiġilha li tapplika l-proporzjon tal-bejgħ ta’ Schades UK Ltd. mingħajr konverżjoni għat-tliet negozjanti relatati l-oħra ta’ Hansol b’mod partikolari fuq it-test fil-punt 86 tas-sentenza fil-Kawża T-383/17 li jaqra li: ta’ min wieħed jinnota li l-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-data ta’ Schades (UK Ltd) sabiex tikkalkola l-marġni tad-dumping fuq il-bejgħ li sar mill-applikant lit-tliet konvertituri relatati l-oħra. F’dan ir-rigward hija rreferiet ukoll għad-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 64 tas-sentenza fil-Kawża C-260/20 P, kif ġej: “kif jirriżulta mill-punti 85 u 86 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tuża d-data ta’ Schades sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dumping fuq il-bejgħ ta’ Hansol lit-tliet proċessuri relatati l-oħra. (…) Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni kienet taf li Schades kienet biegħet mill-ġdid ċerti kwantitajiet tal-prodott inkwistjoni lil klijenti indipendenti mingħajr ipproċessar, il-Qorti Ġenerali qieset li hija kellha tirrifletti din is-sitwazzjoni fil-livell tal-bejgħ tal-prodotti kkunsidrati lill-proċessuri relatati l-oħrajn. (…)”.

(50)

Il-Kummissjoni qieset li Hansol qrat ħażin id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qrati tal-Unjoni. Tabilħaqq, id-data ta’ Schades UK Ltd intużat biex jiġi kkalkolat il-marġni tad-dumping fuq il-bejgħ ta’ Hansol lit-tliet konvertituri relatati l-oħrajn bħala l-marġni tad-dumping stabbilit għall-bejgħ ta’ Schades UK Ltd. ta’ rombli jumbo ikkonvertiti f’rombli żgħar ġie applikat għall-volumi applikabbli għall-konverżjoni ta’ oriġini Koreana mibjugħa lil dawn it-tliet konvertituri relatati l-oħrajn. Fil-punt 64, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, madankollu, li n-natura rappreżentattiva tad-data ta’ Schades UK Ltd. “bl-ebda mod ma teskludi li l-kalkolu bbażat fuq din id-data jkun ivvizzjat bi żbalji, fid-dawl tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data kollha rilevanti f’dan ir-rigward”. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-użu ta’ Schades UK Ltd. bħala rappreżentant għall-bejgħ ta’ Hansol lill-konvertituri relatati l-oħrajn ma kienx jimplika li l-Kummissjoni setgħet tinjora l-evidenza fil-fajl fir-rigward tal-bejgħ ta’ rombli jumbo lil klijenti indipendenti rrapportati minn Schades Nordic. Dan ma kienx jirrikjedi li l-Kummissjoni tirrifletti jew testendi l-istess proporzjon tal-bejgħ ta’ Schades Ltd mingħajr konverżjoni fil-bejgħ ta’ Hansol lin-negozjanti relatati l-oħrajn tagħha. Dan imur kontra l-evidenza proprja fil-fajl, li ma ġietx ikkontestata minn Hansol. Permezz tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni, u għall-kuntrarju ta’ dak li kien sar qabel, il-Kummissjoni qieset bis-sħiħ l-ammonti ta’ rombli jumbo mibjugħin lill-konvertituri relatati ta’ Hansol fl-Unjoni li biegħu mill-ġdid rombli jumbo mingħajr konverżjoni.

(51)

Huwa fir-rigward ta’ [170–190] tunnellata ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti minn Schades Nordic li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja kienu stabbilew żball hekk kif dan il-bejgħ mill-ġdid, li kien ġie rrapportat minn Hansol fil-proċedura b’mezzi oħrajn għajr permezz ta’ tweġiba għall-kwestjonarju, ma kienx tqies mill-Kummissjoni. Dan ġie kkoreġut, kif inhu spjegat fil-premessa (29), billi ġie miżjud mal-volum tal-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat dak il-volum ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ rombli jumbo ta’ Hansol permezz ta’ Schades Nordic kif irrapportat minn Hansol matul l-investigazzjoni. Ma kien meħtieġ li jsir l-ebda aġġustament ieħor, peress li Hansol kienet irrapportat li l-konvertituri Heipa u R+S ma kienu għamlu l-ebda bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat lil klijenti indipendenti.

(52)

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ċaħdet l-argument li skontu, il-fatt li l-korrezzjoni magħmula mill-Kummissjoni kellha impatt żgħir biss fuq il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz u l-ebda impatt fuq l-analiżi tad-dannu u l-kawżalità juri li l-Kummissjoni kienet fehmet ħażin is-sentenza tal-Qrati tal-Unjoni. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tgħid li “ma setax jiġi eskluż” li l-iżball tal-Kummissjoni seta’ kellu impatt u mhux li kellu impatt fuq l-analiżi tad-dannu u l-kawżalità (24). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 62 innotat: “Il-fatt li, fid-dawl tal-imsemmija data, kien, tal-inqas, possibbli li l-Kummissjoni attribwiet ponderazzjoni kbira wisq għall-bejgħ lill-konvertituri relatati għall-konverżjoni f’rombli żgħar li b’konsegwenza ta’ dan iżid id-dumping reali applikat minn Hansol, kien biżżejjed sabiex tiġi kkontestata l-affidabbiltà u n-natura oġġettiva tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tad-dumping imwettaq minn Hansol”. Għalhekk, il-fatt li l-korrezzjoni tal-ponderazzjoni kellha impatt żgħir fuq it-twaqqigħ tal-prezz rivedut ma juri xejn ħlief li l-iżball identifikat mill-Qorti Ġenerali kien irrilevanti. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

5.   LIVELL TAL-MIŻURI

(53)

L-iżball identifikat mill-Qorti Ġenerali u kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ponderazzjoni tal-bejgħ affettwa wkoll il-kalkolu tal-marġni tad-dannu. Il-Kummissjoni implimentat is-sentenza tal-Qrati tal-Unjoni billi applikat ir-rati ta’ ponderazzjoni riveduti, kif spjegat fil-premessa (29), anki għall-marġnijiet tad-dannu għall-bejgħ dirett u indirett tal-prodott ikkonċernat, minn naħa, u għall-bejgħ lil konvertituri relatati għall-bejgħ mill-ġdid bħala rombli żgħar lil partijiet mhux relatati, min-naħa l-oħra.

(54)

Ir-riżultat tat-tqabbil irriżulta f’marġni ta’ dannu għal Hansol ta’ 36,9 %, filwaqt li l-marġni ta’ dannu stabbilit matul l-investigazzjoni li wasslet għar-regolament inkwistjoni kien ta’ 37 % (25). Minħabba li l-marġni ta’ dumping stabbilit mill-ġdid huwa anqas mill-marġni ta’ dannu, f’konformità mar-regoli applikabbli, jenħtieġ li r-rata ta’ dazju anti-dumping tiġi stabbilita fil-livell tar-rata ta’ dumping. Għaldaqstant, ir-rata tad-dazju anti-dumping imposta mill-ġdid għal Hansol hija ta’ 10,2 %.

(55)

Il-Kummissjoni fakkret li d-dazju anti-dumping ġie impost bħala ammont fiss f’euro għal kull tunnellata netta. Ir-rata tad-dazju definittiv riveduta ta’ 10,2 % tirrappreżenta rata tad-dazju fissa ta’ EUR 103,16 għal kull tunnellata netta.

(56)

Il-Kummissjoni fakkret ukoll li l-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien għoli, peress li l-importazzjonijiet ta’ Hansol kienu jikkostitwixxu l-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Għalhekk, id-dazju anti-dumping residwu kien stabbilit fil-livell tal-kumpanija li kkooperat. Konsegwentement, ir-rata tad-dazju definittiva residwa, applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha, ġiet riveduta għal rata tad-dazju fissa ta’ EUR 103,16 għal kull tunnellata netta.

(57)

Il-livell rivedut ta’ dazju anti-dumping japplika mingħajr ebda interruzzjoni temporali mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament inkwistjoni (jiġifieri, mill-4 ta’ Mejju 2017 ’il quddiem). L-awtoritajiet doganali huma ordnati jiġbru l-ammont xieraq fuq l-importazzjonijiet li jikkonċernaw lil prodotti ta’ Hansol u jirrimborżaw kwalunkwe ammont żejjed miġbur sa issa f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(58)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), meta jkollu jiġi rimborżat ammont wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li għandu jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

6.   KONKLUŻJONI

(59)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li timponi mill-ġdid id-dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew anqas; f’rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b’kisja ta’ taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b’sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha, li attwalment taqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (Kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea b’rata fissa ta’ dazju ta’ EUR 103,16 għal kull tunnellata.

(60)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li tiżen 65 g/m2 jew anqas; f’rombli wiesgħa 20 cm jew aktar, piż tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 50 kg jew aktar u dijametru tar-romblu (inkluża l-karta) ta’ 40 cm jew aktar (“rombli jumbo”); b’kisja ta’ taħt fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat jew mingħajrha; miksija b’sustanza termosensittiva fuq naħa waħda jew fuq iż-żewġ naħat; u b’kisja ta’ fuq jew mingħajrha, li attwalment taqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 4809 90 00, ex 4811 90 00, ex 4816 90 00 u ex 4823 90 85 (Kodiċijiet TARIC: 4809900010, 4811900010, 4816900010, 4823908520), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, mill-4 ta’ Mejju 2017.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun ammont fiss ta’ EUR 103,16 għal kull tunnellata netta.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Kwalunkwe dazju anti-dumping definittiv fir-rigward ta’ prodotti ta’ Hansol imħallas skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763 li jaqbeż id-dazju anti-dumping definittiv stabbilit fl-Artikolu 1 għandu jitħallas lura jew jitnaqqas.

2.   Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandu jintalab mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Kull rimborż li jkun sar wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P Hansol Paper għandu jiġi rkuprat mill-awtoritajiet li jkunu għamlu r-rimborż, sal-ammont stabbilit fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 3

Id-dazju anti-dumping definittiv impost mill-Artikolu 1 għandu jinġabar ukoll fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1041 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea soġġetti għal reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni sabiex tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali huma ordnati biex ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbilita f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1041 li b’dan huwa mħassar.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 tat-2 ta’ Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 114, 3.5.2017, p. 3).

(3)  ECLI:EU:T:2020:139.

(4)  ECLI:EU:C:2022:370.

(5)  Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet iddeċidiet b’mod żbaljat li tnaqqas il-kostijiet SG&A u marġni ta’ profitt għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat minn Schades lil klijenti indipendenti bil-għan li tistabbilixxi l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ dak il-prodott fil-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu.

(6)  Il-Kawżi Magħquda 97, 193, 99 u 215/86 Asteris AE et al u r-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni [1988] ECR 2181, il-punti 27 u 28; Il-Kawża T-440/20, Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea [2022] EU:T:2022:318, il-punti 77-81.

(7)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs Il-Kummissjoni, ECR I-6993, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Spheriques vs Il-Kunsill [2000] ECR I-8147, il-punti 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs Il-Kummissjoni [2008] ECR II-1753, il-punti 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Region Nord-Pas de Calais vs Il-Kummissjoni [2011] ECLI:EU:T:2011:209, il-punt 83.

(8)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs Il-Kummissjoni, ECR I-6993, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industries des Poudres Spheriques vs Il-Kunsill [2000] ECR I-8147, il-punti 80 sa 85.

(9)  Il-Kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg [2018], ECLI:EU:C:2018:187, il-punt 79; C-612/16 C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, [2019] ECLI:EU:C:2019:508, il-punt 58; u l-Kawża T-440/20 Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea [2022] EU:T:2022:318, il-punt 59.

(10)  Il-Kawża T-650/17 Jinan Meide Casting Co. Ltd [2019] ECLI:EU:T:2019:644, il-punti 333–342.

(11)  Avviż ta’ ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li toriġina mir-Repubblika tal-Korea wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P (ĠU C 248, 30.6.2022, p. 152).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1041 tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ April 2020 fil-Kawża T-383/17, kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P, fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/763 (ĠU L 173, 30.6.2022, p. 64).

(13)  Il-Kawża T-440/20 Jindal Saw vs Il-Kummissjoni Ewropea [2022] EU:T:2022:318, il-punti 154 – 159.

(14)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763, il-premessi (129) u (133).

(15)  Il-punti 86 u 87 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-383/17, il-punti 62-64 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-260/20 P.

(16)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2005 tas-16 ta' Novembru 2016 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerta karta termali ħafifa li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 1), il-premessi (45) u (46).

(17)  Il-Kawża T-383/17, il-punti 83 sa 87 u 92; u l-Kawża C-260/20 P, il-punt 63.

(18)  Il-Kawża T-383/17, il-punti 211 u 212; u l-Kawża C-260/20 P, il-punt 112.

(19)  Ir-Regolament (UE) 2016/2005.

(20)  Il-Kawża T-383/17, il-punti 150 u 152.

(21)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763, il-premessa 32.

(22)  Email ta’ Hansol sottomessa fid-19 ta’ Frar 2016, numru Sherlock t16.002026.

(23)  Il-Kawża C-260/20 P, il-punti 50 sa 53.

(24)  Il-Kawża T-383/17, il-punt 212.

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/763, il-premessa 126.

(26)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).