17.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/52


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/592

tas-16 ta’ Marzu 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/244 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina huma soġġetti għal dazji kumpensatorji definittivi imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/244 (2) (l-investigazzjoni oriġinali).

(2)

Oleaginosa Moreno Hermanos S.A.C.I.F.I. y A (l-applikant), produttur esportatur Arġentin, bil-kodiċi addizzjonali TARIC C497 (3), soġġett għal rata ta’ dazju kumpensatorju individwali ta’ 25,0 %, informa lill-Kummissjoni fit-23 ta’ Mejju 2022 li kien bidel ismu għal Viterra Argentina S.A.

(3)

Il-kumpanija qieset li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-drittijiet tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju kumpensatorju individwali applikata għaliha taħt l-isem preċedenti tagħha u talbet lill-Kummissjoni tikkonferma dan.

(4)

L-assoċjazzjoni Ewropea tal-produtturi tal-bijodiżil (EBB) ma qablitx mal-applikant billi argumentat li din il-kumpanija kienet għaddiet minn bidla strutturali aktar kumplessa li taffettwa d-dritt tagħha li tkompli tibbenefika mil-livell ta’ miżura stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(5)

Il-Kummissjoni ġabret informazzjoni u eżaminat l-evidenza pprovduta mill-applikant u qieset li l-bidla fl-isem kienet irreġistrata kif suppost mal-awtoritajiet rilevanti, u ma rriżultatx f’relazzjoni ġdida ma’ gruppi oħra ta’ kumpaniji li ma kinux investigati mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni oriġinali.

(6)

L-evidenza fil-proċess ikkonfermaw id-dikjarazzjoni tar-rikorrent li l-bidla fl-isem ġiet approvata mir-Reġistru Pubbliku tal-Kummerċ tal-Arġentina fit-3 ta’ Mejju 2022 u mill-Amministrazzjoni Federali tad-Dħul Pubbliku fl-1 ta’ Lulju 2022. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-bidla fl-isem ma taffettwax is-sejbiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/244 u b’mod partikolari r-rata tad-dazju kumpensatorju applikabbli għall-kumpanija.

(7)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-bidla fl-isem jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mid-data li fiha l-kumpanija bdiet topera uffiċjalment bl-isem il-ġdid, jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2022.

(8)

L-industrija tal-Unjoni (EBB) fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni tenniet l-argumenti ppreżentati inizjalment dwar it-talba għal bidla fl-isem. Allegat li l-bidla fl-isem kienet qed taħbi bidla strutturali aktar kumplessa, li l-applikant żied l-attivitajiet tiegħu tal-bijodiżil permezz ta’ akkwisti differenti, biddel is-CEO, sar mexxej fis-settur agrikolu fl-Arġentina, u li, b’xi mod, kien relatat ma’ produttur esportatur ieħor, li kien falla.

(9)

Fakkret li l-produtturi esportaturi kollha fl-Arġentina huma soġġetti għal impenn fuq il-prezz li bih iridu jirrispettaw prezz minimu ta’ importazzjoni u jesportaw volum limitat ta’ bijodiżil tagħhom lejn l-Unjoni, liema limitu jiġi rivedut kull sena għall-pajjiż kollu.

(10)

The Commission examined the above allegations and noted that the industry did not provide sufficient evidence corroborating their claims. Il-Kummissjoni ma sabitx evidenza li tindika impatt tal-attivitajiet tal-applikant fis-settur agrikolu, jew l-allegata żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni tiegħu fuq il-miżuri attwalment fis-seħħ. Is-sempliċi bidla fl-isem ma tippermettix lill-applikant jesporta volum ogħla lejn l-Unjoni jew ibigħ taħt il-prezz minimu ffissat perjodikament mill-Kummissjoni u għalhekk ma jistax jaffettwa jew jimmina l-miżuri attwalment fis-seħħ. L-affermazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni ma setgħux jittieħdu inkonsiderazzjoni u għalhekk ġew miċħuda.

(11)

Minħabba l-kunsiderazzjonijiet fil-premessi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/244 jiġi emendat biex jirrifletti l-bidla fl-isem tal-kumpanija li qabel kellha l-kodiċi TARIC addizzjonali C497.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2019/244 huwa emendat kif ġej:

“Oleaginosa Moreno Hermanos S.A.C.I.F.I. y A

25,0 %

C497”

huwa sostitwit b’

“Viterra Argentina S.A.

25,0 %

C497”.

2.   Il-kodiċi addizzjonali TARIC C497 li qabel kien ta’ Oleaginosa Moreno Hermanos S.A.C.I.F.I. y A għandu jingħata lil Viterra Argentina S.A., mill-1 ta’ Lulju 2022. Kwalunkwe dazju definittiv imħallas fuq importazzjonijiet ta’ prodotti manifatturati minn Viterra Argentina S.A. li jaqbżu d-dazju kumpensatorju stabbilit fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/244 fir-rigward ta’ Oleaginosa Moreno Hermanos S.A.C.I.F.I. y A għandu jitħallas lura jew jinħafer skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/244 tal-11 ta’ Frar 2019 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina (ĠU L 40, 12.2.2019, p. 1).

(3)  It-tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).