17.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/49


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/591

tas-16 ta’ Marzu 2023

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/73 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u partikolarment l-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tiegħu,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fis-17 ta’ Jannar 2019 il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) (“il-prodott ikkonċernat”) permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73 (“ir-Regolament oriġinali”).

(2)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(3)

Il-Kummissjoni imponiet rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 10,3 % sa 62,1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ roti elettriċi għall-produtturi esportaturi mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun (bl-eċċezzjoni tal-kumpaniji soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju parallela għall-kumpaniji l-oħrajn kollha, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 (3)) ġie impost dazju medju ponderat ta’ 24,2 %. Dawn il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament oriġinali. Ġie impost dazju medju ponderat ta’ 16,2 % fuq kumpaniji oħra li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun (soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72). Dawn huma elenkati fl-Anness II tar-Regolament oriġinali. Barra minn hekk, ġiet imposta rata ta’ dazju għall-pajjiż kollu ta’ 70,1 % fuq ir-roti elettriċi minn kumpaniji fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li jew ma ppreżentawx ruħhom jew ma kkooperawx fl-investigazzjoni anti-dumping, iżda kkooperaw fl-investigazzjoni antisussidji parallela (elenkati fl-Anness III tar-Regolament oriġinali).

(4)

Skont l-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali, il-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu jista’ jiġi emendat billi jiżdied il-produttur esportatur il-ġdid fl-anness xieraq mal-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u għalhekk soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping medja ponderata xierqa, meta dak il-produttur esportatur ġdid fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 2016 say-30 ta’ Settembru 2017 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

(b)

huwa mhux relatat ma’ xi esportaturi jew produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma suġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament oriġinali u

(c)

ikun effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

2.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(5)

Il-kumpanija Zhejiang Jollo Technology Co., Ltd (“l-applikant”) ressqet talba lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mhux inklużi fil-kampjun, soġġetti għar-rata ta’ dazju kumpensatorju parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha, jiġifieri 16,2 % (“NEPT”), fejn sostniet li ssodisfat it-tliet kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6, tar-Regolament oriġinali.

(6)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (NEPT) kif stipulat fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali (“il-kundizzjonijiet NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kundizzjonijiet NEPT. L-applikant ipprovda tweġiba għall-kwestjonarju.

(7)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kriterji NEPT.

3.   ANALIŻI TAT-TALBA

(8)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Ottubru 2016 sat-30 ta’ Settembru 2017 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”), matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma setax jesporta roti elettriċi lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni peress li l-applikant ipprovda evidenza li ġie stabbilit fl-2021.

(9)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6, tar-Regolament oriġinali, li l-applikant mhu relatat mal-ebda esportatur jew produttur li huwa soġġett għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant mhu relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali u li setgħu kkooperaw fl-investigazzjoni oriġinali.

(10)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet li abbażi tal-evidenza dokumentarja pprovduta, l-applikant kien fil-fatt esporta roti elettriċi lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni. L-applikant ipprovda dokumentazzjoni tal-bejgħ għal tranżazzjonijiet lejn Spanja (Ġunju 2021) u lejn l-Italja (Awwissu 2022).

(11)

B’konsegwenza, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant huwa konformi mal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6, tar-Regolament oriġinali.

(12)

Għaldaqstant, l-applikant jissodisfa t-tliet kundizzjonijiet biex jingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (NEPT), kif stipulat fl-Artikolu 1, il-paragrafu 6 tar-Regolament oriġinali u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, jenħtieġ li l-applikant ikun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 16,2 % għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali u soġġetti għar-rata tad-dazju kumpensatorju parallela għall-kumpaniji l-oħra kollha, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/72.

4.   DIVULGAZZJONI

(13)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Zhejiang Jollo Technology Co., Ltd.

(14)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jibagħtu xi kummenti. Ma wasal l-ebda kumment.

(15)

Ir-Regolament huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/73, il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ kumpaniji li kkoperaw u li mhumiex fil-kampjun:

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Zhejiang Jollo Technology Co., Ltd

899 A

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)   ĠU L 16, 18.1.2019, p. 108.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/72 tas-17 ta’ Jannar 2019 li jimponi dazji kompensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' roti elettriċi li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 16, 18.1.2019, p. 5).