16.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/5


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/584

tal-15 ta’ Marzu 2023

li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1493 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-L-metijonina prodotta mill-Corynebacterium glutamicum KCCM 80245 u mill-Escherichia coli KCCM 80246 bħala addittivi fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-użu tal-L-metijonina prodotta mill-Corynebacterium glutamicum KCCM 80245 u mill-Escherichia coli KCCM 80246 bħala addittiv tal-għalf ġie awtorizzat għall-ispeċijiet kollha tal-annimali bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1493 (2) għal perjodu ta’ 10 snin.

(2)

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1493, l-indikazzjoni fir-rigward tal-kontenut massimu ta’ ndewwa u tal-perċentwal ta’ amminoaċidi oħra li jinsabu fl-addittiv identifikata bħala “3c305ii” hija żbaljata.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1493 jiġi kkoreġut skont dan.

(4)

Biex jiġi evitat it-tfixkil fit-tqegħid tal-addittiv tal-għalf fis-suq minħabba l-iżball fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1493, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1493, fil-kolonna “Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku”, fir-rigward tal-entrata għall-addittiv L-metijonina identifikata bħala “3c305ii”, il-kliem:

“Preparat ta’ L-metijonina b’kontenut minimu ta’ 90 % u b’kontenut massimu ta’ ndewwa ta’ 0,5 %

aċidi amminiċi oħrajn ≤ 0,63 %;” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Preparat ta’ L-metijonina b’kontenut minimu ta’ 90 % u b’kontenut massimu ta’ ndewwa ta’ 1,5 %

aċidi amminiċi oħrajn ≤ 0,70 %;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1493 tat-8 ta’ Settembru 2022 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-L-metijonina prodotta mill-Corynebacterium glutamicum KCCM 80245 u mill-Escherichia coli KCCM 80246 bħala addittivi fl-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali (ĠU L 234, 9.9.2022, p. 18).