13.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/47


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/566

tal-10 ta’ Marzu 2023

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward ta’ ċerti miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (2) uriet il-ħtieġa għal emendi żgħar għall-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

(2)

Ċerti miżuri dettaljati tas-sigurtà tal-avjazzjoni jenħtieġ li jiġu ċċarati, armonizzati jew issimplifikati sabiex titjieb iċ-ċarezza ġuridika, sabiex ikun hemm standardizzazzjoni tal-interpretazzjoni komuni tad-dispożizzjonijiet rilevanti u sabiex tkompli tiġi żgurata l-aħjar implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni għas-sigurtà tal-avjazzjoni. Barra minn hekk, ċerti emendi saru meħtieġa minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta’ theddid u ta’ riskju, kif ukoll minħabba l-iżviluppi reċenti b’rabta mat-teknoloġija. Dawk l-emendi jikkonċernaw software għall-individwazzjoni awtomatizzata ta’ oġġetti pprojbiti (APID), sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS) għall-bagalji tal-kabina, tagħmir għall-individwazzjonitat-traċċi tal-isplussivi (ETD), skeners tas-sigurtà kif ukoll tagħmir għall-individwazzjoni ta’ fwar splussiv (EVD).

(3)

L-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 uriet il-ħtieġa li jsiru xi emendi għall-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ ċerti standards bażiċi komuni fl-oqsma taċ-ċertifikazzjoni tal-istrutturi li jagħtu t-taħriġ, jitneħħew ir-referenzi skaduti fid-Dokument Mehmuż 6-E, u l-kjarifikazzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ riferiment fil-qafas tal-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Merkanzija Qabel it-Tagħbija (PLACI) fl-Anness ta’ dak ir-Regolament. Hemm bżonn li d-dispożizzjonijiet relatati fl-Anness jiġu aġġustati sabiex titjieb iċ-ċarezza ġuridika, tiġi standardizzata l-interpretazzjoni komuni tal-leġiżlazzjoni u tiġi żgurata ulterjorment l-aħjar implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni fis-sigurtà tal-avjazzjoni.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).


ANNESS

L-Anness għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punti 1.3.1.4 u 1.3.1.5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.3.1.4.

L-oġġetti li jinġarru minn persuni li ma jkunux passiġġieri għandhom jiġu skrinjati permezz ta’ wieħed mill-mezzi li ġejjin:

(a)

tfittxija bl-idejn;

(b)

tagħmir tar-raġġi X;

(c)

tagħmir b’sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS);

(d)

softwer awtomatizzat għall-individwazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti (APID) flimkien mal-punt (c);

(e)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi;

(f)

tagħmir għall-individwazzjoni ta’ traċċi ta’ splussivi (ETD).

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jiddetermina jekk l-oġġetti li jkunu qed jinġarru fihomx oġġetti pprojbiti jew le, dan għandu jiġi rrifjutat jew għandu jerġa’ jiġi skrinjat sa ma l-iskrinjatur ikun issodisfat.

1.3.1.5.

Il-punti 4.1.2.4 sa 4.1.2.7 u 4.1.2.11 sa 4.1.2.12 għandhom japplikaw fir-rigward tal-iskrinjar tal-oġġetti li jinġarru minn persuni li ma jkunux passiġġieri.”;

(2)

il-punt 4.1.1.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.1.1.1.

Qabel l-iskrinjar, l-ilbies ta’ barra għandu jitneħħa u għandu jiġi skrinjat bħala bagalji tal-kabina, sakemm il-kunċett tal-operazzjonijiet tat-tagħmir ma jippermettix li l-ilbies ta’ barra jinżamm milbus. L-iskrinjatur jista’ jitlob lill-passiġġier biex jinża’ iktar ħwejjeġ kif xieraq.”;

(3)

il-punt 4.1.2.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.1.2.3.

Il-bagalji tal-kabina għandhom jiġu skrinjati b’mill-inqas wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

tfittxija bl-idejn;

(b)

tagħmir tar-raġġi X;

(c)

tagħmir b’sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS);

(d)

softwer awtomatizzat għall-individwazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti (APID) flimkien mal-punt (c);

(e)

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a);

(f)

tagħmir ETD.

Meta l-iskrinjatur ma jkunx jista’ jiddetermina jekk il-bagalji tal-kabina fihomx oġġetti pprojbiti jew le, dawn għandhom jew jiġu rrifjutati jew għandhom jerġgħu jiġu skrinjati sa ma l-iskrinjatur ikun issodisfat.”;

(4)

il-punti 4.1.2.5 u 4.1.2.6 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.1.2.5.

Meta jintuża tagħmir tar-raġġi X, l-iskrinjatur għandu jara kull immaġni.

Meta jintuża tagħmir bl-EDS, l-iskrinjatur għandu jara kull immaġni jew dawn għandhom jiġu analizzati minn softwer awtomatizzat għall-individwazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti (APID).

4.1.2.6.

Meta jintuża softwer tal-APID, l-allarmi kollha kif imsemmija fil-punt 12.13.1.1 għandhom jiġu riżolti sa ma l-iskrinjatur ikun issodisfat sabiex jiġi żgurat b’mod raġonevoli li l-ebda oġġett ipprojbit ma jinġarr fis-SRA jew abbord l-inġenju tal-ajru.

Meta jintuża tagħmir bl-EDS, l-allarmi kollha kif imsemmija fil-punt 12.4.1.3 għandhom jiġu riżolti billi l-bagalji jerġgħu jiġu skrinjati permezz ta’ metodu ta’ skrinjar addizzjonali.

Meta tagħmir bl-EDS ikun ġie installat qabel l-1 ta’ Lulju 2023 u jintuża mingħajr softwer tal-APID, l-allarmi kollha kif imsemmija fil-punt 12.4.1.3 għandhom jiġu riżolti sa ma l-iskrinjatur ikun issodisfat sabiex jiġi żgurat b’mod raġonevoli li ma jinġarr l-ebda oġġett ipprojbit fis-SRA jew abbord l-inġenju tal-ajru. Meta l-identità ta’ oġġett ma tkunx ċara, l-allarmi għandhom jiġu riżolti billi l-bagalji jerġgħu jiġu skrinjati permezz ta’ metodu ta’ skrinjar addizzjonali.”;

(5)

il-punt 4.1.2.12 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.1.2.12.

Meta jintuża softwer tal-APID flimkien ma’ tagħmir bl-EDS li jissodisfa wieħed mill-istandards C1, C1+, C2 jew C2+, l-operatur jew l-entità li tuża t-tagħmir għandhom jiżguraw li l-proċeduri jkunu f’konformità mal-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ dawn l-istandards fir-rigward tal-iskrinjar ta’ oġġetti elettroniċi kbar u l-iskrinjar tal-LAGs.”;

(6)

jiżdied il-punt 4.1.2.13 li ġej:

“4.1.2.13.

L-iskrinjar tal-bagalji tal-kabina għandu jkun ukoll soġġett għad-dispożizzjonijiet addizzjonali stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.”;

(7)

il-punt 6.2.1.5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall (MDE);”;

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(h)

tagħmir għall-EVD.”;

(8)

fil-punt 6.3.2.6 (e), il-punt (iv) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(iv)

il-mezz jew il-metodu li ntuża għall-iskrinjar; kif ġej:

—

tfittxija bl-idejn (PHS);

—

tagħmir tar-raġġi X (XRY);

—

tagħmir bl-EDS (EDS);

—

klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDD)

—

tagħmir bl-ETD (ETD);

—

kontroll viżiv (VCK);

—

tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall (CMD);

—

tagħmir għall-EVD (EVD);

—

kwalunkwe metodu ieħor (AOM) f’konformità mal-punt 6.2.1.6 fejn il-metodu użat għandu jiġi speċifikat; jew”;

(9)

Fil-punt 6.8.7.2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“Trasportatur tal-ajru ma għandux jgħabbi tali kunsinna għall-ġarr fl-Unjoni, sakemm il-miżuri meħtieġa kif stabbiliti fil-punti 6.8.7.3 u 6.8.7.4, kif applikabbli, ma jkunux ġew implimentati b’mod sodisfaċenti.”;

(10)

Id-Dokument Mehmuż 6-E, it-tieni paragrafu, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-formulazzjoni introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Waqt il-ġbir, il-ġarr, il-ħżin u t-twassil tal-merkanzija bl-ajru/il-posta bl-ajru li jkunu sarulha l-kontrolli tas-sigurtà [f’isem isem l-aġent regolat/it-trasportatur tal-ajru li japplika l-kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija jew għall-posta/l-konsenjatur magħruf], nikkonferma li se jkun hemm konformità mal-proċeduri tas-sigurtà li ġejjin:”;

(b)

is-seba’ inċiż huwa emendat kif ġej:

(1)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

għandu ftehim ta’ trasportatur mal-aġent regolat jew ma’ konsenjatur magħruf responsabbli għat-trasport [l-istess isem ta’ hawn fuq]; jew”;

(2)

il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

għandu ftehim ta’ trasportatur mat-trasportatur firmatarju li jeħtieġ li l-parti terza ma tagħmilx subkuntratti ulterjuri u li din timplimenta l-proċeduri tas-sigurtà li jinsabu f’din id-dikjarazzjoni. It-trasportatur firmatarju jġorr ir-responsabbiltà kollha għat-trasport kollu f’isem l-aġent regolat jew il-konsenjatur magħruf; u”;

(11)

il-punt 8.1.2.3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a);”;

(b)

jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g)

it-tagħmir għall-EVD applikat f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fid-Dokument Mehmuż 6-J u flimkien mal-punt (a).”;

(12)

il-punt 9.1.2.3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

il-klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi flimkien mal-punt (a);”;

(b)

jiżdied il-punt (g) li ġej:

“(g)

it-tagħmir għall-EVD applikat f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fid-Dokument Mehmuż 6-J u flimkien mal-punt (a).”;

(13)

fil-punt 11.5.1, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Iċ-ċertifikazzjoni għandha tapplika mill-inqas għal strutturi awtorizzati li jagħtu t-taħriġ definit fil-punti 11.2.3.1 sa 11.2.3.5 u fil-punti 11.2.4 (sakemm ma tikkonċernax it-taħriġ ta’ superviżuri li jissorveljaw esklussivament persuni msemmija fil-punti 11.2.3.6 sa 11.2.3.11) u 11.2.5.”;

(14)

il-punt 12.0.2.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.0.2.1.

Soġġett għall-punt 12.0.5, it-tagħmir ta’ sigurtà u s-softwer li ġejjin jistgħu jiġu installati biss wara l-1 ta’ Ottubru 2020 jekk ikunu mmarkati b’“Timbru tal-UE” jew immarkati b’ “Timbru tal-UE pendenti” kif imsemmi fil-punt 12.0.2.5:

(a)

tagħmir bokka għall-individwazzjoni tal-metall (WTMD);

(b)

tagħmir b’sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS);

(c)

tagħmir għall-individwazzjoni tat-traċċi ta’ splussivi (ETD);

(d)

tagħmir ta’ sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi likwidi (LEDS);

(e)

tagħmir għall-individwazzjoni tal-metall (MDE);

(f)

skeners tas-sigurtà;

(g)

tagħmir għall-iskennjar taż-żraben;

(h)

tagħmir għall-individwazzjoni tal-fwar splussiv (EVD);

(i)

softwer awtomatizzat għall-individwazzjoni ta’ oġġetti pprojbiti (APID).”;

(15)

il-punt 12.4.1.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.4.1.1.

It-tagħmir b’sistemi għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDS) għandu jkun kapaċi jindividwa u jindika permezz ta’ allarm kwantitajiet individwali speċifikati u kwantitajiet ogħla minnhom ta’ materjal splussiv jew kimiku li jkun jinsab fil-bagalji jew f’kunsinni oħra.”;

(16)

il-punt 12.4.1.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.4.1.2.

L-individwazzjoni għandha tkun indipendenti mill-għamla, mill-pożizzjoni jew mill-orjentazzjoni tal-materjal splussiv jew kimiku.”;

(17)

fil-punt 12.4.1.3, l-ewwel u t-tieni inċiżi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“—

meta tindividwa materjal splussiv jew kimiku; u

—

meta tindividwa l-preżenza ta’ oġġett li jipprevjeni l-individwazzjoni ta’ materjali splussivi jew kimiċi; u”;

(18)

il-punt 12.6.1 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“It-tagħmir għall-ETD għandu jkun kapaċi jiġbor u janalizza livelli ta’ traċċi ta’ partikoli minn fuq uċuħ ikkontaminati, jew il-kontenut ta’ bagalji jew kunsinni, u permezz ta’ allarm, jindika l-preżenza ta’ splussivi jew ta’ sustanzi kimiċi.”;

(b)

is-sentenza wara l-punt (b) hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandu jkun hemm standards għall-ETD stabbiliti għat-teħid tal-kampjuni mill-partikoli. Ir-rekwiżiti dettaljati dwar dawn l-istandards huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.”;

(19)

il-punt 12.6.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“12.6.2.

L-istandard għat-tagħmir għall-ETD għall-individwazzjoni ta’ splussivi, li juża t-teħid tal-kampjuni mill-partikoli għandu japplika għat-tagħmir għall-ETD li ilu jintuża mill-1 ta’ Settembru 2014.

L-istandard għat-tagħmir għall-ETD għall-individwazzjoni tas-sustanzi kimiċi, li juża t-teħid tal-kampjuni mill-partikoli, għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2024 għat-tagħmir għall-ETD li ilu jintuża mill-1 ta’ Settembru 2014.”;

(20)

Il-Kapitoli 12.13 u 12.14 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“12.13.

SOFTWER AWTOMATIZZAT GĦALL-INDIVIDWAZZJONI TA’ OĠĠETTI PPROJBITI (APID)

12.13.1.

Prinċipji ġenerali

12.13.1.1.

Is-Softwer Awtomatizzat għall-Individwazzjoni ta’ Oġġetti Pprojbiti (APID) għandu jkun jista’ jindividwa u jindika, permezz ta’ allarm, oġġetti pprojbiti li jinsabu fil-bagalji jew f’kunsinni oħra.

12.13.2.

Standards għas-softwer APID

12.13.2.1.

Għandu jkun hemm tliet standards għas-softwer APID. Ir-rekwiżiti dettaljati dwar dawn l-istandards huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.

“12.14.

TAGĦMIR GĦALL-INDIVIDWAZZJONI TAL-FWAR SPLUSSIV (EVD)

12.14.1.

Prinċipji ġenerali

12.14.1.1.

It-tagħmir għall-Individwazzjoni tal-Fwar Splussiv (EVD) għandu jkun jista’ jiġbor kampjuni tal-arja u janalizza l-kampjun miġbur għall-fwar, l-aerosols u/jew il-partikoli fl-ajru u b’hekk jindika l-preżenza ta’ splussivi u materjali relatati mal-isplussivi.

Jekk jinstabu livelli ta’ traċċi ta’ splussivi jew materjali relatati mal-isplussivi fil-kampjun, it-tagħmir għall-EVD għandu jindika allarm.

12.14.1.2.

Għall-iskop ta’ skrinjar b’tagħmir għall-EVD, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

It-tagħmir għall-EVD għandu jintuża biss f’ambjent u għall-iskop li għalih ikun ġie approvat, jiġifieri skrinjar ta’:

—

Passiġġieri u persuni li ma humiex passiġġieri (EVD-PX);

—

Bagalji tal-kabina (EVD-CB);

—

Bagalji tal-istiva (EVD-HB);

—

Merkanzija u posta bl-ajru, posta tat-trasportatur tal-ajru u materjali tat-trasportatur tal-ajru, provvisti għal matul it-titjira u provvisti tal-ajruport (EVD-CS);

(b)

l-oġġetti tal-konsum ma għandhomx jintużaw aktar milli rakkomandat mill-manifattur tagħhom jew jekk il-prestazzjoni tal-oġġetti tal-konsum tkun tidher li ddeterjorat bl-użu.

12.14.2.

Standards għall-EVD

12.14.2.1.

It-tagħmir kollu għall-EVD li jintuża għall-iskrinjar tal-bagalji tal-istiva, tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru, tal-posta tat-trasportaturi tal-ajru u tal-materjali tat-trasportaturi tal-ajru mgħobbija fl-istiva tal-inġenju tal-ajru, tal-provvisti għal matul it-titjira kif ukoll tal-provvisti tal-ajruport għandu tal-inqas jissodisfa l-istandard 1.

12.14.2.2.

It-tagħmir kollu għall-EVD li jintuża għall-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-persuni li ma humiex passiġġieri kif ukoll tal-bagalji tal-kabina għandu jissodisfa tal-anqas l-istandard 3.

12.14.2.3.

Ir-rekwiżiti dettaljati dwar dawn l-istandards huma stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.”;

(21)

Id-Dokument Mehmuż 12-M huwa sostitwit b’dan li ġej:

 

“ DOKUMENT MEHMUŻ 12-M

 

Dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni għall-APID huma stipulati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8005.” ”