13.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/4


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/564

tal-10 ta’ Marzu 2023

fir-rigward tal-kontenut u l-format tar-rekords tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti miżmuma minn utenti professjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 67(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom iżommu rekords ta’ dawk il-prodotti li jużaw, li jkun fihom l-isem tal-prodott, il-ħin u d-doża tal-applikazzjoni, l-erja ttrattata u l-għalla fejn intuża l-prodott.

(2)

Skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-utenti professjonali għandhom ukoll jagħmlu l-informazzjoni rilevanti disponibbli għall-awtorità kompetenti fuq talba. Barra minn hekk, partijiet terzi jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti biex jipprovdu aċċess għal dik l-informazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu tali aċċess f’konformità mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni applikabbli.

(3)

L-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (“l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt”) (2), adottata mill-Kummissjoni fl-2020, għandha l-għan li tnaqqas l-użu u d-dipendenza fuq il-prodotti kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti. Ir-reġistrazzjoni adegwata tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u l-attivitajiet ta’ monitoraġġ u kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali abbażi ta’ tali rekords, huma għalhekk strumentali għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.

(4)

Hemm differenzi bejn ir-reġimi nazzjonali fir-rigward tar-rekords miżmuma mill-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u jekk dawn jinżammux b’mod elettroniku. Għalhekk, dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-kontenut u l-format ta’ dawk ir-rekords.

(5)

Dawk ir-regoli jiddefinixxu kif għandhom jiġu rreġistrati l-elementi elenkati fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 relatati mal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (l-isem tal-prodott, il-ħin, id-doża, l-erja u l-għalla tal-applikazzjoni), sabiex tiġi żgurata l-kwalità adegwata u uniformi tar-rekords miżmuma skont dak l-Artikolu fl-Unjoni kollha.

(6)

Peress li l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti minn utenti professjonali ħafna drabi jseħħ bħala parti minn attivitajiet agrikoli u sabiex ikun hemm allinjament mar-rekwiżiti eżistenti rilevanti għall-agrikoltura, meta possibbli, l-identifikazzjoni tal-post tal-erja jew tal-faċilità fejn intuża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jenħtieġ li ssir permezz tal-unità tal-art fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna ġeospazjali tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll kif imsemmi fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 (3). Meta dan ma jkunx possibbli, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu lill-utenti professjonali b’metodi alternattivi xierqa għall-identifikazzjoni tal-post tal-erja fejn intuża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u, fejn rilevanti, il-post ġeospazjali.

(7)

Sabiex tinkiseb l-uniformità tar-rekords, l-ismijiet tal-għelejjel, is-sitwazzjonijiet jew l-użi tal-art jenħtieġ li jiġu rreġistrati, fejn applikabbli, f’konformità mal-kodiċijiet użati mill-Organizzazzjoni Ewropea u Mediterranja għall-Protezzjoni tal-Pjanti (“il-kodiċijiet tal-EPPO”) u l-istadji tat-tkabbir tal-pjanti, fejn applikabbli, f’konformità mal-monografija BBCH (4).

(8)

Sabiex jiġi evitat li l-utenti professjonali jkunu meħtieġa joħolqu settijiet multipli ta’ rekords għall-istess użu biex jikkonformaw ma’ obbligi differenti, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jirrikjedu li l-utenti jinkludu informazzjoni oħra flimkien mar-rekords meħtieġa skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Ir-rekords jenħtieġ li jinżammu b’mod elettroniku, peress li l-mezzi elettroniċi għaż-żamma tar-rekords huma l-aktar adattati biex jippermettu applikazzjoni uniformi tal-obbligu taż-żamma tar-rekords. Dan jiżgura affidabbiltà akbar tar-rekords, jiffaċilita l-ġbir u l-verifika tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti u fl-aħħar mill-aħħar jappoġġa attivitajiet preċiżi, effiċjenti u effettivi ta’ monitoraġġ u kontroll mill-Istati Membri. Għal dan l-għan, il-formati elettroniċi użati jenħtieġ li jkunu jistgħu jinqraw ukoll minn magna kif definit fid-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(10)

Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-utenti professjonali jenħtieġ li jkollhom biżżejjed żmien bejn ir-reġistrazzjoni ta’ kull użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u t-trasferiment tar-rekords f’format elettroniku.

(11)

Utent professjonali jista’ juża prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti taħt arranġamenti kuntrattwali għal persuna fiżika jew ġuridika oħra. F’dawk il-każijiet, l-utent professjonali jenħtieġ li jipprovdi aċċess għal jew kopja tar-rekords rilevanti miżmuma lil dik il-persuna mingħajr ebda dewmien jew restrizzjoni bla bżonn.

(12)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-użu tad-data li tinsab fir-rekords għal finijiet oħra barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Id-disponibbiltà ta’ rekords elettroniċi armonizzati tista’ tiffaċilita l-użu tal-informazzjoni għal skopijiet leġittimi oħra, u b’hekk tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u jitnaqqas il-piż fuq l-utenti professjonali u l-awtoritajiet pubbliċi.

(13)

Sabiex l-utenti professjonali jkunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw żmien raġonevoli qabel ma jsiru applikabbli r-rekwiżiti tiegħu.

(14)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kontenut tar-rekords

1.   L-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom jipprovdu fir-rekords imsemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (“ir-rekords”) l-informazzjoni kif stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Meta l-post ta’ erja jew faċilità fejn ikun intuża prodott għall-protezzjoni tal-pjanti ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-unità tal-art fl-ambitu tal-applikazzjoni għall-għajnuna ġeospazjali tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173, jew meta, skont il-paragrafu 1, dan ma jkunx meħtieġ għal tip ta’ użu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-utenti professjonali b’metodi ta’ identifikazzjoni alternattivi xierqa. Tali metodi ta’ identifikazzjoni għandhom jippermettu l-identifikazzjoni tal-post tal-erja, l-unità, jew il-faċilità fejn intuża l-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, u, fejn rilevanti, il-pożizzjoni ġeospazjali tiegħu.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti professjonali l-ismijiet komuni ta’ għelejjel, sitwazzjonijiet jew użi tal-art li jikkorrispondu għall-kodiċijiet tal-EPPO u tal-istadji tat-tkabbir tal-għelejjel, f’konformità mal-monografija BBCH għar-reġistrazzjoni tal-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

4.   Id-dispożizzjonijiet f’dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jirrikjedu li l-utenti professjonali jinkludu informazzjoni oħra barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fir-rekords.

Artikolu 2

Format tar-rekords

L-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti għandhom iżommu r-rekords b’mod elettroniku bl-użu ta’ format li jinqara mill-magni kif definit fl-Artikolu 2(13) tad-Direttiva (UE) 2019/1024.

Artikolu 3

It-twaqqit tar-reġistrazzjoni u tat-trasferiment għal format elettroniku

L-utent professjonali għandu jirreġistra kull użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti mingħajr dewmien żejjed.

Meta r-rekords ma jkunux inizjalment maħluqa fil-format elettroniku preskritt, dawn għandhom jiġu ttrasferiti f’tali format mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Għall-użi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu perjodi iqsar għat-trasferiment fil-format elettroniku preskritt.

Għall-użi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fit-territorju tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri jistgħu jippermettu perjodi itwal minn dawk stabbiliti fit-tieni paragrafu, li fihom ir-rekords għandhom jiġu ttrasferiti fil-format elettroniku preskritt, sakemm ir-rekords kollha jkunu disponibbli fil-format elettroniku preskritt qabel il-31 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara s-sena tal-użu tal-prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

Artikolu 4

Għoti ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra

Meta jintalab mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 biex jipprovdi informazzjoni li tinsab fir-rekords, l-utent professjonali għandu jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed.

Meta l-awtorità kompetenti titlob b’mod espliċitu l-informazzjoni li tinsab fir-rekords maħluqa għall-użi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fil-format elettroniku preskritt kif stabbilit fl-Artikolu 2 qabel ma jkun skada l-perjodu rilevanti stabbilit fit-tieni u fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 3, l-utent professjonali għandu jipprovdi l-informazzjoni fil-format elettroniku preskritt qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu jew fi żmien 10 ijiem tax-xogħol, skont liema jiġi l-ewwel.

L-utenti professjonali li jaġixxu skont arranġamenti kuntrattwali għal persuna fiżika jew ġuridika oħra, għandhom jipprovdu aċċess għal jew kopja tar-rekords lil dik il-persuna kontraenti mingħajr dewmien jew restrizzjonijiet bla bżonn.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381 final).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1173 tal-31 ta’ Mejju 2022 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll fil-politika agrikola komuni (ĠU L 183, 8.7.2022, p. 23).

(4)  Meier, Uwe, ed. Growth stages of mono- and dicotyledonous plants. BBCH Monograph. Quedlinburg 2018. Open Agrar Repositorium. doi: 10.5073/20180906-074619 ISBN: 978-3-95547-071-5.

(5)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).


ANNESS

Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rekords kif previst fl-Artikolu 1

Tip ta’ użu

Prodott għall-protezzjoni tal-pjanti użat

Ħin tal-użu

Doża tal-applikazzjoni (1)

Post jew identifikazzjoni tal-erja jew unità trattata (2)

Daqs jew ammont tal-erja jew unità ttrattata (3)

Għalla jew sitwazzjoni/użu tal-art

Trattament tal-erjas tas-superfiċje (bħal għelieqi agrikoli, żoni għar-rikreazzjoni, linji ferrovjarji, żoni mhux tal-għelejjel jew serer għajr dawk imsemmija fir-ringiela li jmiss)

Isem il-prodott u n-numru tal-awtorizzazzjoni

Id-data u, fejn rilevanti (4), il-ħin tal-bidu (siegħa)

Ammont f’kilogrammi/litri ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti applikat għal kull ettaru

Meta disponibbli, l-unità tal-art fl-ambitu tal-applikazzjoni ta’ għajnuna ġeospazjali tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1173.

Meta l-erja ma tkunx tista’ tiġi identifikata fl-ambitu tal-applikazzjoni għall-għajnuna ġeospazjali kif imsemmi hawn fuq, il-metodu ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 1(2).

Għadd ta’ ettari ttrattati

L-ismijiet tal-għelejjel, is-sitwazzjonijiet/l-użi tal-art f’konformità mal-kodiċijiet tal-EPPO (5), fejn applikabbli u l-istadju tat-tkabbir f’konformità mal-monografija BBCH (6), fejn rilevanti (7)

Trattament ta’ jew fi spazji magħluqa (bħall-bexx/trattament biċ-ċpar ta’ faċilitajiet ta’ ħżin, imħażen tal-qamħ vojta jew serer permanenti kif definit fl-Artikolu 3(27) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009)

Isem il-prodott u n-numru tal-awtorizzazzjoni

Data

Ammont f’kilogrammi/litri ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti applikat għal kull metru kubu jew għal kull metru kwadru

In-numru tal-ħażna/serra u l-metodu ta’ identifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 1(2).

Volum f’metri kubi jew erja tas-superfiċje (8) f’metri kwadri tal-faċilità ttrattata

Ismijiet tal-għelejjel, sitwazzjonijiet f’konformità mal-kodiċijiet tal-EPPO, fejn applikabbli u l-istadju tat-tkabbir f’konformità mal-monografija BBCH, fejn rilevanti

Trattament ta’ żrieragħ jew materjal riproduttiv tal-pjanti (bħal patata taż-żrigħ)

Isem il-prodott u n-numru tal-awtorizzazzjoni

Data

Ammont f’kilogrammi/litri ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti applikat għal kull kilogramma, tunnellata jew numru ta’ żrieragħ (9)

Metodu tal-identifikazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Ammont ittrattat f’kilogrammi, tunnellati jew numru ta’ żrieragħ

L-ismijiet tal-għelejjel f’konformità mal-kodiċijiet tal-EPPO, fejn applikabbli u n-numru tal-lott, fejn applikabbli


(1)  L-unitajiet għar-reġistrazzjoni tal-ammonti jistgħu jiġu aġġustati, fejn xieraq.

(2)  Indika liema frazzjoni tal-unità jew tal-erja hija ttrattata, jekk xieraq.

(3)  L-unitajiet għar-reġistrazzjoni tal-erja u tal-volum jistgħu jiġu aġġustati, fejn xieraq.

(4)  eż. meta l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun ristrett għal ħinijiet speċifiċi tal-jum jew meta l-ħin tal-użu jkun rilevanti fil-kuntest tal-użu partikolari.

(5)  https://gd.eppo.int/

(6)  Meier, Uwe, ed. Growth stages of mono- and dicotyledonous plants. BBCH Monograph. Quedlinburg 2018. Open Agrar Repositorium. doi: 10.5073/20180906-074619 ISBN: 978-3-95547-071-5.

(7)  eż. meta l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti jkun ristrett għal stadji partikolari ta’ tkabbir jew meta l-istadju ta’ tkabbir ikun rilevanti fil-kuntest tal-użu partikolari.

(8)  Għal faċilitajiet b’diversi saffi, l-erja totali ttrattata jenħtieġ li tiġi rreġistrata.

(9)  L-unitajiet għar-reġistrazzjoni tal-ammonti ttrattati jistgħu jiġu aġġustati, fejn xieraq.