3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/450

tal-25 ta’ Novembru 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ordni li fih is-CCPs għandhom iħallsu l-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, l-għadd massimu ta’ snin li matulhom dawn is-CCPs għandhom jużaw sehem mill-profitti annwali tagħhom għal tali pagamenti lill-pussessuri ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tagħhom u s-sehem massimu ta’ dawn il-profitti li għandu jintuża għal dawn il-pagamenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(2), it-tielet subparagrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti eliġibbli għall-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 jiġu ttrattati b’mod ġust. Għaldaqstant, meta jkun hemm separazzjoni bejn pagamenti fi flus kontanti u strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq profitti futuri, l-allokazzjoni bejn il-pagamenti fi flus kontanti u dawk l-istrumenti jenħtieġ li tkun identika għall-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti kollha li jridu jiġu kkumpensati.

(2)

Skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, l-awtorità kompetenti ta’ CCP tista’ tesiġi li CCP tikkumpensa lill-membri tal-ikklirjar għat-telf tagħhom permezz tal-ħruġ ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri ta’ dik is-CCP. Madankollu, jenħtieġ li l-ħruġ ta’ tali strumenti, u l-pretensjonijiet li jirriżultaw fuq il-profitti futuri tas-CCP, ma jipperikolawx il-vijabbiltà tas-CCP u l-kapaċità tagħha li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ investiment tagħha, u lanqas ma jnaqqsu l-attraenza tas-CCP għall-azzjonisti u l-investituri esterni tagħha matul perjodu twil. Sabiex jitnaqqas dan ir-riskju, huwa xieraq li jiġi stabbilit li jenħtieġ li l-pretensjonijiet annwali fuq il-profitti futuri ta’ CCP ma jaqbżux 70 % tal-profitti annwali tas-CCP, u li tali strumenti u pretensjonijiet jenħtieġ li ma jaqbżux perjodu ta’ aktar minn għaxar snin.

(3)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(4)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ordni li fih għandu jitħallas il-kumpens imsemmi fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23

1.   CCP li tkun ġiet obbligata mill-awtorità kompetenti tagħha, f’konformità mal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, li tikkumpensa lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti, għandha tikkumpensa pari passu lil dawn il-membri tal-ikklirjar.

2.   CCP li tkun ġiet obbligata mill-awtorità kompetenti tagħha li tikkumpensa lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti tagħha kemm fi flus kontanti kif ukoll permezz tad-distribuzzjoni ta’ strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP għandha tuża l-istess skema eżatt ta’ allokazzjoni għall-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti kollha meta tiddetermina liema partijiet ta’ dan il-kumpens għandhom jiġu allokati fi flus kontanti u f’kumpens mhux fi flus kontanti.

3.   Kwalunkwe ftehim ta’ trasferiment ta’ profitt li jista’ jostakola l-livell ta’ profitt għandu jiġi integrat mill-ġdid fl-ammont ta’ profitt tas-CCP.

Artikolu 2

Sehem massimu tal-profitti annwali tas-CCP li għandu jintuża għall-pagamenti li jirrigwardaw strumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tas-CCP

Il-pagamenti ta’ kumpens annwali li għandhom isiru minn CCP skont l-istrumenti li jirrikonoxxu pretensjoni fuq il-profitti futuri tagħha u li jkunu nħarġu lil kull membru tal-ikklirjar mhux inadempjenti affettwat ma għandhomx jaqbżu 70 % tal-profitt annwali ta’ dik is-CCP għal kull sena finanzjarja.

Artikolu 3

Għadd massimu ta’ snin li matulhom il-pussessur huwa intitolat li jirċievi pagamenti mis-CCP sakemm jinġabar it-telf

L-għadd ta’ snin li matulhom strument li jirrikonoxxi pretensjoni fuq profitti futuri tas-CCP jintitola lill-pussessur jirċievi pagamenti mis-CCP fuq bażi annwali sakemm jinġabar it-telf ma għandux jaqbeż 10 snin.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).