24.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/409

tat-18 ta’ Novembru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontenut minimu ta’ ossidu tal-kalċju f’fertilizzanti inorganiċi solidi sempliċi b’makronutrijenti

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) mis-16 ta’ Lulju 2022.

(2)

F’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, fertilizzant inorganiku solidu sempliċi b’makronutrijenti, li jkollu l-kalċju biss bħala makronutrijent iddikjarat, għandu jkun fih mill-inqas 12 % skont il-massa ta’ kalċju espress bħala ossidu tal-kalċju.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1666 (3) emenda r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 billi introduċa l-kelat tal-kalċju tal-aċidu imminodisuċċiniku (Ca-IDHA) bħala tip ġdid ta’ fertilizzant tal-KE. Il-kontenut minimu ta’ nutrijenti f’dak il-fertilizzant huwa 9 % ta’ ossidu tal-kalċju.

(4)

Is-Ca-IDHA huwa fertilizzant li jipprovdi l-kalċju makronutrijenti lill-pjanti. Fil-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-inklużjoni tiegħu fir-Regolament (KE) Nru 2003/2003, instab li dan it-tip ta’ fertilizzanti tal-KE kien agronomikament effiċjenti. Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jenħtieġ li jiġi emendat biex jitqies l-iżvilupp tekniku li seħħ wara l-adozzjoni tiegħu u għalhekk il-kontenut minimu ta’ ossidu tal-kalċju f’fertilizzanti inorganiċi solidi sempliċi b’makronutrijenti jenħtieġ li jitnaqqas minn 12 % għal 9 %. It-tnaqqis tal-kontenut minimu tal-ossidu tal-kalċju jintroduċi dan it-tip ta’ fertilizzant fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ armonizzazzjoni u b’hekk jiffaċilita l-moviment liberu tiegħu fis-suq uniku. Dan l-adattament huwa marbut mal-kriterji tal-effiċjenza agronomika tal-fertilizzanti, u mhux qed inaqqas l-istandards għoljin ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1009.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2019/1009 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Parti II, fil-PFC 1(C)(I)(a)(i), il-punt 2, tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009, il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

9 % skont il-massa, ta’ ossidu tal-kalċju (CaO) totali,”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 dwar il-fertilizzanti (ĠU L 304, 21.11.2003, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1666 tal-10 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fertilizzanti bil-għan li jiġi inkluż tip ġdid ta’ fertilizzanti tal-KE fl-Anness I (ĠU L 377, 11.11.2020, p. 3).