20.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/32


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/372

tas-17 ta’ Frar 2023

li jistabbilixxi regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-ħżin u l-kondiviżjoni ta’ rekords bil-miktub tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq bastimenti tal-bhejjem, dwar pjanijiet ta’ kontinġenza għall-bastimenti tal-bhejjem fil-każ ta’ emerġenzi, dwar l-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem u dwar ir-rekwiżiti minimi applikabbli għall-punti ta’ ħruġ

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jispezzjonaw il-bastimenti tal-bhejjem qabel kwalunkwe tqandil ta’ annimali domestiċi. B’mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti jridu jivverifikaw li l-bastimenti jinbnew u jkunu mgħammra għan-numru u għat-tip ta’ annimali li għandhom jiġu ttrasportati u li l-apparat imsemmi fil-Kapitolu IV tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament jibqa’ fi stat ta’ ħidma tajba.

(2)

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bħalissa jirreġistraw iċ-ċertifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tal-vetturi tal-bhejjem fil-bażijiet tad-data elettroniċi tagħhom stess, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn ma għandhomx aċċess għalihom. Filwaqt li verifika dokumentarja ma tistax tissostitwixxi l-ispezzjoni fiżika tal-bastiment innifsu, eżami, bħala parti minn kontroll uffiċjali, tad-dettalji taċ-ċertifikazzjoni miżmuma fiċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni ta’ bastiment, jista’ jipprovdi xi informazzjoni dwar il-konformità tal-bastiment mar-rekwiżiti tal-Kapitolu IV, it-Taqsima 1, tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Għalhekk, l-applowdjar u l-ħżin taċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni flimkien ma’ kwalunkwe dettall taċ-ċertifikazzjoni f’bażi tad-data elettronika komuni jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw din l-informazzjoni sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv u jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom meta jwettqu kontroll uffiċjali.

(3)

Id-dettalji taċ-ċertifikazzjoni, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jirreġistraw fil-bażi tad-data elettronika unika, jenħtieġ li jinkludu d-data ta’ skadenza taċ-ċertifikati, l-informazzjoni dwar l-erja massima tal-wiċċ disponibbli għall-annimali u t-tip ta’ annimali li jistgħu jittrasportaw il-bastimenti. Dak jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu kontrolli uffiċjali jivvalutaw jekk l-approvazzjoni hijiex valida fiż-żmien tal-kontroll u jekk il-bastiment huwiex tajjeb għat-trasport tal-annimali inkwistjoni.

(4)

Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jintegra f’qafas leġiżlattiv uniku r-regoli applikabbli għall-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari.

(5)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jfasslu rekords ta’ kull kontroll uffiċjali mwettaq bil-karta jew f’forma elettronika. Dan jelenka wkoll l-informazzjoni li dawn ir-rekords għandhom jinkludu. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu rreġistrati l-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 qabel it-tqandil ta’ ekwidi domestiċi u annimali domestiċi ta’ speċijiet bovini, ovini, kaprini jew porċini fuq bastimenti tal-bhejjem.

(6)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħrajn, ir-rekord tal-passat tal-operaturi fir-rigward tal-eżitu tal-kontrolli uffiċjali u l-konformità tagħhom mar-regoli tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 1/2005. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx aċċess għall-eżitu tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn. Madankollu, dawn ir-rekords huma meħtieġa sabiex jittieħdu deċiżjonijiet infurmati tajjeb meta jitwettqu spezzjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005. Għalhekk, għall-implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita bażi tad-data elettronika komuni li tiġbor u tikkondividi d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem u l-eżitu tal-istorja tal-ispezzjoni tagħhom. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw malajr din l-informazzjoni, inaqqsu l-piż amministrattiv u jiffaċilitaw ix-xogħol tagħhom meta jwettqu kontroll uffiċjali.

(7)

Skont id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istati Membri kollha b’portijiet marittimi għandhom l-obbligu li jwettqu spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port tal-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tagħhom. Ir-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port huma oġġettivi u verifikabbli, u jistgħu jkunu rilevanti għall-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, bħal nuqqasijiet identifikati relatati mal-impermeabbiltà, mal-ventilazzjoni, mal-kapaċità ta’ żamma f’wiċċ l-ilma jew mat-tagħmir tat-tifi tan-nar. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu inklużi r-riżultati rilevanti disponibbli pubblikament tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port fil-bażi tad-data elettronika komuni.

(8)

Il-Kummissjoni wettqet sensiela ta’ awditi fuq is-sistemi ta’ kontroll uffiċjali tal-Istati Membri sabiex tipproteġi l-benessri tal-annimali matul it-trasport bil-baħar lejn pajjiżi terzi li jużaw bastimenti tal-bhejjem. Wara l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet fis-sistemi tal-Istati Membri ta’ kontrolli uffiċjali fuq l-awtorizzazzjoni tat-trasportaturi tal-baħar bħala riżultat ta’ dawn l-awditi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw li l-pjanijiet ta’ kontinġenza ppreżentati mit-trasportaturi skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jiġu adattati sabiex jittrattaw l-emerġenzi ewlenin li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ ikkonċernat.

(9)

Sabiex ikun hemm biżżejjed żmien sabiex tiġi vvalutata l-informazzjoni li tinsab fid-dokumentazzjoni li tkun waslet mingħand applikant għal ċertifikat ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, sabiex issir tħejjija għal spezzjoni fiżika bir-reqqa ta’ bastiment tal-bhejjem u sabiex jiġi vverifikat jekk bastiment tal-bhejjem jikkonformax mar-rekwiżiti għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni, l-applikant jenħtieġ li jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti l-applikazzjoni għall-approvazzjoni mill-inqas 20 jum qabel id-data tal-ispezzjoni tal-bastiment tal-bhejjem.

(10)

Abbażi tal-esperjenza tagħhom tat-trasport tal-annimali bil-bastimenti tal-bhejjem, l-esperti tal-Istati Membri, inklużi l-punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport, fl-2014 żviluppaw dokument tan-network (4), sabiex jipprovdi gwida għall-kontrolli uffiċjali tal-benessri tal-annimali waqt l-esportazzjoni minn bastimenti tal-bhejjem, kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1/2005 (“id-dokument tan-network”). Il-linji gwida fid-dokument tan-network ġew aġġornati f’Jannar 2020 fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-dokument tan-network u tal-awditi tal-Kummissjoni.

(11)

L-ispetturi mill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu spezzjonijiet fuq il-bastimenti tal-bhejjem huma fil-biċċa l-kbira veterinarji uffiċjali. Il-kompetenza veterinarja waħedha ma hijiex biżżejjed biex jiġi vverifikat il-funzjonament tas-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni tal-bastimenti tal-bhejjem li jista’ jkollhom impatt fuq il-benessri tal-annimali li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati. Kif propost fid-dokument tan-network, it-timijiet li jwettqu spezzjonijiet għall-fini tal-għoti ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jenħtieġ li jikkonsistu minn veterinarji uffiċjali u minn esperti marittimi b’għarfien espert xieraq dwar dawk is-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni u esperjenza prattika tat-tħaddim tal-bastimenti tal-bhejjem.

(12)

L-approvazzjoni ta’ bastiment tal-bhejjem prevista fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 jew it-tiġdid ta’ tali approvazzjoni jenħtieġ li jkun soġġett għar-riżultati ta’ spezzjoni minn veterinarju uffiċjali abbord l-ewwel vjaġġ b’kunsinni ta’ annimali sabiex jiġi vverifikat li s-sistemi mekkaniċi u ta’ ġestjoni tal-bastiment tal-bhejjem ma humiex ta’ detriment għall-benessri tal-annimali abbord matul il-vjaġġ.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-annimali ttrasportati jew minn Stati Membri oħrajn jew fi vjaġġi twal bit-triq mill-post tat-tluq tagħhom sal-punti tal-ħruġ fil-portijiet tal-baħar ikunu jistgħu jinħattu b’mod sikur u jiġu mitmugħa, jingħataw l-ilma u jitħallew jistrieħu, jenħtieġ li jkun disponibbli tal-anqas post ta’ kontroll wieħed imsemmi fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 (5) fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet tal-baħar, jew f’distanza ta’ sagħtejn bit-triq mill-punt ta’ ħruġ ikkonċernat.

(14)

Sabiex l-Istati Membri jallokaw persunal u riżorsi għall-kompiti u għall-obbligi l-ġodda stabbiliti f’dan ir-Regolament, biex jiżguraw adattament bla xkiel u uniformi għar-regoli l-ġodda, u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom biżżejjed żmien biex jibnu postijiet ta’ kontroll fil-punti ta’ ħruġ, jekk ikun meħtieġ, l-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, dwar il-preżenza ta’ veterinarju abbord, u l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, dwar il-postijiet ta’ kontroll fil-punti ta’ ħruġ, għandhom japplikaw biss mill-1 ta’ Jannar 2024.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament:

(a)

jistabbilixxi regoli dettaljati meħtieġa għat-twettiq tal-ispezzjonijiet previsti fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

(b)

jispeċifika l-kontenut tal-pjanijiet ta’ kontinġenza msemmija fl-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 meta dawn jirreferu għall-bastimenti tal-bhejjem;

(c)

jispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-punti ta’ ħruġ meta dawn ikunu portijiet tal-baħar.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “spezzjoni ta’ kontroll mill-Istat tal-port” tfisser spezzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-port f’konformità mad-Direttiva 2009/16/KE.

Artikolu 3

Bażi tad- data elettronika

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa u tiżgura l-funzjonament, il-manutenzjoni, l-appoġġ u kwalunkwe aġġornament jew żvilupp ulterjuri meħtieġ ta’ bażi tad-data elettronika.

2.   Il-bażi tad-data elettronika għandu jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa għall-ispezzjonijiet meħtieġa mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, inkluż:

(a)

id-dettalji taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jidentifikaw malajr il-bastimenti tal-bhejjem;

(b)

ir-rekords tal-ispezzjonijiet tal-passat imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq il-bastimenti tal-bhejjem għall-finijiet tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005;

(c)

informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port.

3.   Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri aċċess għall-bażi tad-data elettronika għall-finijiet tal-Artikoli 4, 5 u 6.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jaħtru tal-anqas amministratur nazzjonali kull wieħed u jikkomunikaw dik il-ħatra u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu lill-Kummissjoni. Dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe bidla fir-rigward tal-amministraturi nazzjonali.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għad-data u għad-dokumenti li jdaħħlu jew jipproduċu fil-bażi tad-data.

Artikolu 4

Reġistrazzjoni taċ-ċertifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirreġistraw iċ-ċertifikazzjonijiet tal-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem imsemmija fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 fil-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Iċ-ċertifikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-data ta’ skadenza taċ-ċertifikati, informazzjoni dwar l-erja massima tal-wiċċ disponibbli għall-annimali għal kull gverta u t-tip ta’ annimali li jistgħu jittrasportaw il-bastimenti.

Artikolu 5

Reġistrazzjoni tal-ispezzjonijiet

1.   Wara spezzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirreġistraw, mingħajr dewmien żejjed, l-ispezzjoni imwettqa fuq il-bastimenti tal-bhejjem skont l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 fil-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-rekords tal-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun fihom l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 6

Aċċess għaċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tal-bastimenti tal-bhejjem u r-rekords ta’ spezzjoni preċedenti

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bażi tad-data elettronika msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament tagħmilha possibbli li tiġi rkuprata kwalunkwe data rilevanti rreġistrata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rreġistrata fil-bażi tad-data elettronika meħtieġa biex:

(a)

jivverifikaw li l-bastimenti tal-bhejjem ikollhom ċertifikat ta’ approvazzjoni validu;

(b)

iwettqu deċiżjonijiet infurmati sew meta jispezzjonaw il-bastimenti tal-bhejjem matul it-tqandil għall-finijiet tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005.

Artikolu 7

Pjanijiet ta’ kontinġenza f’każ ta’ emerġenzi għall-bastimenti tal-bhejjem

Il-pjanijiet ta’ kontinġenza fil-każ ta’ emerġenzi, sottomessi minn trasportaturi li beħsiebhom jittrasportaw annimali bil-baħar permezz ta’ bastimenti tal-bhejjem skont l-Artikolu 11(1), il-punt (b)(iv), tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, għandhom jinkludu analiżi tar-riskju tal-perikli l-aktar probabbli għall-benessri tal-annimali relatati ma’ tali vjaġġi.

Artikolu 8

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ bastimenti tal-bhejjem

L-applikant għandu jibgħat lill-awtoritajiet jew lill-korp kompetenti rilevanti maħtura minn Stat Membru l-applikazzjoni għaċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni għal bastiment tal-bhejjem f’konformità mal-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 mill-inqas 20 jum tax-xogħol qabel id-data tal-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 19(1), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 9

Timijiet ta’ spetturi għall-bastimenti tal-bhejjem

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet għall-fini tal-għoti ta’ ċertifikat ta’ approvazzjoni, previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1/2005, jitwettqu minn tim ta’ spetturi.

2.   Tim ta’ spetturi għandu jinkludi mill-inqas:

(a)

veterinarju uffiċjali; u

(b)

espert marittimu awtorizzat mill-awtoritajiet marittimi tal-Istat Membru.

3.   L-espert marittimu msemmi fil-paragrafu 2, il-punt (b), għandu jissodisfa, bħala minimu, wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

kwalifiki xierqa minn istituzzjoni tal-baħar jew nawtika rikonoxxuta mill-Istati Membri u esperjenza ta’ tbaħħir rilevanti bħala uffiċjal tal-bastiment ċertifikat li jkollu ċertifikat validu ta’ kompetenza STCW II/2 jew III/2 previst fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (STCW) u li ma humiex limitati fir-rigward taż-żona operazzjonali, tal-qawwa tal-propulsjoni jew tat-tunnellaġġ;

(b)

eżami komplet bħala perit navali, inġinier mekkaniku jew inġinier relatat mal-qasam marittimu, li huwa rikonoxxut mill-awtoritajiet marittimi responsabbli, u li ħadem f’dik il-kapaċità għal mill-inqas ħames snin; jew

(c)

grad universitarju rilevanti jew grad ekwivalenti minn istituzzjoni terzjarja, f’qasam rilevanti tal-inġinerija jew tax-xjenza, rikonoxxut mill-Istat Membru.

Artikolu 10

Kontrolli uffiċjali minn veterinarju uffiċjali abbord il-bastimenti tal-bhejjem

1.   Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq kontrolli uffiċjali abbord bastiment tal-bhejjem matul l-ewwel vjaġġ sħiħ tal-bastiment b’kunsinni ta’ annimali wara l-approvazzjoni tal-bastiment tal-bhejjem prevista fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2005 u qabel it-tiġdid ta’ tali approvazzjoni.

2.   L-approvazzjoni tal-bastiment tal-bhejjem għandha tiġi sospiża sakemm:

(a)

il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 juru li l-kostruzzjoni u l-apparat tal-bastiment tal-bhejjem ma humiex ta’ detriment għall-benessri tal-annimali abbord; u

(b)

jittieħdu miżuri korrettivi effettivi mit-trasportatur jekk ir-riżultati tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jidentifikaw kwalunkwe nuqqas ieħor.

3.   Għat-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1, il-veterinarju uffiċjali għandu jimla rapport tal-kontrolli mwettqa abbord matul il-vjaġġ, f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness.

Artikolu 11

Rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fil-punti ta’ ħruġ fil-portijiet

Meta l-operazzjonijiet jinvolvu t-trasport ta’ annimali bit-triq minn Stati Membri oħrajn jew vjaġġi twal bit-triq mill-post tat-tluq lejn il-portijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-postijiet ta’ kontroll approvati għall-kategoriji rilevanti ta’ annimali, f’konformità mal-Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 1255/97, huma disponibbli f’punti ta’ ħruġ fil-portijiet tal-baħar jew jinsabu fi vjaġġ ta’ sagħtejn bit-triq mill-punt ta’ ħruġ ikkonċernat.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 10 u 11 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(4)  Dokument tan-Network dwar il-Bastimenti tal-Bhejjem, disponibbli fuq https://circabc.europa.eu/ui/group/f41c4e1d-22a1-4e7b-aa31-cd16f126037d/library/d1bdd5a7-2e73-4f9a-97e2-c0975fc713a1/details

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/KEE (ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1).


ANNESS

RAPPORT TA’ KONTROLLI FIŻIĊI ABBORD MATUL IL-VJAĠĠ

(imsemmija fl-Artikolu 10)

1.

Ġenerali

Isem il-Bastiment

In-Numru tal-IMO tal-bastiment

Il-pajjiż tal-approvazzjoni/tat-tiġdid tal-approvazzjoni

Id-data tal-approvazzjoni/tat-tiġdid tal-approvazzjoni

Isem il-Kaptan

In-Numru taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni

2.

It-tip tal-vjaġġ

L-ewwel vjaġġ wara l-approvazzjoni

L-ewwel vjaġġ wara l-approvazzjoni mill-ġdid

3.

Tluq u Destinazzjoni

3.1.

Il-punt ta’ ħruġ u l-pajjiż ta’ TLUQ

3.2.

Post u pajjiż ta’ DESTINAZZJONI

3.1.1.

Data

3.1.2.

Ħin

3.2.1.

Data

3.2.2.

Ħin

3.1.3.

Speċijiet u kategoriji

3.1.4.

Għadd ta’ annimali skont l-ispeċi

3.1.5.

Piż totali stmat tal-kunsinna (f’kg)

4.

Kundizzjonijiet abbord il-gverti għall-annimali matul il-vjaġġ

4.1.

L-ogħla temperatura rreġistrata

4.2.

L-ogħla umdità relattiva rreġistrata

4.3.

L-ogħla livell ta’ ammonijaka rreġistrata

5.

Il-funzjonament tas-sistemi li jaffettwaw il-benessri tal-annimali

5.1.

Ventilazzjoni

Iva

Nru

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.2.

Drenaġġ

Iva

Nru

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.3.

Dawl biżżejjed għall-ispezzjoni tal-annimali

Iva

Nru

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.4.

Produzzjoni tal-ilma ħelu, jekk applikabbli

Iva

Nru

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.5.

Għalf u ilma

Iva

Nru

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.6.

L-għadd ta’ annimali li mardu/indarbu matul il-vjaġġ

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.7.

L-għadd ta’ annimali li mietu matul il-vjaġġ u l-għadd ta’ annimali ewtanizzati

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

5.8.

Pajjiżi oħrajn

Instabu anomaliji

Miżuri korrettivi (jekk applikabbli)

6.

L-Awtorità li Toħroġ ir-Rapport

6.1.

Isem l-Awtorità

6.2.

Indirizz tal-Awtorità

6.3.

Telefown tal-Awtorità

6.4.

Email tal-Awtorità

6.5.

Data

6.6.

Post

6.7.

Isem u firma tal-veterinarju uffiċjali

6.8.

Timbru