|
15.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 47/29 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/334
tat-2 ta’ Frar 2023
li jemenda l-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwi għall-klotijanidin u t-tijametossam f’ċerti prodotti jew fuqhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1)(a), l-Artikolu 18(1)(b) u l-Artikolu 49(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-livelli massimi tar-residwi (MRLs) għall-klotijanidin u t-tijametossam ġew stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) irrieżaminat dawn l-MRLs f’konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (2) u rrakkomandat MRLs li nstabu li kienu sikuri għall-konsumaturi. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/156 (3) inkluda dawn l-MRLs fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005. Uħud minn dawn l-MRLs kienu bbażati fuq il-limiti massimi tar-residwi tal-Codex (CXLs) u diġà ġew inklużi fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 permezz ta’ emendi preċedenti (4). |
|
(2) |
Fil-11 ta’ Lulju 2015 (5), il-Kummissjoni Codex Alimentarius (CAC) adottat sett ġdid ta’ CXLs għall-klotijanidin u t-tijametossam. Peress li l-Awtorità sabet li kienu sikuri għall-konsumaturi fl-Unjoni (6), ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/671 (7) inkludihom fir-Regolament (KE) Nru 396/2005. |
|
(3) |
Il-klotijanidin u t-tijametossam ġew inklużi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (8) fl-1 ta’ Awwissu 2006 u fl-1 ta’ Frar 2007, rispettivament, u għalhekk, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). L-aktar valutazzjonijiet tar-riskju reċenti (10) (11) għan-naħal mill-esponiment għal dawn is-sustanzi mwettqa mill-Awtorità skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, sabu li minħabba l-proprjetajiet intrinsiċi tagħhom, l-esponiment mill-użu fil-beraħ tal-klotijanidin u t-tijametossam wassal għal riskji inaċċettabbli għan-naħal, u dawn ir-riskji ma setgħux jiġu esklużi abbażi tad-data disponibbli. Għalhekk, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 (12) u (UE) 2018/785 (13) irrestrinġew l-approvazzjoni tal-klotijanidin u tat-tijametossam rispettivament, għall-użi f’serer permanenti biss u kienu jirrikjedu li l-għelejjel li jirriżultaw jibqgħu f’serra permanenti tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. |
|
(4) |
Wara l-adozzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, ġew irtirati l-applikazzjonijiet kollha għat-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanzi attivi klotijanidin u tijametossam. Għalhekk, l-approvazzjoni tal-klotijanidin skadiet fil-31 ta’ Jannar 2019 u l-approvazzjoni tat-tijametossam skadiet fit-30 ta’ April 2019. |
|
(5) |
Fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju tal-Awtorità rigward in-naħal u l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli, bħalissa m’hemm l-ebda evidenza li tippermetti li xi użu fil-beraħ tal-klotijanidin u t-tijametossam jitqies bħala sikur għan-naħal. Madankollu, fi kwalunkwe waqt, il-produtturi tas-sustanzi jistgħu jippreżentaw informazzjoni addizzjonali, kif previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, li turi li l-użi fil-beraħ tal-klotijanidin u t-tijametossam huma sikuri għan-naħal. Jekk tiġi ppreżentata, dik l-informazzjoni tiġi rieżaminata fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak ir-Regolament. S’issa ma ġiet ippreżentata l-ebda informazzjoni ta’ dan it-tip. |
|
(6) |
L-effetti negattivi tal-klotijanidin u t-tijametossam fuq in-naħal huma marbuta direttament mal-proprjetajiet intrinsiċi ta’ dawk is-sustanzi. Għalhekk, ir-riskji għan-naħal mill-użi fil-beraħ ta’ dawn is-sustanzi x’aktarx li ma jkunux limitati għall-Unjoni. |
|
(7) |
Hemm korp sostanzjali ta’ evidenza li turi li s-sustanzi attivi li huma neonikotinojdi, bħall-klotijanidin u t-tijametossam, għandhom rwol importanti fit-tnaqqis tan-naħal u ta’ dakkara oħra fid-dinja kollha. Fir-rapport tal-valutazzjoni tagħha tal-2016 (14), il-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi dwar id-dakkara, id-dakkir u l-produzzjoni tal-ikel, ikkonkludiet li n-neonikotinojdi (bħall-klotijanidin u t-tijametossam) għandhom effetti negattivi fuq in-naħal u dakkara oħra. L-impatt tan-neonikotinojdi fuq il-ħajja selvaġġa ilu vvalutat mit-Task Force dwar il-Pestiċidi Sistemiċi tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) mill-2012. Il-Valutazzjoni Integrata fid-Dinja kollha tal-Impatt tal-Pestiċidi Sistemiċi fuq il-Bijodiversità u l-Ekosistemi (WIA) eżaminat 1 121 studju xjentifiku u r-riżultati jindikaw li l-popolazzjonijiet tad-dakkara huma vulnerabbli ħafna għal-livelli eżistenti ta’ tniġġis bin-neonikotinojdi u x’aktarx ikollhom firxa wiesgħa ta’ impatti bijoloġiċi u ekoloġiċi negattivi fuq skala kbira (15). Rieżami reċenti tal-għarfien xjentifiku eżistenti kkorrobora din il-konklużjoni li tindika li l-użu tan-neonikotinojdi qed iwassal għat-tnaqqis fil-popolazzjoni tad-dakkara f’reġjuni differenti tad-dinja (16). |
|
(8) |
Mindu daħlet fis-seħħ il-projbizzjoni fuq l-użi fil-beraħ tal-klotijanidin u t-tijamettosam fl-Unjoni, diversi pajjiżi barra l-Unjoni rrestrinġew ukoll l-użu tal-klotijanidin u t-tijametossam biex jipproteġu d-dakkara, inkluż in-naħal (17) (18) (19). Pajjiżi oħra bħalissa qed jevalwaw mill-ġdid l-approvazzjoni tagħhom ta’ dawn is-sustanzi attivi (20) (21) (22). |
|
(9) |
Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 f’konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 (23) jistabbilixxi dispożizzjonijiet relatati mal-livelli massimi tar-residwi tal-pestiċidi fl-ikel u l-għalf li joriġina mill-pjanti u mill-annimali jew fuqhom. F’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament imsemmi l-aħħar, il-liġi dwar l-ikel għandha ssegwi wieħed mill-objettivi ġenerali jew aktar ta’ livell għoli tal-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, inkluż prattiki ġusti fil-kummerċ tal-ikel, filwaqt li fejn xieraq, titqies il-protezzjoni tas-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-ambjent. |
|
(10) |
Qed jiżdied it-tħassib fid-dinja kollha li t-tnaqqis tad-dakkara huwa theddida serja għall-bijodiversità globali, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għaż-żamma tal-produttività agrikola u s-sigurtà tal-ikel. Skont l-Inizjattiva Internazzjonali għall-Konservazzjoni u l-Użu Sostenibbli tad-Dakkara (24), tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, id-dakkir huwa wieħed mill-aktar mekkaniżmi importanti fil-manutenzjoni u l-promozzjoni tal-bijodiversità u, b’mod ġenerali, tal-ħajja fid-dinja. Ħafna ekosistemi, inkluż l-agroekosistemi u żewġ terzi tal-għelejjel tal-ikel ewlenin jiddependu fuq id-dakkara għall-kwalità jew għar-rendiment. L-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) tappella għal azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-ixprunaturi tat-tnaqqis tad-dakkara għall-fini tal-produzzjoni globali sostenibbli tal-ikel (25). Il-frott, il-ħaxix, il-ġewż u ż-żrieragħ, li huma dipendenti ħafna fuq id-dakkir, huma l-kontributuri djetetiċi ewlenin tal-mikronutrijenti meħtieġa biex jiġi evitat ir-riskju ta’ xi mard mhux komunikabbli fil-bnedmin (26) (27). Għalhekk, id-dakkara huma importanti biex tiġi żgurata d-diversità fid-dieta u biex titnaqqas it-theddida għall-bijodiversità fl-ambjent globali. |
|
(11) |
Peress li t-tnaqqis fid-dakkara huwa kwistjoni ta’ tħassib internazzjonali, il-miżuri tal-Unjoni jeħtieġ li jiġu adottati biex jipproteġu l-popolazzjonijiet tad-dakkara fid-dinja kollha, inkluż in-naħal, mir-riskji tas-sustanzi attivi, bħan-neonikotinojdi klotijanidin u tijametossam. Il-preżervazzjoni tal-popolazzjoni tad-dakkara fl-Unjoni biss ma tkunx biżżejjed biex treġġa’ lura t-tnaqqis dinji fil-popolazzjonijiet tad-dakkara u l-effetti tiegħu fuq il-bijodiversità, il-produzzjoni agrikola u s-sigurtà tal-ikel, anki fl-Unjoni. |
|
(12) |
F’konformità mal-Artikolu 3(2)(d) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, l-MRLs għall-klotijanidin u t-tijametossam kienu bbażati fuq il-Prattiki Agrikoli Tajbin (GAPs) kif definiti fl-Artikolu 3(2)(a) ta’ dak ir-Regolament, li b’mod partikolari qies l-effiċjenza fil-ġlieda kontra l-pesti tal-pjanti, u l-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa pubblika fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom dawk is-sustanzi. L-MRLs li jirriżultaw minn dawn il-GAPs tqiesu sussegwentement u nstabu sikuri għall-konsumaturi fl-Unjoni. Issa jixraq li r-rispons regolatorju s’issa jiġi kkomplementat billi fih jiġu integrati aħjar il-kunsiderazzjonijiet ambjentali li jqisu b’mod partikolari jekk il-GAPs użati fil-passat għall-istabbiliment tal-MRLs jiżgurawx biżżejjed protezzjoni tal-ambjent, abbażi tal-għarfien attwali. Il-GAPs li jinvolvu l-użi fil-beraħ tal-klotijanidin u t-tijametossam mhumiex aċċettabbli, fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, minħabba l-effetti tagħhom fuq in-naħal. Minħabba n-natura globali tat-tnaqqis fid-dakkara, hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li anki l-komoditajiet importati fl-Unjoni ma jkunx fihom residwi li jirriżultaw mill-GAPs ibbażati fuq l-użi fil-beraħ tal-klotijanidin u/jew tat-tijametossam, sabiex jiġi evitat it-trasferiment tal-effetti negattivi fuq in-naħal mill-produzzjoni tal-ikel fl-Unjoni għall-produzzjoni tal-ikel f’partijiet oħra fid-dinja li wara jiġi importat lejn l-Unjoni (28). Dan huwa xieraq biex jiġi żgurat li l-prodotti kollha prodotti jew ikkonsmati fl-Unjoni jkunu ħielsa mill-klotijanidin u mit-tijametossam u l-produzzjoni ma tkunx assoċjata mal-mortalità tad-dakkara. Fid-dawl ta’ dan, is-CXLs ibbażati fuq il-GAPs li ma jiksbux il-livell xieraq tal-protezzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li ma jibqgħux jiġu previsti bħala MRLs skont ir-Regolament (KE) Nru 396/2005. |
|
(13) |
Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet kollha għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-klotijanidin u/jew it-tijametossam fl-Unjoni ġew irrevokati. Għalhekk jixraq li jitħassru l-MRLs korrispondenti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, f’konformità mal-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament flimkien mal-Artikolu 14(1)(a). |
|
(14) |
Għalhekk, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti għall-kwistjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2), moqri fid-dawl tal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jirrikjedi li “il-ħtiġijiet għall-ħarsien tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-attivitajiet tal-Unjoni, partikolarment bl-għan li jinkoraġġixxu żvilupp sostenibbli”, l-MRLs kollha attwali għall-klotijanidin u/jew għat-tijametossam kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 396/2005 jenħtieġ li jitnaqqsu għal-Limitu ta’ Determinazzjoni (LODs). |
|
(15) |
Il-Kummissjoni kkonsultat lil-laboratorji ta’ referenza tal-Unjoni Ewropea dwar l-LODs speċifiċi għal kull prodott li jistgħu jinkisbu b’mod analitiku. Dawk l-LODs jenħtieġ li jiġu elenkati fl-Anness V f’konformità mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 396/2005. |
|
(16) |
Is-sħab kummerċjali tal-Unjoni ġew ikkonsultati dwar l-MRLs il-ġodda permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u tqiesu l-kummenti tagħhom. |
|
(17) |
Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan. |
|
(18) |
Sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati, ipproċessati u kkunsmati b’mod normali, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi arranġament tranżizzjonali għall-prodotti li jkunu ġew prodotti fl-Unjoni jew importati fiha qabel il-modifika tal-MRLs u li għalihom l-informazzjoni turi li għat-tali prodotti li jikkonformaw mal-MRLs eżistenti, inżamm livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. |
|
(19) |
Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma japplikaw l-MRLs modifikati, sabiex l-operaturi fil-pajjiżi terzi, speċjalment fil-pajjiżi l-anqas żviluppati u f’dawk li qed jiżviluppaw, u l-operaturi tan-negozju tal-ikel, ikunu jistgħu jħejju ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li se jirriżultaw mill-modifika tal-MRLs. Dan l-adattament tal-prattiki agrikoli jista’ jkun raġonevolment mistenni li jinkiseb wara mill-inqas żewġ staġuni ta’ tkabbir. |
|
(20) |
Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-kummerċ internazzjonali, l-applikazzjonijiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni fir-rigward tal-klotijanidin jew it-tijametossam jistgħu jiġu ppreżentati skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 u jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni rilevanti biex juru li l-GAPs li japplikaw għall-użi speċifiċi tas-sustanzi attivi huma sikuri għad-dakkara. Jekk tiġi ppreżentata, dik l-informazzjoni tiġi vvalutata abbażi ta’ każ b’każ fil-perjodu ta’ żmien previst f’dak ir-Regolament. Fil-kuntest tal-valutazzjoni ta’ talba għal tolleranza għall-importazzjoni, jekk applikant jipprovdi evidenza xjentifika li dak l-użu ta’ dawn in-neonikotinojdi ma jkollux impatt negattiv fuq id-dakkara, u jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha, tolleranza tal-importazzjoni tista’ tiġi stabbilita mill-Kummissjoni. |
|
(21) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 kif kien qabel ma ġie emendat b’dan ir-Regolament għandu jibqa’ japplika għall-prodotti li ġew prodotti fl-Unjoni jew li ġew importati fl-Unjoni qabel il-7 ta’ Marzu 2026.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-7 ta’ Marzu 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Frar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(2) EFSA (Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2014. Reasoned opinion on the review of the existing maximum residue levels (MRLs) for clothianidin and thiamethoxam according to Article 12 of Regulation (KE) Nru 396/2005. EFSA Journal 2014;12(12):3918, 120 pp. doi:10.2903/j.efsa.2014.3918.
(3) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/156 tat-18 ta’ Jannar 2016 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwu għall-boskalid, il-klotijanidin, it-tijametossam, il-folpet u t-tolklofos-metil f’ċerti prodotti jew fuqhom (ĠU L 31 6.2.2016, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 441/2012 tal- 24 ta’ Mejju 2012 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwu għal bifenażat, bifentrina, boskalid, kadusafos, klorantraniliprol, klorotalonil, klotijanidin, ċiprokonażol, deltametrina, dikamba, difenokonażol, dinokap, etossażol, fenpirossimat, flubendiammid, fludiossonil, glifosat, metalaksil-M, meptildinokap, novaluron, tijametossam, u triażofos f’ċerti prodotti jew fuqhom (ĠU L 135, 25.5.2012, p. 4).
(5) Il-programm konġunt tal-FAO u tal-WHO dwar l-istandards tal-ikel tal-Kummissjoni Codex Alimentarius. L-Appendiċijiet III u IV. It-38 Sessjoni. Ġinevra, l-Iżvizzera, mis-6 sal-11 ta’ Lulju 2015.
(6) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Scientific support for preparing an EU position in the 47th Session of the Codex Committee on Pesticide Residues (CCPR). EFSA Journal 2015;13(7):4208 178 pp.. doi: 10.2903/j.efsa.2015.4208.
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/671 tas-7 ta’ April 2017 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwi għall-klotijanidin u t-tijametossam f’ċerti prodotti jew fuqhom (ĠU L 97, 8.4.2017, p. 9).
(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(10) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Peer review of the pesticide risk assessment for bees for the active substance clothianidin considering the uses as seed treatments and granules. EFSA Journal 2018;16(2):5177.
(11) L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Peer review of the pesticide risk assessment for bees for the active substance thiamethoxam considering the uses as seed treatments and granules. EFSA Journal 2018;16(2):5179.
(12) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/784 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva klotijanidin (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 35).
(13) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/785 tad-29 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva tijametossam (ĠU L 132, 30.5.2018, p. 40).
(14) IPBES (2016). The assessment report of the Intergovernmental Science-Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services on pollinators, pollination and food production. S.G. Potts, V. L. Imperatriz-Fonseca, u H. T. Ngo (eds). Segretarjat tal-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi, Bonn, il-Ġermanja. 552 paġna. https://doi.org/10.5281/zenodo.3402856
(15) IUCN SSC CEM Task Force on Systemic Pesticides. Worldwide Integrated Assessment. Peer reviewed scientific journal articles compiled in Environmental Science and Pollution Research” volum 22, ħarġa 1, Jannar 2015.
(16) Neonic Insecticides and Invertebrate Species Endangerment, Pierre Mineau. Module in Earth Systems and Environmental Sciences. 2021.
https://www.sciencedirect.com/science/article/pii/B9780128211397001264
(17) Health Kanada’s Pest Management Regulatory Agency. Re-evaluation Decision RVD2019-05, Clothianidin and Its Associated End-use Products: Pollinator Re-evaluation. Pest Management Regulatory Agency, il-11 ta’ April 2019 ISSN: 1925-0886.
(18) Health Kanada’s Pest Management Regulatory Agency. Re-evaluation Decision RVD2019-04,. Thiamethoxam and Its Associated End-use Products: Pollinator Re-evaluation. Pest Management Regulatory Agency, il-11 ta’ April 2019 ISSN: 1925-0886.
(19) Ministerio de Ganadería, Agricultura y Pesca de Paraguay. Resolución N° 503/019 DGSA Modificación de etiquetas para los Productos Fitosanitarios a base de los ingredientes activos Clotianidina, Imidacloprid, Tiametoxan y Clorpirifos. Diċembru 2019.
(20) Australian Pesticides and Veterinary Medicines Authority. Reconsideration of Neonicotinoid Approvals and Registrations. Commonwealth of Awstralja Gazette No. APVMA 23, Novembru 2019. https://apvma.gov.au/sites/default/files/apvma_gazette_23_19_november_2019.pdf
(21) New Zealand Environmental Protection Authority. Application to decide whether there are grounds for reassessment of the neonicotinoids clothianidin, thiamethoxam, imidacloprid, thiacloprid, and acetamiprid (APP203949). Diċembru 2019. https://www.epa.govt.nz/assets/FileAPI/hsno-ar/APP203949/APP203949_Final_Neonicotinoids_Decision_16-12-2019.pdf
(22) United States Environmental Protection Agency. Proposed Interim Registration Review Decision, Numri tal-każ 7620 u 7614. Numri tad-Dokumenti EPA-HQ-OPP-2011-0865 u EPA-HQ-OPP-2011-0581. Jannar 2020.
(23) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).
(24) https://www.cbd.int/doc/decisions/cop-14/cop-14-dec-06-en.pdf
(25) FAO. 2019. The State of the World’s Biodiversity for Food and Agriculture, J. Bélanger & D. Pilling (eds.). FAO Commission on Genetic Resources for Food and Agriculture Assessments. Ruma. 572 pp. https://www.fao.org/3/CA3129EN/CA3129EN.pdf
(26) Effects of decreases of animal pollinators on human nutrition and global health: a modelling analysis. MR Smith, GM Singh, D Mozaffarian, SS Myers. The Lancet 386, Ħarġa 10007; 2015. doi: 10.1016/S0140-6736(15)61085-6.
(27) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. COM (2021) 44. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/mt/TXT/?uri=COM%3A2021%3A44%3AFIN
(28) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent. COM (2020) 381. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52020DC0381
ANNESS
L-Annessi II u V tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 huma emendati kif ġej:
|
(1) |
fl-Anness II il-kolonni għall-klotijanidin u t-tijametossam jitħassru. |
|
(2) |
fl-Anness V il-kolonni għall-klotijanidin u t-tijametossam jiżdiedu: "Ir-residwi tal-pestiċidi u l-livelli massimi tar-residwi (mg/kg)
|
(*) Jindika limitu minimu ta’ kwantifikazzjoni analitika
(1) Għal-lista sħiħa tal-prodotti li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali li għalihom japplikaw l-MRLs, jenħtieġ li ssir referenza għall-Anness I"