|
24.1.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 22/15 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/158
tat-23 ta’ Jannar 2023
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 rigward ċerti pjanti għat-tħawwil tal-Prunus domestica u tal-Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4), l-ewwel subparagrafu tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tar-riskji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (2) jistabbilixxi lista ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra ta’ riskju għoli. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 (3) jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir valutazzjoni tar-riskji fuq il-pjanti, fuq il-prodotti tal-pjanti u fuq oġġetti oħra ta’ riskju għoli msemmija fl-Artikolu 42(4) tar-Regolament (UE) 2016/2031. |
|
(3) |
Wara valutazzjoni preliminari tar-riskji, fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 iddaħħlu 34 ġeneru u speċi waħda ta’ pjanti għat-tħawwil li joriġinaw mill-pajjiżi terzi kollha, bħala pjanti ta’ riskju għoli, li fosthom hemm il-ġeneru Prunus L.. |
|
(4) |
Fit-18 ta’ Ottubru 2019, l-Ukrajna ressqet talba lill-Kummissjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil li jkunu bl-għeruq mikxufin, inattivi, u mingħajr weraq, tal-Prunus domestica mlaqqma fuq is-salvaġġ tal-Prunus cerasifera. It-talba kienet sostnuta mid-dossier tekniku rilevanti. |
|
(5) |
Fis-17 ta’ Mejju 2022, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskji ta’ komodità tal-pjanti għat-tħawwil tal-Prunus domestica mill-Ukrajna (4). L-awtorità identifikat il-Lopholeucaspis japonica, l-Eotetranychus prunicola, l-Erwinia amylovora u x-Xanthomonas arboricola pv. pruni bħala pesti rilevanti għal dawk il-pjanti għat-tħawwil, evalwat il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji deskritti fid-dossier u stmat il-probabbiltà tal-ħelsien tal-komodità minn dawk il-pesti. |
|
(6) |
Il-Lopholeucaspis japonica huwa pest elenkat bħala pest ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (5). L-Erwinia amylovora u x-Xanthomonas arboricola pv. pruni huma elenkati bħala pesti ta’ kwarantina f’żona protetta u bħala pesti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness III u fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament rispettivament. |
|
(7) |
L-Eotetranychus prunicola għadu ma ddaħħalx fil-lista tal-pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni. Madankollu, abbażi tal-evidenza pprovduta mill-Istati Membri, l-impatt ta’ dak il-pest fuq il-pjanti li jospitawh fl-Unjoni mhuwiex sinifikanti. Għaldaqstant, ma huma meħtieġa l-ebda rekwiżiti tal-importazzjoni fir-rigward ta’ dak il-pest. |
|
(8) |
Abbażi tal-opinjoni tal-Awtorità, ir-riskju fitosanitarju mill-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-Prunus domestica mlaqqma fuq is-salvaġġ tal-Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna, jitqies aċċettabbli, dment li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-importazzjoni rispettivi stabbiliti fl-Anness VII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072. |
|
(9) |
Għalhekk, huwa xieraq li l-pjanti għat-tħawwil bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-Prunus domestica mlaqqma fuq is-salvaġġ tal-Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna ma għadhomx meqjusa pjanti ta’ riskju għoli. |
|
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(11) |
Jenħtieġ li sabiex ikun hemm konformità mal-obbligi tal-Unjoni li jirriżultaw mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Applikazzjoni ta’ Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (6), l-importazzjoni ta’ dawk il-komoditajiet tissokta kemm jista’ jkun malajr. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(12) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi lista proviżorja ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra ta’ riskju għoli, fis-sens tal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u lista ta’ pjanti li ma jeħtiġux ċertifikati fitosanitarji għall-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 10).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2018 tat-18 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward il-proċedura li trid tiġi segwita sabiex issir il-valutazzjoni tar-riskju ta’ pjanti b’riskju għoli, il-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fit-tifsira tal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 323, 19.12.2018, p. 7).
(4) Il-Bord tal-PLH tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti), 2022. Scientific Opinion on the commodity risk assessment of Prunus domestica plants from Ukraine. EFSA Journal 2022;20(6):7391, 76 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2022.7391
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1).
ANNESS
Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019
Fil-punt 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2019, fit-tieni kolonna tat-tabella “Deskrizzjoni”, l-entrata ta’ Prunus L. hija sostitwita b’dan li ġej:
“ Prunus L., għajr dawk bl-għeruq mikxufin, inattivi, mingħajr weraq tal-pjanti għat-tħawwil tal-Prunus domestica mlaqqma fuq is-salvaġġ ta’ Prunus cerasifera li joriġinaw mill-Ukrajna”.